11 ta’ Awwissu: Santa Klara

Verżjoni Vidjo: Santa Klara

“Qegħdin jinfnew ġismi u qalbi: Alla l-qawwa ta’ qalbi u sehmi għal dejjem. Jiena ngħodd kollox bħala telf, biex nirbaħ lil Kristu, u nkun ninsab fih.” – Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ Santa Klara (Salm 72(73):26; Filippin 3:8b).

sveta_klara1SANTA KLARA
Verġni
1193 – 1253

Tagħrif: Santa Klara twieldet f’Assisi, l-Italja, fl-1193. Meta kellha 18-il sena, semgħet lil San Franġisk jagħmel l-eżerċizzi tar-Randan. Il-prietki tiegħu ħassithom jolqtuha u jispirawha, u xtaqet tgħix ħajjitha skont il-Vanġelu, bħalu.

San Franġisk approva r-riżoluzzjoni tagħha. F’Ħadd il-Palm tal-1212, Klara flimkien ma’ waħda ħabiba tagħha telqet mid-dar bil-moħbi għax niesha ma kinux jaqblu magħha, u marret il-Porzjunkola, kilometru u nofs bogħod mill-belt, fejn San Franġisk kien jgħix ma’ sħabu.

San Franġisk laqagħha fil-kappella żgħira tal-Madonna u għamel ċerimonja qasira li fiha hu qatgħalha xagħarha u taha libsa griża, b’sinjal li hi kienet qed tħalli l-ħajja lussuża li kienet trabbiet fiha, u kienet ser tħaddan ħajja ta’ faqar u talb, maqtugħa mid-dinja. Minn dak il-waqt hi marret tgħix f’monasteru tas-Sorijiet Benedittini, f’Bastia, post żgħir fil-qrib. Wara ftit ġranet, marret f’monasteru ieħor tal-istess sorijiet.

Il-ġenituri tagħha mhux biss ma rnexxilhomx jibdlulha fehmitha, imma talli oħtha Anjeże ngħaqdet magħha.

Fl-1215, Klara marret tgħix f’dar qrib il-knisja ta’ San Damjan li San Franġisk kien irrestawra. Magħha marru oħrajn. San Franġisk għażilha biex tkun il-Badessa ta’ din il-Kongregazzjoni. Baqgħet f’din id-dar (monasteru) sakemm mietet. Ommha, wara l-mewt ta’ żewġha, u oħtha Beatrice, ingħaqdu magħha wkoll. Dan huwa kkunsidrat bħala l-bidu tal-Klarissi. F’qasir żmien, din il-Kongregazzjoni xterdet f’bosta monasteri oħra fl-Italja, fi Franza, u fil-Ġermanja.

Il-Klarissi addottaw ħajja iebsa ta’ povertà , silenzju u awsterità. Ma kinux jippossiedu propjetà. Kienu jgħixu bil-kontribuzzjonijiet. Fl-1228, il-Papa Girgor IX tahom il-Privilegium Paupertatis, li ma jkunu jippossiedu l-ebda propjetà. Mhux biss l-individwi iżda lanqas il-komunitajiet.

Santa Klara baqgħet Superjura għal erbgħin sena. Mietet fil-monasteru ta’ San Damjan fil-11 ta’ Awwissu, 1253. Il-Papa Alessandru IV, fl-1255, sentejn biss wara mewtha, iddikjaraha Qaddisa. Il-ġisem tagħha jinsab meqjum fil-bażilika ddedikata lilha, fil-belt t’Assisi, fejn qabel kien hemm il-knisja ta’ San Ġorġ. Il-Papa Piju XII ħatar lil Santa Klara patruna tat-televiżjoni fl-14 ta’ Frar, 1958.

Anke oħtha Anjeże (ara Santa Anjeże ta’ Assisi) hija meqjuma bħala Qaddisa. Interessanti l-ittri li Santa Klara kitbet lil Santa Anjeże ta’ Praga (ara Santa Anjeże ta’ Praga) dwar l-osservanza tal-vot tal-faqar.

Ħsieb: Qari minn Ittra ta’ Santa Kjara, verġni, lil Santa Anjeże ta’ Praga bit-titlu ‘Ħares lejn il-faqar, l-umiltà u l-imħabba ta’ Kristu’:

“Hieni tassew il-bniedem li jingħatalu sehem mill-mejda mqaddsa, sabiex jingħaqad b’qalbu kollha ma’ Kristu, ma’ dak li bi ġmielu jgħaġġeb bla heda lill-qtajja kollha tal-qaddisin fis-sema, dak li jqanqal il-qlub bi mħabbtu u jġedded lil min iżomm ħarstu fuqu, jimla ‘l kulħadd bit-tjubija u l-ħlewwa tiegħu, u jsawwab dawl ħelu fuq min jiftakar fih, dak li bil-fwieħa ħelwa tiegħu l-mejtin jerġgħu jqumu għall-ħajja u bid-dehra glorjuża tiegħu jhenni l-ulied kollha ta’ Ġerusalemm tas-sema. Għax din id-dehra hi dija tas-sebħ ta’ dejjem, raġġ mid-dawl ta’ dejjem u mera bla nikta.

Ħares kuljum lejn din il-mera, o Sultana, għarusa ta’ Ġesù Kristu, ara dejjem wiċċek fiha, biex tiżżejjen kollok kemm int minn ġewwa u minn barra, kollok mogħnija bil-ġmiel li jsebbħek bil-ward u l-ilbiesi ta’ kull virtù, kif jixraq lil bint u għarusa l-iżjed safja tas-Sultan il-kbir. Din il-mera għandha turik ix-xbieha tal-faqar imbierek, tal-umiltà mqaddsa u tal-imħabba tal-għaġeb; u hekk, bl-għajnuna tal-grazzja ta’ Alla, tkun tista’ tħares lejk innifsek fil-mera kollha.

Ħares lejn in-naħa ta’ fuq ta’ din il-mera, u ara l-faqar ta’ dak li kien imfisqi u mqiegħed fuq maxtura. X’umiltà, x’faqar tal-għaġeb! Is-sultan tal-anġli u Sid is-sema u l-art, mimdud fuq maxtura!

