Fra Baskal Farrugia

Fra BaskalFRA BASKAL FARRUGIA
Kapuċċin
1869 – 1937

Tagħrif: 

Ħamsin Sena ilu saret ir-Rikonjizzjoni
Kien eżattament fis-6 ta’ April 1953 meta fil-preżenza ta’ Mons Ġużeppi Pace, Isqof ta’ Għawdex u tar-Rev. Patri Pietru Mamo, Provinċjal tal-kappuċċini saret ir-rikonjizzjoni ta’ Fra Baskal Farrugia fil-Kripta tal-Knisja tal-Madonna tal-Grazzja fir-Rabat, Għawdex.

Fra Baskal twieled u ġie mgħammed iż-Żebbuġ ta’ Għawdex, nhar l-Erbgħa 10 ta’ Frar 1869. Il-ġenituri tiegħu kienu Ġużeppi Farrugia miż-Żebbuġ, Għawdex u Roża Spiteri imwielda x-Xagħra minn Ġużeppi u Marija neè Cini. Fil-magħmudija tawh l-isem ta’ Salvu, Mikiel u Ġużeppi, iċ-ċelebrant kien Dun Bartilmew Busuttil. Salvu kien ir-raba’ wieħed minn familja ta’ tlettax-il wild.

Vokazzjoni Reliġjuża
Salvu meta kien għadu ċkejken kien diġà beda jħoss li jixtieq isir reliġjuż. Meta kien jara xi Fratell Kapuċċin jiġbor iċ-ċirka (karità) fit-toroq taż-Żebbuġ kien jissaħħar warajh.

Meta kellu madwar wieħed u għoxrin sena eżattament fl-24 ta’ Diċembru 1890, Salvu ġie mlibbes iċ-ċoqqa kapuċċina minn idejn Patri Ġużeppi Marija mill-Birgu, fil-knisja tal-Madonna tal-Grazzja fil-Belt Victorja Għawdex. F’din iċ-ċerimonja isem Salvu ġie mibdul f’dak ta’ Fra Baskal minn Għawdex.

Reliġjuż eżemplari u ta’ penitenza
Fil-ħajja reliġjuża tiegħu, Fra Baskal wettaq diversi responsabbiltajiet, l-iktar dik ta’ sagristan u ċirkatur. Il-biċċa l-kbira ta’ ħajtu għaddieha fil-kunvent ta’ Għawdex. Kien reliġjuż eżemplari u ta’ penitenza, devot kbira ta’ Ġesù Ewkaristija u tal-Madonna tal-Grazzja. Il-gost tiegħu kien li jgħin lil dawk il-foqra li kuljum kienu jmorru jħabbtu l-bieb tal-kunvent għall-karità u l-ikel.

Fra Baskal miet b’fama ta’ qdusija nhar it-Tlieta 18 ta’ Mejju 1937, fl-isptar ġenerali ta’ Għawdex. Folla kbira ta’ nies imlew it-toroq li minnhom għadda l-funeral. Meta l-katavru wasal fil-knisja tal-Madonna tal-Grazzja saret quddiesa, imbagħad ġie midfun fil-kripta tal-istess knisja fil-qabar numru wieħed.

Jinġabar il-fdal tiegħu f’urna
Wara l-mewt ta’ Fra Baskal ħafna nies kienu jmorru kuljum fuq il-qabar tiegħu biex jitolbuh jidħol għalihom fil-bżonnijiet tagħhom tal-ġisem u tar-ruħ. Xi wħud kienu jistqarru li qalgħu grazzji bl-interċessjoni tiegħu. B’hekk il-fama ta’ qdusija li kien igawdi f’ħajtu kompliet tikber wara mewtu.

Kienu għaddew kważi sittax-il sena mill-mewt ta’ Fra Baskal meta fis-6 ta’ April 1953 saret ir-rikonjizzjoni legali tal-katavru tiegħu kif jitolbu l-liġijiet tal-knisja. Flimkien mal-isqof ta’ Għawdex u mal-Provinċjal tal-Kapuċċini kien hemm preżenti n-nutar Francesco Refalo, u bħala xhieda Dr Antonio Tabone, tabib prinċipali tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-Onor. Edgar Montanaro, kummissarju għal Għawdex.

Il-Fdal ta’ Fra Baskal tqiegħed f’tebut taż-żingu. Wara li ġie ssiġillat mill-isqof u mill-provinċjal, tqiegħed f’urna tal-injam li tinsab fil-kripta tal-knisja tal-Kapuċċini ta’ Għawdex.

Nhar il-Ħadd 6 ta’ April 2003, ġiet iċċelebrata Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fis-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja fir-Rabat, Għawdex fejn hemm il-kripta ta’ Fra Baskal.

Kuntratt tar-Rikonizzjoni tal-Kadavru ta’ Fra Baskal (illum, is-6 ta’ April 1953)
Quddiem Nutar Francesco Refalo u quddiem ix-xhieda legalment kapaċi deher hawn personalment, il-Wisq Rev. Patri Provinċjal tar-Reverendu Patrijiet tal-Kappuċċini Pietro Mamo, bin il-mejtin Francesco u Emmanuela neè Galea imwieled u residenti l-Furjana, Malta.

Minni Nutar magħruf; bis-saħħa ta’ dan il-Kuntratt jiena Nutar sottoscritt Francesco Refalo ġejt imsejjaħ mill-Wisq Reverendu Patri Provinċjal Pietru mill-Furjana tal-Ordni tal-Patrijiet Minuri Kappuċċini tal-Provinċja ta’ Malta. Fis-sotterran tal-Knisja taħt it-titlu tal-Madonna tal-Grazzja tal-Kunvent tal-Patrijiet Kappuċċini ta’ Għawdex sabiex nagħti legalment ix-xhieda tiegħi u nestendi dan l-att pubbliku u legali skont ma’ huwa preskritt mil-liġijiet tal-Knisja.

Iġifieri li quddiemi u quddiem ix-xhieda kompetenti ġie miftuħ il-qabar numru wieħed C (1.c.) fejn ġie u sa issa kien jinsab midfun l-Ajk Profess Kappċċin Fra Baskal miż-Żebbuġ ta’ Għawdex li miet fit-tmintax (18) ta’ Mejju tas-sena elf disa’ mija u sebgħa u tletin (1937) miżmum minn kulħadd b’fama ta’ qdusija.

Li flimkien mal-imsemmi Fra Baskal minn Għawdex instab midfun ukoll il-ġisem ta’ reliġjuż ieħor Fra Paċifku minn Bormla Malta. Imma Fra Franġisk minn Għawdex Ajk Kappuċċin li jinsab hawn preżenti għal dan l-att sollenni u legali jistqarr taħt ġurament illi l-ewwel katavru li nstab fil-miftuħ qabar numru wieħed C (1.c.) huwa tal-mejjet Fra Baskal miż-Żebbuġ ta’ Għawdex għaliex meta miet dan l-Ajk Fra Baskal hu ġie midfun fil-wiċċ tal-qabar numru wieħed C.(1.c.) kien preżenti u jista’ jiddikjara li minn dak inhar dak il-qabar ma nfetaħx aktar u b’hekk jista’ jiġi dikjarat b’ċertezza billi dan l-imsemmi Fra Franġisk minn Għawdex kien u baqa’ fil-familja reliġjuża Kappuċċina ta’ fuq imsemmi Kunvent tal-Kappuċċini.

