Il-Koppja Henry u Ineż Casolani

henry-casolani-2IL-KOPPJA HENRY (1917 – 1999)

U INEŻ CASOLANI (1915 – 1992)

Tagħrif: Henry Casolani twieled il-Belt Valletta fl-1917 iben George u Maria Concetta née Borg. Huwa miet fid-29 ta’ Diċembru 1999. Ineż Casolani née Vassallo twieldet Bormla fl-1915 bint Giovanni Felice u Giuseppina née Portelli. Inez mietet fit-13 ta’ Lulju 1992. Henry u Ineż iżżewġu fid-19 ta’April 1944 fil-knisja ta’ Santu Wistin, il-Belt Valletta. Is-sena ta’ wara twelditilhom tifla, Cecilia Mary, li baqgħet unika. Meta kibret din wieġbet ghas-sejħa ta’ ħajja kkonsagrata u daħlet mas-sorijiet ta’ St Joseph fl-1964. (ara Santa Emilja de Vialar – Fundatriċi tas-Sorijiet ta’ St. Joseph)

Henry u Ineż kienu żewġ persuni b’karattri kompletament differenti minn xulxin. Iżda kienu ta’ fehma waħda f’dik li hija fundamentali jiġifieri fl-unità, fl-imħabba t’Alla u li jgħixu l-ħajja nisranija flimkien fuq it-tagħlim ta’ Kristu u l-eżempju tal-Qaddisin. Alla kien dejjem iċ-ċentru ta’ ħajjithom.

Ħafna stqarrew li l-koppja Casolani kienu inseparabbli: fil-biċċa l-kbira joħorġu flimkien; jieklu flimkien; jitolbu flimkien; il-knisja flimkien. Il-Familja tagħhom kienet ikkonsagrata lill-Qalb ta’ Ġesù u l-Qalb ta’ Marija. Kienu kuntenti u koppja li jgħixu fl-armonija. Kienu jitkellmu b’imħabba u entużjażżmu fuq xulxin. Qabel u wara x-xogħol, Henry dejjem sab lil Ineż lesta biex tħejjilu l-ikel u tisimgħu. Ineż kellha ideat ċari tal-imġiba tal-mara mar-raġel. Lil Cecilia Ineż dejjem għallmitha tirrispetta lil missierha b’kull mod u manjiera.

Ineż kienet taħdem għall-għaqda fil-familji mhux biss bil-kliem iżda wkoll permezz tal-kitba tagħha. Fil-ħafna artikli li kitbet, u li ġew ippublikati, hija tat pariri lill-ommijiet biex lir-raġel tagħhom ma jwarrbuhx u juruh attenzjoni wara li jiġi mix-xogħol, minkejja li hemm it-tfal. Wissiet kontra ħbiberiji żejda u skorretti bejn miżżewġin u oħrajn. Kitbet “l-ewwel ħbiberija għandha teżisti bejn il-membri tal-familja – bejn l-omm u l-missier, bejn l-aħwa, bejn l-ulied u l-ġenituri. Hekk il-familja tkun unita’ u tgħix fil-hena u l-paċi.” Ħeġġet lill-miżżewġin biex jibqgħu jirrispettaw lill-ġenituri f’ħajjithom, anke wara mewthom. Tat pariri biex il-kunjati jħobbu lil żwieġ uliedhom bħallikieku uliedhom stess. Hija stess baqgħet dejjem iżżur spiss lill-familja ta’ Henry. Kitbet biex il-ġenituri jifhmu u jgħinu liż-żgħażagħ. Kitbet fuq ekonomija tad-dar biex il-familja titgħaxxaq bil-kumdità mingħajr ħela. Kitbet kemm felħet biex iġġib paċi u għaqda.

Il-koppja Henry u Ineż Casolani kienet miftuħa għall-oħrajn. Dejjem jippruvaw jgħinu lil batut. Kienu jżuru lill-morda fl-isparijiet. Ineż baqgħet tagħmel dan anki meta hija stess mardet gravament b’qalbha. Żaret anki lil dawk il-persuni li wrew qalb iebsa magħha. Kienu dejjem lesti li jissagrifikaw ruħhom għal ħaddieħor. Għalihom is-sagrifiċċju kien okkażjoni biex jagħtu akbar glorja lil Alla.

Bil-karattru ferrieħi tagħha u l-qalb kbira li kellha, in-nies kienu jfittxu lil Ineż għal parir u biex jiftħu qalbhom magħha. Henry, bil-kariżma tiegħu ta’ bniedem umli, ubbidjenti u skrupluż fil-qadi ta’ dmirijietu, rnexxielu jiġbed lil sħabu tax-xogħol dejjem iżjed lejn is-Sagramenti u d-dmirijiet spiritwali tagħhom. Qatt f’għomru ma lissen kelma kontra ħadd! Iżda kemm Henry kemm ukoll Ineż dejjem stqarrew pubblikament l-oppożizzjoni tagħhom għal dak li kien ħażin.

Il-mikbi Isqof Emeritus Nikol Cauchi qal hekk dwar Henry u Ineż Casolani: “Kienu koppja ta’ nsara ferventi, ta’ sentimenti reliġjużi mill-aħjar, ta’ nies ta’ qalb tajba, lesti dejjem li jgħinu l-proxxmu tagħhom kull meta tiġihom okkażżjoni li jagħmlu opra tajba.”

Il-ferħ tagħhom kien xhieda tal-preżenza tal-Mulej fosthom, magħqudin fit-talb. Monsinjur Lawrence Gatt ikkummenta: ‘Timpressjonak koppja hekk. Lili mpressjonani ħafna bniedem tal-età u l-esperjenza li kellu Henry Casolani meta tarah xhieda ta’ fedeltà li ma tmutx lejn it-twemmin tiegħu, lejn martu u bintu, lejn dak li għex dejjem għalih u mhux lest iħallih qatt. Daqqa ta’ ħarta solenni lil ċerti elementi tal-kultura ta’ żmienna.’

It-tnejn stinkaw biex il-Madonna tkun iżjed maħbuba minn kulħadd! Ineż kienet tħobbha wisq. Ir-Rużarju tal-familja ma fallewh qatt. L-aħħar kelmiet li lissen Henry kienu ‘Madonna ħenn għalija!’

Fuq kollox dak li kien jispikka f’ħajjithom kienet l-imħabba kbira lejn l-Ewkaristija Mqaddsa: il-vista ta’ kuljum, il-Quddiesa, l-adorazzjoni personali quddiem is-Sagrament! Kif stqarru l-ħafna xhieda, kienu magħqudin mhux biss fis-Sagrament taż-żwieġ imma fil-prattika kostanti tal-Kelma t’Alla.

Henry u Ineż Casolani mxew dejjem fuq it-tagħlim ta’ Kristu. Ma kienux jiġġudikaw lil ħaddieħor. Kienu jaħfru u jinsew d-deni li kien jirċievu. Henry kien jgħid, ‘Aħfer! Tpattix! Offriha għall-glorja t’Alla.’ u per eżempju ‘Int qed issostni li dan ir-raġel ma jixtieqlix il-ġid? Dan huwa l-ħabib tiegħi! Ma qatgħu qalbhom qatt mill-ħniena t’Alla! Meta marad, kull ma kien jgħid Henry kien: ‘Min jaf Kristu x’sofra!’ Ineż sejħet is-sofferenzi tagħha ‘bukkett ward’!

Ineż u Henry Casolani kienu l-ewwel edukaturi spiritwali ta’ binthom Cecilia. Meta din, l-uniku wild tagħhom, ta’ dsatax il-sena daħlet soru, is-sofferenza li l-firda ġiebet magħha qasmitilhom qalbhom. Imma għall-imħabba t’Alla u biex ma jmorru qatt kontra l-Volontà Tiegħu, lit-tifla bierkuha u baqgħu dejjem isostnuha bit-talb fil-ħidma u l-missjoni tagħha.

“Naraw f’Henry u Ineż Casolani eżempju li l-qdusija ma teżistix fl-affarijiet straordinarji, imma tikkonsisti f’li jkollok lil Alla f’qalbek, f’ħajtek u timxi fuq dak li jgħidlek Alla u dak li jixtieq Alla.” Prof Fr. Maurice Eminjan, s.j.

Din il-familja Casolani, familja domestika skont il-Konċilju Vatikan II, xandret bl-eżempju, bil-ferħ u mingħajr daqq ta’ trombi li l-familja hija teżor tal-knisja, ġawhra tas-soċjetà, u tama tal-umanità. L-eżistenza u l-eżempju tal-familja Casolani hija prova li, skont il-pjan ta’ Alla, il-familja hija l-qafas li fih il-persuna umana, magħmula xbieha t’Alla, titwieled, titrabba u timmatura fl-aqwa ambjent ta’ mħabba.

