24 ta’ Lulju: Beata Marija Mercedes Prat

Verżjoni Vidjo: Beata Marija Mercedes Prat

“Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu.” – Ġesù fi Ġwanni 15:13.

Mercedes Prat y PratBEATA MARIJA MERCEDES PRAT
Verġni u Martri
1880 – 1936

Tagħrif: Mercedes Prat twieldet f’Barċellona, fis-6 ta’ Marzu, 1880. L-għada, hija ġiet mgħammda. Għamlet l-ewwel tqarbina tagħha, fit-30 ta’ Ġunju, 1890.

Minn ċkunitha Mercedes ingħatat kompletament lil Alla. Ma kinitx tgħaddi ġurnata li hija ma tersaqx biex tirċievi l-Ewkaristija.

Kellha mħabba kbira għall-proxxmu u għamlet dak li setgħet sabiex tnibbet din il-kwalità ta’ mħabba f’ħaddieħor.

Meta kienet fl-iskola, kienet magħrufa għat-tjubija tagħha u għad-dedikazzjoni tagħha għall-istudju. Kienet eċċellenti fil-ħjata u fit-tpinġija, għaliex kienet imżejna bit-talent tal-arti.

Fl-1904, hija ngħaqdet mas-Soċjetà ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù, f’Tortosa, u bdiet in-novizzjat tagħha. Hija għamlet l-ewwel professjoni tagħha, fl-1907.

Fl-1920, Swor Mercedes inbagħtet il-Motherhouse, Barċellona. Kien hemm taqlib sħiħ, il-Gvern kien anti-kattoliku u ma kellu l-ebda simpatija lejn il-Knisja.

Minn hawn beda l-martirju għal Swor Mercedes. Fis-19 ta’ Lulju tal-1936, il-komunità kellha tħalli l-iskejjel tagħha u taħrab. Hija kienet waħda mir-reliġjużi, u fit-23 ta’ Lulju ġiet arrestata u xkubettatha, għaliex kienet soru.

Hija mietet filgħodu kmieni nhar l-24 ta’ Lulju, 1936. Ġiet ibbeatifikatha mill-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II, fid-29 ta’ April, 1990.

Aktar dettalji
Il-Beata Marija Mercedes Prat kienet reliġjuża għal qalb t’Alla: sinċiera u dejjem prudenti fi kliemha, kalma, ġentili, ta’ tjieba kbira għal kulħadd iżda ta’ karattru sod. Hija tħarrġet b’żelu u dedikazzjoni fl-appostolat tat-tagħlim f’diversi skejjel. Il-ħajja reliġjuża tagħha kienet immarkata minn sempliċità qawwija u għotja sħiħa ta’ mħabba lejn Alla u l-aħwa. Alla kien il-maħbub tagħha u l-imħabba tagħha għalih kompliet dejjem tikber, sal-punt li kienet lesta li tagħti ħajjitha għal Alla.

L-ewwel jiem tal-gwerra Spanjola għamlu minnha waħda mill-ewwel vittmi tal-gwerra. Ġiet arrestata mill-militanti flimkien ma’ soru oħra tal-komunità, u wara ġurnata ta’ turmenti morali, ġiet fuċillata ma’ priġunieri reliġjużi oħra. Mietet wara agunija twila, li matulha ħafret lill-eżekuturi tagħha, fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu.

Ħsieb: Imma min fejn ġabet il-qawwa biex taħfer u tibqa’ fidila lejn Kristu, anke sal-Martirju? Il-Papa Franġisku f’quddiesa tal-Kanonizzazzjoni għal grupp ta’ 800 qaddis martri, (12 ta’ Mejju, 2013) jgħid hekk:

“Il-Kelma t’Alla li stednitna għal fedeltà lejn Kristu, anke sal-Martirju; tfakkarna mill-ġdid fl-urġenza u fis-sbuħija li nwasslu ‘l Kristu u l-Evanġelju tiegħu lil kulħadd; u tkellimna dwar ix-xhieda tal-imħabba li mingħajrha kemm il-martirju kif ukoll il-missjoni jitilfu kull togħma nisranija.

L-Atti tal-Appostli, meta jkellmuna mid-djaknu Stiefnu, l-ewwel martri, jinsistu jtennulna li hu kien bniedem “mimli bl-Ispirtu s-Santu” (6:5; 7:55). Xi jfisser dan? Ifisser li huwa kien mimli bl-Imħabba t’Alla, li l-persuna kollha tiegħu, il-ħajja tiegħu kienu mogħtija r-ruħ mill-Ispirtu ta’ Kristu Mqajjem mill-imwiet, b’mod li hu seta’ jimxi wara Ġesù bil-fedeltà sħiħa sal-għotja tiegħu nnifsu.

Imma l-martri fejn sabu l-qawwa biex jibqgħu fidili? Żgur fil-fidi li tara ‘l hemm mill-limiti tal-ħarsa tagħna bħala bnedmin, lil hemm minn tmiem il-ħajja f’din l-art, li tgħinna nikkontemplaw “is-smewwiet miftuħa” – kif itenni San Stiefnu – u lil Kristu ħaj fuq il-lemin tal-Missier. Għeżież ħbieb tiegħi, ngħożżu dil-fidi li rċivejna u li hija l-veru teżor, inġeddu l-fedeltà tagħna għall-Mulej, anke qalb it-tfixkil u meta nsibu ruħna mhux mifhmuha; Alla ma jonqosna qatt fil-qawwa u s-serenità.

Fil-waqt li nagħtu qima lill-Martri …, nitolbu ‘l Alla li jagħti l-qawwa lil tant insara li, f’tant pajjiżi fid-dinja, illum ukoll qegħdin isofru vjolenza; nitolbuh ukoll jagħtihom il-kuraġġ tal-fedeltà u li jwieġbu l-ħażin bit-tajjeb.

It-tieni ħsieb nistgħu nieħduh mill-kelmiet ta’ Ġesù li mill-Evanġelju: “Nitlob għal dawk li għad jemmnu bis-saħħa tal-kelma tagħhom; nitolbok li jkunu lkoll ħaġa waħda. Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina” (Ġwanni 17:20). 