Għalhekk billi l-imsemmi Fra Baskal minn Għawdex miet b’fama ta’ qdusija u skont ma jingħad qegħdin jinqalgħu bosta grazzji mingħand Alla bl-interċessjoni tiegħu, l-Eċċellenza tiegħu Reverendissima Monsinjur Giuseppe Pace Isqof ta’ Għawdex ried u ndenja ruħu li jkun preżenti għal din ir-Rikonjizzjoni solenni u legali tal-ġisem tal-imsemmi Fra Baskal u quddiemi stess u quddiem xhieda oħra bħalma huma preżenti Dr. Antonio Tabone Tabib prinċipali ta’ l-Isptar governattiv tal-Belt Victoria Għawdex; l-onor. Edgar Montanaro, Kummissarju ta’ Għawdex; il-Wisq Rev. Patri Provinċjal tal-Kappuċċini tal-Provinċja ta’ Malta Pietru mill-Furjana; ir-Rev. Patri Anġeliku minn Għawdex Gwardjan tal-Kunvent tal-Kappuċċini ta’ Għawdex dan il-ġisem ta’ Fra Baskal mill-qabar numru wieħed C (1.c.) tas-sotterran tal-Knisja tal-Madonna tal-Grazzja tal-Patrijiet Minuri Kappuċċini ta’ Għawdex ġie midfun u mqiegħed u ssaldat ġo kaxxa taż-żingu u dina ġo oħra tal-injam u ġie ssiġillat b’żewġ siġilli minn wieħed tal-Eċċellenza Tiegħu Mons. Giuseppe Pace Isqof ta’ Għawdex u l-ieħor tal-Provinċja tal-Patrijiet Kappuċċini. Fuq sider il-kadavru ta’ Fra Baskal ġie mqiegħed ukoll stoċċ tal-ħġieġ bil-ħajja tiegħu fil-qosor u miktuba fuq il-pergamena.

Magħmul u ppubblikat dan il-kuntratt magħmula l-previa u debita ċerziorazioni lil probi kontraenti fis-sotterran tal-Knisja tal-Kappuċċini li tinsab triq Kappuċċini Victoria Għawdex mingħajr numru quddiem ix-xhieda legalment kapaċi Edgar Montanaro Kumissarju ta’ Għawdex bin il-mejjet Guglielmo mwieled il-Furjana, Malta u residenti Victoria Għawdex u s-sinjur Cavalier Dottor in Medicina Antonio Tabone bin il-mejjet Nicolo mwieled u joqgħod Victoria Għawdex. Xhieda hawn taħt iffirmati li għandhom il-kwalitajiet kollha rikjesti mil-Liġi Attwali kif huma stess jistqarru u jiddikjaraw.

P. Pietru mill-Furjana O.F.M. Kap. Min. Provinċjal.
Edgar G. Montanaro Kumissarju ta’ Għawdex – xhud.
Antonio Tabone M.D., – xhud
Francesco Refalo Nutar – Pubbliku Malti.
Ikkolazzjonat mal-oriġinal
Francesco Refalo Nutar Pubbliku Malti.
A true copy from my deeds. Quod attestor. Given on this the 14th April 1953:
FRANCESCO REFALO (Notary Public of Malta).

Links about Fra Baskal Farrugia:  

  1. https://www.findagrave.com/memorial/29578527/baskal-farrugia
  2. http://www.laikos.org/FraBaskalFarrugia.htm
  3. http://www.sanfrangisk.com/09Ordni/of-22-Fra%20Baskal.htm
  4. https://books.google.com.mt/books/about/is_Serv_ta%CA%BE_Alla.html?id=x82augEACAAJ&redir_esc=y
  5. https://www.facebook.com/events/341029166279120
  6. http://www.laikos.org/FraBaskalFarrugia.htm#Sigra
  7. https://laikosblog.org/2016/09/13/il-fra-li-jnissillek-tbissima/
  8. https://www.facebook.com/480098058805038/posts/qatt-smajt-bi-fra-baskal-farrugia-aghti-titwila-dan-il-video-saint-capuchin-brot/688373137977528/

 

Nota: It-Tagħrif dwar Fra Baskal Farrugia meħud minn artiklu li deher fil-Leħen is-Sewwa, Is-Sibt 5 ta’ April, 2003, p.10. Il-Kuntratt tar-Rikonjizzoni huwa meħud mill-ktejjeb ta’ Patri Anġlu (Mizzi) mill-Belt, Tagħlim meqjus u Qasir fuq il-Ħajja u l-Mewt ta’ Fra Baskal minn Għawdex, Kappuċċin, Malta 1953.

Advertisements

15 ta’ Lulju: San Bonaventura

“Min iżomm il-kmandamenti ta’ Alla jgħammar fi Kristu u Kristu fih. B’hekk nafu li hu jgħammar fina: bl-Ispirtu li hu tana. Alla ħalaq l-għerf bl-Ispirtu s-Santu, sawwbu fuq il-bnedmin kollha, u tah lil min iħobbu”. ~ Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Bonaventura (1 Ġw 3:24; Sir 1:9a. 10).

saint-bonaventure.11-1.jpgSAN BONAVENTURA
Isqof u Duttur tal-Knisja
1218 – 1274

Tagħrif: San Bonaventura twieled bl-isem ta’ Ġwanni, f’Bagnoregio ħdejn Viterbo, l-Italja, fl-1218.

Meta kellu madwar għoxrin sena mar jistudja fl-Universita’ ta’ Pariġi minn fejn kiseb il-lawrja fil-Letteratura. Dak iż-żmien kien hemm il-famuż patri Franġiskan Ingliż, Alessandru ta’ Hales.

Fl-1243 daħal fl-Ordni tal-Franġiskani Minuri u ħa l-isem ta’ Bonaventura. Huwa studja l-filosofija u t-teoloġija. Barra mill-moħħ intelliġenti li kellu, kien imżejjen ukoll bi mħabba kbira lejn Alla. Kien bniedem ġentili, ferħan u dejjem lest li jgħin lill-oħrajn.

Ta’ 27 sena, inħatar professur tat-teoloġija u tal-Iskrittura fl-Universita’ ta’ Pariġi (1248-1257).

Fl-1257, flimkien mal-ħabib kbir tiegħu San Tumas ta’ Aquino kiseb id-dottorat fit-teoloġija mill-Universita’ ta’ Pariġi.

Ftit qabel fl-istess sena, intgħażel biex ikun is-Superjur Ġenerali tal-Franġiskani, meta kien qrib l-40 sena. Mexxa l-Ordni għal 17-il sena. F’dan iż-żmien, fl-Ordni kien hemm kwistjoni serja bejn dawk li riedu jinterpretaw ir-regola ta’ San Franġisk litteralment speċjalment dwar il-poverta’, u dawk li riedu jimmodifikaw ir-regola; hu għaraf iżomm pożizzjoni medja.

Fl-1263, San Bonaventura ordna li fi nżul ix-xemx tindaqq il-qanpiena f’kull monasteru, u tingħad it-talba tas-Sliema għall-unur tal-Madonna. Hu kien jaħseb li kien f’dak il-ħin li l-anġlu ħabbar lill-Madonna li kellha ssir Omm Alla; minn hawn daħlet l-użanza li jindaqq l-Angelus.

Fl-1265 il-Papa Klement IV ried jagħmlu Arċisqof ta’ York fl-Ingilterra, iżda hu ma aċċettax.

Fl-1273 il-Papa Girgor X ħatru Kardinal-Isqof ta’ Albano. Jingħad li l-messaġġiera tal-Papa li wasslulu l-aħbar, sabuh fil-kċina jaħsel il-platti.

Miet fil-15 ta’ Lulju 1274, ta’ madwar 56 sena, waqt li kien qed jieħu sehem l-iktar attiv fl-erbatax-il Konċilju Ekumeniku li kien it-tieni wieħed ta’ Lyons.

San Bonaventura ħalla ħafna kotba ta’ għerf kbir.

