23 ta’ April: San Ġorġ

Verżjoni Vidjo: San Ġorġ

“Infaħħruk, Mulej, għall-kobor tas-setgħa tiegħek, u fiċ-ċokon tagħna nitolbuk biex aħna, bnedmin dgħajfa, ikollna dejjem il-għajnuna f’waqtha ta’ San Ġorġ, li fil-martirju tiegħu sar jixbah lil Ibnek Ġesù Kristu Sidna.” – Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Ġorġ.

StGeorge1SAN ĠORĠ
Martri
? – 303

Tagħrif: Ftit li xejn nafu dwar il-ħajja ta’ San Ġorġ. Kulma nafu b’ċertezza dwar dan il-qaddis martri tant famuż hu li hu sofra l-martirju fil-bidu tas-seklu 4, f’Diospolis (jew Lidda) fil-Palestina, aktarx taħt Djoklezjanu. Ma hemmx dubju dwar l-eżistenza tiegħu. Sa mis-seklu 4 kien ġa miqjum f’Diospoli tal-Palestina, fejn ġa kien hemm knisja ddedikata lilu.

Il-qima lejh hi verament ġejja mill-qedem – fuq il-Lvant tal-Baħar tal-Galilea, skrizzjoni tas-sena 367 diġà tirreferi għalih. Il-Griegi dejjem żammew devozzjoni partikulari (bħala patrun tas-suldati) lejn San Ġorġ u jsejħulu l-Megalo-martri (li tfisser il-kbir martri).

Fil-Punent hu kien popolari ħafna bħala l-kavallier-martri. Nibtu ħafna leġġendi dwaru imma li ma għandhomx valur storiku. Li San Ġorġ ħeles lil bint is-Sultan mid-dragun, hi leġġenda li bdiet fl-Italja fis-seklu tnax.

San Ġorġ hu wieħed mill-14-il qaddis protettur Awiżiljatur u hu l-patrun tal-Ingilterra, il-Portugall, il-Ġermanja u tal-ibliet ta’ Ġenova u ta’ Venezja. Hu l-patrun wkoll tal-‘boyscouts’.

Fil-gżejjer Maltin hu meqjum b’mod speċjali fil-parroċċi ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi u fir-Rabat, Għawdex, u hu wieħed mill-qaddisin protetturi ta’ Għawdex.

Ħsieb: Dawn li ġejjin huma siltiet mill-omelija fil-Festa ta’ San Ġorġ Martri, 20 ta’ Lulju, 2014 mill-Isqof Mons. Mario Grech:

San Ġorġ bniedem bħalna
“Se nitkellem dwar id-dgħufija, għax quddiemna llum għandna lil San Ġorġ. Ġieli jiġri li lil San Ġorġ tant ngħolluh fil-għoli, li nirrenduh xi ħadd li ma jistax jintlaħaq. Bħal kull bniedem ieħor, Ġorġi kellu piżijiet tqal x’jerfa’ fuq spallejh.

  • Żgur ma kinitx għażla ħafifa għalih meta ddeċieda li jqassam ġidu lill-foqra.
  • Anqas kien faċli għalih meta għamel f’moħħu li jmur kontra l-liġi ta’ Djoklezjanu u jqatta’ l-editt tiegħu.
  • Kienet iebsa għal dan it-tribun meta għażel li jitfa’ wara spallejh il-karriera militari tiegħu.
  • Ma neskludix li Ġorġi kien xi ftit deluż meta minkejja t-taħbit tiegħu, ma kisibx il-libertà reliġjuża għal sħabu l-Insara.
  • Ġorġi ma setax ma jitriegħedx xħin sema’ tinqara s-sentenza tal-martirju tiegħu. Tajjeb inżommu quddiem għajnejna li meta ħa l-martirju, Ġorġi ma kienx jobsor li wara mewtu l-Insara kienu ser jiftakruh u jiċċelebrawh; għalih il-martirju kien it-tmiem bil-konsegwenza li jintesa ma’ mewtu.