Ejjew inkunu ġenerużi m’Alla, ma ngħixux il-fidi weħidna – bħallikieku kien possibbli tgħix il-fidi għalik waħdek – imma li ngħadduha lill-oħrajn, ngħaddu l-ferħ tal-Evanġelju bil-kelma u bix-xhieda tal-ħajja f’kull ambjent li fih inkunu ninsabu. F’kull post li fih ngħixu, inwasslu r-raġġi ta’ dil-ħajja tal-Evanġelju! Il-fidi tgħallimna naraw il-wiċċ ta’ Ġesù li jidher jirrifletti fl-ieħor jew l-oħra, li nirbħu l-indifferenza u l-individwaliżmu, li jherru l-komunitajiet insara u jherru lill-qlubna.

Hija tgħallimna wkoll nilqgħu lil kulħadd mingħajr preġudizzji, mingħajr diskriminazzjoni, mingħajr domandi għalxejn, bi mħabba sinċiera. Fil-waqt li nagħtu l-aħjar tagħna nfusna u fuq kollox naqsmu magħhom dak li għandna l-aktar prezzjuż, li m’humiex il-ħidmiet tagħna jew l-organizzazzjonijiet tagħna; Le! Dak li għandna bħala l-aktar li jiswa huwa Kristu u l-Evanġelju tiegħu.

Fl-aħħarnett, it-tielet ħsieb. Fl-Evanġelju Ġesù jitlob lill-Missier b’dawn il-kelmiet: “Jien għarrafthom ismek u għad ngħarrafhulhom iżjed, biex l-imħabba li biha ħabbejtni tkun fihom u jiena fihom” (Ġwanni 17:26). Il-fedeltà sal-mewt tal-martri u x-xandir tal-Evanġelju lil kulħadd għandhom l-għeruq tagħhom fl-imħabba t’Alla li hija msawba fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu (ara Rumani 5,5) u fix-xhieda li għandna nagħtu għal din l-imħabba fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.  

Ejjew inħobbu kif Ġesù ħabbna, u dan ifisser li ma ningħalqux fina nfusna, fil-problemi tagħna, fl-ideat tagħna, fl-interessi tagħna, f’din id-dinja żgħira li tant iġġibilna ħsara, imma noħorġu u mmorru niltaqgħu ma’ min jeħtieġ attenzjoni, mogħdrija, għajnuna, biex inwasslulhom qribhom l-imħabba mħeġġa u ħerqana t’Alla; u dan nagħmluh b’ġesti ta’ delikatezza, interess sinċier u mħabba.

Il-fedeltà għal Kristu u l-Evanġelju tiegħu, biex inwassluh bil-kelma u bil-ħajja, filwaqt li nagħtu xhieda tal-imħabba t’Alla bl-imħabba tagħna, bil-karità tagħna lejn kulħadd: dawn huma eżempji li jdawwlu u tagħlim li joffrulna l-Qaddisin imxandra llum, imma li fl-istess waqt iqajmu wkoll mistoqsijiet lil ħajjitna nisranija:

  • Kif jiena fidil/a għal Kristu?
  • Jiena kapaċi li “nuri” l-fidi tiegħi bir-rispett, imma wkoll bil-kuraġġ?
  • Jiena attent/a għall-oħrajn, nittendi min huwa fil-bżonn, nara f’kulħadd aħwa li rrid inħobb?

Inġorru magħna dawn il-mistoqsijiet biex naħsbu fuqhom.”

Talba: Mulej Alla ta’ missirijietna, imliena bix-xjenza tas-salib, li biha żejjint lill-Beata Marija Mercedes Prat fil-waqt tal-martirju; agħtina, għat-talb tagħha, li dejjem infittxu lilek bħala l-ogħla Verità u nħarsu b’qalb sħiħa sal-mewt il-patt etern ta’ mħabbtek imwettaq bid-demm ta’ Ibnek għas-salvazzjoni ta’ kulħadd. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://ocarm.org/en/content/liturgy/bl-maria-mercedes-prat-ocd-virgin-and-martyr-mf

Alternative Reading: http://www.meditationsfromcarmel.com/content/blessed-maria-mercedes-prat-0

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Merc%C3%A8_Prat_i_Prat

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements

3 ta’ April: San Rikardu

Verżjoni Vidjo: San Rikardu

“Bin il-​bniedem ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u jagħti ħajtu”. ~ Ġesù  f’Mattew 20:28

strichardwebSAN RIKARDU
Isqof ta’ Chichister
1197 – 1253

Tagħrif: Rikardu tilef lil missieru meta kien għadu żgħir u l-proprjetà tal-familja marret lura. Meta ħuh il-kbir offrielu l-wirt, Rikardu ma aċċettax għad li għen kemm seta’ biex jerġa’ jwaqqafha.

Studja Oxford u Pariġi u anki għamel kors fid-Dirittu Kanoniku f’Bolonja. Hu reġa’ lura pajjiżu b’fama kbira tant li ħatruh rettur tal-Università ta’ Oxford. Hawn tant spikka fl-għerf u fil-qdusija li l-arċisqof ta’ Canterbury, San Edmond, riedu miegħu bħala kanċillier tad-djoċesi. Hekk sar kumpann intimu ta’ San Edmond, akkumpanjah Franza fl-eżilju, assistieh f’mewtu u ħadu bħala mudell ta’ ħajtu.

Wara l-mewt tal-Arċisqof San Edmond, Rikardu mar jistudja t-Teoloġija mad-Dumnikani f’Orléans, fejn kien ordnat saċerdot u mbagħad mar lura pajjiżu. Hemm l-arċisqof il-ġdid ta’ Canterbury, Bonifaċju, talbu biex jaċċetta jsir kanċillier tiegħu.

Meta fl-1244 miet l-isqof ta’ Chichester, il-kapitlu fuq ir-rakomandazzjoni ta’ Bonifaċju ħatar lil Rikardu bħala suċċessur. Iżda din in-nomina ma għoġbot xejn lir-Re Enriku III għax Rikardu kien iżomm ma’ Edmond, li kien ħadha kontra l-intrigi tar-re. Għalhekk Enriku ma riedx jagħti lil Rikardu d-drittijiet tal-mensa (tad-dħul). Bla dar fid-djoċesi tiegħu u bla mezzi, Rikardu sab ruħu dipendenti tal-karità tal-kleru u tal-fidili. Iżda sentejn wara (1246) Enriku kellu jċedi wara li l-Papa qabeż għalih.