Il-Papa Sistu IV iddikjarah Qaddis fl-1482, u l-Papa Sistu V fl-1588 ikkonfermah Duttur tal-Knisja u sejjaħlu Duttur Serafiku.

Ħsieb: Qari mill-ktejjeb “Il-mixja tar-ruħ lejn Alla”, tal-isqof San Bonaventura, bit-titlu ‘L-Ispirtu s-Santu wriena għerf mistiku’:

“Kristu huwa t-triq u l-bieb. Kristu huwa s-sellum u l-mezz li jwassalna għand Alla, qisu l-għatu tat-tpattija mqiegħed fuq l-arka ta’ Alla u l-misteru li kien moħbi sa minn dejjem. Indawwru wiċċna sewwa lejn dan l-għatu u nħarsu lejh imdendel mas-salib, b’ħarsa ta’ fidi, tama u mħabba, ta’ qima, stagħġib, hena, għożża, foħrija u ferħ, jekk nagħmlu dan, aħna nagħmlu miegħu l-Għid, jiġifieri ngħaddu miegħu, għax fuq l-għuda tas-salib naqsmu l-Baħar tal-Qasab, inħallu l-Eġittu u nidħlu fid-deżert fejn nieklu mill-manna l-moħbija, u nistrieħu ma’ Kristu fil-qabar qisna mejtin minn barra, għalkemm minn ġewwa nisimgħu – skont ma nistgħu f’din il-ħajja – il-kelma li Kristu fuq is-salib qal lill-ħalliel niedem: Illum tkun miegħi fil-ġenna.

Biex din il-mogħdija tkun sħiħa, jenħtieġ inħallu warajna kull ħidma tal-moħħ u nagħtu mħabbitna bil-qawwa kollha tagħha lil Alla ħa ninbidlu fih. Dan isir b’mod mistiku u moħbi mill-iżjed; ħadd ma jaf jagħmlu dan ħlief min jaqla’ l-grazzja; ħadd ma jaqla’ l-grazzja ħlief min jixtieqha; ħadd ma jista’ jixtieqha ħlief min jitħeġġeġ minn ġewwanett bin-nar tal-Ispirtu s-Santu li Kristu bagħat fuq l-art. Għalhekk jgħid l-Appostlu li dan l-għerf mistiku wrihulna l-Ispirtu s-Santu.

Jekk trid taf kif isiru ħwejjeġ bħal dawn, staqsi lill-grazzja mhux lill-għerf, lix-xewqa mhux lid-dehen, lit-tnehid tat-talb mhux lit-tagħlim ta’ l-ittra, lill-għarus mhux lill-imgħallem, lil Alla mhux lill-bniedem, liċ-ċpar mhux lid-dija; tistaqsix lid-dawl, iżda lin-nar li jagħmlek ħuġġieġa waħda kollok kemm int u jbiddlek f’Alla bi ħlewwa ta’ l-għaġeb u bi mħabba li ma bħalha. Dan in-nar hu Alla nnifsu, il-forġa tiegħu tinsab f’Ġerusalemm, u jqabbadha Kristu bin-nar qawwi tal-passjoni mħeġġa tiegħu, dak in-nar li ħadd ma jħossu tassew ħlief min jgħid: Aktar nagħżel nibqa’ bla nifs, u aħjar il-mewt għalija. Min iħobb din il-mewt jista’ jara lil Alla, għax tassew minnha hi l-kelma tiegħu meta qal: Ħadd ma jarani u jgħix. Ejjew mela mmutu u nidħlu fis-sħaba mudlama, insikktu fina t-tħassib żejjed, il-ġibdiet ta’ qalbna u l-ħolm ta’ moħħna, ngħaddu flimkien ma’ Kristu msallab minn did-dinja għal għand il-Missier, biex hu jurina l-Missier u ngħidu flimkien ma’ Filippu: Biżżejjed għalina; nisimgħu flimkien ma’ Pawlu: Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; u nifirħu ma’ David u ngħidu: Qegħdin jinfnew ġismi u qalbi: Alla l-qawwa ta’ qalbi u sehmi għal dejjem. Imbierek il-Mulej għal dejjem, u ħa jgħid il-poplu kollu: Ammen! Ammen!”

L-akbar preokkupazzjonijiet ta’ San Bonaventura kienu l-imħabba t’Alla, it-talb u l-kontemplazzjoni. Baqa’ msemmi għall-priedki tiegħu. Jingħad li darba, waħda mara xiħa li semgħetu jippriedka, u li kienet taf kemm kien bniedem għaref, qaltlu: “X’xorti kbira għandek inti! Bil-għerf tiegħek inti tista’ tant tagħraf ’l Alla u ssir qaddis kbir.” Imma San Bonaventura weġibha: “Biex issir qaddis kbir mhux għerf li hemm bżonn, iżda li tkun tħobb ħafna lil Alla, u din il-ħaġa jista’ jagħmilha anki l-iktar bniedem injurant.”

Il-bniedem li hu dejjem ferħan, għandu sinjal qawwi li fih hemm il-grazzja ta’ Alla. (San Bonaventura)

Talba: Aħna u niċċelebraw it-tifkira tad-daħla tal-isqof San Bonaventura fis-sema, nitolbuk, o Alla li tista’ kollox, li nimxu ‘l quddiem bit-tagħlim u l-għerf tiegħu, u nħabirku bla heda biex insiru nixbħuh fil-ħeġġa ta’ mħabbtu. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-bonaventure-522

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-bonaventure/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Bonaventure

 

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

2 ta’ Lulju: San Bernardino Realino

“Jien naf il-pjanijiet li ħsibt għalikom, pjanijiet ta’ ġid u mhux ta’ ħsara, li nagħtikom ġejjieni mimli tama. Intom issejjħuli u tiġu titolbuni u jien nismagħkom, tfittxuni u ssibuni. Meta tfittxuni b’qalbkom kollha, issibuni, u jiena nbiddel xortikom”. ~ Alla f’Ġeremija 29:11-14.

beardinoSAN BERNARDINO REALINO
Saċerdot, Ġiżwita
1530 – 1616

Tagħrif: Dan il-qaddis twieled f’Carpi, fl-Italja. Bħala żagħżugħ, beda jistudja għal tabib f’Bolonja, imma mbagħad, biex jogħġob lil ċerta Cloride, xebba bil-għaqal u reliġjuża ħafna, li lejha kien miġbud, mill-kors tal-mediċina qaleb għall-kors tal-liġi. Ħa l-lawrija ta’ avukat ta’ 26 sena, u, billi kien kapaċi, okkupa karigi ċivili importanti. Serva wkoll bħala sindku f’diversi bliet fejn wera ħila kbira.

Cloride mietet ta’ 28 sena, u l-mewt tagħha ħassha ħafna. Hu jirrakkonta li darba dehritlu u qaltlu biex ineħħi s-swied il-qalb li waqa’ fuqu u għenitu jerfa’ qalbu u ħsiebu lejn Alla.

Tħajjar jidħol mal-Ġiżwiti, imma missieru xtaqu ma jagħmilx dak il-pass biex ikun jista’ jdur bih sakemm imut. Talab id-dawl lill-Madonna li lejha kien ħafna devot, u ħass li ma kellux jibqa’ jistenna. Għalhekk kiteb ittra twila lil missieru u talbu jagħmel miegħu dak is-sagrifiċċju tal-firda u bil-barka ta’ missieru ta’ 34 sena daħal mal-Ġiżwiti.

Għall-umiltà tiegħu, u biex ikollu aktar ċans jitlob, xtaq jibqa’ sempliċi fratell, imma s-superjuri tiegħu ħasbuha mod ieħor, u fi żmien tliet snin ħa l-quddiesa, u kien magħżul surmast tan-novizzi. Iż-żmien battal li kien jifdallu kien iqattgħu jgħallem id-duttrina lit-tfal u jżur il-ħabs u l-isptarijiet.

