4 ta’ April: San Sidor

Verżjoni Vidjo: San Sidor

“Il-bnedmin bil-għaqal ikollhom fuqhom dija bħal dik tas-sema, u dawk li jkunu wasslu ‘l ħafna fis-sewwa jkunu jiddu bħal kwiekeb għal dejjem ta’ dejjem.  San Sidor, mgħallem tassew għaref u dawl tal-Knisja imqaddsa, itlob lill-Iben ta’ Alla għalina, int li ħabbejt il-liġi tal-Mulej” ~ Żewġ antifoni mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Sidor.

Isidor_von_Sevilla.jpegSAN SIDOR
Isqof u Duttur tal-Knisja
560 – 636

Tagħrif: San Sidor kien tifel ta’ familja nobbli Rumana, li kienet qed tgħix f’Kartaġena, Spanja. Tlieta minn ħutu huma wkoll qaddisin, San Leandru li kien Arċisqof ta’ Sevilla, San Fulġenzju, Isqof ta’ Astigi, u Santa Florentina.

Fis-sena 599 sar Arċisqof ta’ Sevilla, wara ħuh, u mexxa d-Djoċesi b’suċċess kbir għal 37 sena, sakemm miet fl-4 ta’ April 636.

Kien bniedem ta’ għerf kbir, u kien l-aħħar wieħed fost il-Filosofi Nsara. Kien ukoll l-aħħar wieħed fost il-Missirijiet tal-Knisja Latina, u kien l-ewwel kittieb Nisrani li għamel ‘Summa’, ġabra ta’ għerf universali. Hu ġabar xogħlijiet Latini u Griegi, li kienu jintilfu li kieku ma kienx hu. Baqa’ msemmi ħafna għall-opra tiegħu ”Etymologiae”, kollezzjoni sistematika ta’ 154 kittieb ta’ żmienu, fuq teoloġija, axxetika, storja, ġografija, astronomija, u suġġetti oħra.

San Sidor attenda t-Tieni Konċilju ta’ Sevilla fis-sena 619, u ppresieda r-Raba’ Konċilju ta’ Toledo fis-sena 633.

Ħadem ħafna biex il-Viżigoti li ddominaw Spanja għal kważi żewġ sekli, ġew ikkonvertiti mill-Arjaniżmu.

San Sidor miet fis-sena 636, ta’ 76 sena.

Ħsieb: Is-soċjetà tagħna tista’ sewwa sew tuża l-ispirtu ta’ San Sidor ta’ kombinazzjoni bejn it-tagħlim u l-qdusija. L-imħabba, il-fehma u l-għerf jistgħu jfejqu u jagħqdu flimkien nies miksura u mifruda minn xulxin. Aħna m’aħniex Barbari bħall-invażuri ta’ Spanja fi żmien Sidor. Imma n-nies li huma mgħarrqa fl-għana u invażati mill-avvanzi xjentifiċi u teknoloġiċi, jistgħu jitilfu f’ħajja ta’ nuqqas ta’ mħabba u konpassjoni lejn il-proxxmu. X’jiswew umbagħad l-avvanzi kollha tal-bniedem tal-lum jekk titmermer l-imħabba, li nafu li hi r-raġuni għalfejn ġejna f’din id-dinja? X’jiswielu l-bniedem intelliġenti u għani jekk jikseb tant ġid u unuri biex umbagħad jitlef ruħu?

In-nisrani mħeġġeġ biex bl-avvanzi tad-dinja moderna, jara kif jista’ jħobb, jaqdi u jservi aħjar il-ħtiġijiet tal-ħajja tiegħu u tal-oħrajn, b’attenzjoni speċjali lejn dawk l-aktar batuti u fil-bżonn? Il-bniedem jiftaħar għax niżel fuq il-qamar u kull sena jintefqu eluf ta’ flus fuq ikomplu javvanzaw f’missjonijiet spazjali ġodda. U xi ngħidu għan-nefqa fl-armi li li tintefaq biex il-pajjiżi jkunu lesti għal xi gwerra li tista’ tinqala? Illum nista’ nilħaq lil xi ħadd li qiegħed fuq in-naħa l-oħra tal-globu!! Tassew li l-bniedem jaf ikun intelliġenti u bravu! Imma, ngħid jien, il-bniedem avvanza fejn tidħol il-karita’, l-imħabba u l-għajnuna immedjata ta’ nies fil-bżonn? Il-faqar irnexxielna niddistruġġuh? Nistgħu ngħidu li nies li jmutu bil-ġuħ, bil-mard, bil-klima għax m’għandhomx saqaf fuq rashom u oħrajn, issa saru biss memorja tal-passat?? U xi ngħidu għan-nies bi bżonnijiet fil-gżejjer tagħna?

F’omelija minn tiegħu, Mons. Isqof Mario Grech, waqt quddiesa fl-okkażjoni tal-Gradwazzjoni tal-studenti tal-Università (21 ta’ Novembru 2008) jgħidilhom hekk:

“Matul s-snin dejjem kien hemm nisġa qawwija bejn l-impenn intellettwali u dik l-attenzjoni speċjali għall-faqar qadim u ġdid. Kienu ħafna dawk li xorbu mill-għajn tal-għerf biex imbagħad setgħu jaqdu ġenerożament lill-fqir u liż-żgħir. Irrid nittama li dan huwa wkoll wieħed mill-ideali tagħkom, li llum qed troddu ħajr lil Alla talli temmejtu l-korsijiet tagħkom u issa tibdew tfittxu fejn tistgħu toffru l-kontribut professjonali tagħkom. Il-foqra qegħdin magħna. Peress li mhux dejjem isibu min ġenwinament isostnihom mill-kamp politiku, intom, bħala ċittadini, kulħadd esperti fil-kamp tiegħu jew tagħha, tistgħu tkunu t-tama tagħhom li b’xi mod tgħinuhom jgħixu ħajja umanament dinjituża.

