22 ta’ Ġunju: Madonna ta’ Pinu

Verżjoni Vidjo: Madonna ta’ Pinu

“Għid tliet Ave Marijiet f’ġieħ it-tlett ijiem li ġismi dam fil-qabar.” – Il-leħen ġej mill-kwadru tal-Madonna ta’ Pinu li semgħet Karmni Grima.

background.pngMadonna ta’ Pinu

Tagħrif: Illum f’Għawdex, fil-Bażilka tal-Madonna ta’ Pinu ssir it-tifkira ta’ meta l-Verġni Mbierka kellmet lit-twajba Karmena Grima fl-1883.

Is-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu jinsab fil-Punent ta’ Għawdex ftit qabel ma tidħol fir-raħal tal-Għarb. F’dan il-post sa minn qabel l-1545 kien hemm kappella li ġiet profonata fl-1575. Iżda wara fl-1615 Pinu Gauci għen biex terġa’ tiġi msewwija u fl-1619 irregala t-titular li hemm illum, jiġifieri l-Madonna mtella’ s-Sema, xogħol tal-pittur Amadeo Perugino. Minn dan il-benefattur ġej l-isem “Ta’ Pinu.”

Fl-1663, il-kappella reġgħet ġiet ipprofonata għal ftit taż-żmien iżda reġgħet ġiet għan-normal permezz tal-għajnuna tal-benefatturi u minn dak iż-żmien baqgħet teżisti bħala kappella komuni sakemm fit-22 ta’ Ġunju, 1883, Karmni Grima (ara Karmni Grima) semgħet leħen ġej mill-kwadru li qalilha: “Għid tliet Ave Marijiet f’ġieħ it-tlett ijiem li ġismi dam fil-qabar.”

Wara li seħħ fejqan mirakuluż ta’ mara wara talb lill-Madonna taħt dan it-titlu, kulħadd sar jaf li Karmni Grima kellmitha l-Madonna u hekk bdew il-pellegrinaġġi.

Għall-ewwel l-awtorijiet tal-Knisja mxew bi prudenza kbira u l-ewwel ġebla tas-Santwarju preżenti ġiet mbierka fit-30 ta’ Mejju, 1920. Ġiet ikkonsagrata fit-13 ta’ Diċembru, 1931 u l-kwadru tagħha ġie inkurunat fis-19 ta Ġunju, 1935.

Fis-26 ta’ Mejju, 1990 San Ġwanni Pawlu II żejjen ix-xbieha tal-Madonna b’kuruna ta’ stilel.

Il-Papa Benedittu XVI, waqt il-quddiesa ta’ fuq il-fosos tal-Furjana, nhar it-18 t’April, 2010, irregala lill-Madonna ta’ Pinu l-Warda tad-Deheb.

ĦsiebNhar is-Sibt 10 ta’ Mejju 2008, Mons Isqof Mario Grech mexxa l-Velja ta’ talb ta’ Pentekoste li saret fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu, u waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija qal dan id-diskors fl-omelija:

“Il-lejla qegħdin f’dan is-Santwarju Ta’ Pinu. Għażilna li niġu hawn din is-sena għaliex qegħdin niċċelebraw il-mija u ħamsa u għoxrin anniversarju minn meta Karmni Grima ħasset dik il-vuċi ssejħilha mill-Kwadru, u tgħidilha, ‘Ejja’. Illejla jien inħossni qiegħed fiċ-ċenaklu flimkien ma’ l-appostli mdawrin ma’ Marija. U dan bix-xieraq. Għaliex kif Marija kienet preżenti għall-magħmudija tal-appostli dakinhar ta’ Għid il-Ħamsin permezz tal-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuqhom u fuq il-Knisja, hekk illejla qalbna timtela bil-ferħ u l-qawwa, mhux biss għax nemmnu fl-Ispirtu s-Santu imma wkoll għax nemmnu fil-qawwa materna ta’ Marija.