Wara għaxar snin f’Napli, intbagħat f’Lecce f’Apulia fejn għadda l-aħħar 42 sena ta’ ħajtu. Meta kien ilu hemm biss sentejn ta bidu biex jibni knisja u jwaqqaf ukoll kulleġġ. Iżda x-xogħol ewlieni tiegħu malajr sar id-direzzjoni tal-erwieħ speċjalment fil-konfessinarju.

Fi xjuħitu kien mogħni b’doni sopranaturali bħal viżjonijiet, setgħa li jfejjaq u li jagħmel profeziji. Il-poplu ta’ Lecce kien tant iħobbu, li meta kienet tiġri x-xniegħa li kienu se jittrasferuh band’oħra kienet tqum il-belt kollha biex jibqa’ magħhom.

Bernardino Realino kien igawdi tant fama kbira ta’ qaddis li, huwa u jmut, il-maġistrati tal-belt talbuh li jaċċetta li jkun il-patrun tagħhom fis-sema, u hu baxxa rasu bħala sinjal li jaċċetta, u n-nies ukoll talbu lill-isqof biex kif imut tinbeda l-kawża tal-beatifikazzjoni tiegħu.

Il-qaddis miet ta’ 85 sena fit-2 ta’ Lulju 1616. Piju XII iddikjarah qaddis fl-1947.

Ħsieb: Mill-ħajja ta’ dan il-qaddis tal-lum, xtaqt nieqaf fuq il-fatt li Cloride, din ix-xebba bil-għaqal u reliġjuża ħafna li lejha kien miġbud u li biex jogħġob lilha mill-kors tal-mediċina qaleb għall-kors tal-liġi, ħallitlu vojt kbir f’qalbu u f’ħajtu meta din ħalliet id-dinja ta’ 28 sena. Tant kien kbir dan il-vojt, li Alla ppermetta li din tidhirlu u tgħidlu neħħi s-swied il-qalb li kien waqa’ fuqu u jerfa’ qalbu u ħsiebu lejn Alla. Ħafna drabi din taf tkun l-esperjenza tagħna wkoll. Xi kultant, fil-ħajja ngħaddu minn esperjenzi negattivi qawwija bħal xi trawma, inċident, it-telfa ta’ xi ħadd għażiż u oħrajn. Dawn jafu jbiddluna f’persuni bla skop, imdejqa jew saħansitra dipressi. Bħal donnha l-ħajja tieqaf, issir bla skop u biex ngħixu l-ġurnata tibda ssir ta’ toqol u sforz kbir li Alla biss jista’ jifhmu.

Huwa propju hawn li jekk nieħdu l-istess parir li Cloride tat lil Bernardino, inkunu tassew qed nimxu fid-direzzjoni t-tajba meta quddiemna ma tidher l-ebda triq! Neħħi s-swied il-qalb li kien waqa’ fuqek u erfa’ qalbek u ħsibijietek lejn Alla. Kemm hu tassew parir siewi dan! Il-qawwa li rċieva Bernardino mingħand Alla, wasslu biex jibda paġna ġdida, viżjoni ġdida, ħajja ġdida. Forsi mis-swied ta’ qalb tiegħek, jekk int ukoll tersaq lejn il-Mulej fit-talb, Hu jrid jagħtik il-ferħ, il-paċi u forsi anki missjoni ġdida li forsi qatt qabel ma kienet għaddietlek minn rasek.

Xi kultant, ċerti avvenimenti fil-ħajja tal-bniedem, Alla fl-għerf tiegħu li aħna ma nwasslux għalih, jippermettihom għall-ġid tagħna u tal-oħrajn madwarna. Minn traġedja ġieli ħareġ ħafna ġid, ġieli bniedem biddel ir-rotta ta’ ħajtu u beda miexi fid-direzzjoni lejn il-ġenna, filwaqt li qabel kien miexi f’direzzjoni opposta, ġieli nies sabu l-vokazzjoni vera tagħhom u għarfuha propju fi żmien iebes u ta’ tbatija. Bl-Ingliż ngħidu dik l-esperjenza kienet ‘eye opener’ – fetħitlu jew fetħitilha għajnejh/a. Hekk hu u hekk irid jagħmel il-Mulej fil-ħajja tagħna meta jippermetti li ngħaddu mis-swied ta’ qalb.

Huwa importanti li nżommu f’moħħna u f’qalbna:

  • li l-Mulej jinsab magħna fin-niket tagħna,
  • li qed jibki magħna u jitlob għalina,
  • li qed joffrilna spalla fuq min inserħu u nsibu l-faraġ

imma wkoll li:

  • irid jgħallimna minn din l-esperjenza
  • irid jurina kif nistgħu niskopru skop jew skopijiet li forsi mhux dawk li kellna qabel u
  • ma jridnix ningħalqu fina nfusna qisha l-ħajja spiċċat anzi rridu nagħmlu sforz biex nibqgħu ninfetħu għall-ħtiġijiet tal-oħrajn.

Fil-Ktieb ta’ Ġeremija 29:11-14, Alla jgħidilna dan:

“Jien naf il-pjanijiet li ħsibt għalikom, pjanijiet ta’ ġid u mhux ta’ ħsara, li nagħtikom ġejjieni mimli tama. Intom issejjħuli u tiġu titolbuni u jien nismagħkom, tfittxuni u ssibuni. Meta tfittxuni b’qalbkom kollha, issibuni, u jiena nbiddel xortikom”.

  • U int, qed tara kif ħajtek tista’ tagħmilha dejjem iżjed sabiħa, prezzjuża u ta’ rigal għal ta’ madwarek kif għamel b’ħajtu Bernardino Realino wara t-telfa tax-xebba li tant kien iħobb u lest li jagħmel bidliet kbar għaliha?
  • X’bidliet lest/a li tagħmel f’ħajtek biex din tiġi tixbaħ iżjed lil dik tal-qaddisin?

Talba: O Mulej, int tajt il-grazzja li San Bernardino Realino li fin-niket tiegħu dar lejk b’fiduċja sħiħa, il-qawwa u l-kuraġġ li jagħmel minn ħajtu don mill-isbaħ għalik u għall-oħrajn, agħmel li b’talbu u bl-eżempju tiegħu, aħna wkoll nagħrfu ndawru l-avvenimenti qarsa ta’ ħajjitna f’xi ħaġa li verament tiswa, mhux biss għal din id-dinja imma b’mod speċjali għall-eternita’. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://catholicexchange.com/st-bernardino-realino

Alternative Reading: https://www.catholic.org/saints/saint.php?saint_id=391

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Bernardino_Realino

 

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

14 ta’ Ġunju: San Metodju

Verżjoni Vidjo: San Metodju

“Urini l-ikoni li inti tqim, biex jien nista’ nifhem il-fidi tiegħek”. ~ San Ġwann Damaxxenu

40705166_1236496776_p_023.jpgSAN METODJU
Raħeb
† 847

Tagħrif: Dan il-qaddis kien l-ewwel wieħed biex jiċċelebra l-festa tal-Ortodossija, solennità miżmuma fil-liturġija biżantina fl-ewwel Ħadd tar-Randan, biex iġib ’il quddiem il-qima lejn ix-xbihat imqaddsa (ikoni) ta’ Kristu u tal-qaddisin.

It-tieni konċilju ta’ Niċea (787) kien iddistingwa b’mod ċar bejn il-qima lejn ix-xbihat u l-vera adorazzjoni riservata biss lil Alla. Il-konċilju ddefenda l-prattika li jinxtegħlu xemgħa u li jinħaraq l-inċens quddiem l-ikoni tal-qaddisin, u għamilha ċara li l-unur mogħti lix-xbiha hi fil-fatt realment mogħtija lill-persunaġġ li hija tirrappreżenta.