Jien konvint li San Ġorġ, li bħalna ġarrab il-vulnerabbiltà, jifhimna meta llum qed irressqulu l-bniedem u lill-komunità Nisranija li fil-miżerja tagħhom ikollhom waqtiet ta’ skuraġġiment; imma llum indur fuq San Ġorġ tagħna, imlibbes b’dik l-armatura tal-qawwa, u nitolbu jikkonvinċina li ma għandniex inċedu quddiem il-qtigħ il-qalb, imma, imsaħħin bl-eżempju tiegħu u bl-interċessjoni tiegħu, aħna nitolbu d-don tal-qawwa. Din hija l-Bxara t-tajba li nixtieq inwassal lill-komunità Ġorġjana u lill-Knisja kollha: agħmlu l-qalb; il-vulnerabbiltà, id-dgħufija, huma parti mill-ħajja, imma stinkaw u itolbu lil Alla bl-interċessjoni ta’ San Ġorġ biex jagħtina d-don tal-qawwa. Ġorġi ma kienx xi ġgant. Ma kellux kwalitajiet super-umani – inkella l-Knisja tiżbalja meta tpoġġih bħala kampjun. Kien bħalna f’kollox.

Hija grazzja minn Alla li Ġorġi tagħna kien dgħajjef, għax hekk huwa seta’ jduq il-qawwa ta’ Alla. Hija grazzja li aħna fil-ħajja ngħaddu minn waqtiet fejn inħossuna msabbtin mal-art. Ara taqtgħu qalbkom. Hija wkoll grazzja għall-Knisja li tidher dgħajfa. Jien jiddispjaċini li fostna għad hawn min jaħseb li l-Knisja hija qawwija meta hija Knisja trijonfanti u potenti. Din mhix il-Knisja ta’ Kristu. Jekk bħalissa l-Ewropa għaddejja minn żmien fejn it-tagħlim tal-Knisja qed jaqa’ fuq widnejn torox, fejn il-knejjes qed jitbattlu min-nies, fejn f’xi postijiet hija evidenti l-isterilità tal-Knisja tant li ma għadhiex twelled ulied ġodda, din tista’ tkun grazzja, għax hekk il-Knisja tinża’ l-armatura umana, tneħħi l-qafas materjali li nbena mal-medda tas-snin, biex hekk inħallu l-qawwa ta’ Alla tidher. Naf li din mhix lezzjoni ħafifa, lanqas għan-nies tal-Knisja!

Jekk San Ġorġ għandu storja glorjuża, dan għaliex aċċetta d-dgħufija tiegħu u bħal Pawlu kien jgħid: “Jien qawwi meta jien dgħajjef.” San Ġorġ. kien imbeżża’ mill-eżerċtu Ruman li kien qed jippersegwita lill-Insara; hu wkoll kien konxju mill-miżerja tiegħu; imma propju għalhekk Alla seta’ jgħidlu biex bil-qawwa li kien hemm fih, huwa jmur jaffronta lill-għadu. Kif Alla wennes lil San Pawl, hekk ukoll wennes lil Ġorġi meta qallu li kienet biżżejjed għalih il-grazzja tiegħu, li tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef.”

  • U int, konvint illi inti bniedem/ma dgħajjef/dgħajfa u li bħal San Ġorġ jeħtieġlek tfittex l-għajnuna tal-grazzja u l-qawwa ta’ Alla biex tegħleb id-dnub u dak kollu li jista’ jfixklek milli ssir qaddis/a fuq il-passi tal-qaddis tal-jum?

Talba: Mulej, f’ġieħ San Ġorġ li għeleb it-tbatijiet tal-martirju biex għadda minn din id-dinja għal għandek, għamel li aħna wkoll nibqgħu sa l-aħħar magħqudin miegħek fl-imħabba, biex ikun jistħoqqilna nidħlu miegħek fis-saltna ta’ dejjem. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/04/st-george.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-george/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_George

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

22 ta’ Jannar: San Publju

Verżjoni Vidjo: San Publju

“Kollox għamel tajjeb: bil-qalb kollha laqa’ għandu lil Pawlu u ‘l sħabu wara li ħelsu mill-għarqa, u ferraħ lil kulħadd bir-rebħa tal-fidi ta’ Kristu f’Malta”. ~ Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Publju

01590a1443edb0451ce8b986fa563e00SAN PUBLJU
Prinċep ta’ Malta, Isqof u Martri
? – 161