Ħares lejn in-naħa tan-nofs, u ara l-umiltà, jew għallinqas il-faqar imqaddes, it-taħbit bla qjies u t-tbatijiet li Kristu ġarrab biex jifdi l-bnedmin.

Ħares imbagħad lejn in-naħa t’isfel ta’ din il-mera, u ara l-imħabba bla tarf li biha Kristu għoġbu jilqa’ s-salib u jieħu mewt l-aktar mistkerrha.

Din il-mera, jiġifieri Kristu, minn fuq is-salib fejn kien imdendel kellem lil dawk li kienu għaddejjin minn quddiemu, u wissiehom biex jaħsbu fuq dawn il-ħwejjeġ kollha. Hu qalilhom: Intom ilkoll li għaddejjin mit-triq, ħarsu u araw jekk hemmx niket bħan-niket tiegħi. Inwieġbu b’leħen wieħed u ruħ waħda għall-għaJjat u t-tnehid tiegħu, u ngħidu: ‘Taħseb u tiftakar ruħi, u tinfena ġewwa fija. Mela tħeġġeġ dejjem iżjed bin-nar tal-imħabba, o Sultana tas-Sultan tas-sema.’

Ġib ukoll quddiem għajnejk b’liema għaxqa tal-għaġeb, b’liema għana u ġieħ jista’ jimliEk għal dejjem, u x-xewqat u l-imħabba kbira ta’ qalbek iġġagħlek titniehed u tgħid: ‘Iġbidni warajk, ejja niġru wara r-riħa tgħaxxaq tal-fwieħat tiegħek, Għarus tiegħi tas-sema. Ma negħjiex niġri, sa ma ddaħħalni għax-xorb ħelu tiegħek, inserraħ rasi fuq driegħek tax-xellug, tgħannaqni bil-leminija tiegħek, u l-bewsa ta’ fommok timlieni bil-hena.’ Int u taħseb f’dan kollu, ftakar ukoll fl-omm imsejkna tiegħek, għax taf li jiena nqaxt għal dejjem it-tifkira ħelwa tiegħek f’qalbi, għax lilek ngħożżok fuq kulħadd.”

L-erba’ ittri li Santa Klara ta’ Assisi kitbet lil Santa Anjeże ta’ Praga huma dawn:

1. L-Ewwel Ittra.
2. It-Tieni Ittra.
3. It-Tielet Ittra.
4. Ir-Raba’ Ittra.

U hawn ma nistgħux ma nagħmlux aċċenn għall-preżenza tal-Klarissi fil-gżejjer tagħna, f’San Ġiljan: https://www.facebook.com/sorijietklarissi/ u f’Victoria, Għawdex: https://www.facebook.com/klarissi.gozo

Din playlist ta’ vidjows dwar il-Klarissi fi gżiritna: https://www.youtube.com/watch?v=nbJKqIBiA3A&list=PLPAbF-_bN4rgrthXAFi36sA4BqjreMNCh&index=2&t=0s

“Aħna nsiru f’dak li nħobbu, u dak li nħobbu isawwarna f’dak li ser insiru. Jekk inħobbu l-oġġetti, insiru oġġett. Jekk ma nħobbu xejn, ma nsiru xejn. L-imitazzjoni m’għandhiex tkun li litteralment tagħmel bħal Kristu, pjuttost tfisser li ssir fi xbieha ta’ dak il-maħbub, xbieha li tingħaraf mill-bidla. Dan ifisser li aħna nsiru ġarar tal-imħabba ħanina ta’ Alla għall-oħrajn.” ~ Santa Klara

  • Qatt ħsibt kemm irid ikollok flus biex tgħix ħajja kuntenta?
  • Qatt xtaqt li jkollok flus iktar milli għandek?

Santa Klara (u San Franġisk ta’ Assisi u ruxxmata Qaddisin oħra) ħalliet kollox, lanqas ċenteżmu wieħed biss ma żammet għaliha, u qatt ma ħabblet rasha biex ikollha. Safrattant ma setgħetx tkun iktar kuntenta milli kienet. Qalbha kienet mimlija b’Alla.

  • Qalbek kemm hi mimlija b’Alla?

Talba: Fil-ħniena tiegħek, o Alla, inti mlejt lil Santa Kjara bl-imħabba għall-faqar; bit-talb tagħha, agħtina li nimxu wara Kristu fl-ispirtu tal-faqar, biex narawk wiċċ imb’ wiċċ fis-saltna tas-sema. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2018/08/saint-clare-of-assisi.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-clare-of-assisi/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Clare_of_Assisi

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

15 ta’ Lulju: San Bonaventura

Verżjoni Vidjo: San Bonaventura

“Min iżomm il-kmandamenti ta’ Alla jgħammar fi Kristu u Kristu fih. B’hekk nafu li hu jgħammar fina: bl-Ispirtu li hu tana. Alla ħalaq l-għerf bl-Ispirtu s-Santu, sawwbu fuq il-bnedmin kollha, u tah lil min iħobbu.” – Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Bonaventura (1 Ġw 3:24; Sir 1:9a. 10).

saint-bonaventure.11-1.jpgSAN BONAVENTURA
Isqof u Duttur tal-Knisja
1218 – 1274

Tagħrif: San Bonaventura twieled bl-isem ta’ Ġwanni, f’Bagnoregio ħdejn Viterbo, l-Italja, fl-1218.

Meta kellu madwar għoxrin sena mar jistudja fl-Universita’ ta’ Pariġi minn fejn kiseb il-lawrja fil-Letteratura. Dak iż-żmien kien hemm il-famuż patri Franġiskan Ingliż, Alessandru ta’ Hales.

Fl-1243 daħal fl-Ordni tal-Franġiskani Minuri u ħa l-isem ta’ Bonaventura. Huwa studja l-filosofija u t-teoloġija. Barra mill-moħħ intelliġenti li kellu, kien imżejjen ukoll bi mħabba kbira lejn Alla. Kien bniedem ġentili, ferħan u dejjem lest li jgħin lill-oħrajn.

