11 ta’ Novembru: San Martin ta’ Tours

Verżjoni Vidjo: San Martin ta’ Tours

“Isqof qaddis, li minn qalbu ħabb lil Kristu s-sultan u ma beżax mill-kbarat setgħana tal-art! Ruħ ta’ qdusija liema bħalha, li għalkemm ma nfiridx mill-ġisem bis-sejf tal-moħqrija, iżda ma tilifx il-premju tal-martirju!” – Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Martin ta’ Tours 

1e87dd8e63a85c9ecac0a9b35c72aaeaSAN MARTIN TA’ TOURS
Isqof
316 – 397

Tagħrif: San Martin twieled fis-sena 316, minn ġenituri pagani f’Sabaria, l-Ungerija, fejn missieru li kien fizzjal fl-Armata Rumana kien stazzjonat. Ftit wara, missieru ġie trasferit f’Pavia, l-Italja.

Ta’ ħmistax-il sena, daħal fl-Armata Rumana, u xi sentejn wara ntbagħat f’Amiens, Franza. Hawn iltaqa’ ma’ wieħed fqir, li kien qed iterter bil-bard, ġietu ħniena minnu, qabad il-mantell li kellu fuqu, qasmu fi tnejn u tah biċċa. Bil-lejl kellu viżjoni li dak il-fqir kien Ġesù stess.

M’għaddiex żmien twil, meta ħalla l-Armata, u tgħammed. Wara mar Poitiers fejn ġie ordnat saċerdot minn San Ilarju, li kien Isqof ta’ Poitiers. San Martin talab lill-Isqof biex jagħtih biċċa art biex hemm ikun jista’ jgħix fis-solitudini. Hawn bdew jingħaqdu miegħu xi eremiti oħrajn, u bil-mod bena dak li kellu jkun l-ewwel monasteru ta’ Franza, ġo Linuge’, li malajr ifjorixxa.

Meta miet San Ilarju, in-nies bi ħġarhom marru għal San Martin, ġabuh u għamluh Isqof tagħhom fis-sena 371. Bħala Isqof baqa’ jgħix ħajja umli u sempliċi, iżda kien sod ħafna kontra l-eretiċi, għalkemm flimkien ma’ San Ambroġ kien kontra li l-eretiċi jiġu kkundannati għall-mewt.

Miet fit-8 ta’ Novembru 397, fl-età ta’ 81 sena. San Martin huwa l-ewwel Qaddis fil-Knisja tal-Punent, li ġie pubblikament ivvenerat qaddis, għalkemm ma kienx miet martri. Difnuh f’Tours. Fi Franza hemm madwar 4,000 knisja msemmijin għalih.

Il-kelma kappella ġejja mil-Latin “Cappella,” u din hi ġejja mill-Franċiż “Chapele.” Jgħidu li l-oratorju fejn kienet meqjuma l-kappa (bil-Franċiż Chape) li San Martin qasam mal-fqir iterter bil-bard, beda jissejjaħ “Chapele.”

Ħsieb: Dan qari mill-Ittri ta’ Sulpiċju Severu dwar Martin, fqir u umli:

“Martin kien jaf ħafna minn qabel jum il-mewt tiegħu, u, meta wasal, qal lil ħutu li dan il-jum kien ħafna fil-qrib. Ġara li kellu jmur iżur id-djoċesi ta’ Candes minħabba l-firda li kien hemm fost il-kleru: għalkemm kien jaf li kien wasal fi tmiem ħajtu. Xtaq iġib il-paċi fosthom u ma beżax jagħmel il-vjaġġ: qis li jkun tmiem tassew sabiħ għall-ħajja tiegħu ta’ tjieba kieku kellu jħalli l-Knisja fl-hena tas-sliem.

Wara li qagħad ftit taż-żmien f’dak ir-raħal, jew aħjar f’dik il-knisja, fejn kien mar, u rnexxielu jġib il-paċi bejn il-kleru ta’ hemm, meta beda jaħseb biex jerġa’ lura lejn il-monasteru ħass tonqoslu s-saħħa ta’ ġismu, sejjaħ ‘l ħutu u qalilhom li kien wasal biex imut. In-niket u l-biki ħakimhom ilkoll, u b’leħen wieħed, imbikkijin, bdew jgħidulu:

‘Għaliex, missier, se tħallina? Għaliex se titlaqna waħedna fin-niket tagħna? Ara lpup ħattafa se jaqbżu fuq il-merħla tiegħek: jekk ir-ragħaj ikun midrub, min se jeħlisna mill-qilla tagħhom? Nafu li int tixtieq ‘il Kristu, imma l-premju tiegħek hu fiż-żgur u ma titilfux jekk tiddawwar biex tiksbu: ikollok, mela, ħniena minna lkoll, li se tħalli waħedna.’