Tagħrif: L-Atti tal-Appostli fil-kapitlu 28 jsemmi l-laqgħa li l-Maltin għamlu lil San Pawl u sħabu wara l-għarqa fuq xtut gżiritna waqt li kienu fi triqthom lejn Ruma. San Luqa, wara li jsemmi l-miraklu tal-lifgħa li ma qatletx bil-velenu tagħha lil San Pawl, jgħid: “F’dawk l-inħawi kellu l-artijiet tiegħu l-prinċep tal-gżira, jismu Publju, li laqagħna u ġieb ruħu magħna bi tjubija mhux żgħira. Issa ġara li missier Publju kien mixħut bid-deni u bid-disinterija. U Pawlu daħal għandu, u wara li talab u poġġa jdejh fuqu, fejqu. Wara din il-ġrajja dawk kollha li fil-gżira kellhom xi marda bdew jersqu u jiġu mfejqin. U huma qimuna b’bosta ġieħ, u meta tlajna fuq il-bastiment għabbewna b’kull ma kellna bżonn.” (Atti 28:7-10)

Publju kien il-gvernatur tal-gżira, il-“proto” – titlu li jiġi mogħti lill-ogħla maġistrat tal-gżira, li jkun delegat tal-“Praetor” ta’ Sqallija. It-tradizzjoni Maltija żżomm li San Pawl waqqaf il-Knisja f’Malta u kkonsagra lil San Publju bħala l-ewwel isqof tagħha. Din it-tradizzjoni hija bbażata mill-fatt li kull fejn mar San Pawl dejjem ħalla, meta ma kellux il-ħsieb li jirritorna, ieħor warajh bħala l-kap u r-ragħaj tal-Knisja ġdida.

(Xi wħud, fosthom San Beda, iħalltu lil San Publiju ta’ Malta ma’ San Publju isqof ta’ Atene li ħa l-martirju fis-seklu II. Dan Isqof tal-belt glorjuża ta’ Atene għex lejn nofs it-tieni seklu. Kien fi żmien l-Imperatur Antoninu Piju (138 – 161) meta l-Knisja kienet imħabbta mill-Injostiċi li kienu jaraw ir-Reliġjon bħala skola ta’ kultura, u għalhekk kienu jgħidu li min ma kienx għaref ma setax jgħid li kien nisrani tassew. San Publju, fost l-Isqfijiet tajbin, kien qed juri li r-Reliġjon hi fuq kollox imħabba lejn Alla u lejn l-oħrajn għal Alla.

Tagħlim ieħor żbaljat ta’ żmienu kien dak ta’ Doċeti, li żammew li Kristu ma kienx bniedem, imma deher biss b’ġisem bħal tagħna. Fi żmien ta’ persekuzzjoni kontra l-Insara, hu ma warrabx minn Atene. Hu ġie kkundannat għall-mewt minħabba twemminu. Dan jidher li ġara fl-ewwel sena tal-Imperatur Mark Awrelju, jiġifieri fis-sena 161. San Djonisju, Isqof ta’ Korintu, ċanfar lin-nies ta’ Atene talli kienu waqgħu fl-indifferenza wara li l-Isqof tagħhom Publju kien ġie mogħti l-martirju.

Għalkemm ma tantx għandna tagħrif dwaru, dawk li ġabru ismijiet il-martri ta’ l-ewwel żmien qiegħdu ismu ma’ dawk ta’ dawk li mietu fil-21 ta’ Jannar. Aħna niċċelebrawh fit-22 tax-xahar biex ma nħallux barra t-tifkira ta’ Santa Anjeże, li taħbat fl-istess ġurnata.)

Fl-1609 San Publju li kien fiż-żgur il-gvernatur tal-gżira tagħna, kien maħtur wieħed mill-qaddisin protetturi ta’ Malta mill-Isqof Gargallo (1577-1610). Il-parroċċa tal-Furjana hi ddedikata lil San Publju ta’ Malta.

Ħsieb: Qari mill-Omeliji tal-Isqof San Ġwann Kriżostmu fuq il-Ktieb tal-Atti tal-Appostli bit-titlu “Ġietu ħniena minnhom”:

“F’dawk l-inħawi kien hemm l-oqsma tal-prinċep tal-gżira, li kien jismu Publju. Dan laqagħna u bil-qalb kollha żammna għandu tlitt ijiem. Araw bniedem ieħor, iħobb jilqa’ l-barranin. Dan Publju, raġel għani u jista’, ġietu ħniena minnhom, laqagħhom għandu bil-qalb u dar bihom, mhux għax kien ra xi ħaġa minnhom, iżda minħabba l-għawġ li ġie fuqhom.