Din l-omm ippreparat lid-dixxipli bil-kelma li hija rċeviet mingħand Kristu. Min jaf kemm-il darba Marija qalet lill-appostli, ‘Ejja’, bħalma qalet lil Karmni Grima u bħalma tgħid lilna llum: ‘Ejjew f’dan is-santwarju ħalli nkun jien li ngħinkom tieħdu l-ħajja mill-għajn tal-ħajja li hija l-magħmudija.’ Kien wara din il-preparazzjoni u wara din il-magħmudija bl-inżul tal-Ispirtu s-Santu li l-appostli u l-aħwa, minn nies mejta saru nies mimlijin enerġija u entużjażmu apostoliku u ħarġu fil-belt ta’ Ġerusalemm.’

U dan x’qal il-Papa Benedittu XVI, 15 t’Awwissu, 2012:

“Is-Solennità ta’ Marija Mtella’ s-Sema hija stedina biex infaħħru ‘l Alla, u biex nitfgħu ħarsitna fuq il-kobor tal-Omm tagħna, għaliex insiru nafu min hu Alla mill-uċuħ ta’ dawk li huma Tiegħu.

Għaliex Marija hija glorifikata bit-Tlugħ tagħha fis-Sema? San Luqa jara l-għeruq tal-eżaltazzjoni u tifħir ta’ Marija fil-kliem ta’ Eliżabetta: ‘Hienja dik li emmnet…’ (Luqa1:45). U l-Manifikat, dan il-kantiku lil Alla, attiv u ħaj fl-istorja, huwa innu ta’ Fidi u mħabba, li jnixxi mill-qalb tal-Verġni Marija”.

Imbagħad, nhar l-Erbgħa 22 ta’ Ġunju, 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna fl-omelija tiegħu f’quddiesa Pontifikali fl-okkażjoni tat-Tifkira tas-sejħa tal-Madonna lil Karmni Grima, fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu, Għawdex, qal hekk:

“Il‑Madonna ta’ Pinu nisslet kelma, il‑leħen ħelu tagħha stedinna biex nersqu lejha: ‘ejja.’ Din hija stedina biex nimxu warajha u nsegwu lil binha Ġesù. Se tgħaddina wkoll mit‑tieġ ta’ Kana tal‑Galilija imma minnha wkoll tgħaddina fit‑toroq ta’ Kafarnaum sal‑għolja tal‑Golgota.

Il‑Madonna sseħibna u tgħidilna ‘ejja’ anke fit‑toroq tas‑slaleb tagħna. Qiegħda magħna, imma ssejħilna wkoll biex ħarsitna tissammar fiha, glorjuża, fil‑misteru tat‑tlugħ tagħha fis‑sema.

Il‑privileġġ li Ġesù kien taha lil ommu, li hi dduq il‑glorja tal‑qawmien mill‑imwiet, hu għalina l‑ikbar ħniena. Sidtna Marija mtella’ s‑sema hija konferma għalina, li dak li l‑Mulej għamel f’ibnu u fl‑irxoxt tiegħu, hu kapaċi jagħmlu magħna, u se jagħmlu ma’ kull wieħed u waħda minna; beda minn ommu biex aħna nindunaw li din hija opra tal‑ħniena, opra ta’ mħabba, u li aħna wkoll se jkollna sehem minn din il‑glorja, bil‑ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien.

Jalla l‑ħniena tal‑Mulej permezz tal‑indiema tagħna, permezz tal‑wasla tagħna għas‑Sagrament tal‑Qrar, permezz tal‑opri tal‑ħniena li aħna nużaw ma’ xulxin, jalla din il‑ħniena wkoll tinfirex fi żmienna biex hekk tassew il‑ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien.”

Talba: O Verġni Mqaddsa Omm Alla Marija, mgħollija s-sema bir-ruħ u l-ġisem, li permezz ta’ Karmni Grima għażilt dan il-post biex minnu xxerred xita ta’ grazzji fuq min jitlob l-għajnuna tiegħek, agħti, nitolbok, ħarsa ta’ ħniena fuq id-dinja mqallba u mbeżża’, biex kif int ħlist mill-hemm lill-għarajjes ta’ Kana, hekk ukoll teħles lill-umanità minn kull periklu tar-ruħ u tal-ġisem.