Meta Henry u Ineż Casolani qorbu lejn it-tmiem ta’ ħajjithom, aktar raw t-tama dejjiema li kellhom fil-Mulej tilħaq il-milja tagħha. Dwar dan, Patri Pawl Cremona o.p., illum l-Arċisqof ta’ Malta kiteb hekk: “Il-ħeġġa li Henry Casolani kellu fil-qari ta’ l-Iskrittura Mqaddsa kienet tirrifletti l-ħeġġa li kellu fil-ħajja biex igħix tajjeb, u jagħmel it-tajjeb. Din l-istess sempliċità Kristjana baqgħet tidher meta hu stess kien marid ħafna u kien qiegħed l-isptar, ftit qabel ma mar jiltaqa’ mal-Mulej fil-fiduċja li kellu fil-Mulej.”

Ftit mumenti qabel ma’ ttajret lejn is-sema Ineż kellha il-kuraġġ tikteb: ‘I take record of God… in Thee I have had my earthly joy’!

Imħabba qawwija għal Alla! Qalb kbira għall-proxxmu! Distakk mill-ispirtu tad-dinja! Dan ħaddnu f’ħajjtihom kollha Henry u Ineż Casolani.

 Il-Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Qaddisin dwar il-Koppja Casolani

Jikteb l-Isqof Mario Grech

“F’waqt minnhom xħin konna għaddejjin bl-interventi fl-awla tas-Sinodu, issummajt u waqqaft widnejja biex nisma’ sew, għaliex kien qed jitkellem il-Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Qaddisin u f’ħin bla waqt semma lil Malta tagħna. Fl-intervent tiegħu dan kien qed jgħid kemm hemm koppji li għandhom il-kawża għall-kanonizzazzjoni. Kien hawnhekk li semmiena b’isimna – kienet riferenza għall-koppja Henry u Ineż Casolani li għexu l-ħajja miżżewġa ta’ kuljum b’mod straordinarjament tajjeb. Fid-dettall ta’ ħajjithom ipprovaw jagħmlu kollox sew bi mħabba kbira lejn Alla u l-proxxmu. Ineż mietet fl-1992 u Henry fl-1999. F’dan il-każ għad m’hemmx proċess, imma saret talba lill-Kongregazzjoni biex meta jkun il-waqt, jibda l-istħarriġ.”  (10 ta’ Ottubru 2014)

Bidu tal-proċess djoċesan u publikazzjoni ta’ editti 

Il-Ħadd, 30 ta’ Awwissu 2015. Knisja ta’ San Duminku, Rabat, Malta.

Ilbieraħ l-Arċisqof Charles J. Scicluna mexxa Quddiesa li matulha twaqqaf it-Tribunal li ser jisma’ l-kawżi għall-beatifikazzjoni u għall-kanonizzazzjoni tal-Qaddej ta’ Alla, Henry Casolani u ta’ martu, il-Qaddejja ta’ Alla, Ineż Casolani.

Il-Postulatur taż-żewġ kawżi huwa l-Kanonku Etienne Sciberras, li fil-bidu tal-Quddiesa għamel talba uffiċjali lill-Monsinjur Arċisqof biex iwaqqaf it-Tribunal.

Il-ftuħ taż-żewġ kawżi huwa meqjus bħala l-ewwel seduta tat-Tribunal li ser jagħti bidu għall-proċess djoċesan. Iċ-ċerimonja tal-bieraħ kienet waħda importanti fil-ħajja u fl-istorja tal-Knisja f’Malta għaliex dan hu l-ewwel każ f’Malta ta’ koppja miżżewġa li ser jiġi studjat. Fattur ieħor importanti hu li x-xhieda li tat tul ħajjitha l-koppja Casolani ser jibda jiġi studjat ftit qabel is-Sinodu tal-Isqfijiet dwar il-Familja, li sejjaħ il-Papa Franġisku u li jibda f’Ottubru li ġej.

Editt dwar il-proċess ta’ Henry Casolani […]

Editt dwar il-proċess ta’ Inez Casolani […]

L-Aġenzija Rome Reports b’rapport u video dwar dawn il-lajċi Maltin

Rome Reports, 1 Nov 2015: L-Aġenzja tal-aħbarijiet Rome Reports fl-edizzjoni tagħha tal-bieraħ ippublikat rapport dwar il-ħajja tal-koppja Maltija Henry u Ineż Casolani u l-bidu tal-proċess djoċesan tagħhom biex tibda l-kawża tal-beatifikazzjoni u eventwalment tal-kanonizzazzjoni. Ir-rapport jgħid li madwar 200 persuna ser jagħtu x-xhieda tagħhom f’dan il-proċess li jekk iwassal għall-kanonizzazzjoni, allura huma jingħaqdu mal-ġenituri ta’ Santa Tereża ta’ Lisieux li kienu dikjarati qaddisin mill-Papa Franġisku ftit jiem ilu.

Ara r-rapport ta’ Rome Reports u l-video qasir mill-istess aġenzija […]

Kitbiet relatati …
Henry and Inez Casolani, Koppja Magħġuna fi Kristu,  (Anton Quintano)
Il-Koppja Qaddejja ta’ Alla, Henry u Inez Casolani, (Segretarjat għal-Lajċi, 18/09/2011)
Qaddejja ta’ Alla fiż-żwieġ u fil-familja, (Sit tal-Arċidjocesi ta’ Malta 17/09/2014)
Daughter reacts as Maltese couple is touted for canonisation. (Times of Malta 19/10/2014)
Mid-Djarju tas-Sinodu (5): Familji Qaddisa. (Newsbook 12/10/2014)
Koppja ta’ talb fil-qalba tal-ħajja. Vincent Cachia. (06/12/2014)
Henry and Inez Casolani – Icons of the true meaning of Christmas. (13/12/2014)

Min jaqla’ xi grazzja bl-interċessjoni tal-Qaddejja ta’ Alla, Henry u Ineż Casolani hu mitlub jikteb lil Fr Anthony Sciberras mssp, Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesu’, Victoria, Gozo jew email – tonysciberras@hotmail.com

Links about Henry and Ineż Casolani:

  1. http://www.laikos.org/aod-casolani.htm
  2. https://henryandinezcasolani.files.wordpress.com/2017/08/henry-u-inez-casolani-koppja-magc4a7c4a1una-fi-kristu.pdf
  3. https://www.newsbook.com.mt/archived-article/?article=l-ewwel-koppja-maltija-fit-triq-ghall-qdusija
  4. https://www.tvm.com.mt/mt/news/se-jinbeda-process-biex-l-ewwel-koppja-maltija-jsiru-beati-u-qaddisin/
  5. https://www.timesofmalta.com/articles/view/20160918/religion/servants-of-god-henry-and-inez-casolani.625430
  6. http://www.inewsmalta.com/articles/article20367.html
  7. http://ms.maltadiocese.org/WEBSITE/2016/CIRKOLARI/06%20FTU%C4%A6%20TAL-KAW%C5%BBI%20G%C4%A6ALL-BEATIFIKAZZJONI%20U%20G%C4%A6ALL-KANONIZZAZZJONI%20-%2021.08.15.pdf
  8. https://parroccasafi.files.wordpress.com/2015/08/editt-inez-casolani1.pdf
  9. https://zenit.org/articles/cause-for-beatification-opens-for-maltese-married-couple/

Playlist twila ta’ vidjos b’kitbiet u informazzjoni dwar il-koppja Henry u Ineż Casolani:

 

Nota: It-Tagħrif dwar il-koppja Henry u Ineż Casolani hija kitba ta’ Anton Quintano. Il-kumplament tal-informazzjoni huwa meħud mis-sit tal-Laikos.

Advertisements

13 ta’ Awwissu: San Ponzjanu u San Ippolitu

Verżjoni Vidjo: San Ponzjanu u San Ippolitu

“Jekk ngħidu li m’għandniex dnub, nkunu qegħdin inqarrqu bina nfusna u l-verità ma tkunx fina. Jekk nistqarru dnubietna, hu fidil u ġust, hekk li jaħfrilna dnubietna u jnaddafna minn kull ħażen. Jekk ngħidu li ma dnibniex, nkunu qegħdin ingiddbuh, u kelmtu ma tkunx fina”. ~ 1Ġwanni 1:8-10.

