Fra Baskal Farrugia

Fra BaskalFRA BASKAL FARRUGIA
Kapuċċin
1869 – 1937

Tagħrif: 

Ħamsin Sena ilu saret ir-Rikonjizzjoni
Kien eżattament fis-6 ta’ April 1953 meta fil-preżenza ta’ Mons Ġużeppi Pace, Isqof ta’ Għawdex u tar-Rev. Patri Pietru Mamo, Provinċjal tal-kappuċċini saret ir-rikonjizzjoni ta’ Fra Baskal Farrugia fil-Kripta tal-Knisja tal-Madonna tal-Grazzja fir-Rabat, Għawdex.

Fra Baskal twieled u ġie mgħammed iż-Żebbuġ ta’ Għawdex, nhar l-Erbgħa 10 ta’ Frar 1869. Il-ġenituri tiegħu kienu Ġużeppi Farrugia miż-Żebbuġ, Għawdex u Roża Spiteri imwielda x-Xagħra minn Ġużeppi u Marija neè Cini. Fil-magħmudija tawh l-isem ta’ Salvu, Mikiel u Ġużeppi, iċ-ċelebrant kien Dun Bartilmew Busuttil. Salvu kien ir-raba’ wieħed minn familja ta’ tlettax-il wild.

Vokazzjoni Reliġjuża
Salvu meta kien għadu ċkejken kien diġà beda jħoss li jixtieq isir reliġjuż. Meta kien jara xi Fratell Kapuċċin jiġbor iċ-ċirka (karità) fit-toroq taż-Żebbuġ kien jissaħħar warajh.

Meta kellu madwar wieħed u għoxrin sena eżattament fl-24 ta’ Diċembru 1890, Salvu ġie mlibbes iċ-ċoqqa kapuċċina minn idejn Patri Ġużeppi Marija mill-Birgu, fil-knisja tal-Madonna tal-Grazzja fil-Belt Victorja Għawdex. F’din iċ-ċerimonja isem Salvu ġie mibdul f’dak ta’ Fra Baskal minn Għawdex.

Reliġjuż eżemplari u ta’ penitenza
Fil-ħajja reliġjuża tiegħu, Fra Baskal wettaq diversi responsabbiltajiet, l-iktar dik ta’ sagristan u ċirkatur. Il-biċċa l-kbira ta’ ħajtu għaddieha fil-kunvent ta’ Għawdex. Kien reliġjuż eżemplari u ta’ penitenza, devot kbira ta’ Ġesù Ewkaristija u tal-Madonna tal-Grazzja. Il-gost tiegħu kien li jgħin lil dawk il-foqra li kuljum kienu jmorru jħabbtu l-bieb tal-kunvent għall-karità u l-ikel.

Fra Baskal miet b’fama ta’ qdusija nhar it-Tlieta 18 ta’ Mejju 1937, fl-isptar ġenerali ta’ Għawdex. Folla kbira ta’ nies imlew it-toroq li minnhom għadda l-funeral. Meta l-katavru wasal fil-knisja tal-Madonna tal-Grazzja saret quddiesa, imbagħad ġie midfun fil-kripta tal-istess knisja fil-qabar numru wieħed.

Jinġabar il-fdal tiegħu f’urna
Wara l-mewt ta’ Fra Baskal ħafna nies kienu jmorru kuljum fuq il-qabar tiegħu biex jitolbuh jidħol għalihom fil-bżonnijiet tagħhom tal-ġisem u tar-ruħ. Xi wħud kienu jistqarru li qalgħu grazzji bl-interċessjoni tiegħu. B’hekk il-fama ta’ qdusija li kien igawdi f’ħajtu kompliet tikber wara mewtu.

Kienu għaddew kważi sittax-il sena mill-mewt ta’ Fra Baskal meta fis-6 ta’ April 1953 saret ir-rikonjizzjoni legali tal-katavru tiegħu kif jitolbu l-liġijiet tal-knisja. Flimkien mal-isqof ta’ Għawdex u mal-Provinċjal tal-Kapuċċini kien hemm preżenti n-nutar Francesco Refalo, u bħala xhieda Dr Antonio Tabone, tabib prinċipali tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-Onor. Edgar Montanaro, kummissarju għal Għawdex.

Il-Fdal ta’ Fra Baskal tqiegħed f’tebut taż-żingu. Wara li ġie ssiġillat mill-isqof u mill-provinċjal, tqiegħed f’urna tal-injam li tinsab fil-kripta tal-knisja tal-Kapuċċini ta’ Għawdex.

Nhar il-Ħadd 6 ta’ April 2003, ġiet iċċelebrata Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fis-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja fir-Rabat, Għawdex fejn hemm il-kripta ta’ Fra Baskal.

Kuntratt tar-Rikonizzjoni tal-Kadavru ta’ Fra Baskal (illum, is-6 ta’ April 1953)
Quddiem Nutar Francesco Refalo u quddiem ix-xhieda legalment kapaċi deher hawn personalment, il-Wisq Rev. Patri Provinċjal tar-Reverendu Patrijiet tal-Kappuċċini Pietro Mamo, bin il-mejtin Francesco u Emmanuela neè Galea imwieled u residenti l-Furjana, Malta.

Minni Nutar magħruf; bis-saħħa ta’ dan il-Kuntratt jiena Nutar sottoscritt Francesco Refalo ġejt imsejjaħ mill-Wisq Reverendu Patri Provinċjal Pietru mill-Furjana tal-Ordni tal-Patrijiet Minuri Kappuċċini tal-Provinċja ta’ Malta. Fis-sotterran tal-Knisja taħt it-titlu tal-Madonna tal-Grazzja tal-Kunvent tal-Patrijiet Kappuċċini ta’ Għawdex sabiex nagħti legalment ix-xhieda tiegħi u nestendi dan l-att pubbliku u legali skont ma’ huwa preskritt mil-liġijiet tal-Knisja.