  • Għandna familji li qed ifittxu min jgħinhom biex jegħlbu d-diffikultajiet relazzjonali u finanzjarji;
  • għandna ħaddiema li jixtiequ serħan il-moħħ dwar ix-xogħol li għandhom;
  • għandna tfal u adolexxenti li qed jaffrontaw sfidi ġodda fis-sistema edukattiva;
  • għandna ħafna aspettattivi biex fil-qasam tas-saħħa jkun assigurat ir-rispett lejn il-ħajja;
  • għandna anzjani li jibżgħu li fl-aħħar fażi ta’ ħajjithom mhux ser ikollhom min joffrilhom kenn.

Dawn biex insemmi ftit eżempji. San Bernard jikteb: “Hemm dawk li jridu jkunu jafu biex ikunu jafu, u din hija kurżità; hemm oħrajn li jridu jitgħallmu biex ħaddieħor ikun jaf li huma jafu, u din hija vanità; oħrajn li jistudjaw biex imbagħad ibiegħu l-għerf tagħhom għall-flus u l-unuri, u dan huwa tal-mistħija; hemm min għandu għatx għat-tagħlim biex jifforma lilu nnifsu, u din hija azzjoni prudenti; u hemm dawk li jistudjaw biex jagħmlu l-ġid lill-oħrajn, u din hija għażla karitattiva”. Huma kliem miktuba ħafna snin ilu, imma attwalissimi. Nitlob lill-Mulej biex iseddaq fikom din il-motivazzjoni li semmejt fl-aħħar.

San Ġakbu jgħidilna li jekk hemmx xi ħadd għaref u għaqli fostna, ħa juri bl-imġiba tiegħu għemilu (Ġakbu 3;13). Ningħaqad mal-Appostlu u nawguralkom li l-għerf li ksibtu fis-snin li għaddejtu l-Università – għerf li żgur għad tridu tikkonfermaw u tkattru bil-formazzjoni kontinwata – , għerf li jgħinkom tiskopru min hu Alla u min hu l-bniedem, jiswielkom biex tagħmlu d-dinja aktar umana milli sibtuha”.

  • U inti, qed tuża l-intelliġenza, l-għerf u l-kapċitajiet tiegħek huma x’inhuma biex tkun ta’ servizz lejn il-proxxmu tiegħek?
  • Li tħalli d-dinja aħjar milli sibtha bil-mod kif għamel Kristu, San Sidor u tant u tant oħrajn, huwa l-programm ta’ ħajtek?

Talba: Agħti widen, Mulej, għat-talb li qegħdin nagħmlulek fit-tifkira ta’ San Sidor, biex, bħalma hu kien ta’ fejda kbira għall-Knisja bit-tagħlim qaddis tiegħu, hekk ukoll ikun ta’ għajnuna għaliha bit-talb tiegħu. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/04/st-isidore-of-seville.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-isidore-of-seville/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Isidore_of_Seville

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

30 ta’ Marzu: Beatu Amedew tas-Savoja

Verżjoni Vidjo: Beatu Amedew tas-Savoja

“Kunu ġusti; ħobbu lill-fqar, u l-Mulej jagħtikom is-sliem fil-pajjiż tagħkom.” ~ L-aħħar kliem tal-Beatu Amedew tas-Savoja lil uliedu u n-nobbli li nġabru madwaru fl-aħħar mumenti tal-ħajja tiegħu.

220px-Antoine_de_Lohny_Amedeo_IXBEATU AMEDEW TAS-SAVOJA
Re u Raġel Miżżewweġ
1435 – 1472

Tagħrif: Amedew IX twieled f’Thonon (Franza) fl-1 ta’ Frar, 1435; nannuh kien Amedew VIII li kien elett antipapa fl-1438, imma li abdika b’mod virtuż ftit snin wara. Kien jibda l-ġurnata b’meditazzjoni personali u bis-smigħ tal-quddies. Kien jersaq għas-sagramenti ħafna aktar spiss milli kienet id-drawwa dak iż-żmien.

Minn twelidu għarrsuh lil Jolanda, oħt ir-re Lwiġi XI re ta’ Franza, li żżewwiġha fl-1451 meta kellu 17-il sena u minnha kellu seba’ ulied. Martu, bħalu, kienet mara reliġjuża ħafna, u għenitu anki fit-tmexxija ta’ pajjiżu.

Ta’ 30 sena (fl-1465) hu laħaq minflok missieru, Lwiġi I, fuq it-tron tal-Pjemonte u s-Savoja; imma, matul is-seba’ snin tas-saltna tiegħu, billi kien marid b’epilepsija, hu qasam it-tmexxija mad-dukessa martu. L-għaqda tagħhom kienet bla miksura, u huma ma kienu jaħsbu f’xejn ħlief il-ġid temporali u spiritwali tas-suditti tagħhom.

Għalkemm il-mod ta’ ħajja li għex kienet waħda li taqbel mal-grad tiegħu, u hu nnifsu kien lest li jmut f’kull mument, Amedew ma xtaq qatt li s-sudditi tiegħu jxerrdu demmhom għalxejn.

Kien aħrax biss mal-libertini, ma’ dawk li jaħqru lin-nies (‘extortioners’), u midgħajja. Fuq l-eżempju tiegħu d-duka ta’ Milan Francesco Sforza kien jimmulta lil dawk fost il-kortiġġjani tiegħu li jinstemgħu jidgħu, u bis-somma li ġabar min għandhom bena kappella li hu wkoll żejjen ħafna. Meta l-istess prinċep ra t-tjieba kbira u l-imħabba li Amedew kien juri lill-fqar, qal fuqu: “Fil-pajjiżi tiegħek wieħed jistħajlu jinsab n-naħa l-oħra tad-dinja! Kullimkien tista’ tgħid li aħjar tkun għani milli fqir, imma miegħek huma l-fqar li huma mweġġħin u l-għonja li huma mmaqdrin.”