7d76a50f42c993f6b70d5efb1160b5f3SAN PONZJANU (Papa u Martri)

SAN IPPOLITU (Saċerdot u Martri) ? – 235

Tagħrif: San Ponzjanu sar Papa fis-sena 230. Sentejn wara, sejjaħ sinodu f’Ruma li kkonferma l-kundanna tat-teologu kbir Oriġene ta’ Lixandra (185 – 253).

Fis-sena 235, fil-persekuzzjoni tal-Imperatur Ruman, Massiminu, Ponzjanu kien eżiljat f’Sardinja biex jaħdem fil-minjieri. Hemm iltaqa’ ma’ San Ippolitu li hu wkoll kien eżiljat mill-istess Imperatur. It-tnejn mietu minħabba t-tbatija li sofrew. San Ponzjanu kien ilu Papa ħames snin, u San Ippolitu kien ilu Antipapa tmintax-il sena. It-tnejn mietu fil-paċi ma’ xulxin. Ippolitu kien irreżenja minn Antipapa, u Ponzjanu rriżenja minn Papa biex jilħaq ieħor floku.

San Ippolitu twieled għall-ħabta tas-sena 170. Kien ġa qassis magħruf meta fis-sena 202 Oriġene semgħu jippriedka, f’Ruma. X’aktarx li kien dixxiplu ta’ San Irinew u ta’ San Klement minn Lixandra. Kien wieħed mill-aqwa teoloġi tal-Knisja fit-tielet seklu, u ħadem bis-sħiħ kontra l-ereżija ta’ żmienu. Kien tant imħeġġeġ li saħansitra akkuża lill-Papa San Żeferinu li ma kienx pront biżżejjed biex jintebaħ bl-ereżija u jikkundannaha. Hekk ukoll reġa’ għamel mal-Papa San Kallistu li kien tela’ wara San Żeferinu, anzi din id-darba ħalla lilu nnifsu jiġi elett l-ewwel antipapa mill-grupp li kellu madwaru. Baqa’ antipapa wkoll fi żmien San Urbanu u San Ponzjanu suċċessuri ta’ San Kallistu.

Uħud mill-opri tal-kitba tiegħu huma “It-Tradizzjoni Appostolika”, “Rifjutazzjoni tal-Ereżijiet kollha”, u “Philosophoumena”.

Ippolitu rrekonċilja mal-Knisja permezz tal-Papa Ponzjanu, forsi ftit qabel ma t-tnejn kienu eżiljati f’Sardinja. L-iġsma tagħhom ġabuhom Ruma u difnuhom bl-unuri kollha ta’ martri. Lil Ponzjanu difnuh fiċ-ċimiterju ta’ Kallistu, u lil Ippolitu fiċ-ċimiterju ta’ Ċirijaka fit-triq Tiburtina, fejn l-ammiraturi tiegħu għamlulu statwa li llum tinsab fil-Librerija Vatikana.

Ħsieb: San Ippolitu kien difensur qawwi tal-Ortodossija, u ammetta l-eċċessi tiegħu permezz tar-rikonċiljazzjoni umli tiegħu. Huwa ma kienx eretiku formali, iżda dixxiplinarju żejjed. Dak li ma setax jitgħallem fil-qalba tiegħu bħala riformatur pur, huwa tgħallem fl-uġigħ u d-deżolazzjoni tal-priġunerija. Kien avveniment simboliku adattat li l-Papa San Ponzjanu qasam miegħu fil-martirju.

Jista’ jiġrilna li minħabba entużjażmu żejjed (jew injoranza!) nagħmlu lilna nfusna nsara iktar mill-istess Papa, jew qaddisin iktar mill-Knisja stess. Naħsbu li kulħadd hu żbaljat u aħna biss għandna raġun (meta fir-realta’ jkun il-kuntrarju). Hekk ġralu San Ippolitu. Jekk diżgrazzjatament jiġrilna xi ħaġa simili, jalla jkollna wkoll il-grazzja li kellu l-Qaddis, li nammettu l-iżball tagħna u nirrikonċiljaw bl-umilta’ kollha.

Kemm hi meħtieġa din l-imbierka UMILTA’! Mingħajrha m’hemmx salvazzjoni għax biex wieħed jammetti li żbaljat jew midneb, dejjem jeħtieġlu jitgħannaq mal-umilta’! Imma din l-umilta’ għadha moda fi żminijietna llum fejn id-dinja tipproponilna l-importanza ta’ x’naħseb u x’irrid ‘jien’, anki jekk f’dan kollu tidher l-arroganza aktar milli l-umilta’ li n-nisrani tant jeħtieġ? Il-bniedem kemm għadu jfittex il-Verita’ b’umilta’?

Il-Papa Franġisku qal dan li ġej dwar l-umilta’ nhar it-It-Tnejn, 8 ta’ April 2013:

“L-umiltà hija r-regola tad-deheb: għan-nisrani li tagħmel progress ifisser li titbaxxa. U huwa propju fuq it-triq tal-umiltà, magħżula minn Alla stess, li jgħaddu l-imħabba u l-karità. L-istorja kollha tal-fidi, hija magħmula minn umiltà u tkellem lilna lkoll dwar l-umiltà. Huwa hekk ukoll minħabba l-fatt storiku tat-twelid ta’ Ġesù. Jidher li Alla ried li kull ġrajja ssir bil-moħbi, li ma ssirx pubblika, li tkun bħallikieku miksija bid-dell tal-Ispirtu Santu. Hekk hu għaliex – żied – kollox isir fit-triq tal-umiltà. Alla, umli, jitbaxxa: jiġi għandna u jitbaxxa. U jkompli jitbaxxa sas-salib.

Fil-waqt tal-annunzjazzjoni wkoll Marija titbaxxa: ma tifhimx sewwa, imma hija libera: tifhem biss l-essenzjali. U tgħid iva. Hija umli: ‘Issir ir-rieda ta’ Alla.’ Titlaq ruħha għar-rieda ta’ Alla. U Ġużeppi, l-għarus tagħha – ukoll hu jitbaxxa u jġorr fuqu nnifsu din ir-responsabiltà hekk kbira. Ġużeppi, jġħid ukoll iva lill-anġlu meta, waqt li kien rieqed, qallu dik il-verità.

Propju l-istil ta’ Marija u ta’ Ġużeppi juri li l-imħabba kollha ta’ Alla, biex jasal għalina, jaqbad it-triq tal-umiltà. Alla umli li ried jimxi mal-poplu tiegħu. Nirreferi għall-ktieb tad-Dewteronomju meta Alla qal: “Jien ħriġtkom fid-deżert bħal ma missier joħroġ lil ibnu. Alla, umli u tant tajjeb. L’Alla paċenzjuż. Dan huwa differenti mill-atteġġjament tal-idoli; l-idoli huma qawwija, jinstemgħu: hawn nikkmanda jien!”

Alla tagħna – għaliex huwa veru, għaliex mhux Alla taparsi, huwa veru; mhux Alla tal-injam, magħmul mill-bnedmin, huwa veru – jippreferixxi imur hekk, għal għonq it-triq tal-umiltà. Din l-imħabba kollha fuq din it-triq tal-umiltà. Li tkun umli ma jfissirx li tmur hekk fit-triq, b’għajnejk baxxi: le, le. L-umiltà hija dik ta’ Alla li jgħallimna dik ta’ Marija, dik ta’ Ġużeppi. U l-umiltà hija dik ta’ Ġesù, li jispiċċa fuq is-salib. U din hija r-regola tad-deheb għan-nisrani: timxi ‘l quddiem, tavanza u titbaxxa. Ma tistax tmur fi triq oħra. Jekk jien ma nitbaxxiex, jekk int ma titbaxxiex, mintix nisrani. ‘Imma għaliex għandi nitbaxxa?’ Biex tħalli li l-karità kollha ta’ Alla tiġi f’din it-triq, hija l-unika li huwa għażel – ma għażilx triq oħra – li tispiċċa fuq is-salib. U mbagħad fit-trijonf tar-Resurrezzjoni. 

It-trijonf tan-nisrani jieħu din it-triq tat-tbaxxija. Jiena nemmen li jgħid hekk: jitbaxxa. Inħarsu lejn Ġesù li jibda jitbaxxa f’dan il-misteru hekk sabiħ. Inħarsu lejn Marija, inħarsu lejn Ġużeppi. U nitolbu l-grazzja tal-umiltà. Imma din l-umiltà li hija t-triq li minnha bla ebda dubju tgħaddi l-karità. Meta Pawlu jgħidilna: aħsbu li l-oħrajn huma aħjar minnkom, kultant huwa diffiċli li taħsbu. Imma Pawlu jaħseb dwar dan il-misteru, dwar din it-triq, għaliex hu fl-iktar qiegħ ta’ qalbu jaf li l-imħabba biss tgħaddi minn din it-triq tal-umiltà. Infatti jekk m’hemmx umiltà, l-imħabba tibqà mblukkata. Ma tkunx tistà tkompli timxi. Nitolbu, mela, il-grazzja tal-umiltà lill-Madonna, lil San Ġużepp u lil Ġesù”.