Iġifieri li quddiemi u quddiem ix-xhieda kompetenti ġie miftuħ il-qabar numru wieħed C (1.c.) fejn ġie u sa issa kien jinsab midfun l-Ajk Profess Kappċċin Fra Baskal miż-Żebbuġ ta’ Għawdex li miet fit-tmintax (18) ta’ Mejju tas-sena elf disa’ mija u sebgħa u tletin (1937) miżmum minn kulħadd b’fama ta’ qdusija.

Li flimkien mal-imsemmi Fra Baskal minn Għawdex instab midfun ukoll il-ġisem ta’ reliġjuż ieħor Fra Paċifku minn Bormla Malta. Imma Fra Franġisk minn Għawdex Ajk Kappuċċin li jinsab hawn preżenti għal dan l-att sollenni u legali jistqarr taħt ġurament illi l-ewwel katavru li nstab fil-miftuħ qabar numru wieħed C (1.c.) huwa tal-mejjet Fra Baskal miż-Żebbuġ ta’ Għawdex għaliex meta miet dan l-Ajk Fra Baskal hu ġie midfun fil-wiċċ tal-qabar numru wieħed C.(1.c.) kien preżenti u jista’ jiddikjara li minn dak inhar dak il-qabar ma nfetaħx aktar u b’hekk jista’ jiġi dikjarat b’ċertezza billi dan l-imsemmi Fra Franġisk minn Għawdex kien u baqa’ fil-familja reliġjuża Kappuċċina ta’ fuq imsemmi Kunvent tal-Kappuċċini.

Għalhekk billi l-imsemmi Fra Baskal minn Għawdex miet b’fama ta’ qdusija u skont ma jingħad qegħdin jinqalgħu bosta grazzji mingħand Alla bl-interċessjoni tiegħu, l-Eċċellenza tiegħu Reverendissima Monsinjur Giuseppe Pace Isqof ta’ Għawdex ried u ndenja ruħu li jkun preżenti għal din ir-Rikonjizzjoni solenni u legali tal-ġisem tal-imsemmi Fra Baskal u quddiemi stess u quddiem xhieda oħra bħalma huma preżenti Dr. Antonio Tabone Tabib prinċipali ta’ l-Isptar governattiv tal-Belt Victoria Għawdex; l-onor. Edgar Montanaro, Kummissarju ta’ Għawdex; il-Wisq Rev. Patri Provinċjal tal-Kappuċċini tal-Provinċja ta’ Malta Pietru mill-Furjana; ir-Rev. Patri Anġeliku minn Għawdex Gwardjan tal-Kunvent tal-Kappuċċini ta’ Għawdex dan il-ġisem ta’ Fra Baskal mill-qabar numru wieħed C (1.c.) tas-sotterran tal-Knisja tal-Madonna tal-Grazzja tal-Patrijiet Minuri Kappuċċini ta’ Għawdex ġie midfun u mqiegħed u ssaldat ġo kaxxa taż-żingu u dina ġo oħra tal-injam u ġie ssiġillat b’żewġ siġilli minn wieħed tal-Eċċellenza Tiegħu Mons. Giuseppe Pace Isqof ta’ Għawdex u l-ieħor tal-Provinċja tal-Patrijiet Kappuċċini. Fuq sider il-kadavru ta’ Fra Baskal ġie mqiegħed ukoll stoċċ tal-ħġieġ bil-ħajja tiegħu fil-qosor u miktuba fuq il-pergamena.

Magħmul u ppubblikat dan il-kuntratt magħmula l-previa u debita ċerziorazioni lil probi kontraenti fis-sotterran tal-Knisja tal-Kappuċċini li tinsab triq Kappuċċini Victoria Għawdex mingħajr numru quddiem ix-xhieda legalment kapaċi Edgar Montanaro Kumissarju ta’ Għawdex bin il-mejjet Guglielmo mwieled il-Furjana, Malta u residenti Victoria Għawdex u s-sinjur Cavalier Dottor in Medicina Antonio Tabone bin il-mejjet Nicolo mwieled u joqgħod Victoria Għawdex. Xhieda hawn taħt iffirmati li għandhom il-kwalitajiet kollha rikjesti mil-Liġi Attwali kif huma stess jistqarru u jiddikjaraw.

P. Pietru mill-Furjana O.F.M. Kap. Min. Provinċjal.
Edgar G. Montanaro Kumissarju ta’ Għawdex – xhud.
Antonio Tabone M.D., – xhud
Francesco Refalo Nutar – Pubbliku Malti.
Ikkolazzjonat mal-oriġinal
Francesco Refalo Nutar Pubbliku Malti.
A true copy from my deeds. Quod attestor. Given on this the 14th April 1953:
FRANCESCO REFALO (Notary Public of Malta).