Ta’ 27 sena, inħatar professur tat-teoloġija u tal-Iskrittura fl-Universita’ ta’ Pariġi (1248-1257).

Fl-1257, flimkien mal-ħabib kbir tiegħu San Tumas ta’ Aquino kiseb id-dottorat fit-teoloġija mill-Universita’ ta’ Pariġi.

Meta kien qrib l-40 sena, intgħażel biex ikun is-Superjur Ġenerali tal-Franġiskani. Mexxa l-Ordni għal 17-il sena. F’dan iż-żmien, fl-Ordni kien hemm kwistjoni serja bejn dawk li riedu jinterpretaw ir-regola ta’ San Franġisk litteralment speċjalment dwar il-poverta’, u dawk li riedu jimmodifikaw ir-regola; hu għaraf iżomm pożizzjoni medja.

Fl-1263, San Bonaventura ordna li fi nżul ix-xemx tindaqq il-qanpiena f’kull monasteru, u tingħad it-talba tas-Sliema għall-unur tal-Madonna. Hu kien jaħseb li kien f’dak il-ħin li l-anġlu ħabbar lill-Madonna li kellha ssir Omm Alla; minn hawn daħlet l-użanza li jindaqq l-Angelus.

Fl-1265 il-Papa Klement IV ried jagħmlu Arċisqof ta’ York fl-Ingilterra, iżda hu ma aċċettax.

Fl-1273 il-Papa Girgor X ħatru Kardinal-Isqof ta’ Albano. Jingħad li l-messaġġiera tal-Papa li wasslulu l-aħbar, sabuh fil-kċina jaħsel il-platti.

Miet fil-15 ta’ Lulju 1274, ta’ madwar 56 sena, waqt li kien qed jieħu sehem l-iktar attiv fl-erbatax-il Konċilju Ekumeniku li kien it-tieni wieħed ta’ Lyons.

San Bonaventura ħalla ħafna kotba ta’ għerf kbir.

Il-Papa Sistu IV iddikjarah Qaddis fl-1482, u l-Papa Sistu V fl-1588 ikkonfermah Duttur tal-Knisja u sejjaħlu Duttur Serafiku.

Ħsieb: Qari mill-ktejjeb “Il-mixja tar-ruħ lejn Alla,” tal-isqof San Bonaventura, bit-titlu ‘L-Ispirtu s-Santu wriena għerf mistiku’:

“Kristu huwa t-triq u l-bieb. Kristu huwa s-sellum u l-mezz li jwassalna għand Alla, qisu l-għatu tat-tpattija mqiegħed fuq l-arka ta’ Alla u l-misteru li kien moħbi sa minn dejjem. Indawru wiċċna sewwa lejn dan l-għatu u nħarsu lejh imdendel mas-salib, b’ħarsa ta’ fidi, tama u mħabba, ta’ qima, stagħġib, hena, għożża, foħrija u ferħ, jekk nagħmlu dan, aħna nagħmlu miegħu l-Għid, jiġifieri ngħaddu miegħu, għax fuq l-għuda tas-salib naqsmu l-Baħar tal-Qasab, inħallu l-Eġittu u nidħlu fid-deżert fejn nieklu mill-manna l-moħbija, u nistrieħu ma’ Kristu fil-qabar qisna mejtin minn barra, għalkemm minn ġewwa nisimgħu – skont ma nistgħu f’din il-ħajja – il-kelma li Kristu fuq is-salib qal lill-ħalliel niedem: ‘Illum tkun miegħi fil-ġenna.’

Biex din il-mogħdija tkun sħiħa, jenħtieġ inħallu warajna kull ħidma tal-moħħ u nagħtu mħabbitna bil-qawwa kollha tagħha lil Alla ħa ninbidlu fih. Dan isir b’mod mistiku u moħbi mill-iżjed; ħadd ma jaf jagħmlu dan ħlief min jaqla’ l-grazzja; ħadd ma jaqla’ l-grazzja ħlief min jixtieqha; ħadd ma jista’ jixtieqha ħlief min jitħeġġeġ minn ġewwanett bin-nar tal-Ispirtu s-Santu li Kristu bagħat fuq l-art. Għalhekk jgħid l-Appostlu li dan l-għerf mistiku wrihulna l-Ispirtu s-Santu.

Jekk trid taf kif isiru ħwejjeġ bħal dawn, staqsi lill-grazzja mhux lill-għerf, lix-xewqa mhux lid-dehen, lit-tnehid tat-talb mhux lit-tagħlim ta’ l-ittra, lill-għarus mhux lill-imgħallem, lil Alla mhux lill-bniedem, liċ-ċpar mhux lid-dija; tistaqsix lid-dawl, iżda lin-nar li jagħmlek ħuġġieġa waħda kollok kemm int u jbiddlek f’Alla bi ħlewwa ta’ l-għaġeb u bi mħabba liema bħalha. Dan in-nar hu Alla nnifsu, il-forġa tiegħu tinsab f’Ġerusalemm, u jqabbadha Kristu bin-nar qawwi tal-passjoni mħeġġa tiegħu, dak in-nar li ħadd ma jħossu tassew ħlief min jgħid: ‘Aktar nagħżel nibqa’ bla nifs, u aħjar il-mewt għalija.’ Min iħobb din il-mewt jista’ jara lil Alla, għax tassew minnha hi l-kelma tiegħu meta qal: Ħadd ma jarani u jgħix. Ejjew mela mmutu u nidħlu fis-sħaba mudlama, insikktu fina t-tħassib żejjed, il-ġibdiet ta’ qalbna u l-ħolm ta’ moħħna, ngħaddu flimkien ma’ Kristu msallab minn did-dinja għal għand il-Missier, biex hu jurina l-Missier u ngħidu flimkien ma’ Filippu: ‘Biżżejjed għalina; nisimgħu flimkien ma’ Pawlu: Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; u nifirħu ma’ David u ngħidu: Qegħdin jinfnew ġismi u qalbi: Alla l-qawwa ta’ qalbi u sehmi għal dejjem. Imbierek il-Mulej għal dejjem, u ħa jgħid il-poplu kollu: Ammen! Ammen!’