Agħmel li l-bnedmin kollha jħobbu lil xulxin bi mħabba ta’ aħwa. Ħares ukoll, Omm l-aktar ħanina, il-familji tagħna, li minnhom tissawwar is-soċjetà umana, biex jgħixu ħajja onesta, hienja u qaddisa fl-għaqda dejjiema taż-żwieġ.

Imma fuq kollox, nitolbok, ħenn għalija li qed inbati taħt it-toqol tas-salib. Jekk mhux ta’ deni għal ruħi, agħmel li (semmi l-grazzja li tixtieq taqla’) … Iżda jekk hija r-rieda tal-Mulej li jiena ma naqlax il-grazzja li qed nitolbok, agħtini l-qawwa li nerfa’ din it-tbatija u ngħaqqadha mas-salib ta’ Ibnek Ġesù.

Omm tiegħi Marija, għinni biex bħalek, b’ħarsti kollha lejn Alla, naċċetta bil-qalb ir-rieda tiegħu, u miegħek nistqarr: “Ħa jsir minni skont kelmtek”. O Madonna Ta’ Pinu, żommni taħt il-ħarsa materna tiegħek biex niżgura ruħi li s-sabar ta’ din il-ħajja jwassalni għall-hena tal-ħajja ta’ dejjem, fis-sema pajjiżna. (Talba lill-Madonna Ta’ Pinu)

Riżorsi dwar il-Madonna ta’ Pinu: http://www.laikos.org/mtp.htm

English Version: https://www.baronholidayhomes.com/ta-pinu-a-tale-of-miracles-and-pilgrims-on-gozo/

Alternative Reading: https://www.worldpriest.com/shrine-blessed-virgin-mary-ta-pinu-gozo-malta/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Ta%27_Pinu

Wikipedia on Carmni Grima: https://en.wikipedia.org/wiki/Karmni_Grima

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar din il-Festa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

18 ta’ Ġunju: San Girgor Barbarigo

Verżjoni Vidjo: San Girgor Barbarigo

“U intom ukoll, bħal ġebel ħaj, inbnew f’dar spiritwali, saċerdozju qaddis, biex toffru sagrifiċċji spiritwali li jogħġbu ‘l Alla permezz ta’ Ġesù Kristu.” – 1 Pietru 2:5.

St.-Gregeory-Barbaringo.jpgSAN GIRGOR BARBARIGO
1625 – 1697

Tagħrif: Dan il-qaddis kien qarib tal-Venerabbli Marcantonio Barbarigo, kardinal u Isqof ta’ Montefiascone u twieled f’Venezja minn familja nobbli.

Studja f’Padova u daħal fis-servizz diplomatiku. Meta kien Munster, bħala segretarju tar-rappreżentant tar-repubblika Venezjana, iltaqa’ mal-legat tal-papa Fabio Chigi, li inkuraġġih biex isir qassis. Kien ordnat qassis f’Venezja f’Diċembru, 1655.

Sadattant Fabio Chigi (li qabel kien Inkwiżitur Malti u li kien ġie kkonsagrat Isqof fil-knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt Valletta) kien intgħażel Papa bl-isem ta’ Alessandru VII. Dan il-Papa sejjaħ lil Girgor Barbarigo Ruma bħala refendarju taż-żewġ tribunali supremi tas-Santa Sede (Signature) u għamluh prelat domestiku.

Meta kien Ruma l-qaddis wera dedikazzjoni erojka matul il-pesta. Ġie magħżul isqof ta’ Bergamo (1658), kardinal (1660) u fl-aħħar isqof ta’ Padova (1664).