Links about Fra Baskal Farrugia:  

  1. https://www.findagrave.com/memorial/29578527/baskal-farrugia
  2. http://www.laikos.org/FraBaskalFarrugia.htm
  3. http://www.sanfrangisk.com/09Ordni/of-22-Fra%20Baskal.htm
  4. https://books.google.com.mt/books/about/is_Serv_ta%CA%BE_Alla.html?id=x82augEACAAJ&redir_esc=y
  5. https://www.facebook.com/events/341029166279120
  6. http://www.laikos.org/FraBaskalFarrugia.htm#Sigra
  7. https://laikosblog.org/2016/09/13/il-fra-li-jnissillek-tbissima/
  8. https://www.facebook.com/480098058805038/posts/qatt-smajt-bi-fra-baskal-farrugia-aghti-titwila-dan-il-video-saint-capuchin-brot/688373137977528/

 

Nota: It-Tagħrif dwar Fra Baskal Farrugia meħud minn artiklu li deher fil-Leħen is-Sewwa, Is-Sibt 5 ta’ April, 2003, p.10. Il-Kuntratt tar-Rikonjizzoni huwa meħud mill-ktejjeb ta’ Patri Anġlu (Mizzi) mill-Belt, Tagħlim meqjus u Qasir fuq il-Ħajja u l-Mewt ta’ Fra Baskal minn Għawdex, Kappuċċin, Malta 1953.

Advertisements

Fra Diegu Bonanno

FDB-Fra-Diegu-Bonanno-1831-1902FRA DIEGU BONANNO
Fundatur
1831 – 1902

Tagħrif: Fra Diegu kien jismu Ġakkinu u twieled il-Belt Valletta fil-21 ta’ Marzu 1831. Imma kienu jsejħulu Guliermu – li kien it-tielet isem tal-Magħmudija.

Kien devot tal-Madonna tal-Karmnu u ta’ San Franġisk u fil-1852 sar Terzjarju Franġiskan fil-Knisja ta’ Ġieżu tal-Belt. Sadanittant kien lavrant ma’ wieħed ħajjat fil-Belt, imma fl-1856 daħal ajk Franġiskan fl-istess knisja ta’ Ġieżu l-Belt.

Għall-ewwel ismu ma bidluhulux, imma wara semmewh Fra Diegu għall-qaddis ajk Franġiskan spanjol, San Diegu ta’ Alcala. Mibgħut mis-superjuri għall-ġbir, irnexxielu jagħmel kuntatt mal-poplu.

L-ewwel ma ħadem kien biex ireġġa’ lura għat triq it-tajba ċerti xebbiet li kienu qabdu ħajja ħażina. Għal dawn akkwista dar f’Bormla, imbagħad Raħal Ġdid u wara Ħal Balzan. Iktar tard kera dar kbira f’Birkirkara, u fl-aħħarnett il-Ħamrun. Għenitu ħafna oħtu Giovanna u żewġha Pawlu Marmara; dawn flimkien ma’ xi ltiema tal-istitut saru terzjarji Franġiskani fil-Kappella.

Fl-Istitut tiegħu, Fra Diegu kellu għadd kbir ta’ tfal foqra u ltiema minn kull rokna ta’ Malta. Imma anki din id-dar sfat ċkejkna għall-għadd tat-tfal. Kienet it-tjieba u l-ġenerożità kbira tal-Markiż Ġużepp Scicluna li bniet l-istitut kbir u sabiħ tal-lum. Ix-xogħol beda fil-1899, fuq pjanta tal-Perit Lupi u ntemm fit-1905 – wara il-mewt ta’ Fra Diegu.

Barra li kien bniedem ta’ ħidma kbira, Fra Diegu kien ukoll bniedem ta’ umiltà, ta’ ubbidjenza, ta’ ċaħda, ta’ skiet u fuq kollox ta’ talb. U kien verament il-maħbub t’Alla u tal-bniedem, imfaħħar mis-superjuri, mill-Ġeneral tal-Ordni, u mill-Papa Ljun XIII innifsu. Kien ukoll stmat ħafna mill-awtoritajiet ċivili, bħall-Gvernaturi Fremantle u Grenfell, u saħansitra mid-Duka ta’ Edinburgh u mill-Prinċep ta’ Wales, li wara sar Re ta’ l-Ingilterra: ir-Re Ġorġ V.

Fra Diegu miet ta’ 71 sena fil-14 ta’ Mejju 1902, fl-istitut tal-Ħamrun, u wara li sarlu funeral mill-aqwa fil-Belt, ġie midfun fil-Knisja ta’ Ġieżu tar-Rabat, Il-monument tiegħu fil-Ħamrun sar fil-1932.

Links about Fra Diegu Bonanno:

  1. http://www.sanfrangisk.com/19Kotba/Ko-10Fra%20Diegu.htm
  2. http://ofm.org.mt/ofm/?p=168
  3. https://bdlbooks.com/product/fra-diegu-bonanno-1831-1902/
  4. http://fionavella.com/features/tag/dar-fra-diegu-hamrun/

 

Nota: It-Tagħrif dwar Fra Diegu huwa meħud mis-sit tal-MUSEUM ta’ San Ġiljan.

Margerita De Brincat

mmargeritaMARGERITA MARIJA DE BRINCAT
Konfundatriċi
1862 – 1952

Tagħrif: Madre Margerita De Brincat twieldet fit-28 ta’ Novembru 1862 fir-raħal Għawdxi ta’ Kerċem. Fl-1877 daħlet f’assoċjazzjoni li kienet tissejjaħ it-Tnax-il Stilla tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù u fl-1880 din l-assoċjazzjoni nbidlet f’kongregazzjoni.

Hija laħqet is-Segretarja Ġenerali tal-kongregazzjoni li ntant kienet ngħatat l-approvazzjoni tad-Djoċesi Maltija biex tibdel isimha għal dik ta’ Sorijiet Franġiskani tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù.

Hija damet madwar 50 sena taħdem mas-Sorjiet Franġiskani li fihom fetħet skejjel u djar għaż-żgħażagħ. Kien bis-saħħa tagħha li ħidma simili saret f’Corfu, Sqallija, Ruma u l-Etijopja.