Imqanqal minn dan il-biki, li ġegħlu jagħdirhom kif dejjem għamel tul ħajtu kollha b’mogħdrija ġejja mill-fond tal-ħniena ta’ Alla, hu wkoll beda jibki – hekk qalulna – u dawwar wiċċu lejn Alla u, għall-kliem ta’ ħutu mbikkija, wieġeb biss b’dan il-kliem:

‘Mulej, jekk il-poplu tiegħek għad għandu bżonn is-servizz tiegħi, jien ma nwarrabx mit-toqol tax-xogħol. Ir-rieda tiegħek tkun magħmula, u jien niġġieled it-taqbida t-tajba. Madanakollu jekk inti tridni nkompli niġġieled fuq quddiem biex niddefendi l-kamp tiegħek, ma nitolbok qatt li niġi skużat waqt li saħħti tippermettili. Jien inkompli nagħmel ix-xogħol li fdajtli. Waqt li int tkompli tikkmanda, jien nibqa’ niġġieled taħt il-palju tiegħek.’

Raġel li jgħaġġbek, la nkedd mix-xogħol, lanqas reġa’ lura quddiem il-mewt; ma nġibidx la lejn naħa u lanqas lejn l-oħra; ma beżax mill-mewt, għalkemm ma ċaħadx li jibqa’ jgħix. Għajnejh u jdejh il-ħin kollu merfugħa lejn is-sema, ma kienx iħalli l-ispirtu qawwi tiegħu jehda mit-talb, u lill-qassisin li kienu madwaru, meta staqsewh iridhomx idawruh biex itaffulu l-uġigħ, weġibhom:

‘Ħalluni, ħuti, inħares lejn is-sema u mhux lejn l-art, biex ruħi tkun tħares lejn Alla meta tasal biex titlaq.’

Kif qal dan, ra x-xitan maġenbu: ‘X’qed tagħmel hawn,’ qallu, ‘bhima kollok dmija? Xejn ma ssib fija minn tiegħek, ja mejjet ħaj; jien sejjer fi ħdan Abraham.’

Kif qal dan il-kliem ruħu ttajret lejn is-sema. Martin, kollu ferħan, intlaqa’ fi ħdan Abraham. Martin, fqir u umli, daħal għani fis-sema.

San Martin ta’ Tours, kien imwieled fi ħdan il-paganiżmu, imma minn ċkunitu kien magħżul bħala Prinċep tal-Knisja; bħala isqof ta’ Tours, ħafna erwieħ nidmu u nħelsu mill-qawwa tal-ispirti ħżiena bil-ħila tat-talb, tat-tpattija u l-barkiet. Il-karità, it-talb u s-salvazzjoni tal-erwieħ fdati f’idejh, kienu t-tliet virtujiet li jiddominaw bis-sħiħ fil-ħajja ta’ San Martin. Wara kollox dawn huma l-pedamenti tal-qdusija fil-ħajja ta’ kull Nisrani.

  • U int, f’hiex int fil-karità? Qed tagħti minn dak li għandek u minnek innifsek f’servizz għal min jeħtieġ?
  • It-talb huwa l-prijorità f’ħajtek? Twarrab affarijiet inqas importanti biex tagħmel ħin għat-talb tiegħek ta’ kuljum?
  • Minbarra bit-talb, kif qed tgħin biex isalvaw aktar erwieħ, b’mod speċjali dawk li l-Mulej tak f’ħajtek? Qed tagħti eżempju tajjeb, xi kelma ta’ ġid jew tagħmel atti ta’ ħniena li jirriflettu l-imħabba ta’ Alla li hemm ġewwa fik?