  • U int tammetti żball bħal ma għamel San Ippolitu?
  • Tuża s-Sagrament tal-Qrar biex dan inadfek u jsaħħek ħalli tipprova ma terġax taqa’ f’xi żball?
  • Kemm tiskuża ruħek u titlob maħfra fejn ikun hemm bżonn?

Talba: Is-sabar għażiż tal-qaddisin tiegħek, Mulej jagħtina l-għajnuna biex nikbru fi mħabbtek u biex nitwettqu dejjem iżjed fil-fidi mqaddsa. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-pontian-and-st-hippolytus-559

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saints-pontian-and-hippolytus/

Wikipedia about Pope Saint Pontian: https://en.wikipedia.org/wiki/Pope_Pontian

Wikipedia about Saint Hippolytus: https://en.wikipedia.org/wiki/Hippolytus_of_Rome

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

5 ta’ Awwissu: Id-Dedikazzjoni tal-Bażilika ta’ Santa Marija Maggiore f’Ruma

Verżjoni Vidjo: Id-Dedikazzjoni tal-Bażilika ta’ Santa Marija Maggiore f’Ruma

“Qaddisa Marija, Omm Alla, itlob għalina midinbin, issa u fis-siegħa tal-mewt tagħna”. ~Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa tad-Dedikazzjoni tal-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore f’Ruma.

basilcamarymajor.jpgID-DEDIKAZZJONI TAL-BAŻILIKA TA’ SANTA MARIJA MAGGIORE F’RUMA

Fis-sena 355, fi żmien il-Papa San Liberju (352-366), kienet inbniet knisja fuq il-għolja Eskwilin, f’Ruma, iddedikata lill-Madonna, li biż-żmien kienet saret magħrufa bħala l-“Bażilika Liberjana”.

Fis-sena 431, ftit wara l-Konċilju ta’ Efesu kien stqarr li Omm Ġesù hi Omm Alla, il-Papa Sistu III kabbar din il-knisja u kkonsagraha f’ġieħ l-Omm qaddisa ta’ Alla.

Din il-Bażilika hija l-iktar waħda antika fost il-knejjes tal-Punent li huma ddedikati f’ġieħ il-Madonna, taħt it-titlu ta’ Omm Alla. Biż-żmien saret magħrufa bħala ”Santa Marija Maggiore”. Ġieli tissejjaħ ukoll “Santa Maria ad praesepe” għax fiha hemm miżmuma s-suppost relikwija tal-maxtura ta’ Betlem.

Hi wkoll waħda mit-tliet knejjes patrijarkali, li fihom il-Papa jmexxi l-funzjoni f’ċerti okkażjonijiet. Iż-żewġ knejjes patrijarkali l-oħra huma ta’ San Pietru u ta’ San Ġwann Lateran.

Fis-seklu disgħa xterdet leġġenda li wasslet biex din il-festa tibda tissejjaħ “Il-Festa tal-Madonna tas-Silġ”. Li skont il-leġġenda, għatta l-post fejn il-Madonna riedet li tibnielha knisja. Permezz ta’ dehra tagħha, lil wieħed għani jismu Ġanni, talbitu li tinbena knisja ddedikata lilha fuq il-post li kellha turih. B’hekk inbniet il-knisja fil-pontifikat tal-Papa Liberju fuq il-post muri mill-Madonna fuq il-għolja Esquilino. Fl-iskrizzjoni tad-dedika tal-Papa Sistu dan il-fatt mhux imsemmi. Ebda tifkira ma nsibu ta’ dan il-miraklu qabel xi mijiet ta’ snin wara, u issa hu magħruf bħala leġġenda.

Kummissjoni għar-riforma tal-Brevjarju rrikkmandat lill-Papa Benedittu XIV, fl-1742, biex din il-festa terġa’ tissejjaħ “Id-Dedikazzjoni ta’ Santa Marija” bħal qabel. Dan it-tibdil għadu ma sarx ħlief fil-kalendarju l-ġdid tal-Benedittini (1915).

Din il-knisja hi waħda mill-aktar magħrufa fid-dinja għad-devozzjoni tal-fidili lejn il-Madonna. Ġewwa l-Knisja hemm pittura tal-Madonna bit-tfajjel ċkejken li jingħad li kien ix-xogħol ta’ San Luqa. Din hija magħrufa bħala “Salus Populi Romani” jiġifieri l-protettriċi tal-poplu Ruman. Il-Papa Franġisku, l-għada li kien elett, kmieni filgħodu għamel vista privata quddiem dan il-kwadru, poġġa bukkett ward u qagħad jitlob lill-Madonna.

Ħsieb: Fl-Eżortazzjoni Appostolika “Marialis Cultus” il-Qaddis Papa Pawlu VI għat-tmexxija tajba u l-iżvilupp tad-devozzjoni lejn l-Imqaddsa Verġni Marija, insibu dan:

“Marija mhux biss hija mudell tal-Knisja kollha fit-taħriġ tal-qima divina, imma hija wkoll għalliema tal-ħajja spiritwali għal kull nisrani. Sa mill-bidu l-insara bdew iħarsu lejn Marija u bħalha jagħmlu ħajjithom qima ‘l Alla u jagħmlu l-qima bħala l-impenn ta’ ħajjithom. Sa mir-raba’ seklu, San Ambroġ meta kien ikellem lin-nies kien jgħidilhom li jittama li kull wieħed minnhom ikollu l-ispirtu ta’ Marija biex ifaħħar ‘l Alla: “Għandu jkun f’kull nisrani l-ispirtu tagħha biex jifraħ f’Alla”.

Fuq kollox Marija hija l-mudell ta’ dik il-qima li tagħmel mill-ħajja offerta lil Alla. Dan hu tagħlim antik, imma li jiswa għal dejjem u li kulħadd jista’ jisma’ billi jagħti każ tat-tagħlim tal-Knisja, u billi jisma’ l-leħen tal-Verġni meta minn qabel wettqet it-talba tal-għaġeb li għamel il-Mulej: “Ikun li trid int” (Mattew 6:10), billi wieġbet għall-ħabbâr ta’ Alla: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej: isir minn skont kelmtek” (Luqa 1:38). L-“iva” ta’ Marija hija tagħlima u eżempju għall-insara kollha biex l-ubbidjenza għar-rieda tal-Missier tkun it-triq u l-mezz tal-qdusija tagħhom.

Min-naħa l-oħra huwa importanti li tara kif il-Knisja turi b’ħafna modi ta’ qima, r-relazzjoni tagħha ma’ Marija:

  • b’qima kbira meta taħseb fuq il-kobor tal-Verġni li saret Omm il-Verb inkarnat permezz tal-Ispirtu;
  • b’imħabba li tħeġġeġ meta tara ‘l Marija, omm spiritwali tal-membri kollha tal-ġisem mistiku;
  • b’tama meta tħoss l-id tal-Avukata u l-Għajnuna tagħha;
  • b’servizz ta’ mħabba meta tara fil-qaddejja umli tal-Mulej is-Sultana tal-Ħniena u l-Omm tal-grazzja;
  • b’eżempju ħerqan meta taħseb fuq il-qdusija u l-virtujiet tal-“Mimlija bil-Grazzja” (Luqa 1:28);
  • bi stagħġib kbir meta tara fiha “ix-xbieha l-aktar safja li tixtieq u tittama li tkun”;
  • bi studju bir-reqqa meta tara fis-Sieħba tal-Feddej li ġa għandha sehem sħiħ mill-frott tal-misteru tal-Għid, minħabba l-milja tagħha tal-futur, sakemm jasal il-jum li fih, imnaddfa minn kull tikmixa u minn kull tebgħa (Efesin 5:27), issir bħal għarusa mżejjna għall-Għarus, Ġesù Kristu (Apokalissi 21:2).