San Metodju twieled fi Sqallija, imma meta kien żagħżugħ mar Kostantinopli jfittex impjieg fil-qorti imperjali. Iżda raħeb ipperswadieh biex jagħżel il-ħajja monastika, u daħal fil-monasteru ta’ Chenolakhos.

Kien iżomm mal-isqof San Niċeforu matul it-tieni persekuzzjoni mqajma minn dawk li kienu kontra l-qima tax-xbihat (imsejħin ikonoklasti). Huwa għalhekk kellu jgħaddi 7 snin bi ftit ikel f’ħabs maħmuġ. Lill-imperatur Teofilu li kien iżomm mal-Ikonoklasti, qallu: “Ġa ladarba xbiha hija hekk bla valur quddiem għajnejk, kif inhi li, waqt li inti tikkundanna x-xbiha ta’ Kristu, inti wkoll ma tikkundannax il-qima li tingħata x-xbihat tiegħek? Minflok, inti kontinwament tħabrek li jsiru aktar minnhom.”

Metodju sar patrijarka ta’ Kostantinopli sal-mewt tal-aħħar ikonoklasta, imma ma tantx dam f’dil-kariga għax miet erba’ snin wara bil-marda tal-idropsija, fl-14 ta’ Jannar 847. Kiteb ħafna, u speċjalment dwar ħajjiet ta’ diversi qaddisin tal-ewwel żmien tal-knisja.

Ħsieb: Waħda mill-qaddisin li fuqha kiteb San Metodju hi Sant’Agata, Verġni, Martri u Patruna ta’ Malta. “Hija tassew Verġni għax twieldet mill-Kelma ta’ Alla”. Hekk jiddefinixxi lil Santa Agata, San Metodju ta’ Sqallija, fis-seklu IX. Huwa jorbot il-Verġinita’ mat-twelid mill-Kelma ta’ Alla. B’dan il-kliem San Metodju jurina li kellu f’moħħu dak li jikteb San Ġwann fil-Ftuħ tar-Raba’ Evanġelju: li dak li ġie fid-dinja, “lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla, dawk li twieldu mhux mid-demm, lanqas mir-rieda tal-ġisem, imma minn Alla”.

Inkwantu l-persekuzzjoni fi żmien San Metodju, mqajma minn dawk li kienu kontra l-qima tax-xbihat (imsejħin ikonoklasti), tajjeb nikkwota hawn Artiklu 68 dwar id-devozzjoni Marjana u l-kult tax-xbihat tal-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II (29 ta’ Ottubru 1997) biex jippromwovi l-użu rett tax-xbihat sagri:

“Ix-xbihat, l-ikoni u l-istatwi tal-Madonna (u hawn nistgħu ninkludu wkoll dawk tal-qaddisin) preżenti fid-djar, fil-postijiet pubbliċi, u fi knejjes u kappelli bla numru, jgħinu lill-fidili biex isejħu l-preżenza kostanti tagħha u l-ħarsien ħanin tagħha fid-diversi ċirkostanzi tal-ħajja. Waqt li jirrendu pożittiva u kważi viżibbli l-ħlewwa materna tal-Verġni, huma jistiednu biex iduru lejha, biex jitolbuha b’fiduċja u biex jimitawha fl-ilqugħ b’mod ġeneruż tar-rieda divina.

Ebda waħda mix-xbihat magħrufa ma tirriproduċi l-wiċċ awtentiku ta’ Marija, bħal ma diġa’ kien jaf Santu Wistin; b’danakollu dawn jgħinu biex tkun stabbilita relazzjoni iktar ħajja magħha. Ikun inkuraġġit, konsegwentement, l-użu biex ikunu esposti x-xbihat ta’ Marija fil-postijiet tal-kult u fil-bini l-ieħor, biex tkun tistà tinħass l-għajnuna fid-diffikultajiet u s-sejħa mill-ġdid għall-ħajja dejjem iktar qaddisa u fidila lejn Alla.

Biex jippromwovi l-użu rett tax-xbihat sagri, il-Konċilju Niċen ifakkar li «l-qima mogħtija lix-xbihat, fir-realtà tappartjeni lil dak li jkun irrapreżentat; u min iqim x-xbiha, iqim fir-realtà lil min fiha jkun riprodott»”.

  • U inti, tħalli l-ikoni, is-santi jew l-istatwi, ifakkruk li ruħ waħda għandek u li l-bżonnijiet ta’ ruħek għandhom jiġu l-ewwel u qabel kollox fil-ħajja?
  • Timmedita ta’ spiss bl-użu ta’ ikoni, santi jew statwi, kemm ħabbna l-Mulej tant li sab bniedem bħalna u lejn l-aħħar ta’ ħajtu, bata biex ipatti għad-dnubiet tagħna l-bnedmin?
  • Tipprova tgħix fuq l-eżempju tal-Mulej, tal-Madonna u tal-Qaddisin li tagħhom tqim ix-xbihat?

Talba: O Mulej, bit-tagħlim u l-eżempju ta’ ħajtu, San Metodju wriena li l-iktar xogħol importanti f’ħajjitna hu li nieħdu ħsieb ruħna billi ninsġu ħajjitna f’għaqda kontinwa miegħek; agħtina, nitolbuk, għat-talb tiegħu għalina, li nużaw xbihat qaddisa bil-mod kif tixtieqna int, biex hekk naslu għal dik il-qdusija li trid tara fina. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2014/06/st-methodius.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-methodius-of-constantinople-506

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Methodios_I_of_Constantinople

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

22 ta’ April: San Soteru

Verżjoni Vidjo: San Soteru

“Lilkom ngħatat il-grazzja li sservu lil Kristu, mhux biss temmnu fih, imma saħansitra tbatu għalih.” – Filippin 1:29.

220px-Pope_SoterSAN SOTERU
Papa u Martri
†ċ.175

Tagħrif: Wara l-mewt tal-Papa San Aniċetu li ġrat madwar is-sena 166, ġie magħżul bħala t-12-il Papa, San Soteru. Hu kien minn Fondi qrib Gaeta fl-Italja.

Dan il-Papa kellu jikkumbatti l-ereżija ta’ Montano mill-Friġja, li kien jgħallem li xi dnubiet ma setgħu qatt jiġu maħfurin u li hu kien il-mibgħut ta’ Alla biex permezz tiegħu jissawwab mill-ġdid l-Ispirtu s-Santu.

Lil San Soteru wkoll hu attribwit il-preċett tal-Għid, li fih l-insara kollha, barra dawk ħatja ta’ xi dnubiet kbar, kellhom jirċievu t-tqarbin f’Ħamis ix-Xirka.

Ittra li l-Papa San Soteru bagħat lill-Knisja ppersegwitata ta’ Korintu b’xorti ħażina ma nstabitx, imma jeżistu biċċiet mit-tweġiba li l-isqof ta’ Korintu, San Dijonisju, bagħat, u fiha l-isqof jirreferi għall-“abbundanza li l-Papa bagħat lill-qaddisin (insara) ta’ Korintu, u l-konsolazzjoni li hu bagħtilhom bil-kliem ta’ faraġ li hu bagħat bħal missier kollu mħabba għal uliedu.” Ikompli jgħid: “Illum, Jum il-Mulej, aħna qrajna l-ittra tiegħek, u nixtiequ dejjem li nerġgħu naqrawha u niġu mwissijin permezz tagħha, bl-istess mod kif għamilna bl-ittra li kien bagħtilna l-Papa Klement.”