Rikardu baqa’ jgħix bħala isqof fil-faqar u fil-penitenza, għax kien jagħti kważi kollox lill-foqra. Għamel ħafna digrieti biex jirregola l-ħajja tal-kleru, l-amministrazzjoni tas-sagramenti, is-servizz u l-privileġġi tal-knejjes. Meta d-dispensier kien josservalu li qed jagħti karità aktar mir-renti tal-mensa: “ma jimpurtax,” kien iwieġbu, “biegħ l-oġġetti tal-fidda u ż-żiemel.”

Huwa u sejjer Dover biex jikkonsagra knisja ġdida f’ġieħ San Edmond, ħassu ħażin fil-vjaġġ. Malli wasal Dover kemm kemm laħaq ikkonsagra l-knisja. Miet l-għada, fit-3 ta’ April, 1253 fl-età ta’ 56 sena. Ħaduh lura Chichester u difnuh fil-katidral. Kien iddikjarat qaddis disa’ snin wara mewtu mill-Papa Urbanu IV.

Ħsieb: F’kull stadju ta’ ħajtu, San Rikardu qeda d-doveri tiegħu sewwa u b’ġenerożità, bla ebda interess personali. Kemm hu importanti l-altruiżmu fil-ħajja tan-nisrani. Kemm għandha tispikka fina dik il-ħajja dedikata għall-oħrajn. Fuq kollox, din hija l-ħajja li għażel Sidna Ġesù Kristu “li ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u jagħti ħajtu.” Għalhekk, in-nisrani ma jista’ qatt ikun egoist!

F’diskors waqt omelija minn tiegħu, il-Papa Franġisku (14 ta’ Mejju 2013) jgħid hekk:

“L-egoiżmu ma jwassalna mkien. L-imħabba mill-banda l-oħra tillibera. Minħabba dan min hu kapaċi jgħix il-ħajja propja bħala “rigal biex jingħata lill-oħrajn” ma jibqa’ qatt waħdu u ma jisperimentax “id-dramm tal-kuxjenza iżolata,” priża faċli ta’ Satana li dejjem lest biex iqarraq” b’min jagħżel triqtu. 

Ġesù jgħidilna kelma qawwija: ‘Ħadd m’għandu mħabba ikbar minn din: li tagħti ħajtek għal ħbiebek.’ L-ikbar imħabba: li tagħti ħajtek. L-imħabba dejjem timxi minn din it-triq: li tagħti ħajtek. Tgħix ħajtek bħala rigal, rigal biex jingħata. Mhux teżor biex jinżamm. U Ġesù hekk għixha, bħala rigal. U jekk tgħix ħajtek bħala rigal, inti tagħmel dak li jrid Ġesù: “Waqqaftkom sabiex tmorru u ġġorru l-frott.” Mela m’hemmx għalfejn naħarqu ħajjitna bl-egoiżmu.

Ġuda, mill-banda l-oħra, kellu atteġġjament kuntrarju ta’ min iħobb, għaliex “qatt ma fehem, miskin, xi jkun rigal.” Ġuda kien wieħed minn dawk il-bnedmin li qatt ma jaslu li jagħmlu ġest ta’ altruwiżmu u li dejjem jgħixu fl-isfera tal-propju jien, bla ma qatt “iħallu jinħatfu mis-sitwazzjonijiet sbieħ.” Atteġġjament li, minflok, huwa tal-“Maddalena, meta taħsel riġlejn Ġesù bl-ingwent, tant iqum flus… dan huwa mument, reliġjuż, mument ta’ gratitudni, mument ta’ mħabba.” Ġuda, mill-banda l-oħra jgħix maqtugħ, fis-solitudni tiegħu, u jibqa’ javvanza f’dik it-triq. Din hija “l-qrusa tal-qalb” u hekk “bħal ma l-imħabba tikber fir-rigal,” ukoll fl-atteġġjament l-ieħor, dak “tal-egoiżmu, jikber. U kiber, f’Ġuda, sat-tradiment ta’ Ġesù.” Min iħobb, jagħti l-ħajja bħala rigal: min hu egoista, jittradixxi, jibqa’ dejjem waħdu u “jiżola l-kuxjenza tiegħu fl-egoiżmu, f’dik il-kura tal-propja ħajja; imma fl-aħħar jitlifha.”

Mela hemm żewġ toroq x’nagħżlu: ngħixu l-ħajja għaliha nfisha jew ngħixuha bħala rigal, iġifieri bħalma għamel Ġesù: “Bħal ma ħabbni l-Missier, hekk jibgħatni għall-imħabba u jien nirregala ruħi għall-imħabba.” Ejjew nitolbu: ‘Ejja Mulej, u tini qalb wiesgħa, li tkun kapaċi tħobb b’umiltà, b’manswetudni’.” U “Nitolbuh ukoll li jeħlisna dejjem mit-triq l-oħra, dik tal-egoiżmu, li fl-aħħar tispiċċa ħażin.”

  • U int, f’liema triq tinsab?
  • Qiegħed/qiegħda tixbah lill-Imgħallem Divin?
  • Qed timxi, bħal San Rikardu fit-triq li ser twasslek għall-glorja tal-qaddisin fis-Sema?

Talba: Grazzi lilek, Mulej tiegħi Ġesù Kristu, għall-benefiċċji kollha li tajtni, għall-uġigħ u l-insulti kollha li Inti sofrejt għalija. O Salvatur tant ħanin, ħabib u ħuna, agħmel li nsir nafek b’mod aktar ċar, li nħobbok b’għożża akbar, u li nsegwiek aktar mill-viċin, jum wara jum. Ammen. (Talba ta’ San Rikardu)

English Version: https://catholicexchange.com/saint-richard-of-wyche

Alternative Reading: https://www.ewtn.com/library/MARY/RICHARD.HTM

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Richard_of_Chichester

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

20 ta’ Diċembru: Beatu Vinċenz Romano

Verżjoni Vidjo: Beatu Vinċenz Romano

“Tassew ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” ~ Ġesu’ f’Mattew 25:40

F_BeatoVincenzoIL-BEATU VINĊENZ ROMANO
Saċerdot
1751 – 1831

Tagħrif: Il-Beatu Vinċenz Romano kien ġej minn familja ta’ bdiewa f’Torre del Greco, qrib Napli. Huwa studja fis-seminarju Djoċesan ta’ Napli u fost dawk li kienu jgħallmuh kien hemm ukoll San Alfons M. de Liguori. Kien ordnat qassis Djoċesan fl-10 ta’ Ġunju 1775.