L-akbar preokkupazzjonijiet ta’ San Bonaventura kienu l-imħabba t’Alla, it-talb u l-kontemplazzjoni. Baqa’ msemmi għall-prietki tiegħu. Jingħad li darba, waħda mara xiħa li semgħetu jipprietka, u li kienet taf kemm kien bniedem għaref, qaltlu: “X’xorti kbira għandek inti! Bil-għerf tiegħek inti tista’ tant tagħraf ’l Alla u ssir qaddis kbir.” Imma San Bonaventura weġibha: “Biex issir qaddis kbir mhux għerf li hemm bżonn, iżda li tkun tħobb ħafna lil Alla, u din il-ħaġa jista’ jagħmilha anki l-iktar bniedem injurant.”

Il-bniedem li hu dejjem ferħan, għandu sinjal qawwi li fih hemm il-grazzja ta’ Alla. (San Bonaventura)

Talba: Aħna u niċċelebraw it-tifkira tad-daħla tal-isqof San Bonaventura fis-sema, nitolbuk, o Alla li tista’ kollox, li nimxu ‘l quddiem bit-tagħlim u l-għerf tiegħu, u nħabirku bla heda biex insiru nixbhuh fil-ħeġġa ta’ mħabbtu. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-bonaventure-522

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-bonaventure/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Bonaventure

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

10 ta’ Lulju: Santa Veronika Giuliani

Verżjoni Vidjo: Santa Veronika Giuliani

“F’qalbi nħoss ix-xewqa li nxerred demmi u nagħti ħajti għall-konverżjoni tal-erwieħ.” ~ Santa Veronika Giuliani.

04-veronica-giuliani-mini03.jpgSANTA VERONIKA GIULIANI
Reliġjuża
1660 – 1727

Tagħrif: Din il-qaddisa twieldet Mercatello, fil-provinċja ta’ Urbino, l-Italja, f’Diċembru 1660. Kienet l-iżgħar minn seba’ wlied, li tnejn minnhom mietu żgħar. Fil-Magħmudija semmewha Ursola. Missierha kien bniedem mimli bih innifsu u arroganti, waqt li ommha kienet mara ġentili u ta’ tjubija mhux komuni. Kienet hi li nisslet f’qalb uliedha – li erba’ minnhom daħlu sorijiet – imħabba kbira lejn il-virtù u d-drawwiet reliġjużi.

Minn kmieni Ursola, bdiet turi sinjali ta’ qdusija. Għadha ċkejkna u kienet ġa turi ħniena kbira lejn il-foqra billi terfa’ biċċa mill-porzjon tagħha għalihom u meta kienet tara xi tfal bi lbies imqattgħin, araha tagħtihom xi ħaġa minn ilbiesha. Sa minn ċkunitha kellha wkoll mħabba lejn is-Salib u l-Passjoni ta’ Ġesù li kompliet tikber maż-żmien.

Hi tistqarr li kienet tifraħ u tieħu pjaċir bil-ħajja aktar komda li l-familja tagħha kisbet meta missierha sar supretendent tal-finanzi ta’ Piacenza. Iżda dan ma bidlilhiex ħsiebha li ssir reliġjuża għad li missierha kemm-il darba pproponielha partijiet tajbin għaż-żwieġ. Bl-oppożizzjoni li sabet min-naħa ta’ missierha biex tidħol reliġjuża, Ursola mardet u ma fieqetx qabel ma missierha taha l-permess.

Hija daħlet mas-sorijiet klarissi kappuċċini f’Città di Castello fl-1677, qabel għalqet 17-il sena u, b’tifkira tal-passjoni, ħadet l-isem ta’ Veronika. Matul in-novizzjat tagħha kellha ħafna tiġrib spiritwali kif ukoll tentazzjonijiet biex tmur lura d-dar, imma hi kienet toqgħod għal kollox fuq il-kelma tas-superjura tagħha. Ipprofessat sena wara u ħasset xewqa kbira li tingħaqad ma’ Ġesù Msallab biex tbati għall-konverżjoni tal-midinbin.

Wara xi żmien rat lil Kristu mgħobbi bis-salib, u bdiet issofri uġigħ kbir f’qalbha. Ta’ 33 sena (1693), waqt viżjoni, rat kalċi kbir bħala simbolu tal-passjoni li kellha ssofri mill-ġdid. Hija għall-ewwel beżgħet taċċetta, iżda wara baxxiet rasha għar-rieda tas-sema u bdiet issofri tbatijiet spiritwali kbar ħafna. Hija bdiet iġġib f’ġisimha l-marki tal-passjoni, dawk li huma msejħin stigmati. Żmien wara hija rċeviet ukoll l-impressjoni tal-kuruna tax-xewk u d-dbabar kienu jidhru u permanenti.

Minkejja dawn is-sofferenzi spiritwali u fiżiċi kollha, fil-ħajja tagħha ta’ kuljum Swor Veronika ġabet ruħha bħala mara prattika. Għal 34 sena kienet majjistra tan-novizzi u lil dawn hija mexxiethom bi prudenza hekk kbira li, mhux biss ma kienet titkellem xejn magħhom fuq l-istati mistiċi tar-ruħ, iżda wkoll ma ħallithomx jaqraw kotba fuq dan is-suġġett.

Fl-1716, meta allura kellha 56 sena, ħatruha Madre Badessa (Superjura) u baqgħet hekk sakemm mietet ħdax-il sena wara. F’din il-kariga ta’ badessa hija wriet ruħha mudell ta’ perfezzjoni għal kulħadd. Ħabirket ħafna biex iġġib ’il quddiem lir-reliġjużi tagħha f’dik li hija osservanza tar-regola u l-qdusija. Deher ukoll kemm kienet bniedma prattika: mhux biss kabbret il-kunvent imma ħasbet ukoll li jkun aħjar fil-kumditajiet tal-ħajja, fost l-oħrajn daħħlet sistema tal-ilma għas-servizz tal-komunità.