Mietet fit-22 ta’ Jannar 1952 fid-dar tas-Sorijiet Franġiskani fir-Rabat, Għawdex. Illum il-kongregazzjoni li waqqfet taħdem f’diversi pajjiżi fosthom fl-Afrika, il-Brażil u l-Pakistan.

Kuruna ta’ tnax-il kewkba
II-Kongregazzjoni kellha l-bidu tagħha fir-Rabat Għawdex fl-4 ta’ Jannar 1874 meta lis-Sinjorina Karmela Xerri, mir-Rabat, ġieha f’idejha ktieb ta’ Don Olmi li hi stess tat lil sħabha biex jaqrawh, Dan il-ktieb jismu: “Kuruna ta’ tnax-il kewkba” ad unur tat-tnax-il kewkba li jdawwru l-Qalb Santissma ta’ Ġesù. Dan il-ktieb jistieden lill-verġni biex jagħtu ruħhom b’riparazzjcni għall-offiżi li jsiru lil din il-Qalb.

Il-qari ta’ dan il-ktieb kellu effett kbir fuq xi xebbiet li bdew jinġabru fid-dar tal-imsemmija Sinjorina Xerri, biex jagħtu bidu għal dan x-xogħol ta’ riparazzjoni. Billi ma setgħux ikomplu dawn il laqgħat weħidhom talbu lil Arċipriet ta’ San Ġorġ, Dun Feliċ Refalo, biex jaħseb jinforma Assoċjazzjoni. Bil-permess tal-Isqof Pietru Pace ġie mogħti lilhom bħala Direttur tat-“Tnax-il kewkba”, il-Viċi Parroku Dun Ġużepp Diacono, magħruf għat-tjubija u għaż-żelu mhux komuni tiegħu. Dan it-twajjeb Saċerdot twieled ix-Xagħra, Għawdex, fit-15 ta’ Awwissu 1866 u miet fit-22 ta’ Ġunju 1924. Il-laqgħat ta’ kull xahar baqgħu jsiru fid-dar tas-Sinjorina Xerri, sakemm inkriet dar fi Strada “Għajn Qatet” u ġie mogħti l-isem “Dar tal-Karità”.

Il-Għan Qaddis
Il-fini ta’ l-Assoċjazzjoni f’din id-dar kien li jagħmlu ġid liż-żgħażagħ speċjalment lit-tfal l-iżjed fqar. Għaldaqstant l-Assoċjati taw bidu għall-programm tal-ħajja tagħhom. Wara li kienu jispiċċaw il-prattiki tagħhom ta’ pieta’, kienu jiġbru t-tfal, bi preferenza l-iktar fqar, u kienu jagħtuhom lezzjonijiet ta’ Katekiżmu, ta’ skola u ta’ xogħol tad-dar. Filgħaxija, kienu jieħdu t-tfal fil-knisja ta’ San Franġisk biex jagħmlu vista lil Ġesù Sagramentat u wara kienu jwassluhom sad-dar tagħhom.

Fit-18 ta’ Ottubru 1880, dawn il-Kongregati ħadu l-abitu tat-Terz Ordni ta’ San Franġisk minn idejn il-Fundatur tagħhom Dun Ġużepp Diacono.

L-Isqof Pietru Pace, fit-13 ta’ Ottubru 1883 aċċetta l-Kongregazzjoni l-ġdida bħala Istitut Djoċesan u ta lill-Ewwel Sorijiet ir-Regola tat-Terz Ordni ta’ San Franġisk biex josservawha.

Dawn l-ewwel Terzjarji Franġiskani kienu jgħixu fl-ikbar faqar. Biex ikollhom in-neċessarju għall-ħajja kienu jaħdmu minn filgħodu sa filgħaxija, jgħallmu l-bizzilla, u jżommu skola ta’ tfal żgħar subien u bniet. Hekk kienu utli għall-proxxmu, mhux biss bl-eżempju ta’ ħajja qaddisa u fervoruża li kienu jgħaddu, iżda anki bl-opri, għall-vantaġġ tax-xbejbiet speċjalment fqar. Meta xi waħda minn dawn kienet tmut jew toħroġ, il-post tagħha kien jiġi okkupat biex in-numru ta’ din l-Assoċjazzjoni jibqa’ dejjem tnax.

Madre Margerita: Konfundatriċi
Hawn l-istorja hija mżejna bid-dehra tax-xbejba Virginja Debrincat li twieldet f’Kerċem fit-28 ta’ Novembru 1862. Din ix-xebba kienet mogħtija għat-tjieba u għall-ħajja moħbija u kienet għamlet vot tal-verġinità ta’ 14-il sena. Ġiet aċċettata bħala postulanta fil-5 ta’ Frar 1881. Fil-20 ta’ Frar 1881 libset il-libsa ta’ San Franġisk minn idejn il-Fundatur, Dun Ġużepp Diacono u ħadet l-isem ta’ Maestra Virġinja: ‘il quddiem Swor Marija Margerita tal-Qalb ta’ Ġesu’.

Sentejn wara il-fundazzjoni, il-Fundatur Diacono ħalla t-tmexxija tal-Kongregazzjoni li kienet għadha fil-bidu tagħha minħabba xogħol gravi ieħor li afdalu l-Isqof, u Madre Margerita b’ispirazzjoni divina, ħadet f’idejha t-tmexxija tal-Kongregazzjoni. L-Isqof Pietru Pace għenha ħafna u ta lill-Istitut l-ewwel Kostituzzjoni skont ir-Regola tas-Sorijiet Terzjarji Regolari ta’ San Franġisk.