Marija hija l-unika mara li stħaqqilha tissejjaħ “omm” u “għarusa”. Waqt li l-omm tan-nisel tagħna daħħlet il-piena fid-dinja, l-Omm tal-Mulej tagħna reġgħet wildet il-fidwa tagħha. Eva, meta qatlet, ħassret; Marija meta tat il-ħajja, ġabet ir-risq. Eva sawtet, Marija fejqet. Il-Verġni, b’mod tal-għaġeb u uniku, nisslet lis-Salvatur tagħha u ta’ kollox. Hija t-tempju ta’ Alla, l-għajn imħabbra, il-bieb fid-dar tal-Mulej! ~ Ambroġ Autperto, Seklu VIII

Jeħtieġ li nivveneraw b’qima kbira u nuru devozzjoni tenera lil Sidtna Marija għaliex hija l-akwadott li permezz tiegħu aħna nirċievu l-grazzji li “Alla jogħġbu jibagħtilna.” ~ San Bernard

Talba: Sliem għalik, kewkba tal-baħar, Omm qaddisa u kbira t’Alla, dejjem Verġni bla mittiefsa, bieb il-hena u ferħ tas-sema. Uri li tassew int Ommna, wasal talbna quddiem Alla, li fi ħnientu twieled minnek biex isir għalina bniedem. (Mill-Innu tal-Għasar)

Warrab minn quddiem għajnejk, Mulej, il-ħtijiet tal-poplu tiegħek, biex aħna, li ma għandniex ħila nogħġbuk b’dak li nagħmlu aħna, insalvaw bit-talb ta’ Omm Ibnek, Ġesu’ Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://catholicexchange.com/dedication-of-the-basilica-of-st-mary-major

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/dedication-of-saint-mary-major-basilica/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Dedication_of_the_Basilica_of_St_Mary_Major

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar din il-Festa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

19 ta’ Lulju: Santa Makrina

Verżjoni Vidjo: Santa Makrina

“Iżda int, meta titlob, idħol fil-kamra tiegħek ta’ ġewwa, agħlaq il-bieb warajk, u itlob lil Missierek li hu fil-moħbi; u Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu”. ~ Ġesu’ f’Mattew 6:6.

st-macrina-iconSANTA MAKRINA
Verġni
330 – 379

Tagħrif: Kienet minn familja tassew qaddisa minn Cesarea fil-Kappadoċja.

Missierha kien San Bażilju x-Xiħ, ommha Santa Emelja, ħutha t-tliet isqfijiet qaddisin San Bażilju ta’ Cesarea (ara San Bażilju), San Girgor ta’ Nissa u San Pietru ta’ Sebaste (ara San Pietru ta’ Sebaste).

Imwielda madwar is-sena 330, kienet tgħarrset, imma meta miet l-għarus li kellha ddeċidiet li tikkonsagra ħajjitha lil Alla fil-verġinità.

U wara l-mewt ta’ missierha, irtirat ma’ ommha f’Ponto, fejn flimkien ma’ komunità ta’ reliġjużi għexu fit-talb, il-meditazzjoni u l-penitenza. Makrina saret il-badessa ta’ dawn s-sorijiet, naturalment ta’ Ordni Brażiljana.

Kienet magħrufa bħala mara qaddisa u kull fejn kienet tkun kienet ta’ eżempju għal dawk ta’ madwarha. Ħuha, Girgor ta’ Nissa, kiteb dwar il-ħajja ta’ qdusija ta’ oħtu Makrina, fit-tul. Huwa jgħid li hija rrifjutat l-edukazzjoni klassika u minflok għażlet li tiddedika ruħha għall-istudju tal-Iskrittura u l-kitbiet Sagri.

Hija mietet fis-sena 379, fil-propjetà tal-familja, f’Ponto, li hi kienet bidlet f’monasteru, bil-għajnuna ta’ ħuha ż-żgħir, Pietru.

Hemm Santa Makrina oħra, in-nanna ta’ Santa Makrina Verġni, u naturalment ukoll ta’ ħutha, li kienet li ħeġġet lil San Bażilju u lil ħuh San Girgor ta’ Nissa bl-imħabba lejn ir-reliġjon u lejn il-Knisja,. Din mietet fl-14 ta’ Jannar tas-sena 340.

Ħsieb: Minkejja li Santa Makrina għenet lill-membri tal-familja tagħha kemm b’mod prattiku, kif ukoll b’pariri spiritwali, mill-istorja ta’ ħajjitha nafu kemm kienet tfittex is-solitudni biex tkun tista’ tkabbar il-komunikazzjoni tagħha ma’ Alla. Imma din is-solitudni biex wieħed ikun jista’ jitlob għadha moda f’dinja fejn it-teknoloġija donnha trid iżżommna l-ħin kollu f’kuntatt bejnietna l-bnedmin? Imma x’valur għandu s-skiet tas-solitudni?

Papa Franġisku spjega dan dwar is-skiet fl-Udjenza tal-Erbgħa 10 ta’ Jannar 2018:

“Is-skiet mhux il-vojt mill-kliem, imma qiegħed hemm biex niddisponu ruħna ħalli nisimgħu ilħna oħra: dak tal-qalb tagħna u, fuq kollox, il-leħen tal-Ispirtu s-Santu. Fil-Liturġija, in-natura tas-skiet imqaddes tiddipendi mill-mument li fih iseħħ. Jgħid għall-ġabra; eżempju wara l-qari mill-Iskrittura, isejħilna biex nimmeditaw fil-qosor dak li smajna u anki jgħin fit-talb ġewwieni ta’ tifħir u ta’ supplika”.

Is-skiet (li ġġib magħha s-solitudni), jgħinna nidħlu fina nfusna u naħsbu għaliex qegħdin hawn. Għalhekk mela hu importanti li nisimgħu lill-qalb tagħna biex imbagħad niftħuha għall-Mulej. Forsi

  • għaddejjin minn jiem ta’ tħabit, ta’ ferħ, ta’ wġigħ, u nixtiequ ngħidu b’dan lill-Mulej,
  • nitolbu l-għajnuna tiegħu;
  • nitolbuh ikun qrib tagħna;
  • għandna familjari u ħbieb morda jew għaddejjin minn provi iebsin;
  • nixtiequ nafdaw lill-Mulej ix-xorti tal-Knisja u tad-dinja.

Mingħajr dan is-skiet, nirriskjaw li nittraskuraw il-ġabra tar-ruħ”.

Jekk verament irridu nikkomunikaw ma’ Alla fit-talb, huwa importanti li nkunu attenti għas-skiet li fih tgħammar il-Preżenza, bħala spazju meħtieġ ta’ smigħ u fejn wieħed jixtarr il-Kelma, u kundizzjoni għal ħarsa ta’ fidi li tagħraf il-preżenza ta’ Alla fl-istorja personali, f’dik tal-aħwa li l-Mulej jagħtina fil-ġrajjiet tad-dinja ta’ żmienna.

Is-skiet ifisser li nitbattlu minna nfusna biex nagħmlu wisa’ ħalli nilqgħu fina; fl-istorbju ta’ ġo fina ma nistgħu nilqgħu lil ħadd u xejn. Ħajjitna kollha kemm hi kontemplattiva trid iż-“żmien u l-ħila li żżomm is-silenzju biex tisma’” lil Alla u l-karba tal-bniedem. Mela ħa jiskot l-ilsien tal-laħam u jitkellem dak tal-Ispirtu, imqanqal mill-imħabba li kull waħda minna għandna għal Sidna.

F’dan hu ta’ eżempju għalina is-skiet ta’ Marija Santissma, li setgħet tilqa’ fiha l-Kelma għax kienet mara tas-skiet: mhux skiet sterili, vojt; għall-kuntrarju, skiet mimli, għani. Dak tal-Omm Verġni hu wkoll skiet għani bl-imħabba, li lest jilqa’ lill-ieħor u lill-oħrajn.

U issa se ngħid xi ħaġa dwar il-mezzi ta’ komunikazzjoni. Fis-soċjetà tagħna l-kultura diġitali qed tħalli effett kbir u deċiżiv fuq il-formazzjoni tal-ħsieb u fil-mod kif inġibu ruħna mad-dinja u, partikularment, man-nies. Din il-klima kulturali tħalli effett ukoll fuq dawk l-insara li qed jippruvaw jgħixu ħajja ta’ talb. Bla dubju dawn il-mezzi jistgħu jkunu għodda siewja għall-formazzjoni u l-komunikazzjoni, imma ejjew nagħmlu dixxerniment prudenti biex dawn ma jispiċċawx ikunu okkażjoni ta’ ħela ta’ ħin jew ta’ ħarba mill-ħajja mal-aħwa fil-komunità, lanqas ta’ ħsara għas-sejħa tagħna nisranija, jew xkiel għall-ħajja tat-talb tagħna.