Bix-xewqa tagħha li tkun tixbah f’kollox lil Ġesù, anki fis-sofferenzi morali tal-unur, Alla ppermetta li tkun miżmuma bħala ipokrita u skandlu tal-oħrajn, u anki li tkun magħluqa ġo ħabs għal 50 jum.

Fuq talba tal-konfessur tagħha, il-qaddisa kitbet il-famuż “Djarju tal-Passjoni” li fih niżżlet l-esperjenzi mistiċi li għaddiet minnhom. Dan id-djarju, li hu twil 22,000 paġna, jikxef l-imħabba kbira li hija kellha lejn il-persuna ta’ Ġesù u t-tbatijiet kbar li hija ġarrbet għall-imħabba tiegħu.

Santa Veronika Giuliani mietet fid-9 ta’ Lulju, 1727 fl-età ta’ 67 sena, li minnhom 50 sena għaddiethom bħala reliġjuża. Kienet iddikjarata qaddisa mill-Papa Girgor XVII fl-1839. Fl-arti hija rrappreżentata bil-kuruna tax-xewk fuq rasha u tħaddan is-salib.

Ħsieb: Mill-kitbiet ta’ Santa Veronika Giuliani bit-titlu ‘Il-konverżjoni tal-midinbin’:

F’din il-paġna meħuda mid-djarju tagħha, il-qaddisa tistqarr li għall-konverżjoni tal-midinbin kienet tinsab lesta li tagħti ħajjitha.

Il-lum erġajt ħassejt l-uġigħ f’idejja, f’saqajja u f’qalbi, u għaddejt lejl sħiħ mimli bl-uġigħ u t-turmenti. Ikun imfaħħar il-Mulej! Dalgħodu qerrejt u naħseb li l-qrara saħħitni għal aktar tbatija. Waqt it-tqarbin kelli l-grazzja li nħoss f’qiegħ qalbi l-preżenza ta’ Alla; ruħi ħasset xi ħaġa ġdida tinbet ġo fiha. Minn xi żmien ’il hawn qed inħoss f’qalbi ċerta qawwa ġejja mill-Ispirtu, iżda ma nafx ngħid x’inhi sew. Hawn sa nsemmi biss l-effetti li ħalliet fija.

L-ewwel ħaġa: l-għarfien ta’ dnubieti u l-indiema minnhom; ix-xewqa li nxerred demmi u nagħti ħajti għall-konverżjoni tal-erwieħ; tama qawwija fil-ħniena ta’ Alla u fit-tjieba tal-imqaddsa Verġni Marija.

It-tieni ħaġa: għalkemm inħoss ruħi waħdi nitħabat f’baħar ta’ tiġrib, dlonk inħoss fija qawwa misterjuża li ġġib fuqi l-kalma u dak il-ħin nimtela bi sliem liema bħalu li jġagħalni nafda b’saħħti kollha fir-rieda ta’ Alla.

It-tielet ħaġa: meta x-xitan jgħakkisni b’ħafna tiġrib ġewwieni, u fl-istess ħin, minħabba dmiri, ikun jeħtieġli ndur bl-oħrajn u naqdi bosta qadjiet ’l hawn u ’l hinn, dik il-qawwa misterjuża tgħinni neħles il-qadjiet li jkolli mingħajr biss ma nintebaħ. Fl-aħħar ninduna li dak li jkolli nagħmel nagħmlu mingħajr ma nkun naf kif. Dan jiġri l-aktar f’ħinijiet mill-aktar importanti, bħal meta nersaq għas-sagramenti, nagħmel il-meditazzjoni jew nibda xi taħdita spiritwali ma’ xi ħadd.

Jiġu waqtiet li fihom inħoss dwejjaq kbar u nibda nħossni fiergħa minn kull sentiment. Dak il-ħin nibda naħseb li m’iniex sa nibqa’ ħajja. Meta nkun f’dil-burdata nibda nħoss li anki meta nqerr inkun qed nitlef iż-żmien. Iżda hekk kif f’qalbi nħoss taħrika mqar ċkejkna ta’ dik il-qawwa misterjuża, nibda nħossni mibdula u mimlija bl-enerġija. Imbagħad kollox jibda jiġini ħafif, anki l-aktar ħwejjeg tqal. Kif inkun f’riġlejn il-konfessur nibda nħoss tikber fija l-kunfidenza ta’ bint; leħnu nibda nqisu leħen Alla dieħel f’ruħi. Nibda nħossni qisni qiegħda quddiem mera li fiha nara ’l Alla u lili nnifsi flimkien ma’ dak kollu li għamilt. U nqerr bi ndiema kbira.

Naħseb li dan ġej minn dik il-qawwa misterjuża li nħoss f’qalbi. Imma ma nafx u lanqas nista’ nfisser sewwa x’inhi, anki jekk fil-qrar imqaddes ħassejt li għandi ngħid kollox lil min qiegħed minflok Alla. Ħa jsir kollox għall-glorja ta’ Alla!

Għaliex Alla ta l-istigmata lil Franġisk ta’ Assisi u lil Veronika Giuliani? Alla biss jaf ir-raġunijiet l-iktar profondi, iżda kif josserva Celano, is-sinjali estern tas-salib huwa konferma tal-impenn ta’ dawn il-qaddisin lejn is-salib fil-ħajja tagħhom. L-istigmata li dehret fil-laħam ta’ Veronika kienet rabbiet l-għeruq fil-qalb tagħha ħafna snin qabel. Kienet konklużjoni xierqa għall-imħabba tagħha lejn Alla u għall-karità tagħha lejn ħutha l-bnedmin.

  • U int, lest/a li bħal Santa Veronika Giuliani dak li ssofri toffrih bi mħabba lejn Ġesù Msallab u f’għaqda miegħU, għall-konverżjoni tal-midinbin?