Hu għadda kważi s-56 sena tiegħu bħala qassis fil-belt fejn kien twieled ta’ Torre del Greco. Kien iddedikat b’mod speċjali għat-tagħlim u għall-predikazzjoni u kien mezz biex ħafna żgħażagħ saru qassisin bħalu.

Ta’ 48 sena ġie nominat kappillan, imma minkejja li kien ilu ġa 24 sena bħala saċerdot, huwa ma riedx jidħol għal din ir-responsabbiltà ta’ kappillan u kien biss wara ordni formali mill-isqof tiegħu li aċċetta din il-kariga.

B’kollox għamel 33 sena (mill-1799 sal-1831) kappillan tal-unika parroċċa f’dik il-belt dak iż-żmien, il-knisja ta’ Santa Croce, illum bażilika pontifiċja. Bħala kappillan daħħal il-prattika li jqabbad saċerdoti bħala kappillani għas-sajjieda li jaħdmu fuq l-ibħra; kien iħabrek biex il-baħħara jkollhom paga ġusta u anki waqqaf arbitraġġ għall-kwistjonijiet li dawn kien ikollhom ma’ dawk li jimpjegawhom.

Wara l-eruzzjoni tal-Vessuvju tal-15 ta’ Ġunju 1794 li qered il-belt kważi għal kollox, hu għen biex jerġgħu jinbnew id-djar imwaqqgħin. Hu kien mudell ta’ ragħaj.

Meta l-Beatu Vinċenz Romano miet, fl-20 ta’ Diċembru 1831, ta’ 80 sena, il-belt kollha ħarġet tagħti qima lill-missier maħbub u ġeneruż tagħha. Iddikjarah Beatu, il-Beatu Papa Pawlu VI fis-17 ta’ Novembru 1963.

Ħsieb: Għalkemm ħafna drabi kien oppress minn gruppi politiċi u minn dawk ta’ madwaru, Romano baqa’ reżiljenti matul iż-żmien tiegħu f’Santa Croce u aċċerta ruħu li dejjem jagħti attenzjoni bir-reqqa lill-edukazzjoni tat-tfal u lill-evanġelizzazzjoni tal-poplu. Kien predikatur li pproklama l-messaġġ tal-Evanġelju b’tali mod li kien sempliċi u mmirat lejn l-edukazzjoni tal-fidili kollha. Fis-sajjieda, hu ra x-xbieha ta’ Alla, u għalhekk iddefendihom kontra nuqqas ta’ paga ġusta u kontra inġustizzji oħra li kienu qed isofru minn dawk li jimpjegawhom.

Ġesù ġie biex jgħinna nidentifikaw ix-xbieha ta’ Alla f’kull bniedem, wkoll f’dawk il-persuni li hu diffiċli għalina naraw din ix-xbieha ta’ Alla fihom. Fil-Vanġelu huwa jsemmi dawk li huma bil-ġuħ, dawk bil-għatx, il-barrani, dak li huwa għeri, dak li hu marid u dak li qiegħed fil-ħabs. Hu jgħid lid-dixxipli tiegħu: “Tassew ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi”.

Ovvjament, illum insibu forom oħra ta’ faqar: id-droga, ix-xorb alkoħoliku eċċessiv, it-tfal li jgħixu b’mod jew ieħor il-problemi jew il-kundizzjonijiet diffiċli tal-ġenituri tagħhom. Ġesù ma setax jagħtina kliem iktar qawwi biex in-nisrani jħobb lil kulħadd iktar minn hekk. Wara dan il-kliem ta’ Ġesù, l-ebda nisrani veru ma jista’ jsib raġuni biex ma jħobbx lil kulħadd, b’mod speċjali l-foqra u l-batuti.

Huwa ġie fid-dinja jfittex b’mod speċjali lil dawk li huma batuti u fqar. Għalkemm Alla l-Missier bagħat lil Ibnu għall-bnedmin kollha, għax ilkoll tbegħdu minnu, iktar u iktar bagħtu fost il-fqar u l-batuti għaliex Alla jweġġa’ kull darba li jara bniedem, magħmul xbieha tiegħu, qiegħed ibati. Kellu sensittività kbira għat-tbatija tal-bniedem. Dan jixduh il-ħafna mirakli, b’mod speċjali għal dawk li d-dixxipli tiegħu kienu jippruvaw ibegħduhom minnu. Huwa mhux talli ma tbiegħedx, talli kien ifittex li jiġi f’kuntatt magħhom. Għalhekk narawh b’mod speċjali jfittex il-fqar, il-morda u t-tfal li kien iħallihom jersqu lejh. Sidna Ġesù Kristu tant jagħti valur lil din l-imħabba, li jgħaqqad il-ġudizzju ta’ kull bniedem mat-twettiq ta’ din l-imħabba. “Tassew ngħidilkom,” jgħid Ġesù, “kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti għamiltuh miegħi”. Dawn huma dawk li joqogħdu fuq il-lemin tiegħu fis-saltna.

Għal Alla, li tħobb tfisser ukoll li tgħin lil dawk li qegħdin ibatu. Fil-ktieb tad-Dewteronomju insibu: “la twebbisx qalbek u tagħlaqx idek għal ħuk fil-bżonn imma iftaħ idek miegħu. Iftaħ idek sewwa lil ħuk, lill-fqar u lill-miskin f’artek”. Il-faqar tal-oħrajn, għan-nisrani huwa okkażjoni li l-Mulej jagħtih biex qalbu tinfetaħ għall-batut u, jgħid id-Dewteronomju, “la ssewwidtx qalbek meta tagħtih, għaliex minħabba f’dan ibierkek il-Mulej Alla tiegħek”. Din hija s-sejħa li San Pawl jagħmel lill-Kolossin u jagħmilha lilna, “U fuq kollox ilbsu l-imħabba li hi l-qofol tal-perfezzjoni. J’Alla s-sliem ta’ Kristu jsaltan fi qlubkom . . . Kull ma tagħmlu jew tgħidu, agħmlu kollox f’isem il-Mulej Ġesù u roddu ħajr lil Alla l-Missier permezz tiegħu” (Kolossin 3:14.17).

  • Il-Mulej Ġesu’, ir-Re u s-Sid fuq kulħadd ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi. Jien li ma jien xejn, x’qed nagħmel?