Talba: O Mulej, Santa Makrina  għażlet li din il-ħajja tgħixha f’għaqda kontinwa miegħek ħalli bit-talb u l-ħidma tagħha, hija tagħti l-frott kotran ta’ ħajja mibnija fuq il-grazzja tiegħek; agħti lilna wkoll li nagħtu importanza kbira lill-ħajja tat-talb tagħna fis-solitudni miegħek biex inkunu nistgħu nikbru dejjem iżjed fil-virtu’ u b’hekk inkunu ta’ għajnuna u ta’ dawl veru għal ħutna l-bnedmin. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://ww1.antiochian.org/node/19002

Alternative Reading: https://www.loyolapress.com/our-catholic-faith/saints/saints-stories-for-all-ages/saint-macrina?p=1

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Macrina_the_Younger

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

17 ta’ Lulju: Beata Tereża ta’ Santu Wistin u sħabha

Verżjoni Vidjo: Beata Tereża ta’ Santu Wistin u sħabha

“Aħna vittmi ta’ żminijietna u jeħtieġ li nissaggrifikaw lilna nfusna biex dan iż-żmien jerġa’ jirritorna lejn Alla”. ~ Il-Beata Julia Louise (waħda mill-martri)

7_17_Blessed_Martyrs_Compiegne-e1531805914678BEATA TEREŻA TA’ SANTU WISTIN U SĦABHA
Verġni u Martri
†1794

Tagħrif: Hekk kif ir-Rivoluzzjoni Franċiża bdiet tidher ixxaqleb għall-agħar, is-16-il Karmelitana Tereżjana tal-monasteru tal-Inkarnazzjoni ta’ Compiegne offrew lilhom infushom bħala vittma ta’ sagrifiċċju lil Alla, biex iberrdu l-ġustizzja divina u jaqilgħu l-paċi għall-Knisja.

Fl-24 ta’ Ġunju 1794 ġew maqbuda u mkaxkrin il-ħabs, fejn għaġġbu lill-oħrajn bil-ferħ tal-ispirtu u t-telqa sħiħa tagħhom fi jdejn Alla, waqt li bdew iħeġġu lill-ħabsin kollha jimtlew bil-qawwa billi jemmnu fl-imħabba ta’ Alla.

Ġew ikkundannati għall-mewt minħabba l-fedeltà sħiħa tagħhom lejn il-Knisja u lejn il-ħajja reliġjuża, kif ukoll minħabba d-devozzjoni kbira li kellhom lejn il-Qalb ta’ Ġesù u ta’ Marija.

Fis-17 ta’ Lulju 1794, wara li ġeddu l-wegħdiet tal-Professjoni Reliġjuża fi jdejn Tereża ta’ Santu Wistin, flimkien magħha ġew maqtula f’Pariġi waqt li bdew ikantaw innijiet lil Alla u lill-Madonna.

Ħsieb: Ir-Rivoluzzjoni Franċiża bdiet fl-1759. Is-sorjijiet ta’ Compiegne, ġew iddikjarati lajċi: ma jistgħux jilbsu ta’ sorijiet, il-proprjetà tagħhom ġiet sekwestrata u ġew mkeċċijin mill-kunvent. Inqasmu f’erba’ gruppi u alloġġjati f’dar għal kull grupp, qrib il-Knisja ta’ Sant’Antnin. Għexu kif setgħu r-regola u l-ħajja flimkien.

Fl-1794, is-sorijiet ġew arrestati u meħudin f’Pariġi u ttrattati b’mod brutali u għoxxen, neżżgħuhom mill-ilbies tagħhom u libbsuhom biċċa xkora. Ħaduhom quddiem tliet imħallfin u l-prosekutur kien Fouquier Thinvile. Ma tħallewx li jkollhom min jiddefendihom.

Ġew akkużati li kienu fanatiċi. L-akkużi kienu kollha bla provi u infantili. Swor Marie-Henrietta staqsietu x’ried jgħid biha l-kelma “fanatiċi”. Fouquier Thinville wieġeb: “Moħħkom ta’ tfal temmnu fil-ħmerijiet u għandkom użanzi redikoli”. Daħlet ħdejn sħabha u qaltilhom: “Qed tisimgħuh, għax qed ngħixu r-Reliġjon Nisranija, għandna x-xorti li ser immutu għal Alla.”

Rikkbuhom fuq karrettun għal post fejn kellhom jirċievu l-giljottina, fost it-tgħajjir u ż-żuffjett tan-nies. Matul il-vjaġġ li ħa aktar minn siegħa, is-sorijiet kantaw is-Salm 51 (Miserere), is-Salve Reġina, it-Te Deum u talb tal-agonizzanti.

L-imġiba tagħhom għaġġbet kemm lin-nies u l-uffiċċjali li kienu miġburin hemmhekk jarawhom telgħin waħda wara l-oħra, jitolbu għal fuq il-ġatiblu tal-forka. Telgħu u bdew miż-żgħira l-ewwel u s-superjura l-aħħar. Kienu 16-il soru. Il-ġisem tagħhom ġie mitfugħ mill-ewwel ġo fossa flimkien mal-1282 martri oħra, kollha vittmi tat-terrur.

Dawn in-nisa kienu:

  • Il-prijura, Swor M. Tereża Madaleine Ladoine li kellha 42 sena, karattru ħelu, fuq tagħha, edukata ħafna u mara mżejna b’kull virtù.
  • Is-sotto prijura, Swor Sanit-Louis (Mary Anne Brideau), mara ta’ fommha sieket u kienet metikuluża ħafna fil-qadi ta’ dmirijietha u r-regola.
  • Il-Beata Charlotte (Mary Anne Thouret) li meta kienet tifla qatt ma kellha l-idea li tidħol soru. Ta’ 20 sena sabet ruħha f’inċident li ma nafux x’kien, li kien kaġun li daħlet soru. Batiet ħafna waqt in-novizzjat.
  • Il-Beata Euphrasia (Mary Claude Brard), mara li ma kellhiex kwiet f’ġisimha, fuq tagħha, kellha temperament eċċessiv, li minn naħa kienet eċċessiva fil-penitenzi li kienet tagħmel u min-naħa l-oħra biċ-ċajt li kienet tgħid man-nies tal-familji rjali li kienu jiġu jżurha. Kienet tinqalgħha ħafna biex tikteb l-ittri.
  • Il-Beata Henrietta (Gabrielle de Croissy), kienet in-neputija tal-ministru tar-Re Colbert.
  • Il-Beata Julia Louise li kienet romlot, ir-raġel tagħha miet wara ftit żmien taż-żwieġ. Damet ħafna biex taddatta ruħha għall-ħajja tal-kunvet. Waħda mis-sentenzi li kitbet tista’ tiġi applikata għall-oħrajn li jiġu jew ġew quddiem it-tbatijiet u l-persekuzzjoni: “Aħna vittmi ta’ żminijietna u jeħtieġ li nissaggrifikaw lilna nfusna biex dan iż-żmien jerġa’ jirritorna lejn Alla.”
  • Il-Beata Mary Henrietta (Annette Pelras) li għall-mistoqsija li għamlet lil Fouquier Thinville, x’ried ifisser bil-kelma “fanatiċi” ġabet fuqha u fuq sħabha l-kundanna tal-mewt.
  • Iż-żewġ Beati Catherine u Tereża Soiron, li kienu sorijiet li jagħmlu l-qadi kollu. Tereża kienet mara sabiħa u rrifjutat post mal-Prinċipessa de Lamballe.

Waħda minn dawn is-16 kienet taħt it-30 sena, l-akbar waħda kellha 78 sena.

  • U int, x’lesta ssofri b’imħabba għal Kristu?

Talba: O Mulej, il-Beata Tereża ta’ Santu Wistin u sħabha, laqgħu bil-qalb is-sejħa tiegħek biex jaqdu l-missjoni tagħhom bħala Karmelitani Tereżjani umbagħad mietu martri b’kant ta’ tifħir lejk fuq fommhom, agħtina li għat-talb tagħhom, aħna naqdu r-rwol tagħna fil-Knisja llum b’ġenerożita’, b’impenn nisrani u b’kuraġġ quddiem kull ostaklu li naffaċċjaw. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://carmelitesisters.ie/blessed-teresa-of-st-augustine-and-her-companions/

Alternative Reading: https://ocarm.org/en/content/liturgy/bl-teresa-st-augustine-and-companions-ocd-virgins-and-martyrs-m

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Martyrs_of_Compi%C3%A8gne

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

11 ta’ Lulju: San Benedittu

Verżjoni Vidjo: San Benedittu

“Benedittu ħalla d-dar u l-ġid ta’ missieru, u, bix-xewqa li jgħix għal Alla waħdu, talab il-libsa mqaddsa reliġjuża, u għex waħdu fil-ġabra quddiem l-Għassies tas-sema. Huwa twarrab minn kulħadd u għażel il-bluha tad-dinja biex jikseb l-għerf ta’ Alla”. ~ Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Benedittu.