Talba: O Mulej, Santa Veronika Giuliani għaddiet ħajjitha ta’ Klarissa fit-talb u l-kontemplazzjoni, waqt li tħabtet kemm felħet biex dejjem issir tixbah lil Ġesù msallab. Bi ħlas għal din l-imħabba tagħha lejn il-misteru tas-salib, Inti għoġbok tagħtiha d-don tal-Pjagi mqaddsa; agħti lilna lkoll l-għarfien li meta ngħaqqdu s-sofferenzi tagħna ta’ kuljum ma’ dawk li batejt Int għalina, aħna nkunu qed inkomplu l-ħidma ta’ salvazzjoni għall-erwieħ fid-dinja. Għalhekk agħmel li nagħmlu dan bi mħabba ġeneruża u b’ħafna paċenzja. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/saint-veronica-giuliani_17.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-veronica-giuliani/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Veronica_Giuliani

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Parti mill-Ħsieb huwa tagħrif miġbur minn Patri Edmund Teuma OFMConv.

13 ta’ Ġunju: Sant’Antnin ta’ Padova

Verżjoni Vidjo: San Antnin ta’ Padova

“Il-ġust jiżhar bħall-ġilju, u jħaddar għal dejjem quddiem il-Mulej. Jikseb it-tifħir fil-ġemgħa tal-magħżulin.” – Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ Sant’Antnin ta’ Padova (Ħosegħa 14.6b; Salm 91(92):14; Sirak 24:1).

san antonio.jpgSANT’ANTNIN TA’ PADOVA
Saċerdot u Duttur tal-Knisja: 1191 – 1231

Tagħrif: Padova hi l-isem tal-belt fl-Italja fejn Sant’Antnin għex l-aħħar snin ta’ ħajtu. Twieled Lisbona, il-Portugall, fl-1191, minn familja nobbli, u fil-magħmudija semmewh Ferdinandu.

Beda l-iskola fil-Katidral ta’ Lisbona. Ta’ ħmistax-il sena daħal mal-Kanoniċi Regolari ta’ Santu Wistin, iżda billi kien qed ikollu ħafna żjajjar minn qrabatu u ħbiebu talab biex ibiddel il-monasteru, u ġie mibgħut f’Koimbra. Hawnhekk studja sew l-Iskrittura u s-Santi Padri, u ħa wkoll il-Quddiesa.

Fis-16 ta’ Jannar,1220 ġew maqtula fil-Marokk l-ewwel ħames martri Franġiskani, u f’dik is-sena stess ġabu l-iġsma tagħhom f’Koimbra. Meta Ferdinandu ra l-proċessjoni għaddejja tqanqal ħafna biex jidħol mal-Franġiskani ħalli jkun jista’ jmur il-Missjoni u jmut martri.

Fl-1221, daħal mal-Franġiskani Minuri u ħa l-isem ta’ Anton. Fil-ħarifa tal-istess sena telaq lejn il-Marokk. Hemmhekk marad, u wara ftit xhur kellu jirritorna lejn pajjiżu, iżda billi l-vapur li kien fuqu ltaqa’ ma’ tempesta, flok il-Portugall sab ruħu Sqallija ġo Messina.

Minn Messina mar Assisi fejn kellu jiltaqa’ l-Kapitlu Ġenerali, hawn ra u sema’ lil San Franġisk. Minn hemm mar Montepaulo mal-Provinċjal fejn għex ħajja ta’ ġabra. Darba minnhom ġie mitlub biex jagħmel kelmtejn fil-Katidral ta’ Forli, u tant ipprietka tajjeb li wara, il-Provinċjal talbu biex jagħti ruħu għall-prietki.

Hekk għamel, filwaqt li baqa’ jistudja u ħa d-Dottorat fit-Teoloġija. San Franġisk sema’ b’għerfu u ħatru biex jgħallem it-teoloġija lill-Patrijiet sħabu.

Għamel ħafna ġiri jipprietka fl-Italja, fi Spanja, u fi Franza. Fl-1224 kien Gwardjan, u fl-1226 ġie maħtur Ministru Provinċjal. Fl-1228 mar Ruma fuq xogħol tal-Ordni. Hemm ipprietka quddiem il-Papa Girgor IX, li sejjaħlu “Arka tat-testment u moħba tal-Iskrittura.”

Fl-1230, fuq talba tiegħu biex ikompli jipprietka, ġie meħlus mill-uffiċċju ta’ Ministru, u mar fil-Kunvent ta’ Padova li kien bena hu nnifsu. Hawn ħadem bla heda speċjalment għall-fqar, li sal-lum għadna nisimgħu bil-“ħobż ta’ San Antnin.”

Fil-prietki tar-Randan ta’ dik is-sena l-folla ta’ nies li marret tisimgħu laħqet it-30,000.

Miet meta kellu 40 sena mifni mill-predikazzjoni, fit-13 ta’ Ġunju, 1231. Ħdax-il xahar wara, il-Papa Girgor IX iddikjarah Qaddis. Fl-1946 il-Papa Piju XII ipproklamah Duttur tal-Knisja. Sant’Antnin hu meqjum ħafna fil-Bażilka li bnewlu l-Franġiskani Konventwali f’Padova, fejn hemm il-fdal tiegħu.

Ħsieb: Aktarx li dan il-qaddis hu fost l-aktar popolari fost l-insara. Hu kien jeħodha kontra l-vizzjijiet ta’ żmienu, bħalma huma l-użura (self b’imgħaxijiet għoljin) u x-xeħħa, b’linġwaġġ qawwi u kultant aħrax ukoll. Għalkemm Sant’Antnin kien ġej minn familja aristokratika, hu kien veru ħabib tal-fqar u tal-maħqurin. Jingħad li għamel ħafna mirakli, l-aktar wara mewtu. Sant’Antnin hu msejjaħ fil-każi ta’ ħwejjeġ mitlufin.