Itlob lill-Mulej, biex jagħtik il-qawwa u l-grazzji li għandek bżonn biex taqdi lilU fl-oħrajn bil-ferħ u bil-qalb anki meta affaċċjat/a ma’ bosta umiljazzjonijiet. Għidlu li tixtieq tħobbU ta’ veru kif ħabbna Hu!

Talba: Agħtina O Mulej, li fuq l-eżempju ta’ dan ir-Ragħaj tajjeb, is-saċerdot Vinċenz Romano li kien figura sempliċi iżda b’saħħitha għan-nies ta’ Torre del Greco, aħna wkoll nieħdu ħsieb lil dawk li ġew fdati f’idejna, anki jekk huma biss il-membri tal-familja tagħna, ngħinuhom jikbru fil-fidi, u nagħtuhom xhieda tal-imħabba vera ta’ Alla bil-mod kif nittrattaw magħhom. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saltandlighttv.org/blogfeed/getpost.php?id=85494

Alternative Reading: http://www.italyonthisday.com/2017/06/the-blessed-vincent-romano-neapolitan-priest.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Vincent_Romano

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

20 ta’ Novembru: Beata Marija Fortunata Viti

Verżjoni Vidjo: Beata Marija Fortunata Viti

“Żmien it-tbatija qasir, il-ferħ hu etern.” ~ Beata Marija Fortunata Viti

Beata-Maria-Fortunata1BEATA MARIJA FORTUNATA VITI
Verġni
1827 – 1922

Tagħrif: Anna Felicia Viti twieldet ġewwa Veroli fl-Italja fil-provinċja ta’ Frosinone, nhar l-10 ta’ Frar 1827. Missierha kien Luiġi Viti, li għalkemm kien sid ta’ ħafna artijiet, kellu l-vizzju tal-logħob tal-azzard u tax-xorb. Ommha, Anna, mietet meta Marija kellha 14-il sena. Marija kienet it-tielet wild minn disa’ aħwa u minħabba f’hekk kellha tieħu ħsieb il-familja wara l-mewt t’ommha. Biex ikollha l-flus għall-familja ħarġet taħdem bħala seftura.

Kellha proposta għaż-żwieġ imma ddeċidiet li minflok tagħti ħajjitha għall-ħajja reliġjuża. Fil-21 ta’ Marzu, 1851, fl-età ta’ 24 sena, Marija ngħaqdet mal-Benedittini fil-Monasteru ta’ Santa Marija de Franconi, ġewwa Veroli. Għaddiet aktar minn 70 sena fl-ordni u peress li baqgħet illitterata, għaddiet ħajjitha tagħmel xogħol tal-ħjata, ħasil u tiswija tal-ħwejjeġ – ħajja verament umli. Iżda kellha devozzjoni kbira lejn is-Sagrament Imqaddes.

Mietet fl-20 ta’ Novembru 1922 u ħdejn il-qabar tagħha seħħew ħafna mirakli. Matul ħajjitha kienu rrapurtati xi mirakli u jingħad li kellha d-don tal-profezija. Darba fost l-oħrajn, waqt quddiesa nstemgħet tibki għax kellha viżjoni li l-qassis li kien iqaddes kien ser jitlaq il-vokazzjoni tiegħu. Jingħad ukoll li żewġ tfajliet fiequ mill-marda tal-meninġite wara t-talb tagħha.

Fl-1935, il-fdalijiet tagħha twasslu fil-knisja tal-monasteru hekk kif beda l-proċess tal-kanonizzazzjoni. Fit-8 ta’ April, 1964, il-Papa Pawlu VI ddikjaraha venerabbli, u fit-8 t’Ottubru ġiet ibbeatifikata. Il-kawża tal-kanonizzazzjoni tagħha għadha sejra. Hija patruna ta’ dawk li jbatu bil-mard mentali.

Ħsieb: Il-Beata Marija Fortunata Viti, li mietet fl-età ta’ 96, wara 72 sena ta’ talb, ħjata, tindif u tiswija fl-klawsura tal-monasteru tagħha f’Frosinone, li kien, wieħed jista’ jgħid, il-parti femminili ta’ din l-istill ta’ ħajja li għex San Charbel Mahklouf (1828-1898), l-ermità Maronita beatifikat mill-istess Papa Pawlu VI fl-1965. Kien, b’xi mod tipiku ta’ dan il-Papa li, jpoġġi mudelli tal-qdusija lill-Knisja, persuni li għexu ħajja monastika.

Fl-omelija tiegħu għall-beatifikazzjoni ta’ Beata Marija Fortunata Viti fit-8 ta’ Ottubru 1967, il-Papa Pawlu VI qal:

“Aħna mhux dispensati milli nikkondensjaw f’kelma waħda din il-ħajja, din il-qdusija, b’tali mod li nikklassifikaw taħt kelma waħda dak kollu li jista’ jingħad dwarha; il-kelma hija umiltà. Aħna esprimejna din anki fil-Beatifikazzjoni fil-Qosor tagħha, u lilna dehrilna li hi l-aktar espressjoni vera tal-eżistenza tagħha, u wkoll ir-raġuni per eċċellenza għall-glorifikazzjoni preżenti tagħha”.

Marija Fortunata Viti tippersonifika din il-virtu’ tal-umilta’. Il-kobor tagħha huwa f’dan iċ-ċokon. Hawn qegħdin fil-qafas tal-Magnificat; u dan innifsu diġa’ jgħidilna l-grad ta’ awtentiċità u spiritwalita’ profonda li nsibu fil-perfezzjoni ta’ Marija Fortunata. L-Umiltà hija l-messaġġ tagħha. Hi tistieden lilna u kważi tobbligana naħsbu mill-ġdid dwar il-valur u l-esiġenza ta’ ħajja Kristjana, ibbażata preċiżament fuq il-prattika ta’ din il-virtu’ li nistgħu nsejħulha l-Omm tal-kull virtu’.

Dan li ġej huwa rapport dwar Omelija tal-Papa Franġisku (8 ta’ April 2013) dwar l-Umilta’:

Il-Papa sostna li l-istorja kollha tal-fidi hija magħmula minn umiltà u tkellimna lkoll dwar l-umiltà. U dan jidher ukoll mill-fatt storiku tat-twelid ta’ Ġesù. F’kull ġrajja jidher li Alla ried li kollox isir fil-moħbi, li ma jsirx publiku, li bħal donnu kien mgħotti bid-dell tal-Ispirtu s-Santu. U hu għalhekk li jgħaddi mit-triq tal-umiltà. Alla, umli, jbaxxi lilu nnifsu: jiġi għandna u jbaxxi lilu nnifsu. U jkompli jbaxxi lilu nnifsu sas-salib.