Talba: O San Martin, li qsamt il-mant tiegħek biex tlibbes lill-Mulej tagħna li deher f’sura ta’ tallab, b’umiltà nitolbuk tidħol għalina quddiem Sidna Ġesù Kristu, u tagħtina l-għajnuna biex ikun jistħoqqilna l-grazzja u l-mogħdrija tal-Ispirtu s-Santu li jreġġgħana mid-dlam għad-dawl fis-Saltna eterna tiegħu. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2011/12/saint-martin-of-tours.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-martin-of-tours-50

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Martin_of_Tours

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

7 ta’ Settembru: San Klodoald

Verżjoni Vidjo: San Klodoald

“Jekk trid tkun perfett, mur, biegħ il-ġid li għandek, agħtih lill-foqra, u jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi warajja.” – Vers li qal Ġesù liż-żagħżugħ għani f’Mattew 19:21 li jmur sewwa mal-mod kif għażel li jgħix San Klodoald.

StCloudiconSAN KLODOALD
Abbati u Konfessur
522 – 560

Tagħrif: San Klodoald twieled fil-522. Huwa kien in-neputi ta’ Klovju, fundatur tar-Renju tal-Franki, u martu Santa Klotilde. Wara l-mewt tal-ġenituri tiegħu, kienet in-nanna (Klotilde, reġina armla) li ħadet ħsieb ta’ Klodoald u ż-żewġ ħutu subien. Wara l-mewt ta’ missieru, iz-zijiet ta’ Klodoald fittxew li jaħtfu t-tron ta’ missieru billi ppjanaw kif se joqtlu lil Klodoald u lil ħutu. Irnexxielhom joqtlu lil ħutu, filwaqt li Klodoald ħarab u mar ġo santwarju ma’ San Remiġju, l-Isqof ta’ Reims, li jinsab f’distanza qasira minn Pariġi. U hekk, Klodoald minn tfulitu sa żogħżitu kiber taħt il-gwida u l-protezzjoni tal-isqof qaddis u n-nanna qaddisa tiegħu.

Ftit li xejn huwa magħruf dwar il-ħajja ta’ Klodoald mill-età ta’ ħames snin sa tmintax-il sena. Huwa għex ħafna minn dawn is-snin mal-Isqof ta’ Reims, u l-aħħar snin ma’ San Severinu, eremita. Matul dawn is-snin ta’ formazzjoni, huwa qorob aktar lejn Alla permezz tas-silenzju u tas-solitudni. Għalkemm din l-istil ta’ ħajja kienet imġiegħlha fuqu minħabba l-attentat taz-zijiet fuq ħajtu, Klodoald kiber japprezza s-separazzjoni tiegħu mid-dinja u l-ħajja ta’ silenzju.

Fl-età ta’ għoxrin sena, San Klodoald ħalla l-ermitaġġ tiegħu, deher quddiem l-Isqof ta’ Pariġi mdawwar bil-mexxejja reliġjużi u ċivili u l-membri tal-familja rjali – il-familja rjali tiegħu. Klodoald kien prinċep u werriet tat-tron! Huwa deher liebes ħwejjeġ irjali u kellu mqass f’id waħda u ċoqqa fl-ieħor. Huwa offra ċ-ċoqqa lill-isqof li libbisielu bħala simbolu tar-rikkezzi “spiritwali” aktar milli dik “materjali”. Bl-imqass, l-isqof qata’ x-xagħar twil ta’ Klodoald, li kien simbolu tar-regalità tiegħu. Fis-silenzju u s-solitudni tal-ermitaġġ tiegħu, Klodoald stabbilixxa prijoritajiet f’ħajtu. Huwa kien jaf id-differenza bejn il-pjaċiri vera u dawk foloz.

Wara l-mewt tal-eremita San Severinu, Klodoald telaq mill-inħawi ta’ Pariġi biex isib aktar solitudni fil-foresta. Huwa fittex is-silenzju biex ikun jista’ jikkomunika ma’ Alla aktar mill-qrib filwaqt li jitlob għall-ħtiġijiet tan-nies. Alla wieġeb għat-talba tiegħu b’mod stramb billi bagħat lin-nies biex ifittxuh fil-foresta. Huma marru bil-mijjiet minħabba li semgħu li Klodoald kellu d-don tal-fejqan tal-ġisem u tar-ruħ. Il-ministeru tiegħu kien dak tal-fejqan u r-rikonċiljazzjoni.