Din il-Madre, membru tal-Komunità li qegħdin insemmu, bħala soru professa, bħala Superjura Lokali, bħala Madre Ġenerali, u bħala Konfundatriċi mexxiet għal snin twal il-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Franġiskani ta’ Malta. Illum dan l-isem tas-Sorijiet Franġiskani ta’ Malta, b’lndult tas-Sagra Kongregazzjoni tar-Reliġjużi, ġie mibdul f’dak tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù.

L-iskop tal-Kongregazzjoni hu l-qdusija tal-membri permezz tal-osservanza fidila tal-voti tal-Ubbidjenza, Kastità u Povertà skont ir-Regola tat-Terz Ordni ta’ San Franġisk u tal-Kostituzzjonijiet Propri.

L-iskop speċjali ta’ din il-Kongregazzjoni hu l-qdusija tal-proxxmu permezz tat-tagħlim u tal-edukazzjoni nisranija u ċivili tat-tfal bniet u subien u tax-xebbiet speċjalment fqar, kif ukoll l-eżerċizzju tal-karità lejn il-morda. Għalhekk, is-Sorijiet jeżerċitaw l-attività tagħhom fi skejjel primarji, sekondarji, u f’oħrajn għat-tfal żgħar, f’orfanatrofji, ospizji, sptarijiet, ambulatorji u f’opri oħra bħal dawn. Kull fejn ikunu, jagħtu mportanza kbira lill-Katekiżmu.

Il-Konfundatriċi waqqfet l-ispirtu tal-Istitut fuq il-faqar, fuq l-umiltà, u fuq is-sempliċità Franġiskana. L-abitu ta’ kulur qastni, il-kurdun tas-suf abjad, u l-velu li jilbsu s-Sorijiet ifissru s-sempliċità Franġiskana. Il-ferħ Franġiskan hu d-distintiv tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesu’.

Jinfirxu mad-dinja
Ta’ min isemmi l-ewwel fondazzjoni li Madre Margerita tal-Qalb ta’ Ġesù, għat-talb tal-Isqof Pietru Pace, li waqqfet f’Korfù 1907. L-iskop kien li jassistu kolonja Maltija ta’ emigranti li kienu marru hemm minn żmien qabel. Il-missjoni tas-Sorijiet kienet li jieħdu kura tat-tagħlim tal-Katekiżmu, jiġbru l-Maltin għall-Quddiesa tal-Ħadd, għall-Qrar u għat-Tqarbin billi javżawhom ġurnata qabel. Barra dan, l-unika skola kattolika f’Korfù hija f’idejn l-istess Sorijiet. Għandhom ukoll ospizju għax-xjuħ nisa, li hu wkoll l-uniku ospizju kattoliku.

Hi ta’ mportanza kbira d-dar li nfetfiet f’Ruma fl-10 ta’ Mejju 1927. F’din id-dar, imkabbra u miżjuda, hemm skola materna, skola elementari, orfanatrofju tal-bniet u subien, ospizju għax-xjuħ nisa, tagħlim tal-Katekiżmu tal-Parroċċa kollha.

L-attivita’ tas-Sorijiet Franġiskani titnissel u tissaħħaħ mill-imħabba dedikata. Mis-sigħat ta’ talb fil-Kappella, is-soru ġġorr lil Kristu magħha fix-xogħol u fl-appostolat tagħha.

Fl-aħħar 40 sena, il-Kongregazzjoni ħadet żvilupp kbir u barra djar f’Għawdex u f’Malta għandha wkoll djar fl-Italja, fil-Greċja, fl-Ingilterra, fl-Etjopja, fil-Pakistan, fil-Brażil, fl-Awstralja, fl-Amerka u f’Ġerusalemm.

Iż-żerriegħa ċkejkna mixħuta mill-Fundatur Dun Ġużepp Diacono u kkultivata mill-Konfundatriċi qaddisa Madre Margerita tal-Qalb ta’ Ġesù, kibret u tat frott viżibbli u ta’ ġid kbir lill-Knisja. Kollox ikun għall-ikbar glorja t’Alla.

Links about Margerita De Brincat:

  1. https://www.findagrave.com/memorial/29612709/margherita-de_brincat
  2. https://mt.wikipedia.org/wiki/Madre_Maria_Debrincat
  3. http://www.sanfrangisk.com/09Ordni/of-17-M.Margerita.htm
  4. http://gozodiocese.org/2013/08/28/madre-margherita-de-brincat-taghrif-mill-kongregazzjoni-tal-kawzi-tal-qaddisin/
  5. http://fcjmalta.org/?page_id=61
  6. https://www.timesofmalta.com/articles/view/20120129/life-features/Mother-Margherita-Debrincat-in-love-with-love-as-a-way-of-life.404592
  7. http://gozonews.com/43437/madre-margerita-de-brincat-to-be-proclaimed-venerable/
  8. https://medjugorjemalta.blogspot.com/2014/01/papa-frangisku-jagraf-il-virtujiet.html
  9. http://www.franccj.com/franccj/en/2016/07/16/la-nostra-storia/
  10. http://www.franccj.com/franccj/blog/2016/05/14/malta-4-luglio-2014-madre-margherita-de-brincat-e-venerabile/
  11. https://www.velar.it/libro/madre-margherita-de-brincat/

Nota: It-Tagħrif dwar huwa Margerita De Brincat meħud mis-sit tal-MUSEUM ta’ San Ġiljan.