Id-duka kien dejjem jitħarreġ fil-penitenza u fit-talb. Lil dawk li ppruvaw jipperswaduh ma jsumx daqshekk, hu kien iweġibhom li ebda ħaġa ma kienet daqstant tajba għal saħħtu. L-aħħar snin ta’ ħajtu l-marda kabritu ħafna. Martu u ħbiebu kienu jitnikktu ħafna jarawh hekk batut. “Għalfejn tinkwetaw?” qalilhom meta ġie f’tiegħu, “bl-umiljazzjonijiet niksbu s-saltna ta’ Alla’. L-aħħar kliem tiegħu lil uliedu u n-nobbli li nġabru madwaru kienu: “Kunu ġusti; ħobbu lill-fqar, u l-Mulej jagħtikom is-sliem fil-pajjiż tagħkom.”

Il-Beatu Amedew miet f’Vercelli (fil-Pjemonte) nhar it-Tnejn tal-Għid, 30 ta’ Marzu, 1472, ftit ġimgħat wara li għalaq it-38 sena. Kien ibbeatifikat fl-1677, bit-tħabrik ta’ San Franġisk de Sales u l-Kardinal Bona. Ħajtu nkitbet mill-kardinal ġiżwita San Robertu Bellarmino.

Ħsieb: Interessanti ninutaw il-parteċipazzjoni ta’ martu Jolanda fit-tmexxija tiegħu. Bħal donnu bejnu u bejn martu, kien hemm armonija u għaqda tant soda, li r-raġuni tagħha bla dubju, kienet l-għaqda tagħhom it-tnejn ma’ Kristu. Infatti, ma setax ma jkunx żwieġ b’saħħtu, ladarba nafu li martu kienet mara reliġjuża ħafna u hu kien dejjem jitħarreġ fil-penitenza u fit-talb. Alla kien jiġi l-ewwel u qabel kollox fil-ħajja ta’ din il-koppja rjali. U kien għalhekk li leħqu grad ta’ għaqda u unjoni li mhux kulħadd jasal għaliha. Imma x’qed jiġri mill-koppji nsara tal-lum? Għaliex daqshekk nuqqas ta’ qbil, infedeltajiet, qasmiet u firdiet? X’għandhom jagħtu każ biex jibqa’ jkollhom żwieġ b’saħħtu, dawk il-koppji li qed jitħajru jiżżewwġu bil-Knisja?

Dan hu d-diskors tat-8 ta’ Diċembru 2015, li l-Arċisqof Charles J. Scicluna qal waqt l-omelija tiegħu f’quddiesa għal dawk li kien għadhom kemm iżżewġu matul dik is-sena:

Għeżież koppji li żżewwiġtu din is-sena, l-ewwel awgurju tiegħi għalikom hu li intom tibqgħu ta’ kuljum tieħdu grazzja ma’ xulxin, u li jkollkom dik l-imħabba lejn xulxin li għandu Alla għalina.  

Il-Mulej għażilkom għal missjoni speċjali. L-ewwelnett li tħobbu lil xulxin u li bl-imħabba tagħkom lejn xulxin tkunu sinjal qawwi tal-imħabba ta’ Alla għad-dinja, għal kull bniedem. Intom u ssibu grazzja ma’ xulxin, tixhdu għall-grazzja li Alla ħa magħna. Aħna nistgħu ngħidu: Alla ħa grazzja magħna, uriena mħabba speċjali, ħabbna mhux għax konna gustużi, jew konna twajbin, jew konna qaddisin.

It-talba tiegħi llum hija li intom bħala miżżewġin tkunu, skont ir-rieda t’Alla u bil-koperazzjoni tagħkom, għajn ta’ ħajja għal xulxin, anke billi tnisslu wlied ġodda għall-familja tagħkom u għas-soċjetà.

Neżortakom, inħeġġiġkom, biex tikbru fil-qdusija u fl-imħabba. Kemm hi sabiħa l-espressjoni li nsibu fl-Ittra lill-Efesin 1:4: “għażilna Fih sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba.” Intom hekk se tkunu qaddisin, hekk se tkunu, bla tebgħa. Tgħiduli: ‘kultant niżloq fin-niexef taf!’ Kulħadd jgħaddi minn din l-esperjenza, ħafna drabi kuljum, imma nibqgħu xorta msejħin inkunu qaddisin billi kuljum inġeddu l-proponiment, l-impenn għall-imħabba. Intom din il-vokazzjoni tgħixuha billi tħobbu ħafna lil xulxin.

Infakkarkom fil-parir li San Ġorġ Preca ta lil Dr Spiteri. Meta qallu: ‘Sinjur, se niżżewweġ’, Dun Ġorġ qallu: ‘tajjeb, issa mur lura fid-dar fejn se tgħixu u fuq il-blata ta’ kull bieb ikteb tliet kelmiet: paċenzja, paċenzja, paċenzja.’ Bil-paċenzja li tieħdu b’xulxin, bis-saram ta’ din il-ħajja, biċ-ċirkustanzi li ssibu ruħkom fihom, intom tgħixu ħajja iżjed trankwilla, basta titgħallmu tieħdu paċenzja u ssiru tassew qaddisin.