Dan li ġej huwa qari mid-Diskorsi ta’ Sant’Antnin ta’ Padova, saċerdot:

“Min ikun mimli bl-Ispirtu s-Santu jitkellem b’bosta ilsna. Dawn il-bosta ilsna huma l-ħafna xhieda li tingħata lil Kristu, bħalma huma l-umiltà, il-faqar, is-sabar u l-ubbidjenza; li aħna nitkellmu bihom meta nuruhom lill-oħrajn fina nfusna. Għax il-kelma toħroġ ħajja jekk jitkellem l-għemil. Mela ħa jieqaf il-kliem u jitkellem l-għemil. Kliem għandna kemm irridu, imma fatti xejn, u għalhekk il-Mulej jisħetna, kif seħet is-siġra tat-tin għax fiha ma sabx frott imma weraq biss. Kif jgħid San Girgor: “Għall-predikatur hemm liġi li torbtu biex juri bl-għemil kull ma jxandar bil-kliem.” Għalxejn wieħed jiftaħar li jaf il-liġi jekk b’għemilu jġib fix-xejn it-tagħlim tiegħu.

L-Appostli kienu jitkellmu skont mal-Ispirtu s-Santu kien jagħtihom li jitkellmu. Hieni min jitkellem skont kif inebbħu l-Ispirtu s-Santu u mhux kif tgħidlu rasu! Għax hemm xi wħud li jitkellmu skont ma jħossu huma, jisirqu kliem ħaddieħor u jxandruh bħallikieku tagħhom, anzi jgħidu li hu tagħhom. Fuq dawn u oħrajn bħalhom, il-Mulej b’fomm Ġeremija jgħid: ‘Arawni kontra l-profeti li jisirqu kliemi wieħed mingħand l-ieħor. Arawni kontra l-profeti, jgħid il-Mulej, li jħollu lsienhom u jxandru t-teħbir. Arawni kontra dawk li jħabbru ħolm giddieb, jgħid il-Mulej, u jgħiduh u jqarrqu bil-poplu bil-gideb tagħhom u bit-tpaċpiċ tagħhom, meta ma kontx jien li bgħatthom, anqas ikkmandajthom, u ma huma ta’ ebda fejda għal dan il-poplu, jgħid il-Mulej.’

Mela nitkellmu skont mal-Ispirtu s-Santu jagħtina li nitkellmu; bl-umiltà u l-qima kollha nitolbuh isawwab fina l-grazzja tiegħu, biex nhar Għid il-Ħamsin niċċelebrawh sewwa bil-perfezzjoni tal-ħames sensi tagħna u bil-ħarsien ta’ l-għaxar kmandamenti nimtlew bi spirtu qawwi ta’ ndiema, nitkebbsu b’ilsna tan-nar ħa nfaħħruh, ninxtegħlu bid-dawl tal-glorja tal-qaddisin, u jistħoqqilna naraw lit-Trinità Alla wieħed.”

Din li ġejja hija silta minn prieTka ta’ Sant’Antnin ta’ Padova:

Ħennu bħalma hu ħanin Missierkom. Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx u ma tkunux ikkundannati; aħfru u ssibu l-maħfra; agħtu u jingħatalkom.” Ara kif f’dis-silta tal-Vanġelu mqaddes hemm ħames ħwejjeġ ta’ importanza kbira: ħennu, tiġġudikawx, tikkundannawx, aħfru u agħtu.

Hu ħanin min jagħder in-nuqqasijiet ta’ ħaddieħor. Għalhekk fil-ħniena nsibu l-mogħdrija, bħallikieku l-ħniena ssir bil-mogħdrija. U billi l-ħniena tal-Missier tas-sema lejk għandha tliet uċuħ, hekk ukoll il-ħniena tiegħek lejn il-proxxmu għandu jkollha tliet uċuħ.

Il-ħniena tal-Missier hi għażiża, wiesgħa u għanja. Għażiża għax issaffi l-bniedem mill-vizzji, bħalma jgħid Bin Sirak: “Għażiża ħnientu fi żmien il-għawġ, daqs sħab tax-xita fi żmien in-nixfa.” Fi żmien il-għawġ, jiġifieri meta nkunu magħkusa bid-dnubiet, tinżel fuqna xita ta’ grazzja li ġġeddidna u taħfrilna d-dnubiet.

Il-ħniena tal-Missier wiesgħa, għax hi u miexja ’l quddiem fiż-żmien, ir-ruħ tikber u titwessa’ bl-għemejjel it-tajba. Għalhekk fis-Salm insibu: “Tjubitek quddiem għajnejja, imxejt skont is-sewwa tiegħek.”

Il-ħniena tal-Missier hi għanja fil-għaxqa tal-ħajja taż-żmien li ġej. Dwarha fil-Ktieb ta’ Tobija nsibu dan: “Min jibża’ minnek jaf żgur li hu sa jikseb il-kuruna tal-ħajja jekk ħajtu tkun tqiegħdet fit-tiġrib; hu jkun meħlus mill-għawġ u jkun jista’ jilqa’ l-ħniena tiegħek jekk qabel jilqa’ t-twiddib.”

Hekk ukoll il-ħniena tiegħek lejn il-proxxmu għandu jkollha tliet uċuħ. Jekk dineb kontrik aħfirlu; jekk ħareġ mit-triq tas-sewwa għallmu; jekk bil-ġuħ itimgħu biex jiġi f’tiegħu.” 

U dawn żewġ talbiet ta’ Sant’Antnin ta’ Padova:

Spirtu Mqaddes, nar ta’ mħabba, ejja strieħ fuq kull wieħed minna, ħejjilna lsienna biex jistqarr ħtijietna, biex aħna u ngħidu kollox bla ma naħbu xejn, niksbu l-ħajja tal-ġenna biex hemm nissieħbu għal dejjem fit-tifħir flimkien mal-anġli. Dan jista’ jseħħ bil-għajnuna tiegħek, int li tgħix u ssaltan għal dejjem. Ammen.