Mons Ġużeppi De Piro

29553797_1478943005MONS ĠUŻEPPI DE PIRO
Fundatur
1877 – 1933

Tagħrif:

F’Żgħoritu u Żgħożitu
Ġużeppi De Piro twieled fl-Imdina, fit-2 ta’ Novembru 1877. Missieru, Alessandro u ommu Ursola Agius, kienu t-tnejn ta’ nisel nobbli. Kien is-seba’ tifel fost disa’ aħwa. Wara li rċieva l-edukazzjoni primarja tiegħu fid-dar tal-familja, hu għadda għall-Liċeo tal-Belt, għall-formazzjoni sekondarja. Fl-aħħar klassi għamel l-eżami tal-Matrikola. Daħal l-Universita’ fejn għamel tlett snin jistudja l-Arti u x-Xjenza. Mat-tmiem ta’ dan il-kors, fl-1897, hu beda l-istudji li kellhom iwassluh biex jilħaq avukat.

Ta’ min igħid, iżda, li f’dawn is-snin Ġużeppi ma kienx jistudja biss. Sa llum is-Soċjeta’ Missjunarja ta’ San Pawl għad għandha diversi pitturi li hu kien għamel fi tfulitu u f’żgħożitu. Mhux darba u tnejn li De Piro ħa sehem f’kompetizzjonijiet anke nazzjonali, u rebaħ xi premijiet. Waqt li kien l-Universita’ Ġużeppi għamel anke żmien suldat fil-Milizia Maltija.

Minn Student tal-Liġi għal Seminarista… u mbagħad Saċerdot
Il-kors ta’ avukat ma spiċċahx. Dan mhux għax ma kienx kapaċi imma għax Alla kien ħejja triq oħra għalih. Fil-fatt waqt li fit-8 ta’ Mejju 1898, Ġużeppi kien qiegħed ma’ sħabu fil-Knisja tal-Ġiżwiti, il-Belt, jagħmel is-Supplika tal-Madonna ta’ Pompei, huwa ra biċ-ċar li Alla riedu saċerdot. Għax kien imrobbi fit-talb u fid-direzzjoni spiritwali, iż-żagħżugħ malajr qal iva lil Alla. Dik is-sena stess, 1898, Ġużeppi mar Ruma u hemm beda l-istudji tal-Filosofija u t-Teoloġija. Kellu joqgħod fil-Kulleġġ Capranica u l-korsijiet jagħmilhom fl-Universita’ Gregoriana.

Il-pjanijiet tas-seminarista Ġużeppi kienu kbar. Kien jixtieq li jagħmel għaxar snin jistudja Ruma. Imma ġara mod ieħor. Tant inħakem mill-mard, li kellu jitlob lill-Arċisqof ta’ Malta, Pietru Pace, biex itih il-possibilità li jordna wara biss kważi erba’ snin li kien ilu li ħalla Malta. Il-permess ingħata u Ġużeppi ġie ordnat f’Ruma fil-15 ta’ Marzu 1902. Huwa għamel l-ewwel quddiesa solenni tiegħu fil-Katidral tal-Imdina, f’Marzu tal-istess sena.

Sehmu fil-Knisja Maltija u Għawdxija
Wara li rritorna Ruma biex itemm it-tielet sena tat-Teoloġija, Dun Ġużepp mar l-Isvizzera biex jieħu saħħtu. Hemmhekk dam sal-1904. Huwa rritorna Malta u beda jaħdem bħala saċerdot fil-Parroċċa tal-Qrendi. Kien sejjer tajjeb ħafna u kien qiegħed jagħmel ħafna ġid. Il-Qrendin kollha kienu jħobbuh ferm. Imma l-ħidma tiegħu hawn ma kellhiex ittul ħafna għax fl-1907 l-Arċisqof Pace għażel lil De Piro bħala direttur tal-Istitut Fra Diegu, fil-Ħamrun.

Fra Diegu ma kienx l-uniku Istitut jew orfanatrofju f’idejn De Piro. Hu kellu jieħu f’idejh ħamsa oħra: l-Istitut ta’ San Ġużepp, f’Santa Venera; dak ta’ Ġesù Nazzarenu, fiż-Żejtun; Dar għaċ-ċkejknin, f’Santa Venera; San Franġisk ta’ Paola, f’B’Kara; u San Ġużepp, f’Għajnsielem Għawdex.

Fl-istess żmien Dun Ġużepp De Piro ġie maħtur Monsinjur u Dekan tal-Katidral tal-Imdina. Bejn l-1916 u l-1918 l-Arċisqof Mawru Caruana għażlu bħala segretarju tiegħu. Fis-sentejn ta’ wara hu ġie mqiegħed Rettur tas-Seminarju Maġġuri, fl-Imdina.

Ċittadin li ħabb verament lil Pajjiżu
Imma s-servizz li ta De Piro ma kienx fil-Knisja biss. Huwa kien ukoll ċittadin li ta sehem sħiħ għall-binja ta’ pajjiżna. Fil-fatt bejn l-1918 u l-1921 huwa għamel parti mill-Assemblea Nazzjonali li kellha tieħu ħsieb it-tfassil tal-Kostituzzjoni ta’ Malta. F’dan l-istess żmien, jew aħjar fis-7, 8 u 9 ta’ Ġunju 1919, De Piro ħabrek biex tinkiseb il-paċi bejn il-Maltin u l-Gvern Ingliż. Mill-1932, sakemm miet (fl-1933), Dun De Piro kien ukoll senatur fit-Tielet Parlament Malti.

Fundatur tas-Soċjeta’ Missjunarja ta’ San Pawl
Imma din ma kenitx il-ħajja kollha ta’ Dun De Piro. Il-kontribut ewlieni li ta lid-dinja dan il-Malti kienet is-Soċjeta’ Missjunarja ta’ San Pawl. Kien ilu jaħseb fiha sa minn meta kien seminarista f’Ruma. Iżda hemmhekk ma seta’ jagħmel xejn; kellu l-istudji li kienu jimpeduh. Lanqas ma seta’ jagħmel xejn fis-snin li kien l-Isvizzera. Huwa stess jikteb, “Qalb is-silġ tal-Alpi, daqshekk ‘il bogħod mill-pajjiż fejn ħsibt li npoġġi l-proġetti tiegħi fil-konkret ma kien baqagħli xejn għajr it-talb – l-aqwa kumpanija tiegħi – u tlabt, tlabt, tlabt”.