Qabel xejn, uru ħniena bejnietkom. Meta tonqsu lil xulxin tqattgħux il-karti malajr, bl-għaġġla, għax dik faċli tagħmilha. Qisu li meta jberraq u jagħmel ir-ragħad, tagħmlu impenn bejnietkom – dan parir li jħobb jirrepeti l-Papa Franġisku – li tippruvaw tagħmlu paċi qabel torqdu. Tħallux ir-rankur, il-weġgħat, jibqgħu jikkankraw fikom. Kunu umli biżżejjed biex titkellmu fuq xi ħaġa li qed iddejaqkom. Ibżgħu għall-flus ta’ xulxin biex tgħixu fil-paċi. Timxix jew tmiddx il-pass ikbar milli l-Mulej tak, ħalli ma taqax fl-inkwiet u fid-dejn żejjed. Imma fuq kollox tittraskurawx dik is-siegħa fil-ġimgħa li tagħmlu fil-Knisja. Jiena nitlob li aħna l-qassisin ma ndejqukomx b’omeliji twal, imma li dik l-esperjenza ta’ darba fil-ġimgħa fit-tempju tal-Mulej tkun ħolqien ġdid, fejn terġgħu tibdew tieħdu r-ruħ mill-ġdid.

Ħaġa tajba ħafna wkoll hi li titolbu flimkien ta’ kuljum, imqar Sliema u Qaddisa, jew inkella talba spontanja b’idejkom f’xulxin bħalma għamiltu fil-mument qaddis tal-kunsens tagħkom meta ħadtu id il-leminija ta’ xulxin u wegħdtu fedeltà dejjiema lil xulxin”.

Tajjeb li nimxu fuq dawn il-pariri siewja u li NITOLBU ĦAFNA GĦALL-KOPPJI FIL-KNISJA. 

Talba: Mulej, il-Beatu Amedew tas-Savoja qdiek tajjeb kemm bħala raġel miżżewweġ kif ukoll bħala re qalbieni li, flimkien ma’ martu, ta kas tal-bżonnijiet tal-foqra fis-saltna tiegħu, agħti lilna lkoll, nitolbuk, il-grazzja li ngħixu bil-qdusija l-istat tal-ħajja tagħna u li naqdu d-doveri tagħna fuq il-post tax-xogħol u kull fejn nistgħu, ngħinu lill-foqra ta’ żmienna, bħala nsara tassew. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/blessed-amadeus-ix-of-savoy.html

Alternative Reading: https://catholicsaints.info/blessed-amadeus-of-savoy/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Amadeus_IX,_Duke_of_Savoy

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

14 ta’ Marzu: Santa Matilde

Verżjoni Vidjo: Santa Matilde

“Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna ta’ Alla”. ~ Ġesù f’Mark 10:23.

St_Matilda_001SANTA MATILDE
Reġina
895 – 968

Tagħrif: Matilde (bl-Ingliż Maud) ingħad dwarha li kienet ir-reġina ideali għal nazzjon Nisrani. Isimha bil-Ġermaniż jfisser “qawwija fit-taqbida”. Hija kienet bint il-Konti Teodoriku tas-Sassonja u twieldet qrib is-sena 895.

Minn ċkunitha rċeviet l-edukazzjoni tagħha minn nannitha, jisimha wkoll Matilde, li kienet badessa fil-monasteru tal-kanonikessi ta’ Herford, fejn daħlet wara li romlot. Hawn Matilde tgħallmet ir-rakkmu, u kisbet imħabba għax-xogħol, għat-talb u għall-qari spiritwali.

Baqgħet fil-monasteru sakemm il-ġenituri tagħha żewġuha, fis-sena 913, lil Enriku l-Kaċċatur. Enriku sar duka wara l-mewt ta’ missieru, u fid-919, laħaq ukoll re tal-Ġermanja.

Bħala reġina, Matilde kienet xempju ta’ virtujiet Insara; kienet iżżur u tfarraġ lill-morda u lill-imnikktin, tgħallem, tgħin lill-ħabsin, u tħabrek ukoll biex il-ħżiena jbiddlu ħajjithom. Żewġha kien ukoll jingħaqad magħha f’dawn l-opri tajba.

Hija kellha b’kollox ħames ulied: tlieta subien u żewġt ibniet. Fost dawn insemmu lill-futur imperator, Otto I il-Kbir; lil Ġerbera, li żżewġet lir-re Lwiġi IV ta’ Franza; l-arċisqof qaddis ta’ Cologne, Bruno; u Enriku mlaqqam “il-ġellied”, li kellu jikkuntenta li jsir duka tal-Bavarja.

Wara ftit li romlot, Matilde warrbet kull xorta ta’ vanità, u ngħatat aktar għall-opri ta’ għajnuna għall-fqar. Ħasbet ukoll biex qrib il-qabar ta’ żewġha, fi Queslinberg, tibni kunvent tas-sorijiet li baqgħet tieħu ħsiebu għal tletin sena.

Ir-Re Enriku miet wara li saltan għal sittax-il sena. Kienet ix-xewqa tal-mejjet li ibnu l-kbir Otto jinħatar bħala re warajh. Imma Matilde għażlet lil binha l-fustani Enriku u ġie nkurunat re fit-8 ta’ Awwissu, 936.

Santa Matilde mietet ta’ 73 sena fl-14 ta’ Marzu, 968 fi Queslinberg, u kienet midfuna ħdejn żewġha fil-kappella tal-kastell. Kienet magħrufa bħala mara ta’ tjubija tal-għaġeb u reġina qaddisa. Hija Patruna tal-ommijiet li uliedhom jiddiżappuntawhom.

Ħsieb: Matilde kellha ssofri ħafna għall-iżball li għamlet, għax iż-żewġ uliedha Enriku, u aktar Otto, għaddewha minn persekuzzjoni twila u ħarxa. Kienu wkoll jeħduha kontra tagħha għax, qalu, li kienet idejha wisq miftuħa fil-karitajiet tagħha. Hija bil-moħbi kienet tirsisti ħafna biex tgħin lill-foqra fil-postijiet remoti tal-pajjiż, u bniet anke skejjel biex tgħinhom fl-edukazzjoni.