Il-qaddis baqa’ msemmi għall-karità, irriforma s-seminarji taż-żewġ djoċesijiet li tagħhom kien Isqof, ħadem ħafna għall-għaqda tax-Xiżmatiċi tal-Lvant mal-Knisja Kattolika, u waqqaf stamperija fejn ħarġu kitbiet bil-Grieg, Ebrajk, Sirjan, Persjan u Slavoniku għall-Insara tal-Orjent, u għal dawk taħt il-Misilmin, u librerija mill-aqwa, tant li, minħabba speċjalment kemm wettaq tajjeb ir-riformi ordnati mill-Konċilju ta’ Trento, bdew isejħulu t-tieni San Karlu Borromeo (ara San Karlu Borromeo).

San Girgor Barbarigo miet fit-18 ta’ Ġunju, 1697, fl-għomor ta’ 72 sena. Il-Papa Ġwanni XXIII żammu bħala mudell speċjali matul iż-żmien li għadda fis-seminarju u fl-1960 tah “kanonizzazzjoni ekwivalenti” billi iddispensah mill-ħtieġa tas-soltu ta’ mirakli oħra barra dawk li kien hemm bżonn fil-proċess tal-beatifikazzjoni. Il-fdalijiet tiegħu jinsabu meqjuma fil-Katidral ta’ Padova.

Ħsieb: Mhux ta’ b’xejn li lil San Girgor Barbarigo kienu jsejħulu t-tieni San Karlu Borromeo. Bħalu ħadem u stinka b’għaqal u għerf kbir u bl-għajnuna ta’ Alla kien strumentali ħafna għall-Knisja fi żminijietu. Kemm-il darba nisimgħu min jikkritika u juri ċertu dissens fil-Knisja. Dan ħafna drabi ma jkunx ġej minn diskussjoni għaqlija (bħal filkaż ta’ kummissjonijiet pastorali, sinodi, laqgħat ta’ evalwazzjoni eċċ.) imma jkun ġej minn sens ta’ suppervja għaliex l-iskop huwa ta’ ħsara. Fil-Knisja llum, neħtieġu nies bħal San Girgor Barbarigo, nies li minflok jikkritikaw kulma jsir min naħa tal-Knisja, jagħrfu jsaħħuha, jirriformaw fejn meħtieġ u jibnuha minflok iħottuha!

F’omelija tiegħu, waqt quddiesa mal-Kardinali fil-Kappella Sistina nhar il-Ħamis, 14 ta’ Marzu, 2013, il-Papa Franġisku, spjega kif fil-Knisja, wieħed jeħtieġ li jimxi, jibni u jistqarr. Ifissirha b’dan il-mod:

Mixja: ‘Ejja, dar ta’ Ġakobb, ħalli nimxu fid-dawl tal-Mulej!’ (Isaija 2:5) Din hija l-ewwel ħaġa li Alla qal lil Abram: ‘Imxi quddiemi u kun perfett.’ (Ġenesi 17:1-2). Mixja: Ħajjitna hija mixja u meta nieqfu, hemm xi ħaġa ħażina. Nimxu dejjem fil-preżenza tal-Mulej, fid-dawl tal-Mulej, waqt li nfittxu li ngħixu bla ħtija kif Alla talab lil Abram, fil-wegħda tiegħu.

Nibnu: Nibnu il-Knisja. Jissemma l-ġebel. Il-ġebel sod; imma ġebel ħaj, ġebel midluk mill-Ispirtu s-Santu. Li nibnu l-Knisja, l-Għarusa ta’ Kristu, fuq dik il-ġebla tax-xewka, li huwa l-Mulej stess. Dan huwa moviment ieħor f’ħajjitna: li nibnu.

Nistqarru: Aħna nistgħu nimxu kemm irridu, aħna nistgħu nibnu tant ħwejjeġ, imma jekk ma nistqarrux lil Ġesù Kristu, hemm xi ħaġa ħażina. Insiru bħal organizzazzjoni ta’ assistenza non-governattiva (NGO), imma mhux Knisja, Għarusa tal-Mulej. Meta ma timxix, tieqaf. Meta ma tibnix fuq il-ġebel, x’jiġri? Jiġri dak lil jiġri lit-tfal f’xatt meta jagħmlu binjiet bir-ramel, jaqa’ kollox, għax m’hemmx sodizza. Meta ma tistqarrx lil Ġesù Kristu, jiġini f’moħħi dak li qal Léon Bloy: ‘Min ma jitlobx lill-Mulej, jitlob lix-xitan.’ Meta ma nistqarrux lil Ġesù Kristu, nistqarru l-mundanità tax-xitan, il-mundanità tad-demonju.