Meta rritorna Malta fl-1904 ittanta jagħmel xi ħaġa billi avviċina xi saċerdoti u qalilhom bix-xewqa li jwaqqaf Soċjeta’. Imma lilu ħadd ma fehmu. Kellha tiġi s-sena 1910 biex seta’ jibda xi ħaġa. Fil-fatt fit-30 ta’ Ġunju ta’ dik is-sena, f’dar ċkejkna qrib ħafna tal-Katidral tal-Imdina, u viċin tal-palazz fejn hu nnifsu kien twieled, Ġużeppi laqa’ l-ewwel żewġ żgħażagħ li kellhom jagħmlu parti mis-Soċjeta’ tiegħu. Il-vokazzjonijiet baqgħu jiżdiedu u minħabba f’hekk De Piro kellu jfittex dar oħra, dejjem fl-Imdina. Għadda anke għat-tielet dar, sakemm f’Ġunju tal-1933 il-membri tas-Soċjeta’ tiegħu marru biex iżanżnu d-Dar Ċentrali tagħhom, dik ta’ Sant’Agata, fir-Rabat.

Is-Soċjeta’ ta’ San Pawl, kif semmiha De Piro, kompliet tikber u tinfirex f’diversi djar oħra f’Malta, f’Għawdex, u anke barra minn pajjiżna. Fil-fatt, wara li De Piro nnifsu fl-1927, kien bagħat l-ewwel missjunarju tiegħu fl-Etjopja, fl-1948 marru l-ewwel membri fl-Awstralja. Fil-Kanada marru fl-1959. Fl-1968 inbdiet il-missjoni tal-Peru’. Fil-USA wasalna fl-1973. Il-missjoni tal-Pakistan kellha l-bidu tagħha fl-1981. Fl-1998 il-Curia Ġeneralizia marret Ruma. L-aħħar kien fil-Filippini, fl-1999.

Links about Mons Ġużeppi De Piro:   

  1. https://en.wikipedia.org/wiki/Joseph_De_Piro
  2. http://www.wikiwand.com/mt/%C4%A0u%C5%BCeppi_De_Piro
  3. http://thechurchinmalta.org/en/posts/1989/the-missionary-society-of-st-paul-m-s-s-p
  4. http://mssproma.paulistmissionaries.org/pic_first_members_mt.html
  5. http://mssproma.paulistmissionaries.org/depiro_prayer_it.html

 

Nota: It-Tagħrif dwar Mons Ġużeppi De Piro meħud mis-sit tal-MUSEUM ta’ San Ġiljan.

25 ta’ Jannar: Il-Konverżjoni ta’ San Pawl

Verżjoni Vidjo: Il-Konverżjoni ta’ San Pawl

“Jiena sibt il-ħniena, għax dak li għamilt għamiltu bla ma kont naf, billi kont għadni ma nemminx; anzi Lili l-grazzja ta’ Sidna ġiet mogħtija bil-kotra, flimkien mal-fidi u ma’ l-imħabba, li hi fi Kristu Ġesù. Ma jistħoqqlix nissejjaħ appostlu, għaliex kont naħqar lill-Knisja ta’ Alla.” ~ 1Timotju 1:13-14; 1 Korintin 15:9.

the-conversion-of-st-paul-nicolas-bernard-lepicieIL-KONVERŻJONI TA’ SAN PAWL
c. 35 A.D.

Tagħrif: Il-Knisja tiċċelebra l-konverżjoni ta’ San Pawl, minħabba n-natura straordinarja tagħha.

San Pawl kien Lhudi, ta’ Ċittadinanza Rumana, edukat f’Ġerusalemm, u trabba bħala Fariżew akkanit ħafna, anzi fanatiku għal-Liġi ta’ Mose’. Hekk sar għadu mill-kbar u persekutur aħrax tal-Knisja Nisranija li kienet għadha fil-bidu tagħha. Saħansitra akkwista l-awtorita’ mingħand il-Mexxejja tal-Lhud biex ikun jista’ jarresta lill-Insara fl-ibliet u fl-irħula u jeħodhom Ġerusalemm biex jgħaddu ġuri. Nafu li kien preżenti fil-martirju ta’ San Stiefnu.

Meta bejn is-sena 34 u 36, kien sejjer Damasku, illum il-Kapitali tas-Sirja, biex jippersegwita lill-Insara, Ġesù stess ikkonvertieh u wrieh biċ-ċar li l-persekuzzjoni li kien qed jagħmel lill-Insara, kien qed jagħmilha lilu. “Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani?” Qallu: “Min int, ja Sidi?” Wieġbu: “Jien hu Ġesù, li int qiegħed tippersegwitah … ” Din il-ġrajja nsibuha mniżżla fl-Atti tal-Appostli (9:3-27; 22:6-16; 26:13-18); u San Pawl jagħmel riferenza għaliha f’xi ittri (1Korintin 15:9-10; Galatin 1:13-16; Efesin 3:6-7).

Il-Laqgħa straordinarja tiegħu ma’ Ġesù mhux biss bidlet ħajtu, u minn persekutur qalil, għamlitu wieħed mill-ikbar difensuri, għalliema u qaddisin tal-Knisja Nisranija, iżda kellha effett drammatiku fuq l-istess Knisja.