Alla tagħna – għaliex Hu tajjeb, għaliex mhux Alla taparsi, Huwa veru; mhux xi Alla tal-injam, magħmul mill-bnedmin, Huwa veru – jippreferi jimxi b’dan il-mod, mit-triq tal-umiltà. Din l-imħabba kollha tiġi mit-triq tal-umiltà. Li tkun umli ma jfissirx li timxi fit-triq hekk, b’għajnejn baxxi: le, le. L-umiltà hija dik li jgħallimna Alla, dik ta’ Marija, dik ta’ Ġużeppi. L-umiltà hija dik ta’ Ġesù, li jispiċċa fuq is-salib.

U din hija r-regola tad-deheb tan-nisrani: jipprogressa, jimxi ‘l quddiem, ibaxxi lilu nnifsu. Ma jistax jgħaddi minn triq oħra. Jekk jiena ma nbaxxix lili nnifsi, jekk inti ma tbaxxix lilek innifsek, m’intix nisrani. ‘Imma għaliex għandi nbaxxi lili nnifsi?’ Sabiex tħalli l-imħabba kollha ta’ Alla tgħaddi minn din it-triq, li hija l-unika waħda li Hu għażel – ma għażilx oħra – li twassal sas-salib. U wara, għar-rebħa tal-qawmien. Ir-rebħa tan-nisrani tieħu dil-mixja tat-tbaxxija. Naħseb li hekk jgħidu hux: tbaxxi lilek innifsek. Inħarsu lejn Ġesù li jibda jbaxxi lilu nnifsu f’dan il-misteru tant sabiħ. Inħarsu lejn Marija, inħarsu lejn Ġużeppi. U nitolbu l-grazzja tal-umiltà. Imma ta’ din l-umiltà, li hija t-triq li minnha żgur tgħaddi l-imħabba.

Meta Pawlu jgħidilna, ‘kunu umli u kull wieħed minnkom iqis lill-ieħor aħjar minnu.’ (ara Filippin 2:3), kultant huwa diffiċli taħseb hekk. Imma Pawlu jaħseb dwar dan il-misteru, dwar din it-triq, għaliex huwa, fil-qiegħ nett ta’ qalbu jaf li l–imħabba biss tgħaddi minn din it-triq tal-umiltà. Infatti jekk ma hemmx umiltà, l-imħabba tibqa’ bblukkata, ma tgħaddix.

F’okkażżjoni oħra, Papa Franġisku stqarr dan li ġej:

“Ma jistax ikun hemm umiltà mingħajr ma jkun hemm umiljazzjonijiet”. 

  • U int, qed tilqa’ l-umiljazzjonijiet li l-Mulej jippermetti f’ħajtek biex iżomm ruħek umli billi tagħraf li int kull ma’ int bniedem/bniedma midinba?
  • Tirrifletti ta’ spiss fuq kif Alla tbaxxa u umilja ruħu tant b’imħabba għalina?
  • Minkejja li diffiċli, int taċċetta li ħaddieħor huwa dejjem akbar minnek fil-ġieħ u li kull ħaġa tajba li hemm fik, hija grazzja ta’ Alla?
  • Skont Ġesu’, aħna ‘qaddejja li ma niswew għal xejn’. Tagħrafha din il-verita’ li aħna mingħajr Ġesu’, ma nistgħu nagħmlu xejn, propju xejn, għax kull don u kull grazzja ġejjin minnu?

Talba: Mulej, bħall-qaddejja tiegħek Beata Marija Fortunata, għinna niffokaw fuq il-premju etern li qed jistenniena fir-renju tiegħek, aktar milli fuq il-provi temporanji li niffaċċjaw f’din il-ħajja. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://guadalupehousehi.blogspot.com/2016/11/saint-of-month-november-2016-blessed.html

Alternative Reading: http://www.jeanmheimann.com/2012/11/blessed-maria-fortunata-viti/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Maria_Fortunata_Viti

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

17 ta’ Novembru: Santa Eliżabetta tal-Ungerija

Verżjoni Vidjo: Santa Eliżabetta tal-Ungerija

“Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi”. ~ Ġesu’ f’Mattew 25:40

St Elizabeth of Hungary 3SANTA ELIŻABETTA TAL-UNGERIJA
1207 – 1231

Tagħrif: Fil-ħajja qasira tagħha, Santa Eliżabetta spikkat fl-imħabba kbira li kellha lejn il-foqra u lejn il-morda.

Aktarx li twieldet fl-1207, f’Sarospatak, fl-Ungerija. Missierha kien ir-Re Indri II tal-Ungerija, u ommha kienet ir-Reġina Ġertrude ta’ Merano, għalhekk trabbiet f’ħafna kumdita’.

Fl-1221, meta kellha biss 14-il sena, iżżewġet lil Ludoviku IV, Landgraf tat-Turinġja, fil-Ġermanja. Żewġha kellu 21 sena , 7 snin akbar minnha. Kien żwieġ qasir, imma kien tassew hieni għax kienu jinħabbu ħafna. Kellhom tlitt itfal.

Sa minn ċkunitha kellha qalbha tajba mal-fqar u l-morda. Meta żżewġet sabet l-għajnuna ta’ żewġha għax hu wkoll kien karitattiv. Bl-għajnuna ta’ żewġha, bniet sptar ħdejn il-palazz tagħha, u hi stess kienet tmur iddur bil-morda. Ġieli ġara li meta l-isptar kien ikun mimli bil-pazjenti, kienet tieħu l-morda fil-palazz tagħha.

Fil-knisja qatt ma daħlet bil-kuruna fuq rasha, kienet tgħid: “Kif nista’ jien nidher bil-kuruna tad-deheb u l-ħaġar prezzjuż fuq rasi, meta Ġesù hu nkurunat bix-xewk?”

Wara sitt snin ta’ ħajja l-iktar kuntenta fiż-żwieġ, żewġha miet fl-Italja minn marda li ħakmitu waqt li kien qed jieħu sehem fil-Kruċjata tal-Imperatur Frederiku II, fl-1227, 18-il ġurnata wara t-twelid tat-tielet tarbija tagħha Ġertrude.