Kollox ingħatalna b’rigal. Kollox huwa providenza ta’ Alla. Issa Alla ma jipprovdix għal ftit b’ammonti kbar u għal ħafna b’ammonti żgħar, m’għandux preferenzi u ma jħarisx lejn l-uċuħ. Xi jfisser dan? Ifisser li l-provvisti li għandna fuq din id-dinja biex il-bniedem jgħix b’dinjità, huma ta’ kulħadd u fl-istess ħin m’huma ta’ ħadd. Aħna lil Alla ngħidulu ‘Missierna’, ‘Missier Ġust’, ‘Missier Ħanin’ li ħalaqna sforz l-imħabba u tana d-dinja biex nieħdu ħsiebha ħalli minnha jkollna l-għejxien. Il-Malti jgħid: ‘Jinħabbu bħall-aħwa.‘ Issa jekk tassew ninħabbu bħall-aħwa, għandna nippruvaw inqassmu l-ġid tal-art bejn kulħadd b’mod ġust, kulħadd skont il-ħtieġa ta’ kull wieħed.

Ġesù nnifsu qal ċar u tond li “Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna ta’ Alla!” (Mark 10:23). Għaliex? Għax ġeneralment min għandu ħafna ġid materjali, xorta mhux kuntent u dejjem irid aktar u aktar. Meta fl-aħħar ta’ ħajtu jintebaħ li kien għani quddiem il-bnedmin imma fqir quddiem Alla għax ma jkun investa xejn fil-Bank tas-Sema, ġieli jkun tard wisq! Imma dan mhux il-każ ta’ din ir-reġina twajba Santa Matilde.

Fil-każ tagħha, il-grazzja ta’ Alla għarfitha taqsam ġidha, jew aħjar dak li ġie provdut, ma’ dawk li magħhom kienet qed issir ġustizzja, ma’ dawk li kellhom bosta bżonnijiet u ma setgħux jgħixu b’dinjità. B’dan il-mod, għalkemm mhux mifhuma u ppersegwitatha minn uliedha stess, din ir-Reġina għaqlija ħażnet teżor fis-sema u huwa propju hemm li llum issaltan qrib ir-Re Etern li hija ħabbet b’qalbha kollha.

  • U int, idejk miftuħa biex tgħin lil dawk fil-bżonn mill-providenza li għandek u li inti ssejħilha tiegħek?
  • Tara lil kulħadd bħala ħuk jew oħtok, ulied l-istess Missierna li hu fis-Smewwiet, hekk li tittratta lil kulħadd b’dinjità għax huwa/hija iben/bint Alla bħalek?
  • Lest/a li tiġi mwarrab/a u ppersegwitat/a għax tagħmel dak li hu sewwa u ġust quddiem Alla?

Talba: Mulej, Santa Matilde kienet reġina twajba li mexxiet is-saltna tagħha b’għaqal kbir u b’ġenerożità lejn dawk li kienu jeħtieġu l-aktar għajnuna, bit-talb tagħha għalina, agħtina mexxejja tajba u għaqlin kullimkien fid-dinja, li jagħrfu jqassmu b’mod ġust il-ġid tal-pajjiżi biex jittaffew il-problemi tal-faqar, tal-mard, tal-vizzji, tal-qagħad, u ta’ kull ħaġa oħra li tnaqqas id-dinjità tagħna l-bnedmin, ulied Alla l-Missier. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/03/st-matilda.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-matilda-177

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Matilda_of_Ringelheim

March 14 – Saint Matilda on Gloria TV:
https://gloria.tv/video/Khu1hu88NF336uSkcMDy34faG

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

28 ta’ Settembru: San Vinċeslaw

Verżjoni Vidjo: San Vinċeslaw

“Ħi, il-Mulej jaħfirlek.” L-aħħar kelmiet li San Vinċeslaw qal lil ħuh Boleslaw, li ma’ grupp ta’ nies, qabeż fuqu u qatlu fil-bieb tal-knisja biex joħodlu t-tron.

2f57d3384686edc515d7ca8f9352fa93SAN VINĊESLAW
Re tal-Boemja u Martri
907 – 929

Tagħrif: San Vinċeslaw twieled ħdejn Praga, Ċekoslovakkja, fis-sena 907. Missieru Ratislav, Duka ta’ Boemja, kien nisrani, waqt li ommu Drahomira, għalkemm kienet ikkonvertiet mill-paganiżmu baqgħet pagana f’qalbha.

Fortunatament, Vinċeslaw trabba man-nanna tiegħu, Santa Ludmilla li edukatu u tellgħetu bħala Nisrani.

Meta kien għadu żagħżugħ ta’ madwar 13-il sena, missieru miet jitqabad kontra l-Maġjari (Ungeriżi), u ommu saret Reġġenti, u bdiet persekuzzjoni kontra l-Insara. Fost affarijiet oħra, keċċiet lill-qassisin u lis-sorijiet li ma kinux mill-pajjiż, ipprojbiet it-tagħlim tar-Reliġjon Nisranija barra minn ġol-knejjes, u insistiet li binha Vinċeslaw ma jibqax nisrani, għalkemm hu ssaħħaħ iktar fil-fidi.

Meta Santa Ludmilla bdiet tħeġġeġ lil Vinċeslaw biex jieħu t-tmexxija tal-pajjiż f’idejh malli jkollu l-etàgħax hu ma kienx inklinat li jagħmel hekk, ġiet assassinata fis-sena 921.