Klodoald għex ħamest snin bħala eremita. Matul dawn is-snin, huwa qatta’ żmien jistudja l-Iskrittura. Dawn ma kinux snin moħlija għall-prinċep li kien ħarab mill-qorti rjali biex jgħix ħajja ddedikata lil Kristu! Għal din ir-raġuni l-artisti matul is-sekli dejjem urew lil Klodoald b’Bibbja f’idejh.

Għalkemm Klodoald qassam bosta rigali lill-oħrajn, kien hemm rigal wieħed li ma setax jagħtih – l-Ewkaristija, il-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu. In-nies irrikonoxxew dan, u ħafna ħeġġew lil Eusebju, Isqof ta’ Pariġi, biex jordna lil dan il-prinċep qaddis bħala saċerdot. L-isqof qabel ma’ dan u fis-sena 551 Klodoald ġie ordnat saċerdot għall-Knisja ta’ Pariġi. Hu sar ragħaj ta’ raħal żgħir li jikkonsisti minn rġiel u nisa foqra li kienu jistadu fix-xmara, u familji bl-irziezet fl-inħawi qrib Pariġi. Illum, ir-raħal (issa subborg ta’ Pariġi) jissejjaħ Saint Cloud.

Fir-raħal, San Klodoald uża d-doni tiegħu ta’ fejqan, ta’ pariri, ta’ predikazzjoni u ta’ ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija fil-ministeru tiegħu għall-poplu. Hekk kif għaddew is-snin, iz-zijiet ta’ San Klodoald nidmu minn dnubhom u rrikonċiljaw ruħhom man-neputi tagħhom. Dawn iz-zijiet, min-naħa tagħhom, taw lura lil Klodoald ħafna kastelli, ereditajiet u artijiet, imma huwa biegħ xi wħud minn dawn il-propjetajiet u qassam il-ġid tiegħu lill-foqra. Huwa rċieva permess mingħand l-Isqof Eusebju biex juża porzjon żgħir ta’ dak il-ġid biex jibni knisja bl-idejh stess, li ddedikaha lil San Martin ta’ Tours.

San Klodoald kien jirradja dak il-ferħ kbir ta’ qalb Kristjana mimlija bl-imħabba ta’ Alla. Ħafna rrikonoxxew dan fih u marru jgħixu ħdejh. Biż-żmien, sar mexxej u għalliem ta’ dawk li ssieħbu miegħu. Huma ffurmaw komunità reliġjuża, mhux bħal kunvent jew monasteru, imma assoċjazzjoni ta’ persuni li ddedikaw ruħhom għall-imħabba ta’ Alla u s-servizz tal-proxxmu. L-aħħar seba’ snin tal-ħajja tiegħu, San Klodoald għexhom f’din il-komunità marbuta mal-Knisja ta’ San Martin ta’ Tours. Imdawwar mill-komunità, miet fil-paċi fis-7 ta’ Settembru, tal-560, fl-età ta’ 38 sena.

San Klodoald, jew Clodoald sar l-isem ta’ diversi bliet u rħula. Dawn jinkludu s-subborg ta’ Saint Cloud ta’ Pariġi, u wara Saint Cloud, Minnesota, id-Djoċesi Kattolika tiegħu tqiegħdet taħt il-patroċinju tiegħu.

Ħsieb: Jispikka l-kuntrast qawwi bejn iz-zijiet li saħansitra waslu biex qatlu ħalli jaħtfu t-tron, u l-prinċep żagħżugħ li t-tron kien jgħajjat lilu imma li għażel li jgħix ‘l bogħod mill-ħajja ta’ lussu u ta’ poter! X’jasal jagħmel il-bniedem biex jakkwista kemm hu possibli flus u pożizzjoni tajba? Jaħseb li jekk fil-ħajja jkollu dawn it-tnejn, imbagħad jista’ jserraħ rasu minn kollox, u jgħix trankwill u jpappiha tajjeb.

  • Imma x’fettilu dan il-prinċep jibqa’ jiċħad għall-pożizzjoni bħal din?
  • Possibli li sab xi ħaġa aħjar milli jkollok il-flus, il-lussu, il-kumdità u pożizzjoni fejn tista’ tikkontrolla lin-nies?