San-Benedetto-1SAN BENEDITTU
Abbati
480 – 547

Tagħrif: San Benedittu twieled f’Norcia, l-Italja, fis-sena 480, minn familja sinjura ħafna, u aktarx li kien tewmi ma’ oħtu, Santa Skolastika.

Huwa mar jistudja f’Ruma, iżda meta ra l-ħajja ħażina madwaru, ħalla kollox u mar jgħix waħdu fuq l-għoljiet ta’ Sabina, xi 65 km bogħod minn Ruma. Hawn iltaqa’ ma’ Romano, patri, li kien jgħix f’għar f’Subiaco, f’ħajja ta’ ġabra u talb. Biż-żmien xi rġiel u żgħażagħ bdew imorru jingħaqdu miegħu, u n-numru tagħhom baqa’ jikber kontinwament tant li sas-sena 525 kien ġa waqqaf tnax-il monasteru f’dawk l-inħawi.

Fis-sena 529 mar fuq Monte Cassino, bejn Napli u Ruma. Hawhekk ukoll ħafna marru jingħaqdu miegħu.

Fis-sena 530 waqqaf il-magħruf monasteru ta’ Monte Cassino. Ir-regola li kiteb għall-patrijiet tiegħu kienet mibnija fuq talb, studju u xogħol, swiet ta’ ġid enormi mhux biss għall-patrijiet iżda għall-Ewropa kollha. Il-monastiċiżmu ta’ San Benedittu ta patrijiet li għenu bis-sħiħ biex inbniet Ewropa ċċivilizzata u nisranija, billi:

  • bnew uħud mill-isbaħ knejjes fl-Ewropa,
  • fetħu ħafna skejjel,
  • għallmu lill-bdiewa jħaddmu l-art,
  • għallmu s-snajja’,
  • ippreservaw ħafna mill-klassiċi Griegi u Rumani,
  • ġabu progress kbir fix-xjenza, fl-arti u fl-agrikultura.

Fuq kollox l-Ordni tiegħu ta lill-Knisja 24 Papa, 4,600 isqof, u aktar minn 5,000 qaddis.

Miet fl-eta’ ta’ 67 sena f’Monte Cassino u difnuh fil-qabar ma’ oħtu Santa Skolastika li kienet mietet xi 40 jum qabel. Il-Papa Pawlu VI fl-24 ta’ Ottubru 1964 ddikjara lil S Benedittu Patrun prinċipali tal-Ewropa kollha. Diġà Piju XII fl-1947 sejjaħlu missier l-Ewropa.

Aktar dettalji
San Benedittu hu meqjus bħala l-Missier tal-Monastiċiżmu tal-Punent. Ir-regola tiegħu, li hija ta’ influwenza kbira, tiġbor fiha t-tradizzjoni monastika tal-Orjent. Hu addattaha b’għerf u diskrezzjoni għad-dinja latina, u kienet mezz biex tiftaħ triq ġdida għaċ-ċiviltà ewropea wara l-waqfa Rumana. F’din l-iskola ta’ servizz lill-Mulej għandhom rwol determinanti il-qari meditat tal-Kelma t’Alla u t-tifħir liturġiku, alternat b’waqtiet ta’ xogħol fi klima intensa ta’ karità fraterna u ta’ servizz reċiproku.

Din ir-regola hija bbażata fuq l-iskrittura u fuq awturi monastiċi ta’ qablu, San Benedittu saħaq ħafna fuq imħabba personali ħafna għal Kristu u fuq il-għaqal. Biż-żmien nibtu fil-kontinent ewropew u fil-gżejjer ċentri ta’ talb, ta’ kultura, ta’ promozzjoni umana, ta’ ospitalità għall-foqra u l-pellegrini. Żewġ sekli wara mewtu, l-għadd ta’ monasteri mmexxija mir-regola tiegħu, jiskorri l-elf. Dan il-Fundatur tal-Monastiċiżmu tal-Punent jixraqlu dawn it-titoli għax permezz ta’ wliedu l-Benedittini rnexxielu jiċċivilizza u jagħmel nisranija parti mmensa mill-Ewropa, mill-Ingilterra sal-Finlandja, minn Franza sal-Polonja u minn Spanja sal-Iskandinavja. (GGC, Avvenire, eċċ.)

Ħsieb: Qari mir-Regola ta’ San Benedittu, abbati bit-titlu ‘Tqiegħdu xejn qabel Kristu’:

“L-ewwelnett, qabel ma tibda xi ħaġa tajba, itlob b’ħerqa kbira lil Alla biex jagħmilha hu, għax wara li għoġbu jilqagħna fost uliedu, ma għandna qatt innikktuh bl-għemil ħażin tagħna. Hu jagħtina ħafna ġid, u jmissna nuruh li dejjem qegħdin ninqdew bih sewwa. Għalhekk inqisu li hu ma jkunx għalina bħal missier inkurlat li se jħalli lil uliedu barra mill-wirt, anqas bħal sid tal-biża’, imbaqbaq għal ħżunitna li se jixħetna fit-telfien ta’ dejjem bħal qaddejja mill-agħar li ma ridux jimxu warajh sal-glorja.

Mela nqumu sa fl-aħħar, l-Iskrittura tqajjimna u tgħidilna: Waslet is-siegħa li intom tqumu min-ngħas. Niftħu għajnejna għad-dawl tas-sema, u b’widnejn mistagħġba nisimgħu lil Alla li kuljum iwissina b’leħen għoli u jgħid: M’hux li kontu llum tisimgħu leħnu: La twebbsux qalbkom; u: Min għandu widnejn, ħa jisma’ xi jgħid l-Ispirtu lill-Knejjes.

U xi jgħid? Ejjew, uliedi, isimgħu lili: jiena l-biża’ tal-Mulej ngħallimkom. Ibqgħu miexja sakemm għandkom id-dalm biex id-dlam tal-mewt ma jilħaqkomx.

Il-Mulej ifittex il-ħaddiem tiegħu f’nofs poplu kotran u jsejjaħ u jgħid: Min hu l-bniedem li jħobb il-ħajja, u jixtieq jara għomru kollu riżq? Jekk int tisimgħu u twieġbu: “Jiena hu”, Alla jgħidlek: “Jekk tassew trid tgħix għal dejjem, ħares ilsienek mill-ħażen u agħmel it-tajjeb, fittex is-sliem u imxi warajh. Jekk tagħmel dan, għajnejja jkunu lejk, u widnejja miftuħa għall-għajta tiegħek; jekk biss issejjħali, inwieġbek: Hawn jien”.

Ħuti għeżież, x’hemm aktar ħelu għalina minn din l-għajta ta’ l-istedina tal-Mulej? Araw, fit-tjieba tiegħu l-Mulej jurina t-triq tal-ħajja.

Mela nħażżmu ġenbejna bil-fidi u l-għemejjel tajba, u nissuktaw miexja fit-triq tal-Evanġelju, biex jistħoqqilna naraw lil dak li sejjħilkom għas-saltna tiegħu. Jekk irridu nidħlu fl-għamara tas-saltna tiegħu, m’aħniex se naslu jekk ma nħaffux permezz tal-għemejjel tajba.

Bħalma hemm għira ħażina li timla l-qalb bl-imrar, li tifridna minn Alla u twassalna fl-infern, hekk hemm għira tajba li tifridna mill-vizzju u twassalna għand Alla fil-ħajja ta’ dejjem. U l-għira ta’ mħabba l-iżjed imħeġġa li l-irħieb imissu jkollhom hija din: li jżommu wieħed lill-ieħor aqwa minnhom fil-ġieħ; jistabru ħafna b’min hu dgħajjef fil-ġisem u r-ruħ; ifittxu bil-ħerqa li jkunu ubbidjenti; ma jagħmlux kull wieħed li jaqbillu, imma li jaqbel lill-oħrajn; ikollhom imħabba safja bejniethom bħal aħwa; jibżgħu minn Alla bl-imħabba; iħobbu lis-superjur tagħhom b’għożża mill-qalb u umli; u ma jqiegħdu xejn u xejn qabel Kristu, li jwassalna flimkien għall-ħajja ta’ dejjem”.