Fis-sena 925, Vinċeslaw għalaq it-tmintax-il sena, u ħa l-gvern f’idejh. Malajr beda jaħdem b’ħiltu kollha biex jgħaqqad il-poplu tiegħu kollu fir-Reliġjon Nisranija, u waqqaf relazzjoni tajba ma’ l-Imperatur Enriku I tal-Ġermanja.

Din il-politika tiegħu favur ir-reliġjon Nisranija, u ta’ ħbiberija mal-Ġermanja, qajmet partit kontrih. Fl-istess waqt, meta ħuh Boleslaw, ra li kien tilef iċ-ċans li jieħu t-tmexxija tal-pajjiż kollu f’idejh, ftiehem mal-partit kuntrarju, u beda jikkonfoffa biex joqtol lil Vinċeslaw. Boleslaw trabba ma’ ommu li tant kienet influwenzatu u bħalha tela’ b’mibegħda kontra l-Insara.

Boleslaw stieden lil San Vinċeslaw biex imorru f’Boleslava ħalli jiċċelebraw il-festa tal-Qaddisin protetturi, San Kosma u San Damjan. Vinċeslaw laqa’ l-istedina u mar. Meta filgħodu Vinċeslaw kien fi triqtu lejn il-knisja biex jisma’ quddiesa, Boleslaw, bi grupp ta’ nies miegħu, qabeż fuqu u qatlu, fl-20 ta’ Settembru, 929.

San Vinċeslaw miet fil-bieb tal-knisja bil-kelmiet fuq fommu: “Ħi, il-Mulej jaħfirlek.” Kellu 22 sena. Vinċeslaw laħaq mexxa biss 7 snin u kien għadu kif kellu iben li assiguralu s-suċċessjoni.

Tliet snin wara, Boleslaw nidem, u difen bl-unuri kollha l-ġisem ta’ ħuh Vinċeslaw fil-knisja ta’ San Vitu, fi Praga, waħda mill-knejjes li l-Qaddis stess kien bena.

San Vinċeslaw huwa l-Patrun taċ-Ċekoslovakkja.

ĦsiebDan il-qaddis tal-lum ifakkarna fi żmien il-Milied. Dan minħabba l-innu tal-Milied Good King Wenceslaus fejn jissemma dan ir-re twajjeb li ħareġ fil-festa ta’ San Stiefnu (26 ta’ Diċembru) u meta ra raġel fqir jiġbor il-ħatab biex iqabbad in-nar dlonk tah l-għajnuna kollha li seta’. U dan li ġej, inkiteb minn Kosma ta’ Praga, dwar San Vinċeslaw madwar is-sena 1119. Diversi sekli wara din l-istqarrija ġiet ikkonfermata bħala fatt mill-Papa Piju II:

“Kull lejl mis-sodda nobbli tiegħu, ħafi u bi gwardja wieħed biss, kien imur fil-knejjes ta’ Alla u jagħti għotjiet ta’ karità ġenerużi lir-romol, lill-orfni, lil dawk fil-ħabs u dawk milquta b’kull tip ta’ diffikultà, tant hu hekk li kien ikkunsidrat, mhux prinċep, iżda missier ta’ dawk kollha li spiċċaw f’xi miżerja.”

Dan l-ispirtu ta’ servizz hu wieħed mill-affarijiet li jeħtieġ li jerġa’ jiġi stabbilit fis-soċjetà tagħna. Il-flus huma meħtieġa, imma mhux biżżejjed li niffirmaw ċekk imbagħad infarfru jdejna minn dak is-servizz lin-nies fil-bżonn ikunu jeħtieġu. In-Nisrani tal-lum, għandu bżonn iġedded il-viżjoni tiegħu ta’ Kristu li għandu jara, isib u jservi fil-foqra tiegħu.

Ħaġa oħra li tispikka f’dan il-qaddis hija s-sens qawwi ta’ maħfra, li saħansitra wasal biex miet bi kliem ta’ maħfra għal ħuh li biex joħodlu t-tron, irnexxielu joqtlu għal għarrieda. Kien għad kellu biss 22 sena.

Kemm insibuha diffiċli biex naħfru! Xi nies ġieli jgħidu li kien ikun aħjar li kieku l-Mulej qatt ma kkmandana naħfru, imma dan mhux biss huwa kmand dirett mingħand il-Mulej imma saħansitra huwa l-kundizzjoni biex wieħed jinħafrulu dnubietu!

F’Luqa 6: 27-38 Ġesù jgħid: “Ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom, bierku lil min jisħetkom, itolbu għal min iżeblaħkom. Min jagħtik bil-ħarta fuq naħa waħda, dawwarlu wiċċek ħalli jagħtik fuq in-naħa l-oħra; min jeħodlok il-mantar, anqas il-libsa ma għandek tiċħadlu. Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax il-midinbin ukoll iħobbu lil min iħobbhom. U jekk tagħmlu l-ġid lil min jagħmel il-ġid lilkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax dan jagħmluh saħansitra l-midinbin. Imma intom ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid, isilfu bla ma tistennew xi ħaġa lura, u l-ħlas tagħkom ikun kbir; u tkunu wlied Alla l-Għoli, li hu tajjeb mal-ingrati u l-ħżiena. Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom. Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra.”

Fil-Missierna lil Alla ngħidulu: ‘AĦFRILNA BĦALMA NAĦFRU’ jiġifieri jekk ma naħfrux lil xulxin minn qalbna, ma nistgħux nirċievu l-maħfra għal dnubietna… u Alla dejjem joħodna bis-serjetà meta jgħidilna jew iwegħedna xi ħaġa. Ġesù għadu u jibqa’ jaħfrilna! Hu jtella’ x-xemx kemm fuq it-tajbin kif ukoll fuq il-ħżiena. Mela aħna għax m’għandiex naħfru u nixtiequ t-tajjeb lil kulħadd? Tassew li meta jasal il-waqt, kulħadd jieħu li ħaqqu mingħand Alla, imma f’din id-dinja, Alla ħalliena liberi nagħżlu jekk irridux nagħmlu l-ġid jew id-deni.