Iva, tassew! Fi Kristu sab KULMA XTAQ LI JKOLLU! Fl-imħabba tal-Iben t’Alla, li:

“għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir; sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem; ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib.” (Filippin 2:6-8)

Meta wieħed verament, jabbanduna kull ħaġa li jaf li ma togħġobx lil Alla u jiftaħ qalbu għal dak li jrid minnu Alla, imbagħad jibda jduq u jagħmel esperjenza tanġibbli tal-imħabba, tal-ħniena, tal-mogħdrija, tal-ħlewwa, tat-tjubija, tal-ħeġġa, tas-sbuħija, tal-hena u tas-sliem ta’ Alla. Huwa l-Ispirtu t’Alla li jgħammar ġewwa fina li meta nħalluh jaħdem, jagħtina li:

“… nifhmu, flimkien mal-qaddisin kollha, x’inhu l-wisa’ u t-tul, l-għoli u l-fond tal-imħabba ta’ Kristu; nagħrfu kemm din l-imħabba ta’ Kristu tisboq kull għerf, biex nimtlew bil-milja kollha ta’ Alla. (Efesin 3:18-19)

U ladarba nimtlew bil-milja kollha ta’ Alla, tassew li xejn ma jkun jonqosna. Il-viżjoni tagħna tad-dinja u l-affarijiet materjali, tieħu xejra oħra. Qisu bħal donnu nilbsu nuċċali ġdid li jurina kollox b’mod differenti. Nibdew nagħrfu l-kobor u s-sbuħija ta’ din l-imħabba t’Alla li taqtalna l-għatx ta’ qalbna u kemm huma insinifikanti u ta’ xkiel l-affarijiet tad-dinja li jħalluk dejjem bil-għatx u b’qalb vojta. U tassew, li meta l-bniedem jakkwista dak li jkun ilu mxennaq għalih, wara ftit dan jindara u jibda jixxennaq u jara kif se jakkwista xi ħaġa oħra. Kif ġieli tisma’ li min jitkellem fuq min hu sinjur: “Għandu kollox u dejjem irid! Qatt mhu kuntent! M’għandux xebgħa!” Għalhekk, il-fatt li dan Klodoald irrifjuta l-ġid li kellu u tah lill-foqra, biex hu jkun jista’ jgħix ħajja kwieta u sempliċi, fqira imma sinjura fit-talb, iġiegħelna nirriflettu u nistaqsu lilna nfusna:

  • Jien tassew nemmen u nagħraf l-imħabba immensa li Alla għandu għalija hekk li sar bniedem bħali billi ħa l-mewt tas-salib bi tpattija għal dnubieti?
  • Jien infittex li ninħall minn rabtiet, vizzji, dnubiet u attitudnijiet ħżiena li jistgħu qed iżommu lil qalbi lsiera b’tali mod li ma tistax tirċievi l-imħabba sħiħa li biha Alla jrid ifawwarhieli?
  • Kemm qed inwarrab miż-żejjed tiegħi u anki minn dak li hu tiegħi, biex nagħtih lil min ma għandu kważi xejn u qed jgħix fil-faqar u l-miżerja?
  • Kemm qed nagħmel ħilti biex ma nattakkax qalbi mal-affarijiet ta’ din id-dinja li ma jissodisfawx lil qalbi bħalma jista’ jissodisfaha Alla bi mħabbtu?
  • Qed nagħti spazju biżżejjed għat-talb tiegħi ma’ Alla f’post kwiet jew f’xi knisja tal-adorazzjoni?
  • Kemm qed ninqata’ minn mal-oħrajn biex inkun nista’ nitlob għall-oħrajn għax nemmen li Alla jista’ jagħtihom dak li għandhom bżonn aktar milli nista’ nagħtihom jien?

Talba: San Klodoald, prinċep għaqli li llum tinsab issaltan ma’ Kristu li wkoll fi żmien għażel li jkun fqir u umli għall-imħabba tagħna, agħtina li bl-interċessjoni tiegħek għalina, nagħrfu sewwa kif ninqdew bil-ġid li jgħaddi hekk li naslu norbtu qalbna biss ma’ dak il-ġid li jibqa’ għal dejjem, hekk kif għamilt int. Ammen.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-cloud-708

Alternative reading: http://www.catholictradition.org/Saints/saints9-5.htm

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Clodoald