Wara l-konverżjoni tiegħu, li ġrat għall-ħabta tas-sena 35 A.D., San Pawl għadda aktar minn tliet snin fid-deżert tal-Għarabja jħejji ruħu għall-missjoni li għażillu Ġesù. Hawn hu kellu diversi rivelazzjonijiet li fihom hu fehem tajjeb ħafna li Ġesù ta’ Nazaret kien ħaj u li kull ħaġa fis-sema u fl-art kellha l-milja tagħha fih.

San Pawl fl-ittri tiegħu jsemmi l-konverżjoni tiegħu fit-triq ta’ Damasku u jattribwiha lill-imħabba ta’ Alla lejh, u jgħid li min-naħa tiegħu laqa’ l-grazzja li tah Alla u jgħid li din il-grazzja ma kinitx għalxejn fih.

Hu pprova jfassal ħajtu kollha fuq dik ta’ Ġesù u ħadem għal Ġesù kemm felaħ biex jarah magħruf u maħbub minn kulħadd, sa wasal biex qal: “Ngħix mhux jien, imma Kristu jgħix fija.”

Il-festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl bdiet fil-Gallja fis-seklu VIII fl-okkażjoni tat-traslazzjoni ta’ xi relikwi tal-appostlu, u daħlet fil-Kalendarju Ruman lejn it-tmiem tas-seklu X.

Il-parroċċa ta’ Ħal Safi hi ddedikata għall-Konverżjoni ta’ San Pawl.

Ħsieb: Dan parti mid-diskors tal-Papa Franġisku tal-25 ta’ Jannar 2018, fil-Festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl:

“Aħna l-insara, naqsmu flimkien l-esperjenza fundamentali: il-grazzja ta’ Alla, il-ħniena qawwija tiegħu biex isalvana. U proprju għax Alla ħadem din ir-rebħa fina, flimkien nistgħu ngħannu l-ġieħ tiegħu.

Fil-ħajja mbagħad induqu l-ħlewwa ta’ Alla, li fil-ħajja tagħna ta’ kuljum bl-imħabba tiegħu jsalvana mid-dnub, mill-biża’ u mit-tbatija. Dawn l-esperjenzi prezzjużi għandhom jiġu mħarsa fil-qalb u fil-memorja.  

Anki San Pawl, li llum qed niċċelebraw il-konverżjoni tiegħu, għamel l-esperjenza qawwija tal-grazzja, li sejħitlu biex, minn persekutur, isir appostlu ta’ Kristu. Il-grazzja ta’ Alla wasslet lilu wkoll biex ifittex il-komunjoni mal-Insara l-oħra, minnufih, l-ewwel f’Damasku u mbagħad Ġerusalemm (ara Atti 9:19,26-27).

Din hi l-esperjenza tagħna tal-fidi. Naqra naqra, aktar ma nikbru fil-ħajja spiritwali, nifhmu dejjem iżjed li l-grazzja tilħaqna flimkien mal-oħrajn u rridu naqsmuha mal-oħrajn”. 

U dan hu parti mill-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl (23 ta’ Jannar 2016):

“Aħna msejħin biex inkunu xhieda ta’ Ġesù, u ma nibżgħux nuru li aħna Nsara bil-mod kif ngħixu, kif nitkellmu, kif inġibu ruħna, bid-deċiżjonijiet li nieħdu…hekk trid tkun xhud. U m’hemmx għalfejn ikollna ċ-ċarċir tad-demm biex inkunu martri, xhieda – martri tfisser xhud. Kemm żgħażagħ tagħna li jagħmlu l-Griżma, imma mbagħad meta jibdew jitfarfru, jistħu jgħidu li jemmnu f’Ġesù minħabba l-peer pressure. Jiena rrid nagħmlilhom kuraġġ liż-żgħażagħ biex ma jistħux mill-isem qaddis tal-Mulej Ġesù!

Pawlu mhux biss xhud għax ra lil Ġesù, iltaqa’ miegħu fit-triq ta’ Damasku, imma wkoll appostlu mibgħut. Aħna wkoll mibgħuta fl-ambjenti differenti tal-ħajja u skont il-vokazzjoni tagħna, biex inwasslu l-bxara t-tajba tal-Mulej. Il-Mulej miet għalik, il-Mulej qam mill-imwiet għalik, il-Mulej iħobbok.

Ejjew nirringrazzjaw lill-Mulej tal-ħniena li wera ma’ Sawlu, ma’ Pawlu l-appostlu Missierna, għax il-ħniena li wera miegħu, aħna ggwadanjajna minnha. Hu kien li ġie f’Malta, x’aktarx fl-Mdina fejn il-Protos kellu d-dar tiegħu, fejn Pawlu għamel il-miraklu tal-fejqan ta’ missier Publju, u l-Maltin, kull min kien marid, ġew għandu u mal-fejqan ħadu l-fidi. Ejjew nitolbu biex, bl-interċessjoni tal-appostlu Missierna San Pawl, il-fidi fi Kristu tibqa’ wkoll għalina għajn ta’ fejqan”.

Talba: O Alla, int għallimt id-dinja kollha bil-priedki tal-Appostlu Missierna San Pawl, li llum qegħdin niċċelebraw il-koverżjoni tiegħu: agħmel li aħna nimxu fuq l-eżempju tiegħu, biex inkunu xhieda tal-verità tiegħek quddiem il-bnedmin kollha. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://catholicexchange.com/the-conversion-of-st-paul

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/conversion-of-saint-paul/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Conversion_of_Paul_the_Apostle

Film on the life of Saint Paul:

Nota: It-Tagħrif dwar din il-Festa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.