X’aktarx li San Vinċeslaw l-għażla tiegħu li jaħfer, qanqlet lil ħuh Boleslaw tant li aktar tard nidem mid-dnub tiegħu u kkonverta. Il-maħfra u t-talb għall-għedewwa tiegħek tista’ wkoll twassal biex dawn jindmu u jsalvaw ruħhom. Kemm nistgħu nferħu lil Ġesù b’atteġġjament bħal dan. Jista’ jkun li l-proċess tal-maħfra jieħu ftit fit-tul imma l-maħfra tibqa’ dejjem għażla libera u l-ewwel priġunier li tillibera huwa int għax tikseb il-paċi ta’ Alla f’qalbek li hi imprezzabbli.

Ġesù rebaħna bi mħabbtu! Ejjew nkomplu niġġieldu l-battalja l-qaddisa billi nħobbu kif iħobbna Hu u meta jweġġgħuna, (jgħaffġu fuqna bħal fuq is-sagħtar) noħorġu għalihom riħa tfuħ. Ejjew nirbħu l-erwieħ għal Kristu u ngħinuh jaħtafhom hekk kif ħataf lilna bi mħabbtu!

Talba: O Alla, int għallimt lill-martri San Vinċeslaw biex aktar jagħżel is-saltna tas-sema milli saltna ta’ l-art; bit-talb tiegħu, agħtina li niċħdu lilna nfusna u ningħaqdu miegħek b’qalbna kollha. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-wenceslaus-608

Additional Reading: https://anastpaul.wordpress.com/2017/09/28/saint-of-the-day-28-september-st-wenceslaus-907-935-king-of-bohemia/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Wenceslaus_I,_Duke_of_Bohemia

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

25 ta’ Awwissu: San Ludoviku ta’ Franza

Verżjoni Vidjo: San Ludoviku ta’ Franza

“Ħobb lill-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’saħħtek kollha. Mingħajr dawn, m’hemmx salvazzjoni.” San Ludoviku 

2132485633.jpgSAN LUDOVIKU TA’ FRANZA
Re
1214 – 1270

Tagħrif: San Ludoviku twieled f’Poissy, Franza, fil-25 ta’ April, 1214. Kien iben ir-Re Ludoviku VIII.

Fl-1226, tilef lil missieru, u billi kien għadu tifel ta’ tnax-il sena, ommu saret Reġġenti, u mexxiet il-pajjiż floku.

Ta’ dsatax-il sena żżewweġ lil Margerita, u tfal kellhom ħdax: ħames subien u sitt ibniet.

Fl-1235, meta kellu 21 sena, ħa t-tmexxija tal-pajjiż f’idejh, u sar Ludoviku IX ta’ Franza. Kien mexxej eżemplari, u ħadem ħafna biex ikun hemm il-paċi u l-ġustizzja fis-saltna tiegħu. Kien jinteressa ruħu fil-fqar, bena sptarijiet u skejjel. Kien jgħix ħajja umli u ta’ talb tant li kien isib ħin biex jisma’ quddiesa kuljum, u jfittex li jagħmel ġid spiritwali lil kulħadd. Qatt ma wettaq vendetti, u qatt ma ġera wara ambizzjonijiet u konkwisti.

Fl-1248, mexxa s-seba’ Kruċjata kontra s-Sultan tal-Eġittu li kien qed jhedded l-artijiet imqaddsa, iżda waqa’ priġunier tas-Seraċini. Meta ġie mifdi fl-1250, huwa bl-armata tiegħu, baħħar lejn il-Palestina fejn dam sal-1254. Irritorna lejn pajjiżu hekk kif sema’ li ommu, li kienet qed tmexxi l-pajjiż floku kienet mietet.

Fl-1270, mexxa Kruċjata oħra, iżda waqa’ marid fit-Tuneżija fejn miet fil-25 ta’ Awwissu. Għalkemm iż-żewġ Kruċjati fallew bil-kbir, iżda hu ħalla eżempju mill-isbaħ ta’ eroiżmu.

Il-Papa Bonifaċju VIII ikkanonizzah fl-1927.

Ħsieb: Meta Ludoviku kien għadu tifel kien jisma’ ’l ommu tgħidlu: “Ibni, aktar irrid narak mejjet milli mtabba’ bid-dnub u ’l bogħod mill-grazzja ta’ Alla.” Mhux ta’ b’xejn li minkejja l-pożizzjoni għolja soċjali tiegħu, tela’ b’dawk-il ħafna sentimenti sbieħ li wassluh biex isir qaddis! Jalla l-ġenituri, u dawk li jieħdu ħsieb it-tfal jagħrfu r-responsabbiltà kbira tagħhom li jagħmlu mat-tfal fdati lilhom mhux biss ġid materjali iżda wkoll spiritwali.