Timxi, tibni u tistqarr. Imma dan mhux daqshekk faċli, għaliex fil-mixi, fil-bini, fl-istqarrija, kultant hemm l-iskossi. Hemm movimenti li ma jmexxukx ‘il quddiem, imma jitfgħuk lura.

Fil-Evanġelju, dak l-istess Pietru li stqarr lil Ġesù Kristu, jgħidlu: ‘Inti Kristu, l-Iben ta’ Alla ħaj.’ Jiena nimxi warajk, imma ma nitkellmux dwar Salib. Dan ma jidħolx. Nimxi warajk b’possibiltajiet oħra, imma bla Salib. Meta nimxu bla Salib, meta nibnu bla Salib, u meta nistqarru lil Kristu bla Salib, m’aħniex dixxipli tal-Mulej: aħna tad-dinja, aħna Isqfijiet, aħna Qassisin, aħna Kardinali, aħna Papiet, imma mhux dixxipli tal-Mulej.

Jiena nixtieq li lkoll ikollna l-kuraġġ, propju l-kuraġġ li nimxu fil-preżenza tal-Mulej, bis-Salib tal-Mulej; li nibnu l-Knisja bid-demm tal-Mulej li huwa mxerred fuq is-Salib; u li nistqarru l-unika glorja: Kristu Msallab. Huwa b’dan il-mod li l-Knisja timxi ‘l quddiem.”

  • U int, titlob li l-Mulej jagħtik il-grazzja: li timxi, tibni, u tistqarr lil Ġesù Kristu Msallab tul il-vjaġġ tal-ħajja tiegħek hekk kif għamel San Girgor Barbarigo?

Talba: Ħares, Mulej, fil-poplu tiegħek dak l-ispirtu li bih imlejt lil San Girgor Barbarigo, ħalli l-Knisja tiegħek tiġġedded bla heda u tkun xbieha ta’ Kristu biex tista’ turih lid-dinja. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://catholicsaints.info/saint-gregory-barbarigo/

Alternative Reading: https://www.catholic.org/saints/saint.php?saint_id=188

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Gregorio_Barbarigo

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

6 ta’ Ġunju: San Norbertu

Verżjoni Vidjo: San Norbertu

“X’jiswielu l-bniedem li jikseb id-dinja kollha u mbagħad jintilef jew jinqered?” – Ġesù f’Luqa 9:25.

6-San-Norberto-de-Magdeburgo-6SAN NORBERTU
Isqof
1080 – 1134

Tagħrif: San Norbertu twieled minn familja nobbli u sinjura ħafna f’Xanten, fuq ix-xmara Rhine, il-Ġermanja. Ġie mrobbi fil-lussu, fil-kumdità, fil-ħela. Għalkemm ġie ordnat Suddjaknu u ġie mqabbad fil-qorti ta’ Enriku V, Imperatur tal-Ġermanja biex iqassam il-karità, kien ħsiebu biss li jiddeverti.

Darba waħda, waqt li kien fuq żiemel għaddej mill-kampanja nqabad f’maltempata, u minħabba sajjetta fil-qrib, iż-żiemel sfratta u Norbertu waqa’ minn fuqu u ntilef minn sensih. Meta ġie f’tiegħu għaraf kemm kien qrib tal-mewt, u li bil-ġid kollu li kellu, kien ser jidher quddiem Alla b’idu f’idu, u għalhekk iddeċieda li jbiddel ħajtu.