Il-Papa San Soteru jidher li miet wara 9 snin pontifikat fis-sena 175 fi żmien l-Imperatur Marku Awrelju.

Ħsieb: Filwaqt li nafu ftit dwar ħajtu, ix-xogħlijiet tal-karità u l-prinċipji tal-Papa San Soter għadhom jeżistu, u jispirawna biex ngħixu ħajjitna aħjar. Għandna nistaqsu: Kif jista’ jkollna atteġġjament ta’ aktar imħabba u karità lejn l-oħrajn? Kif nistgħu inkunu mudell aħjar għal ħaddieħor fil-ħajja tagħna kif kien San Soter? Kemm nistgħu nimmudellaw ħajjitna fuq dik tal-Verġni Omm Alla u tal-qaddisin kollha, b’mudell perfett tal-karità Nisranija?

Irridu nammettu li rċevejna ħafna u ħafna. Kull Papa u isqof qaddis, kull reliġjuż/a u lajk/a qaddis/a ħallewlna kitbiet u eżempji ta’ ħajjithom li fuqhom nistgħu infasslu l-ħajja tagħna u nagħmlu progress fil-vjaġġ ta’ ruħna ftit ftit kuljum. Il-qdusija mhux xi tarġa kbira u għolja li rridu nitilgħu f’daqqa, imma tikkonsisti f’rebħiet żgħar imma kostanti ta’ kuljum. Ġieli waqgħat u żbalji wkoll, imma li jibnuna fl-esperjenza biex nitgħallmu ma nirrepetuhomx.

Jekk trid tagħmel progress fil-mixja ta’ ruħek, jekk diġà ndimt minn dnubietek u qerrejthom, issa importanti li ma tħarisx lura lejn il-passat tiegħek, li forsi jħammarlek wiċċek bil-mistħija u l-għajb, imma biss lejn il-futur rebbieħ u glorjuż li qed iħejjielek is-Salvatur! B‘dan il-mod, iżżomm ‘il bogħod milli terġa’ taqa’ fid-dnubiet ta’ qabel u tagħmel kuraġġ bit-tama ta’ dak li hemm jistenniek! Ġesù jixtieq li inti tħallih ikun il-Paċi ta’ qalbek sa minn din id-dinja stess. Se tħallih?

Punt importanti ieħor huwa li tikkonċentra fuqek innifsek u ma tqabbilx lilek innifsek ma’ ħaddieħor. Il-ħażen issibu kullimkien, f’kull qasam soċjali. Il-ħażen qiegħed fejn hemm il-bniedem. Int għandek tiffoka fuqek innifsek u tipprova tgħix b’mod li togħġob lil Alla. X’jagħmel ħaddieħor, mhux fil-kontroll tiegħek. Int tista’ biss tibdel lilek innifsek, bil-qawwa tal-grazzja t’Alla li tirċievi permezz tas-Sagramenti tal-Qrar u t-Tqarbin. Jekk wieħed jittama li se jinbidlu l-oħrajn l-ewwel, biex jinbidel hu/hi, x’aktarx se jmut bil-piena. Alla għad jitlob rendikont minn x’għamilt int u mhux minn x’għamel ħaddieħor.

Wasalt fejn wasalt fil-vjaġġ spiritwali tiegħek wara Kristu, kull ma trid tagħmel hu, li timxi l-quddiem b’passi żgħar kuljum… bla ma taqta’ qalbek jew tippretendi wisq minnek innifsek. Għix il-preżent bl-aħjar mod possibbli.

Kif tista’ tħobb lill-Mulej aktar? Ipprova nkludi, ma dak li diġà tagħmel, affarijiet li taf li lil Alla jogħġbuh u jixtieqhom minnek (eż. talb, qrar, tqarbin, qadi, imħabba fil-prattika, eċċ) Tesaġerax f’dak li tinkludi, għax tista’ taqta’ qalbek. Żid ftit ftit u jekk għad hemm f‘ħajtek xi jżommok milli tkun tajtu kollox, itolbU jurik u tassew  jurik x’għad fadallek tagħmel jew toffrilU. Int imbagħad, agħmel dan bil-ferħ filwaqt li tiftakar li qatt m’hu se tasal tissupera l-ġenerożità tiegħu. Hu tana KOLLOX!

Talba: Mulej, il-Papa San Soteru ħadem bla heda biex ikun mexxej tajjeb, għamel il-qalb lill-insara ppersegwitati, kif ukoll iddefenda lill-poplu mill-ereżiji li jmorru kontra t-tagħlim veru li ġabilna Kristu, agħti lilna lkoll li naħdmu bil-ferħ fl-għalqa tiegħek, nagħmlu kuraġġ lil xulxin u ngħixu skont it-tagħlim ta’ Kristu u l-Knisja u niddefenduh bil-għaqal u bl-għerf tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://acatholiclife.blogspot.com/2016/11/pope-st-soter.html

Alternative Reading: http://www.catholic365.com/article/2784/pope-st-soter.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Pope_Soter

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

19 ta’ April: San Ljun IX

Verżjoni Vidjo: San Ljun IX

“Ġesù Kristu hu dak li kien, fl-imgħoddi, issa u għal dejjem. Tħallux li tinġibdu ‘l barra mit-triq b’tagħlim xorta oħra u barrani.” – Lhud 13:8-9.

18035757_10209544462351791_909896379_nSAN LJUN IX
Papa
1002 – 1054

Tagħrif: Bruno twieled ħdejn Kolmar (Alsazja) minn Hugh Asbourgh, kuġin tal-Imperatur Korradu, u minn Heilewida, mara qaddisa.

Jingħad li kienet hekk devota tal-passjoni, li meta twieled Bruno kellu ġismu ttikkjat bi slaleb żgħar ħomor. Meta kien għadu żagħżugħ, kien hekk devot, li sħabu biex jiddistingwuh minn oħrajn tal-istess isem, kienu jsejħulu “t-twajjeb Bruno”. Irċieva l-edukazzjoni tiegħu taħt Bertoldu, it-twajjeb isqof ta’ Toul, u wara l-istudji tiegħu sar kanonku tal-katidral.

Wara l-mewt ta’ Herimann, isqof ta’ Toul u suċċessur ta’ Bertoldu, Bruno ġie magħżul bħala suċċessur (1027). F’Diċembru tal-1048 Bruno ħa parti fid-dietà (konċilju) ta’ Worms, meta l-Papa Tedesk Damasu II miet. Il-poplu ta’ Ruma talab lill-Imperatur Enriku III biex jibgħatulhom. Wara ħafna reżistenza Bruno kellu jaċċetta. Telaq fuq iż-żiemel ma’ ħabibu Ildebrandu, il-futur Girgor VII; iżda meta wasal ħdejn Ruma niżel minn fuq iż-żiemel u daħal il-belt ħafi, liebes ta’ pellegrin.

Tela’ fuq it-tron fit-12 ta’ Frar, 1049. Beda minnufih ix-xogħol tar-riforma, bl-għajnuna ta’ Ildebrandu. F’April laqqa’ sinodu fejn ikkundanna s-simonija u l-inkontinenza. Imbagħad beda l-vjaġġi tiegħu madwar l-Ewropa għar-riforma tad-drawwiet.

Laqqa’ Sinodu fejn ikkundanna l-Berengarju. In-Normanni għelbu lit-Taljani u lit-truppi tal-Papa ħdejn Civitella (Ġunju 1053) u l-Papa ta ruħu fi jdejhom. Itrattawh bl-unuri kollha u wara ftit ħaduh Benevento, fejn ried imur u fejn baqa’ sa Marzu tal-1054.