Interessanti wieħed jinnota li t-tradizzjoni tgħidilna li, fost-il ħafna għemejjel ta’ karità li għamel dan ir-re, l-aktar waħda li kien iħobb, kienet li jagħti minn ġidu lin-nies għomja. Għalfejn taħsbu? Għax dawn ma setgħux jaraw li kien hu, ir-re, li kien qed jagħtihom din l-għajnuna. Ma riedx it-tifħir tagħhom, imma ried jagħmel dak kollu li hu possibli biex jibqa’ anonimu u umli. U dan hu propju dak li Ġesù qalilna biex nagħmlu. Infatti, fid-diskors tiegħu tal-muntanja, f’Kapitlu 6 tal-Vanġelu ta’ San Mattew, Ġesù jgħidilna:

“Qisu li l-għemil tajjeb tagħkom ma tagħmluhx għal wiċċ in-nies biex tidhru quddiemhom, għax inkella ma jkollkomx ħlas mingħand Missierkom li hu fis-smewwiet. Mela meta tagħmel karità, tmurx iddoqq it-trombi quddiemek, kif jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor fis-sinagogi u fit-triqat, biex in-nies tfaħħarhom. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh. Iżda int, meta tagħmel karità, idek ix-xellugija m’għandhiex tkun taf x’inhi tagħmel il-leminija, biex hekk il-karità tiegħek issir fil-moħbi, u Missierek, li jara dak li hu moħbi, iroddlok hu.” (Mattew 6: 1-4)

Din dejjem kienet it-tentazzjoni tan-nies spiritwali u reliġjużi, dik li jagħmlu għemejjel tajba bit-tama li xi nies jarawhom u josservawhom ħalli jfaħħruhom! U hawn fejn tidħol is-suppervja, li ddawwar it-tajjeb li tkun għamilt u tavvalenak. Għalhekk kun bħala San Ludoviku, sakemm ikun possibli. Agħmel l-umiltà l-pedament ta’ kull opra tajba tiegħek biex imbagħad ikun Alla nnifsu li jonorak u jagħtik il-ħlas xieraq li jkun jistħoqqlok.

U issa niġu għall-parir famuż li Ludoviku ta lil ibnu bħala testment, li tajjeb li nieħduh għalina lkoll għax tassew huwa validu għal kull żmien:

“Għażiż ibni, l-ewwel istruzzjoni tiegħi hi, li għandek tħobb lill-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’saħħtek kollha. Mingħajr dawn, m’hemmx salvazzjoni. Żomm lilek innifsek, ibni, ‘il bogħod minn kull ħaġa li taf li ma togħġobx lil Alla, jiġifieri fi kliem ieħor, żomm ‘il bogħod mid-dnub il-mejjet. Għandek tippermetti lilek innifsek li tiġi ttormentat b’kull tip ta’ martirju qabel ma tħalli li taqa’ fid-dnub il-mejjet! 

Jekk il-Mulej jippermettielek li tgħaddi minn xi tiġrib, kun paċenzjuż u aċċetta dan bi gratitudni, filwaqt li żżomm f’moħħok li dan seħħ għall-ġid tiegħek u forsi wkoll għax kien ħaqqek. Jekk il-Mulej jagħtik xi tip ta’ prosperità, irringrazzjah b’umiltà u ara li ma ssirx bniedem agħar għax taħkmek is-suppervja jew xi ħaġa oħra, għax int m’għandek qatt topponi lil Alla jew toffendih fejn għandhom x’jaqsmu l-istess doni tiegħu.

Segwi b’attenzjoni l-uffiċċju divin, bil-ferħ u bid-devozzjoni. Sakemm għadek fil-knisja, kun attent li ma tħallix lil għajnejk iduru ‘l hemm u ‘l hawn, u tgħidx kliem bla bżonn, imma itlob lill-Mulej bil-qima, bil-fomm jew b’talb interjuri mill-qalb.

Kun ta’ qalb kbira mal-foqra, dawk inqas ixxurtjati u dawk imġarba. Għinhom kemm tiflaħ u kkunslhom kif tista’. Irringrazzja lill-Mulej tal-benefiċċji kollha li jkun tak, ħalli jkun jistħoqqlok tirċievi aktar. Kun ġust man-nies u mingħajr tidwir ‘l hemm jew ‘l hawn, imma żomm biss mal-linja tal-ġustizzja. Kun dejjem man-naħa tal-foqra aktar milli ma’ dik tas-sinjuri, sakemm tista’ tkun ċert mill-verità. Ara li n-nies tiegħek jgħixu fil-ġustizzja u l-paċi, imma b’mod speċjali dawk li għandhom pożizzjoni ekklesjastika u jagħmlu parti minn ordnijiet reliġjużi.

Kun devot u ubbidjenti lejn Ommna l-Knisja ta’ Ruma u lejn il-Pontifikat Suprem tal-Papa bħala l-missier spiritwali tiegħek. Aħdem biex tneħħi d-dnubiet kollha minn artek, partikolarment tad-dagħa u l-ereżiji.

Fl-aħħar nett, għażiż ibni, nagħtik kull barka li missier li jħobb lil ibnu jista’ jagħti. Jalla t-Tliet Persuni tat-Trinità Qaddisa u l-qaddisin kollha jipproteġuk minn kull ħażen. U jalla l-Mulej jagħtik il-grazzja li twettaq ir-rieda tiegħu ħalli b’hekk Hu jkun jista’ jiġi moqdi u unurat permezz tiegħek, ħalli fil-ħajja li jmiss inkunu nistgħu flimkien narawh, inħobbuh u nfaħħruh għal dejjem. Ammen.

TalbaO Alla, int ħadt lil San Ludoviku mit-tmexxija ta’ saltna fuq l-art għall-glorja tas-Saltna tas-Sema; bit-talb tiegħu, agħtina li fil-qadi ta’ dmirijietna, f’din il-ħajja li tgħaddi, infittxu s-Saltna tiegħek, li tibqa’ għal dejjem. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://www.ewtn.com/library/mary/louis.htm

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-louis-of-france/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Louis_IX_of_France

Il-pariri li San Ludoviku ta lil ibnu bl-Ingliż: http://tylertenbarge.blogspot.com/2012/08/saint-louis-letter-to-his-son.html

Dokumentarju dettaljat u interessanti dwar il-ħajja ta’ San Ludoviku:

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.