3 ta’ Mejju: San Filippu u San Ġakbu

Verżjoni Vidjo: San Filippu u San Ġakbu

“Xi Griegi marru għand Filippu u talbuh: ‘Sinjur, nixtiequ naraw lil Ġesù.’ Filippu mar jgħid lil Indrì, u mbagħad Indrì u Filippu marru jgħidu lil Ġesù.” – Ġwanni 12:21-22

Apostles- St PHILIP and JAMES the Less 2SAN FILIPPU U SAN ĠAKBU
Appostli
L-ewwel Seklu

Tagħrif: 

San Filippu
Kien minn Betsajda fuq ix-xatt tal-Għadira ta’ Ġeneżaret. Kien wieħed mill-ewwel appostli ta’ Ġesù. Kien miżżewweġ u kellu xi wlied bniet. Kif sar jaf b’Ġesù, billi xtaq li ħabibu Natanjel jieħu sehem fil-ferħ li kien ħass, mar sab lil dan sieħbu u qallu: “Sibna lil dak li Mosè fil-liġi u l-profeti kitbu dwaru – Ġesù ta’ Nazaret.” Kollu mgħaġġeb Natanjel qallu: “Tista’ minn Nazaret toħroġ xi ħaġa tajba?” Filippu wieġbu: “Ejja u ara.” Dak akkumpanja lil Filippu u Natanjel sar wieħed mid-dixxipli ta’ Ġesù (Ġwanni 1:43-46).

Jerġa’ jissemma fil-miraklu tat-tkattir tal-ħobż, meta Ġesù, kif ra folla kbira miġbura madwaru, staqsa lil Filippu: “Mnejn nixtru l-ħobż biex dawn ikollhom x’jieklu?” L-evanġelista jgħid li dan qalulu biex jippruvah, għax hu kien jaf x’sejjer jagħmel. Filippu wieġbu: “Mitejn dinar ħobż ma jkunux biżżejjed għalihom biex kull wieħed minnhom jieħu ftit” (Ġwanni 6:3-9).

Waqt li Ġesù kien qed jagħmel l-aħħar ċena mal-appostli tiegħu, Filippu talab lil Ġesù: “Sinjur, urina lill-Missier u jkun biżżejjed għalina.” Ġesù wieġbu: “Ilni daqshekk magħkom, Filippu, u għadek ma għaraftnix? Min ra lili ra lill-Missier ukoll. Kif tgħidli, ‘Urina lill-Missier’? Ma temminx li jiena fil-Missier u l-Missier fija?” (Ġwanni 14:8-9).

Jingħad li wara nżul l-Ispirtu s-Santu fuq l-appostli nhar il-Pentekoste, San Filippu mar ixandar l-Vanġelju fl-Asja ż-Żgħira, akkumpanjat minn uliedu xebbiet. Miet maqtul f’Ġerapoli fil-Friġja.

Ġakbu, imsejjaħ ‘iż-Żgħir’
Kien iben Alfew (jew Klopa) u Marija, waħda min-nisa li kienu jimxu wara Ġesù. Hu ħu San Ġuda Taddew. Jissejjaħ iż-Żgħir jew għax kien iżgħar fl-età mill-appostlu l-ieħor bl-istess isem, magħruf bħala Ġakbu l-Kbir, jew inkella għax kien magħżul appostlu warajh.

Hu maħsub li kien qarib ta’ Ġesù. Kien raġel ġust, li nħatar l-ewwel isqof ta’ Ġerusalemm. L-ittra fit-Testment il-Ġdid, imsejħa ta’ San Ġakbu, jingħad li nkitbet minnu fis-sena 47 u kienet aktarx indirizzata lill-knejjes tas-Sirja li l-membri tagħhom kienu ġew diskriminati u ppersegwitati minħabba t-twemmin ġdid tagħhom.

San Ġakbu sofra l-martirju fis-sena 61 billi tefgħuh miċ-ċint tat-tempju għal isfel u, billi ma mietx mill-ewwel, kien imħaġġar u maqtul bid-daqqiet.

Ħsieb: Bħal fil-każ tal-appostli l-oħra, naraw f’San Filippu u f’San Ġakbu bnedmin li saru l-ġebel tal-pedament tal-Knisja, u dan ifakkarni għal darb’oħra li l-qdusija u l-appostolat huma kompletament don ta’ Alla, u mhux kisba umana. Il-qawwa kollha hija l-qawwa ta’ Alla, anke l-qawwa tal-libertà tal-bniedem li taċċetta d-doni tiegħu. “Imma meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u sa truf l-art” (Atti 1:8), Ġesù qal lil Filippu u lill-oħrajn. L-ewwel kummissjoni tagħhom kienet li jkeċċu l-ispirti mniġġsa, ifejqu l-mard, iħabbru s-Saltna. Tgħallmu, gradwalment, li dawn il-mirakli esterni, kienu sagramenti ta’ miraklu akbar li jseħħ ġewwa fihom u fil-qlub tan-nies – is-setgħa divina li tħobb bħal Alla.