Wara li ħelsu mill-għarqa, in-nies ma għalqux għajnejhom għalihom, anzi laqgħuhom bil-qalb minħabba Pawlu, u għal tliet xhur sħaħ waqfu magħhom ilkoll u ħasbulhom għall-ikel. Dawn in-nies iġagħluna nistħu: ma kinux jafuhom lil dawk li ħelsu mill-għarqa, iżda rawhom fl-għawġ u fehmu sewwa li huma wkoll kienu bnedmin; għalhekk laqgħuhom bil-ħlewwa.

Fil-qrib kien hemm l-oqsma ta’ Publju, il-prinċep tal-gżira, li laqagħhom u żammhom għandu bil-qalb. Sewwa qal, għax irid ikollok qalb kbira biex tilqa’ u żżomm għandek mitejn u sitta u sebgħin ruħ. Araw xi qligħ kbir għandu min jilqa’ l-barrani. Laqagħhom u żammhom għandu għal tlitt ijiem, mhux għax dan ma rahx meħtieġ, anqas ma għamlu fuq il-qalb, imma għax intebaħ bil-qligħ li kien se jikseb. U għalhekk bil-ħaqq kollu tħallas tal-laqgħa tajba li għamlilhom, anzi ngħatalu wisq aktar ukoll, għax Pawlu fejjaqlu lil missieru, li kien marid bid-disenterija, u mhux lil missieru biss imma fejjaq ukoll ħafna morda oħra”.

San Publju hu mudell ta’ ragħaj qawwi fit-taqbida. Jalla aħna wkoll nuru ruħna qawwijin fil-fidi li rċevejna u nibqgħu sodi fil-waqt tal-prova u ma nibżgħux inkunu xhieda ta’ Kristu u jekk jitlobhielna, nagħtu ħajjitna għalih.

EJJEW NITOLBU LIL SAN PUBLJU BIEX B’TALBU JERĠA’ JQABBAD FINA L-FJAMMA LI KEBBES F’RUĦ MISSIERIJIETNA MISSIERNA SAN PAWL F’DAWN IL-GŻEJJER. LI KIEKU MA ĠIEX HU BI PROVIDENZA DIVINA, JIFTĦILNA GĦAJNEJNA U JTINA L-FIDI, U LI KIEKU SAN PUBLJU MA LAQGĦUX BĦALA L-MIGĦBUT MINN ALLA KIF TASSEW KIEN, LI KIEKU KONNA NIBQGĦU BLA GĦARFIEN DWAR IT-TAGĦLIM VERU LI JWASSAL GĦAS-SALVAZZJONI TA’ RUĦNA.

IMMA ISSA SAN PAWL ĠIE, INT LI INT IL-PATRUN TAL-GŻEJJER TAGĦNA, AGĦMEL LI MA NWARBUX IL-MESSAĠĠ QAWWI T’ALLA GĦALINA LI GĦOĠBOK TGĦADDILNA, BIEX MA NIĠUX IMWARBA MINNU FL-AĦĦAR JUM!

GĦINNA, O GĦAŻIŻ PATRUN TA’ DAWN IL-GŻEJJER, BIEX MA NISFAWX ĠUSTAMENT IKKUNDANNATI TALLI NKUNU ĦALLEJNA KLIEMEK JISPIĊĊA FIX-XEJN, IMMA AGĦMEL LI NQUMU MILL-WAQGĦAT TAGĦNA U NERĠGĦU NFITTXU LI NGĦIXU TA’ NSARA TASSEW U B’HEKK INKUNU QED NAGĦTUK IL-VERU U L-UNIKU ĠIEĦ LI TISTENNA MINN GĦANDNA.

Talba: O Alla, int għoġbok li San Publju jilqa’ lill-Appostlu Missierna San Pawl u jżommu għandu bil-qalb: agħmel li, bil-merti u t-talb tal-istess Publju, ngħixu fuq din l-art magħqudin miegħek bil-fidi u l-imħabba, biex niksbu l-hena ta’ dejjem fis-sema. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholic.org/saints/saint.php?saint_id=5507

Alternative Reading: https://catholicsaints.info/saint-publius-of-malta/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Publius

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.