Minkejja l-ostakli li għamlulu niesu u ħbiebu, baqa’ determinat li jgħix ħajja tajba. Għadda sentejn iħejji ruħu biex isir qassis u kien ordnat f’Cologne fl-1115 meta kellu 35 sena. Ftit wara rriżenja għall-benefiċċji ekklesjastiċi, biegħ il-proprjetà u qassam dak li daħħal lill-fqar; żamm biss bagħal, 40 munita tal-fidda, missal, kalċi, patena u ftit abiti sagri. Imbagħad mar bil-mixi, ħafi, u bla sold, jiltaqa’ mal-Papa Ġelasju II, li kien f’St. Giles, fi Franza, u akkwista min għandu s-setgħa li jipprietka kull fejn kien iħoss il-bżonn. Sar predikatur kbir, u mar jipprietka wkoll fil-Belġju, u fi Franza.

L-isqof riedu jirriforma komunità ta’ kononiċi regolari iżda Norbertu kien strett wisq magħhom. Għalhekk huwa rtira fil-wied ta’ Prémontré ħdejn Laon fit-tramuntana ta’ Franza. Fl-1121, fuq talba tal-Papa Kallistu II, li kien fil-Konċilju ta’ Reims, il-Ġermanja, waqqaf l-Ordni tal-Premonstratensi jew Norbertini, kanoniċi regolari taħt ir-regola ta’ Santu Wistin, li jgħaqqdu ħajja ta’ għamla monastika ma’ ministeru attiv. L-ewwel 40 sieħeb li ngħaqdu miegħu fi ftit xhur, ipprofessaw il-voti fil-Milied tas-sena 1121. L-ordni kiber ħafna f’ħajtu.

Fl-1126, Norbertu ġie maħtur Isqof ta’ Magdeburg mill-Imperatur Lothair II, li ried jagħmlu wkoll kanċellier. Iżda minkejja l-kariga għolja, xorta baqa’ jgħix fiċ-ċaħda bħallikieku baqa’ fil-monasteru. Il-ħeġġa tiegħu ġiebet riformi kbar fid-djoċesi, imma kellu wkoll għedewwa li għalihom ħajtu kienet ċanfira. Flimkien ma’ San Bernard Abbati ħadem ħafna biex ineħħi d-diżordnijiet kawżati mix-xiżma tal-antipapa Anakletu II.

Meta kien f’Magdeburg, fir-ritorn minn Ruma flimkien mal-Imperatur Lothaire, San Norbertu ħassu ħażin, u wara erba’ xhur marid, radd ruħu ’l Alla fis-6 ta’ Ġunju, 1134 fl-għomor ta’ 54 sena. Iddikjarah qaddis il-Papa Girgor XIII fl-1582.

Ħsieb: Bħal ħafna persuni li bdew xi forma ta’ tiġdid, riforma ta’ movimenti jew ordnijiet ġodda fil-Knisja, San Norbertu kien devot kbir tal-Bibbja. Huwa nkoraġġixxa lill-membri tal-Ordni tiegħu biex jimmudellaw ħajjithom fuq l-Evanġelju, u dan kien ifisser li jkun familjari magħha. Forsi smajtu b’kanzunetta bil-lingwa Ingliża li tieħu l-ittri tal-kelma Bibbja (BIBLE) u tgħid li dawn ifissru: ‘Basic Instructions Before Leaving Earth.

Din hija verità. Il-Bibbja hi l-Ktieb tal-istruzzjoni tagħna ta’ kif ngħixu ħajja tajba u dan hu dak li jgħidilna San Norbertu: “Qatt tgħejjew tistudjaw dawn il-kitbiet, fejn issibu eżortazzjoni qasira biex tibqgħu fidili fis-servizz tagħhom lejn Alla. Għax il-Kelma ta’ Alla hi nar li jħeġġeġ. Hija mimlija bin-nar tal-Ispirtu s-Santu. Hija tikkonsma l-vizzji u tippromwovi l-virtujiet. Hija tagħti l-għerf lil dawk li lesti jilqgħuh u tipprovdilhom l-ikel tas-sema. Għalhekk Kristu qal: “Hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jħarsuha!” (Luqa 11:28)