L-għedewwa politiċi ta’ żewġha keċċewha mill-palazz, u eżiljawha. Eliżabetta, li issa kellha 20 sena, waqgħet f’faqar kbir għax il-qraba tagħha (min-naħa ta’ żewġha) ċaħħdu lil din l-armla żagħżugħa minn kull kenn u mezzi għaliha u għal uliedha. Hi kellha tmur minn post għal ieħor tittallab il-karità, imma l-virtujiet tagħha kienu akbar mill-isfortuni tagħha. Irrifjutat li terġa’ tiżżewweġ. Minflok, hija ritirat ġewwa Eisenak, imbagħad fil-kastell ta’ Pottenstin. Iżda wara, għażlet li tgħix ġo dar modesta, ġewwa Marburgo.

Inkitbet mat-terz’ordni tal-franġiskani u kienet iżżur il-morda darbtejn matul il-jum u tgħinhom fil-ħtiġijiet tagħhom, tant li ftaqret hi stess. Kienet tmur titlob il-karita’ u tagħmel l-aktar xogħlijiet umli fejn kien meħtieġ. Din l-għażla ta’ ħajja qajmet rabja kbira fost il-kunjati tagħha, tant, li waslu biex ħadulha l-kustodja ta’ wliedha. Imma xejn ma seta’ jtellef jew inaqqas il-ġentilezza jew it-tjubija tagħha, lanqas is-severità eċċessiva tas-saċerdot li għażlet bħala direttur spiritwali tagħha.

Fl-aħħar, kisbet lura xi ftit mill-ġid li kellha u permezz tiegħu ħasbet għall-futur ta’ wliedha imma qassmet il-bqija tas-sehem tagħha f’opri ta’ karità.

Mietet fis-16 ta’ Novembru 1231, meta kellha 24 sena. Il-Papa Girgor IX iddikjaraha Qaddisa fl-1235, erba’ snin biss wara mewtha. Hija l-Patruna tal-Istituzzjonijiet tal-Karita’ tal-Knisja u tat-Terzjarji Franġiskani.

Ħsieb: Eliżabetta tal-Ungerija fehmet tajjeb il-lezzjoni li Ġesù għallimna meta ħasel saqajn id-dixxipli tiegħu fl-aħħar Ċena: Il-Kristjan għandu jkun wieħed li jservi l-bżonnijiet l-aktar umli ta’ ħaddieħor, anke jekk wieħed iservi minn pożizzjoni għolja. Ta’ demm irjali li kienet, Eliżabetta setgħet tirrenja fuq is-suġġetti tagħha, imma minflok hija serviethom b’qalb tant kbira u umli li l-ħajja qasira tagħha rebħet għaliha post speċjali fil-qlub ta’ ħafna.

Insibu din l-affermazzjoni li ġejja dwar is-servizz u d-dedikazzjoni ta’ Eliżabetta lejn il-foqra u l-morda f’din l-ittra:

“Hija kellha d-drawwa li żżur personalment il-morda kollha darbtejn kuljum, filgħodu u filgħaxija, Hija ħadet ħsieb b’mod personali lil dawk li l-aktar kienu jimbuttawk minħabba l-mard tagħhom. Hija tat jieklu li xi wħud, akkwistat soddod lil xi oħrajn, ġarret xi wħud fuq spallejha stess u kienet tinvolvi ruħha f’bosta servizzi oħra għall-ġid tagħhom”.

U jekk se nitkellmu dwar il-ħajja tat-talb ta’ Santa Eliżabetta, il-konfessur tagħha Fr. Konrad ħallielna tassew xhieda eżemplari:

“Jiena nikkonferma quddiem Alla li, għalkemm kienet iddedika għal xogħlijiet bħal dawn tal-ħajja attiva, rari rajt mara kontemplattiva bħala Eliżabetta. Xi nisa u rġiel reliġjużi nnutaw ħafna drabi li, meta hija kienet tkun lestiet it-talb privat tagħha, kien ikollha dawl emanenti f’wiċċha u, bħar-raġġi tax-xemx, kienu jiddu minn għajnejha”.

Barra minn hekk, Santa Eliżabetta turina l-ħtieġa li għandu jkollna, fil-vjaġġ tal-fidi tagħna, gwida spiritwali kwalifikata li takkumpanjana lejn il-qdusija. Eliżabetta segwiet bir-reqqa l-istruzzjonijiet tad-direttur spiritwali tagħna u dan hu ta’ eżempju għalina lkoll. Li wieħed jikber fil-ħajja spiritwali huwa proċess diffiċli. Huwa faċli li naqgħu f’ħafna żbalji jekk ma jkollniex lil xi ħadd li jiddixxiplinana.

Santa Eliżabetta saret qaddisa mhux għax iżżewġet meta kellha 14-il sena, lanqas għax kellha tlitt itfal qabel ma għalqet għoxrin, lanqas għax romlot ta’ għoxrin, lanqas għax mietet ta’ 24 u ħalliet warajha tlitt itfal żgħar, iżda għax uriet imħabbitha lejn Alla fil-proxxmu, billi saret fqira biex tgħin il-foqra, ħliet saħħitha ddur bil-morda.

  • U int, għażilt lil xi saċerdot tajjeb u għaref bħala d-direttur spiritwali tiegħek, biex jigwidak u jakkumpanjak fil-vjaġġ tal-ħajja tiegħek?
  • Inti kemm tarah lil Alla f’ħutek il-bnedmin hekk li tasal tiftaqar u taħli saħħtek għalihom?
  • Sa fejn tasal imħabbtek għal Alla fl-oħrajn?

Talba: Missier Ħanin, nitolbuk biex tferra’ r-raġġi kollhom dawl tal-grazzji tiegħek fil-qlub tagħna: ħalli bit-talb glorjuż ta’ San Eliżabetta, nistgħu nitgħallmu npoġġu fil-ġenb il-ġid ta’ din id-dinja mudlama, biex dejjem iżjed nifirħu bil-konsolazzjonijiet tiegħek tas-Sema. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-elizabeth-of-hungary-56

Alternative Reading: https://ccdocle.org/about-us/our-patron-saint-st-elizabeth-of-hungary

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Elizabeth_of_Hungary

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

14 ta’ Novembru: San Nikola Tavelić u sħabu

Verżjoni Vidjo: San Nikola Tavelić u sħabu

“Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità. U kull min iħobb il-verità jisma’ leħni.” ~ Ġesu’ lil Pilatu fi Ġwanni 18:37

9761-n.jpgSAN NIKOLA TAVELIC U SĦABU MARTRI
Reliġjuż
1340 – 1391

Tagħrif: Twieled fil-belt ta’ Sibenik, fil-Kroazja, madwar l-1340. Daħal mal-Franġiskani Konventwali ta’ belt twelidu u sar saċerdot madwar l-1365.