Il-maqtulin ta’ Civitella baqgħu dejjem quddiem għajnejn il-Papa. Inkwiet ieħor kien Mikiel Żerularju, patrijarka ta’ Kostantinopli, li reġa’ beda jġedded ix-xiżma ta’ Fozju. San Ljun bagħat lill-Kardinal Umberto Kostantinopli bħala legat u kiteb ittra ta’ eżortazzjoni għall-paċi (Settembru 1053).

Iżda r-riżultat tal-ambaxxati wasal Ruma wara l-mewt tal-papa (Lulju 1054). Infatti Ljun kien ħassu ħażin Benevento u meta reġa’ ġie f’tiegħu telaq minn hemm għal Ruma fejn wasal fit-3 ta’ April. Hawn reġa’ marad u wara ftit ġranet miet fid-19 tal-istess xahar u ndifen f’San Pietru.

Ħsieb: San Ljun IX dam Papa ħames snin, iżda snin mimlijin b’attività riformatriċi tal-għaġeb, fost il-kleru u l-lajkat. Kellu għan prinċipali: ir-riforma fil-Knisja. Quddiem l-isfida lejn ir-riforma fil-punent, il-Papa kellu l-isfortuna li jara u jkun xhud ta’ ġrajjiet li kienu bidu lejn ix-xiżma tal-lvant. Mikiel Caerularius, il-patrijarka ambizzjuz ta’ Konstantinopli, fetaħ attakk ta’ propaganda kontra l-punent biex tinħall l-għaqda bejn il-lvant u l-punent.

Meta huwa beda jattwa l-pjan tiegħu li jagħlaq il-knejjes latini ġewwa Kostantinopli u jisforza lill-patrijiet tar-rit Latin biex jaddottaw ir-rit Grieg, Papa Ljun ipprotesta. L-imperatur sforza l-patrijarka biex iċedi, imma meta Ljun bagħat l-ambaxxaturi biex jinvestigaw, il-patrijarka sfidhom. Il-legati tal-Papa quddiem din l-isfida skumnikawh fis-16 ta’ Lulju, 1054. Il-patrijarka minn naħa tiegħu qam kontra Ruma u bdiet ix-xiżma bejn il-lvant u l-punent. Ljun miet qabel din il-firda finali seħħet. Il-poplu Ruman qiemu bħala qaddis, għat-tjubija tiegħu u għall-għeġubijiet li għamel f’ħajtu u wara mewtu.

Forsi aħna lanqas nafu xi tfisser tgħix fiż-żminijiet ta’ dan il-Papa twajjeb u tipprova tagħti l-kontribut tiegħek kif tista’ kif għamel tajjeb Ljun IX, imma lanqas nistgħu ngħidu li fi żminijietna m’aħniex għaddejjin minn żmien differenti ta’ taqlib, minn għedewwa tal-Knisja, dawn minn barra u dawk minn ġewwa, skandli, abbużi, opinjonijiet li jikkontrastaw u joħolqu konfużjoni u nies li ma baqgħux attivi fil-Knisja minn għal raġuni u min għal oħra. Imma n-Nisrani veru x’inhu msejjaħ li jagħmel quddiem dan kollu? Imsejjaħ jaġixxi hekk kif aġixxa s-Sinjur tagħna Ġesù  Kristu meta daħal fit-tempju u ra li kienu għamluh suq.

Huma ħafna dawk li jaħsbu li llum jaqbillek tkun Nisrani tal-KONVENJENZA milli tal-KONVINZJONI. Għaliex li tkun Nisrani konvint ifisser li trid tirfes il-kallijiet; trid toqros fil-laħam il-ħaj ibda minnek stess. F’dinja li tipprietka l-konvenjenza u l-kompromessi, din hi mixja kbira kontra l-kurrent, mixja li ħafna nsara jaqtgħu nifishom imqar jaħsbu fuqha.

In-nisrani għandu bżonn li jara jekk ħajtu saritx suq ta’ kompromessi, suq fejn qed naċċettaw kollox; suq fejn minflok tempju ta’ Alla, billi nfittxu li nwettqu dak li jrid Alla minna, qed nagħmlu minn ħajjitna aċċettazzjoni bla sens ta’ dak li toffri d-dinja, mingħajr lanqas biss nagħmlu domandi jekk dak li qed inwettqu jmurx tajjeb mal-fidi tagħna. Wara eżami fuqu nnifsu u konverżjoni sinċiera, għandu mbagħad jirsisti b’kull mod biex jitkellem favur il-Verità li wasslilna Kristu u b’hekk jitfa’ wkoll dawl fuq il-ħajja ta’ oħrajn biex huma wkoll jerġgħu jduru lejn it-triq tas-sewwa.

Kulħadd għad jiġi ġġudikat u ‘dak li wieħed jiżra’, dak jaħsad’ imma ma nistgħux nakkużaw jew ninħbew wara d-dnubiet u l-iskandli tal-oħrajn biex bħal donnu nippruvaw inġibu fix-xejn il-gravità tad-dnubiet tagħna! Ħafna jitilqu mill-Knisja għax jiskandalizzaw ruħhom mill-imġiba ta’ wħud fil-Knisja, imma allura l-mistoqsija tiġi waħda: Il-fiduċja u t-tama ta’ dawn in-nies kienet fi Kristu li waqqaf il-Knisja jew fin-nies tal-Knisja? Kulħadd suxxettibli għall-iżball. Int ukoll midneb/midinba. Il-Knisja hi sptar tal-midinbin u mhux mużew tal-qaddisin. Jekk int qaddis/a, m’hemmx postok fil-Knisja f’dina l-art, għax f’dan il-wied tad-dmugħ, kulħadd għadu u jibqa’ midneb u kulħadd għandu jirsisti biex ikompli jissielet kontra d-dnub sa l-aħħar nifs. Hekk għamel il-Papa Ljun IX u hekk imsejħa biex nagħmlu aħna wkoll, bla aċċezzjoni.

Talba: O Alla, Ragħaj twajjeb, Inti qegħedt fuq it-tmun lill-Qaddis Papa Ljun IX u permezz tiegħu, iggwidajt lill-poplu tiegħek fi żminijiet iebsa, nitolbuk biex tkompli tagħtina rgħajja qaddisa fil-Knisja tiegħek li jkunu mexxejja għaqlin, twajba u mimlija bl-għerf divin tiegħek biex jagħrfu jwasslu lill-merħla ta’ żminijietna fil-mergħat ta’ dejjem. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintsresource.com/leo-ix-pope

Alternative Reading: https://catholicsaints.info/pope-saint-leo-ix/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Pope_Leo_IX

 

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

12 ta’ April: Santa Tereża de los Andes

Verżjoni Vidjo: Santa Tereża de los Andes

Għal soru Karmelitana l-mewt mhix tal-biża’. Mhijiex ħlief il-bidu tal-ħajja vera. Mhix ħlief tgħanniqa ma’ Alla li hu mħabba bla tmiem.” Kliem Santa Tereża de los Andes ftit qabel ma mietet.

47b6a9a0-6e06-4ac8-921f-6ad7db3478ca.jpgSANTA TEREŻA DE LOS ANDES
Reliġjuża Tereżjana
1900 – 1920

Tagħrif: Din hija l-ewwel beata u l-ewwel qaddisa miċ-Ċilì, pajjiż fl-Amerika Latina. Kien jisimha Juanita Fernàndez Solar u twieldet Santiago, il-belt kapitali taċ-Ċilì fit-13 ta’ Lulju, 1900. Ta’ 7 snin daħlet fil-Kulleġġ tal-Qalb ta’ Ġesù f’Santiago, fejn damet sakemm kellha 18-il sena. Ta’ 10 snin għamlet l-ewwel tqarbina. Ta’ 16-il sena, fil-festa tal-Kunċizzjoni Immakulata, wegħdet ’l Alla li tiddedika ħajjitha lilu.