L-għan tal-Mulej Alla huwa li aħna nsiru tassew nafuh b’mod personali fil-ħajja tagħna. Lil Alla nistgħu nitgħallmu fuqu permezz tan-natura u l-ħolqien tiegħu jew minn xi esperjenzi li nistgħu ngħaddu minnhom.(ara Rumani 1:20-23) Imma l-aktar ħaġa li tinfurmana hija żgur Il-Bibbja – Il-Kelma Mqaddsa. Fiha Alla rrevelalna lilu nnifsu bl-aktar mod ċar biex aħna nkunu nistgħu nsiru nafuh b’mod personali u niskopru l-pjan tiegħu għalina.

“Ġesù qal lil-Lhud li emmnu fih: ‘Jekk iżżommu fil-kelma tiegħi, tkunu tassew dixxipli tiegħi, u tagħrfu l-verità u l-verità teħliskom.’ (Ġwanni 8:31-32).

“Wieġbu Ġesù: ‘Jiena hu t-Triq, Jien Hu il-Verità u Jien Hu l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.’ Ġwanni 14:6

Jidher ċar li Ġesù  Hu l-Verità u Hu l-Kelma. Huwa pjuttost impossibli li wieħed jiskopri tassew lil Ġesù jekk ma jkunx jaqra, jisma’ u jimxi mal-Kelma. Meta aħna nimxu mal-Kelma nkunu qegħdin nimxu mal-Verità, meta rridu tassew niskopru il-verità (Il-Verità) irridu bilfors ma nduru u nħarsu mkien iktar ħlief lejn il-Kelma. Meta niskopru il-verità (Il-Verità) mill-Kelma, niskopru lil Ġesù! Niskopru li l-Verità hi l-Persuna ta’ Ġesù stess.

Ġesù jgħidilna ċar li ‘Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.’ (ara Mattew 4:4)

Infatti skont il-Kelma t’Alla dak li jqis lilu nnifsu bħala wieħed li jimxi wara Kristu tassew, irid jikber billi jiġi mitmuh il-Kelma t’Alla. Mhux ta’ b’xejn li ħafna nies li anke jattendu ‘knejjes’ jew xi ‘gruppi’ ta’ talb, jibqgħu trabi spiritwalment u ‘karnali’ – jgħixu skont il-ġibdiet tal-ġisem, għax m’humiex jimxu mal-Kelma t’Alla, li hija dik li ssostnihom spiritwalment. Għalhekk jibqgħu ‘telliefa’ fil-mixja tagħhom bħala Nsara, milli jikbru u jimmaturaw u jitgħallmu jkunu tassew rebbieħa permezz ta’ Kristu u l-Kelma tiegħu.

U fl-aħħar nett, San Pawl iwissina: “Qisu li ħadd ma jassarkom b’filosofija u kliem qarrieq u fieragħ skont dak li hu ġej mill-bnedmin, skont il-prinċipji tad-dinja u mhux ta’ Kristu.” (Kolossin 2:8)

  • U int, kemm int familjari mal-Bibbja u kemm tfittex li tiskopri lil Alla u l-pjan tiegħu għalik permezz tal-Kelma tiegħu fiha?
  • Qed tibni ħajtek fuq il-Kelma ta’ Alla fil-Bibbja kif għamlu San Norbertu u oħrajn, fuq il-Verità li hija tgħallem, fuq Kristu li qal li Hu stess huwa l-Verità?

Talba: O Alla, int għażilt lill-isqof San Norbertu biex jamministra b’mod tal-għaġeb il-Knisja tiegħek, u żejjintu bl-ispirtu tat-talb u b’ħeġġa kbira bħala ragħaj spiritwali; agħmel li, bil-għajnuna tat-talb tiegħu, il-merħla tal-fidili jkollha rgħajja skont qalbek u ssib dejjem mergħa tajba tas-salvazzjoni. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/saint-norbert-of-xanten.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-norbert/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Norbert_of_Xanten

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.