Għal 20 sena ħadem fil-Bosnija kontra l-ereżija tal-Patareni u tal-Manikej. Imma meta t-Torok daħlu fis-Serbja u fil-Kroazja, San Nikola deherlu li l-aħjar ħaġa li kellu jagħmel kienet li jmur missjunarju fl-Art Imqaddsa, biex jikkonverti lill-Misilmin. Telaq għalhekk ma’ tliet patrijiet oħra, Dijodatu minn Rodez, Franċiż, Stiefnu minn Cuneo, Taljan, li dawn kienu Konventwali bħalu, u Pietru minn Norbonne, Franċiż ukoll, li dan kien dixxiplu tal-Beatu Pauluccio Trinci, il-Fundatur fl-1368, tar-Riforma Osservanti.

Għexu għal xi żmien fil-kunvent ta’ Sijon, ħdejn iċ-ċenaklu. Imma fil-11 ta’ Novembru 1391, marru fil-Moskea ta’ Omar, mibnija flok it-tempju ta’ Ġerusalemm, u b’kuraġġ li ma jitwemminx, qalu lill-Qadi, li jekk ma jsirx nisrani, ma jistax isalva. Il-Qadi wieġeb li jekk huma ma jsirux Misilmin jieħdu l-mewt.

Wara tlett ijiem, dawn l-erba’ Franġiskani mietu martri għal Kristu. Il-metodu tagħhom illum ma nifhmuhx, imma huma fil-fatt ħadu l-mewt biex ixandru lil Kristu. Għalhekk il-Papa Pawlu VI mar jikkanonizzahom fil-21 ta’ Ġunju 1970.

Ħsieb: Fil-11 ta’ Novembru 1391, San Nikola Tavelić u sħabu marru quddiem il-Qadi ta’ Ġerusalemm fil-preżenza ta’ ħafna Musulmani, u esponew ruħhom, billi ppreżentaw l-argumenti tagħhom b’kuraġġ kbir.

Filwaqt li dawk preżenti semgħuhom bir-reqqa, m’aċċettawx kliemhom, u fl-aħħar inkurlaw għalihom u talbuhom jirrepetu dak li kienu qalu; l-erba’ patrijiet irrifjutaw u għalhekk ġew ikkundannati għall-mewt fi tlett ijiem, tqiegħdu l-ħabs fejn sofrew abbużi.

Fl-14 ta’ Novembru ġew miġjuba lura fit-toroq, għal darb’oħra ntalbu jerġgħu jgħidu dak li kienu qalu kontra l-Islam, imma wara li ċaħdu din l-opportunita’ finali biex isalvaw ħajjithom billi jiċħdu lil Kristu, qatgħulhom rashom u ħarquhom sabiex il-fdalijiet tagħhom ma jkunux jistgħu jiġu venerati bħala martri mill-Insara.

Il-martirju tagħhom ġie deskritt fid-dettall f’rapport mill-Gwardjan tal-Art Imqaddsa, Fr. Gerald Calvet, OFM, xaharejn wara l-mewt tagħhom.

Il-Papa Ġwanni Pawlu II kien konxju ħafna dwar ix-xhieda tal-martri fil-Knisja tagħna. Kull kontinent ġie minsus bid-demm tal-martri. Huwa ddeskriva l-martirju bħala “l-prova l-aktar elokwenti tal-verità tal-fidi”. Skont hu, din il-“prova tal-fidi” hija evidenzjata fi tliet modi:

  • L-ewwelnett, il-martirju jafferma l-invjolabbiltà tal-ordni morali – kemm il-verità u l-qdusija tal-liġi ta’ Alla u d-dinjità tal-persuna umana.
  • It-tieni nett, il-martirju jikkonferma l-umanità u l-ħajja vera tal-bniedem.
  • U fl-aħħar, il-martirju jikkonferma l-qdusija tal-Knisja, bi preżentazzjoni ta’ xhieda impenjati għall-verità.

Fil-qosor, “bl-eżempju elokwenti u attraenti tagħhom ta’ ħajja kompletament trasformata mill-isplendur tal-Verità morali, il-martri u, b’mod ġenerali, il-qaddisin tal-Knisja kollha, jixegħlu kull perjodu ta’ Storja billi jqajjmu s-sens morali tagħha” (L-Isplendur tal-Verita’, # 93).

Għalhekk, irridu nkunu konxji tal-martri tal-Knisja tagħna, għax ix-xhieda tagħhom tagħmlilna kuraġġ u tagħtina tama kbira. Permezz tal-grazzja ta’ Alla, j’Alla aħna wkoll inkunu daqshekk impenjati lejn il-Mulej tagħna, lejn il-Knisja tiegħu, u lejn il-fidi kif kienu huma. Ejja nagħmlu tagħna il-kliem ta’ San Pawl:

“Ladarba aħna wkoll għandna madwarna sħaba hekk kbira ta’ xhieda, ejjew inwarrbu minna kull xkiel u kull dnub li malajr ifixkilna, u b’qalbna qawwija nibqgħu niġru t-triq tal-prova li għandna quddiemna; nżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù, li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna; hu li, flok l-hena li kellu quddiemu, qagħad għas-salib bla xejn ma qies l-għajb tiegħu, u issa qiegħed fuq in-naħa tal-lemin tat-tron ta’ Alla.” (Lhud 12:1-2)

Talba: O Alla, li gglorifikajt lill-konfessur tiegħek San Nikola Tavelić billi tajtu li jxerred l-Evanġelju u l-palma tal-martirju, agħtina li b’talbu, ikunu jistħoqqilna li nimxu fuq il-passi tiegħu u permezz tal-interċessjoni tiegħu nirċievu l-premju tar-rebbieħa, il-ħajja eterna . Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/saint-nicholas-tavelic-and-companions/

Alternative Reading: https://daily-prayers.org/saints-library/nikola-tavelic-2/ or https://www.roman-catholic-saints.com/saint-nicholas-tavelich.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Nicholas_Tavelic

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.