  • “Itlob u aħdem” kien il-motto ta’ San Benedittu. Int għandek xi motto tiegħek personali? Kemm jekk għandek u kemm jekk m’għandekx, qed tara li t-talb ikollu postu fil-ħajja tiegħek ta’ kuljum, jiġifieri li jkun hemm ħin matul il-jum li tgħaddieh f’għaqda ma’ Alla?

Talba: Qaddis admirabbli u duttur tal-umiltà, li pprattikajt dak li għallimt u li kont titlob b’ħeġġa u mħabba kbira ’l Alla filwaqt li taħdem għall-ġid tal-bnedmin; inti taf bil-perikli li qed iduru madwarna llum, perikli li ħoloq il-bniedem stess, ħarisna minn kull velenu kemm tal-ġisem, kif ukoll tal-moħħ u tar-ruħ, u kun inti tassew l-imbierek għalina lkoll. Ammen. (Talba lil San Benedittu)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://www.saintbenedict.org/saint-benedict/

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-benedict/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Benedict_of_Nursia

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

9 ta’ Lulju: San Ġwann minn Kolonja u sħabu

Verżjoni Vidjo: San Ġwann minn Kolonja u sħabu

“Ifirħu wkoll jekk issa, għal ftit żmien ieħor, jeħtieġ tgħaddu min-niket ta’ ħafna provi. Hekk is-sinċerità tal-fidi tagħkom – li tiswa wisq aktar mid-deheb ippruvat bin-nar u li jintemm – tgħaddi mill-prova u fl-aħħar ikun jistħoqqilha t-tifħir u l-glorja u l-ġieħ meta jidher Ġesù Kristu”. ~ 1 Pietru 1: 6-7.

DAS-MARTYRIUM-DER-MOeNCHE-VON-GORKUM_74-IV_69231.jpgSAN ĠWANN MINN KOLONJA U SĦABU
Martri ta’ Gorcum
? – 1572

Tagħrif: Ftit il-bogħod minn Gorcum, kien hemm post jissejjaħ Hooraer.

Il-kappillan ta’ din il-paroċċa kien Ġwann Heer (Ġwann ta’ Kolonja) li kien twieled fil-Ġermanja fil-bidu tas-seklu sittax u daħal fl-Ordni Dumnikana fil-kunvent ta’ Kolonja.

Fil-ħeġġa għall-fidi kattolika u l-ħerqa tiegħu għas-salvazzjoni tal-erwieħ, huwa mar jaħdem l-Olanda bħala kappillan ta’ Hoornaer. Kien ilu jaħdem hemmhekk għal madwar għoxrin sena.

Meta waslet l-aħbar li saċerdoti u reliġjużi f’Gorcum ġew arrestati, imqanqal minn imħabba ta’ qalb kbira mar jagħti l-għajnuna tiegħu. F’Gorcum hu kien jamministra s-sagramenti, speċjalment l-Ewkaristija.

Iżda l-movimenti ta’ Ġwanni bdew jiġu nnotati u darba minnhom waqt li kien sejjer jgħammed tarbija, ġie arrestat. Ġie akkużat li fil-visti tiegħu kien qed jispjuna għar-Re ta’ Spanja.

Fid-9 ta’ Lulju 1572, dsatax, bejn reliġjużi u saċerdoti, ġew mogħtija t-tgħalliq f’Brielle (Olanda). Ġew maqtulin mill-Kalvanisti għax kienu jiddefendu l-awtorità tal-Knisja ta’ Ruma u l-preżenza reali ta’ Ġesù fl-Ewkaristija.

Ħdax minnhom kienu Franġiskani tal-kunvent ta’ Gorcum, fosthom il-Patri Gwardjan Nikola Pick u l-vigarju Ġirolmu Werden; wieħed Dumnikan (Ġwann ta’ Kolonja), tnejn Norbertjani, wieħed kanonku regulari ta’ Santu Wistin u erba’ qassisin.

Dawn kienu magħduda mal-qaddisin tal-Knisja mill-Papa Piju IX. Il-fdal tagħhom jinsab f’Santwarju għad unur tagħhom ġewwa Brielle, l-Olanda.

Ħsieb: Kien fix-xahar ta’ Ġunju tal-1572, li l-Kalvinisti ħakmu f’idejhom il-belt ta’ Gorcum fl-Olanda. Qabdu lil dawn l-insara li semmejna li kienu joqgħodu f’dik il-belt, u bdew jeħduhom minn raħal għal ieħor u jwaqqgħuhom għaż-żufjett quddiem in-nies kollha tal-pajjiż. Qafluhom imbagħad fil-ħabs ta’ Brielle u hemm tawhom kull għamla ta’ tortura biex iġagħluhom jiċħdu l-fidi Kattolika fl-Ewkaristija u fil-primat tal-Papa. Damu mis-26 ta’ Ġunju sas-6 ta’ Lulju. Għalxejn ipprova jaqbeż għalihom William of Orange, għaliex xorta l-kmandant Watergerzen ħareġ il-mandatt li wara torturi mill-aktar ħarxa jmorru għall-forka. Huma baqgħu sħaħ fi twemminhom u għażlu li jieħdu l-martirju. Fost dawn il-martri tal-Olanda, insibu lid-Daniż San Wilhad ta’ 90 sena, l-ixjaħ wieħed fosthom.

It-Tnejn 30 ta’ Jannar 2017, fl-omelija tiegħu mid-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku qal hekk:

“Il-Knisja hi magħmula minn poplu t’Alla, midneb imma doċli, li jagħmel tant affarijiet kbar u jagħti xhieda ta’ Ġesù Kristu, sal-martirju. Il-martri huma dawk li jmexxu l-Knisja ‘l quddiem, sal-ġurnata tal-lum.

Illum hawn aktar martri mill-ewwel sekli. Il-midja dan ma tgħidux għax ma jitqiesx aħbar, imma llum bosta Nsara huma beati għax ippersegwitati, insultati, mitfugħin il-ħabs, imqar għax sempliċement kellhom salib fuqhom, jew għax iddikjaraw li jistqarru lil Ġesù Kristu. Din hi l-glorja tal-Knisja, hija s-sapport tagħna u l-umiljazzjoni tagħna. Aħna li għandna kollox, ingergru meta tonqosna xi ħaġa… imma ftit naħsbu dwar dawn ħutna, li llum, aktar mill-ewwel sekli, għadhom isofru l-martirju.

L-akbar forza tal-Knisja llum tinsab fil-Knejjes żgħar, bi ftit membri, li huma ppersegwitati u mitfugħin il-ħabs flimkien mal-isqfijiet tagħhom. Nazzarda ngħid, li Knisja mingħajr martri hi Knisja mingħajr Ġesù. Għalhekk nistedinkom biex titolbu għall-martri li jsofru bla qies u titolbu għal dawk il-Knejjes li m’għandhomx il-libertà li jesprimu ruħhom, li jsofru ħafna, għax it-tama tagħna tinsab fihom.

Kittieb tal-ewwel sekli tal-Knisja kien qal li d-demm tal-martri hu ż-żerriegħa tal-Insara. Bil-martirju u x-xhieda tagħhom, bit-tbatija tagħhom, bl-offerta ta’ ħajjithom, qed jiżirgħu l-futur. Jien nitlobkom biex toffru quddies għall-Knejjes li jsofru u li m’għandhomx libertà. U niżżu ħajr lill-Mulej, li aħna preżenti bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħu f’dawn ħutna li llum jagħtu xhieda tiegħu”.

  • U int, titlob għall-insara ppersegwitati madwar id-dinja li lanqas jissemmew fl-aħbarijiet?
  • Lest/a li jwaqqgħuk għaż-żufjett filwaqt li inti tibqa’ tistqarr il-fidi tiegħek fi Kristu u fil-Knisja li hu waqqaf?

Talba: O Alla, int ħlaqt il-bnedmin kollha u tajthom is-salvazzjoni, b’mod tal-għaġeb sejjaħt għall-fidi kattolika l-popli tal-Olanda u wassalt il-qaddisin martri San Ġwann minn Kolonja u sħabu għall-istqarrija glorjuża tal-fidi; agħtina li, bl-eżempju u t-talb tagħhom, aħna wkoll iseħħilna nibqgħu sħaħ sal-mewt fil-ħarsien tal-kmandamenti tiegħek u tat-tagħlim tal-Knisja Kattolika. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/martyrs-of-gorkum.html

Alternative Reading: https://catholicexchange.com/the-19-martyrs-of-gorkum

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Martyrs_of_Gorkum

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.