Kellha devozzjoni speċjali lejn l-Ewkaristija. Bdiet tgħin lill-foqra u ’l-morda, tgħallem il-katekiżmu lit-tfal u żżur lill-familji fil-bżonn. Kienet dejjem ferrieħa u anke ċajtiera. Kienet tħobb l-isport u tirkeb iż-żiemel. Kienet tħobb il-passiġġati twal fil-kampanja, speċjalment qrib il-baħar.

Meta darba żaret il-monasteru tal-Karmelitani Skalzi ta’ Los Andes, iddeċidiet li ssir Karmelitana tal-Klawsura bħal Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, li dak iż-żmien kienet għadha ma ġietx iddikjarata qaddisa u lanqas beata. Fehmet li t-triq tal-Karmelu kienet it-triq tas-salib. Imma hi s-salib ħabbitu għax kien ta’ Ġesù.

Fis-7 ta’ Mejju tas-sena 1919, daħlet fil-monasteru u ħalliet lill-familja għal dejjem. Bħala reliġjuża tawha l-isem ta’ Swor Tereża ta’ Ġesù. Fil-Karmelu sabet ’l Alla, u sabet l-ogħla ferħ ta’ qalbha. Għażlet il-faqar, il-penitenza u s-silenzju biex tingħaqad unikament mal-Mulej, u ma damitx ma ngħaqdet għal kollox miegħu.

Matul ir-Randan tal-1920 sfat marida. Għall-ewwel deher li ma kien hemm xejn gravi, imma fil-fatt kien hemm. Kienet mardet bit-tifù u tifù tassew qawwi. Meta ndunat li t-tmiem ta’ ħajjitha kien qed joqrob, u rat li l-mewt kienet waslet, qalet: “Għal soru Karmelitana l-mewt mhix tal-biża’. Mhijiex ħlief il-bidu tal-ħajja vera. Mhix ħlief tgħannieqa ma’ Alla li hu mħabba bla tmiem.”

Mietet fit-12 ta’ April tas-sena 1920. Kellha biss 19-il sena u 9 xhur, u kienet ilha biss 11-il xahar fil-monasteru. Il-Papa San Ġwanni Pawlu II, fiż-żjara pastorali tiegħu fiċ-Ċilì fl-1987, ipproklamaha bħala l-ewwel Beata taċ-Ċilì, u fil-21 ta’ Marzu tas-sena 1993, l-istess Papa, ikkanonizzaha. Il-Karmelitani Skalzi jiċċelebraw it-tifkira tagħha fit-13 ta’ Lulju.

Ħsieb: Il-grazzji speċjali mogħtija lil Santa Tereża de los Andes jirriflettu l-għerf misterjuż ta’ Alla fejn tidħol il-ħidma tiegħu f’individwi kemm ta’ età żgħira kif ukoll dawk t’età akbar. Jidher li Alla għandu l-loġika unika tiegħu fir-rigward ta’ min, meta u kemm wieħed għandu jinkiseb fil-qasam tal-grazzja. Kull ma nistgħu ngħidu hu; “Ikun imfaħħar Alla.” Hu kollox jagħmel sew! Kollox! Anki meta ma nifhmux il-pjan misterjuż tiegħu, irridu nżommu dejjem quddiem l-għajnejn tal-fidi tagħna li Alla qed jara l-istampa kollha u aħna, bil-moħħ ċkejken tagħna, ma nistgħux nilmħu l-proġett sħiħ li Alla, fl-imħabba tiegħu għalina, ħejja. Għalhekk, it-tweġiba tagħna għal imħabbtu, għandha dejjem tkun il-fiduċja murija permezz tal-fidi, tat-tama, u b’mod speċjali tal-imħabba. Il-kontra ta’ dawn hija l-biża’, id-disperazzjoni u t-telfien!

Kemm-il darba aħna jiġrilna bħall-appostli meta Ġesù kien fl-istess dgħajsa magħhom f’nofs maltempata, imma aħna jidhrilna li mhux qiegħed jagħti kasna. Għalkemm nemmnu li qiegħed hemm aħna nimtlew bil-beżgħat tagħna. L-Appostli kienu jafuh ħafna imma xorta waħda ddubitaw mill-Messija, minn Ġesù. Ġesù imma, dar fuqhom u staqsiehom għaliex qegħdin jibżgħu.

Il-biżà hija ingredjent mill-ħajja tagħna, minn meta konna żgħar kellna ħafna beżgħat li biż-żmien inbidlu u mhux spiċċaw. Ilkoll kemm aħna ngħaddu minnhom u konxji wkoll li hemm il-Mulej lest biex jgħinna, però xorta waħda niddubitaw. Min-naħa l-oħra importanti li jkollna ftit riskju u sens ta’ avventura fil-ħajja tagħna. F’parti oħra tal-Evanġelju Ġesù jgħidilna: “Ejjew għandi intom li tinsabu mtaqqlin u mħabbtin u jiena nserraħkom.” X’inhi dik il-ħaġa li ttaqqalna u tħabbatna? Huma l-problemi tal-ħajja.

Kull ma nagħmlu fih il-problemi u r-riskju. F’dawn iċ-ċirkustanzi rridu nemmnu, nemmnu bħalma jemmnu t-tfal; mingħajr ma jistaqsu għaliex. Il-fidi tagħna hija misteru imma rrid nafda u nemmen li l-Mulej qiegħed hemm lest biex jgħinni. Hu jaf x’inhu jiġri imma qiegħed jistenniena biex nitolbuh l-għajnuna. San Tumas kien qal li ħajjitna qisha bħal meta aħna qegħdin tilgħajn ma’ muntanja imma Alla qiegħed fil-quċċata u minn hemm jista’ jara t-triq li aħna qegħdin naqbdu. Aħna ma nistgħux inkunu ċerti mit-triq tagħna għaliex m’aħniex naraw eżatt x’hemm wara l-kantuniera imma Alla qiegħed jara kollox minn fuq.

Il-Mulej qiegħed mimdud fid-dgħajsa tagħna imma huwa jimpurtah minna.

Ġesù qiegħed jgħidilna kif qal lid-dixxipli: “Jiena Hu, afdaw fija.” Ma jfissirx li l-problemi se nsolvuhom kollha jew b’mod sħiħ imma l-fatt li npoġġuhom f’riġlejn il-Mulej se jgħinna naffrontawhom. Int temmnu dan? Kemm qed tirsisti biex tkabbar il-fiduċja tiegħek fil-Mulej kif għamlet Santa Tereża de los Andes u b’hekk mietet fil-paċi b’moħħha mistrieħ li Alla se jsalvaha? 

Talba: O Alla ta’ min jafdak u jintelaq għal kollox f’idejk, int urejt il-valur tal-fiduċja sħiħa li tistenna minn għandna l-bnedmin lil Santa Tereża de los Andes u din kibret f’din il-virtù bi mħabba kbira lejk, agħtina li fuq l-eżempju tagħha, aħna ngħixu hienja u b’moħħna mistrieħ li Int għax tħobbna, ser tippermetti dak u dak biss li hu ta’ ġid għalina. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/04/st-teresa-of-los-andes.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-teresa-of-los-andes/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Teresa_of_the_Andes

Vatican Biography: http://www.vatican.va/news_services/liturgy/saints/ns_lit_doc_19930321_teresa-de-jesus_en.html

Film on Gloria TV about the life of  Saint Teresa of the Andes (with English subtitles):
https://gloria.tv/video/3fuupKgcCyjo3RSneXfCJ9CFk

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Parti mill-Ħsieb huwa meħud mis-sit tal-Moviment Kerygma.