Qari mit-Trattat ta’ Tertulljanu, saċerdot, fuq il-kundanna tal-eretiċi bit-titlu ‘Il-predikazzjoni appostolika’:

“Sidna Ġesù Kristu, meta kien fostna fid-dinja, qalilna hu stess min hu u x’kien minn dejjem, x’kienet ir-rieda tal-Missier li hu ġie biex jagħmel, u x’kienu l-ordnijiet li hu ta lill-bnedmin. Dan qalu jew quddiem kulħadd lill-poplu kollu, jew lid-dixxipli tiegħu weħidhom, li minnhom għażel l-aqwa tnax u riedhom jibqgħu miegħu, għax ried jibgħathom biex jgħallmu lid-dinja kollha.

Wieħed minn dawn it-tnax telqu. Ġesù, qabel ma reġa’ mar għand Missieru wara li qam mill-imwiet, ordna lill-ħdax l-oħra biex imorru fid-dinja u jagħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u jgħammduhom fl-isem tal-Missier u ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu.

Minnufih l-Appostli – kelma li tfisser ‘il-mibgħuta’ – tefgħu x-xorti u għażlu lil Mattija bħala t-tnax-il wieħed flok Ġuda; dan għamluh bis-setgħa tal-profezija li hemm f’wieħed mis-salmi ta’ David. L-Ispirtu s-Santu mliehom bil-qawwa, kif kien wegħedhom Kristu, ħa jkunu jistgħu jitkellmu u jagħmlu l-għeġubijiet. Huma xandru l-fidi f’Ġesù Kristu, l-ewwelnett fil-Lhudija, waqqfu l-Knejjes, u mbagħad xterdu fid-dinja u xandru l-istess tagħlim u l-istess fidi qalb il-pagani.

Huma waqqfu f’kull belt Knejjes oħra, li minnhom ixxerrdet iż-żerriegħa tal-fidi u t-tagħlim fi Knejjes oħra, u għadha tixxerred biex jitwaqqfu Knejjes iżjed. Bis-saħħa ta’ dan, dawn il-Knejjes ukoll huma appostoliċi bħala friegħi li ħarġu mill-Knejjes imwaqqfa mill-Appostli.

Kull ħaġa maħluqa hi bilfors marbuta mal-bidu tagħha. Hekk ukoll dawn il-ħafna Knejjes huma marbuta ma’ l-ewwel waħda li waqqfu l-Appostli, li minnha ġew l-oħrajn kollha. Għalhekk huma kollha ewlenin u kollha appostoliċi, għax kollha huma miġbura f’waħda. Xhieda ta’ din l-għaqda waħda bejniethom hija r-rabta tas-sliem, l-isem ta’ aħwa li jingħata lill-insara kollha, il-laqgħa mill-qalb li jagħmlu lil xulxin. Dawn huma jeddijiet li ma hemmx raġuni oħra għalihom ħlief ir-rabta ta’ l-insara kollha bejniethom fl-istess sagrament li lkoll irċevew.

Il-verità li xandru l-appostli, jiġifieri dik il-verità li wriehom Kristu, ma għandhiex tiġi ppruvata mod ieħor ħlief permezz ta’ l-istess Knejjes li l-Appostli stess waqqfu meta xandrulhom il-verità sew bil-kelma ta’ fommhom u sew imbagħad bil-kitba.

Il-Mulej qal ċar: “Baqagħli ħafna ħwejjeġ xi ngħidilkom, imma għalissa ma tifilħux terfgħuhom;” imma mbagħad żied jgħid: “Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, imexxikom lejn il-verità kollha.” B’dan il-kliem wera li xejn ma kien se jibqa’ moħbi minn dawk li l-Ispirtu s-Santu kien se jmexxihom lejn il-verità kollha, skont il-wegħda tiegħu. U tabilħaqq, il-wegħda seħħet, għax l-Ispirtu s-Santu niżel tassew, kif juruna l-Atti tal-Appostli.”

Fl-aħħar nett, nistiednek tirrifletti dwar din is-silta mill-Ittra ta’ San Ġakbu (1:12-15): “Hieni l-bniedem li jistabar fit-tiġrib, għax wara li jkun għeleb it-tiġrib, jaqla’ l-kuruna tal-ħajja li l-Mulej wiegħed lil dawk li jħobbuh. Waqt li tkunu mġarrbin, araw li ħadd ma jgħid: ‘Alla qiegħed iġarrabni’ għax Alla ma jistax jiġġarrab għall-ħażin, u anqas mhu se jġarrab lil ħadd. Għax kull bniedem imġarrab jinġibed u jitħajjar mill-passjoni tiegħu stess. Imbagħad il-passjoni, meta tnissel, tiled id-dnub; u d-dnub, meta jilħaq il-milja tiegħu, iġib il-mewt.”

Talba: O Alla, int timliena bil-ferħ f’din il-festa li nagħmlu ta’ kull sena f’ġieħ l-appostli San Filippu u San Ġakbu: bit-talb tagħhom, agħtina li nissieħbu ma’ Ibnek fil-passjoni u l-qawmien tiegħu mill-imwiet, biex ikun jistħoqqilna narawk wiċċ imb’wiċċ għal dejjem fis-sema. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/05/sts-philip-and-james.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saints-philip-and-james/

Wikipedia for Saint Philip:  https://en.wikipedia.org/wiki/Philip_the_Apostle

Wikipedia for Saint James: https://en.wikipedia.org/wiki/James,_son_of_Zebedee

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started