Nitolbuk, Mulej Alla wieħed u tlieta, li r-ruħ li inti ħlaqt tasal għandek qawwija u sħiħa f’dak l-aħħar jum ta’ hemm u ta’ nar, x’ħin jinqasam il-ħabel fiddien, ilqagħha, biex ħielsa min-nases tal-ħażen, tiġi għandek bil-ħelsien u l-glorja ta’ wlied Alla, bil-għajnuna tiegħek stess, Alla wieħed u tlieta, li int imbierek għal dejjem. Ammen.

Talba: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int ridt li l-poplu tiegħek ikollu f’Sant’Antnin ta’ Padova predikatur għaref u għajnuna kbira quddiemek fil-ħtiġjiet tiegħu: agħmel li hu jieqaf dejjem magħna u jbegħedna minn kull hemm, ħalli nimxu sewwa skont it-tagħlim nisrani. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2014/06/st-anthony-of-padua.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-anthony-of-padua/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Anthony_of_Padua

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

27 ta’ Marzu: Beatu Pellegrin minn Falerone

Verżjoni Vidjo: Beatu Pellegrin minn Falerone

“Int għad taqdi ’l Alla fil-kundizzjoni umli ta’ fratell lajk, u titħarreġ b’mod speċjali fl-umiltà.” Meta l-Beatu Pellegrin minn Falerone ppreżenta ruħu quddiem San Franġisk t’Assisi, huwa qallu dan il-kliem li mmarka l-ħajja kollha tiegħu.

Santino-Holy-Card-B-Beato-Pellegrino-da-Falerone

BEATU PELLEGRIN MINN FALERONE
Reliġjuż Franġiskan
miet c.1232

Tagħrif: Dan il-beatu ħass il-ħajra li jsir reliġjuż Franġiskan wara li sema’ lill-Fundatur jipprietka f’Bologna. Meta Pellegrin ppreżenta ruħu quddiem San Franġisk t’Assisi, dan qallu: “Int għad taqdi ’l Alla fil-kundizzjoni umli ta’ fratell lajk, u titħarreġ b’mod speċjali fl-umiltà.”

Pellegrin kien ġej minn familja għanja u nobbli ta’ Falerone, f’Ascoli Piceno, fl-Italja Ċentrali. Studja l-filosofija u d-Dirittu Kanoniku f’Bologna, u kien diġà imkisser sewwa fix-xjenzi sagri u profani. Minkejja dan, hu aċċetta l-profezija ta’ San Franġisk bħallikieku kien kmand u, għal ħajtu kollha, ried jibqa’ dejjem sempliċiment fratell lajk, mogħti għas-servizzi l-iktar umli u spiss moħbijin f’kunventi żgħar u ftit magħrufa.

Skont il-Beatu Bernard ta’ Quintavalle, Pellegrin wettaq l-ideal tal-Franġiskan perfett u kien wieħed mir-reliġjużi l-aktar eżemplari. Xtaq ħafna li jkun jista’ jmut martri fost l-infidili, u, bħal San Franġisk innifsu, anki siefer lejn l-Art Imqaddsa, fost il-Misilmin. Il-Beatu Pellegrin bil-ftit il-ftit ġibed lejh lill-Misilmin minħabba l-ħajja qaddisa tiegħu.

Meta rritorna fl-Italja, Pellegrin beda jfittex jinħeba f’postijiet u f’kunventi l-aktar imbegħda. Rarament kien iżur il-familja għanja tiegħu; u meta kien iżurhom kien għal żjarat qosra biex iħeġġeġ lil niesu li ma jintrabtux mad-dinja u jħobbu aktar lil Alla. Imma, aktar ma kien jinħeba, u aktar ma jipprova jgħix ħajja fqira u umli, aktar bdew ifittxuh in-nies, l-aktar ukoll minħabba l-fama tal-mirakli.

Fl-aħħar snin ta’ ħajtu hu kien fil-kunvent ta’ San Severino Marche, fejn miet għadu żagħżugħ, għall-ħabta tas-sena 1232. Il-fdalijiet tiegħu għadhom f’San Severino. Il-kult lejn il-Beatu Pellegrino kien ikkonfermat fl-1821 minn Piju VII, u b’hekk approva l-qima lejh li kienet ilha 600 sena. Hu mfittex kontra l-uġigħ tad-dras.

Ħsieb: Interessanti kif meta Pellegrin ppreżenta ruħu quddiem San Franġisk t’Assisi, dan qallu: “Int għad taqdi ’l Alla fil-kundizzjoni umli ta’ fratell lajk, u titħarreġ b’mod speċjali fl-umiltà.” U hekk għamel u għex tassew. L-umiltà hija l-bażi ta’ kull sejħa nisranija, hu x’inhu l-istat ta’ ħajja li wieħed iħaddan. X’inhi eżatt din l-umiltà? Kif tgħix bħala bniedem umli? U x’jgħallimna Ġesù nnifsu dwar l-umiltà?

Il-Papa Franġisku, fl-Angelus tal-Ħadd 28 ta’ Awwissu, 2016, spjegaha b’dan il-mod:

“Ġesù jgħid: “Meta xi ħadd jistiednek għat-tieġ, tmurx tfittex il-postijiet ta’ quddiem li ma jmurx ikun hemm xi mistieden akbar minnek u dak li jkun stiednek jiġi u jgħidlek: ċedilu postok!”….. Imma, meta tkun mistieden, mur oqgħod fil-postijiet ta’ wara” (Luqa 14:8-9). B’din ir-rakkomandazzjoni Ġesù ma jridx jagħti xi regola ta’ mġieba soċjali imma lezzjoni dwar il-valur tal-umiltà. L-istorja tgħallem li l-kburija, il-kilba li rridu nilħqu aktar ‘il fuq, il-vanità, meta niddandnu, huma l-kawża ta’ ħafna ħażen. U Ġesù jgħinna nifhmu kemm hu meħtieġ li nfittxu l-aħħar post, jiġifieri li nfittxu li niċċekknu u li ninħbew: l-umiltà. Meta aħna, quddiem Alla nqiegħdu lilna nfusna f’din id-dimensjoni ta’ umiltà, allura Alla jgħollina, imil lejna biex jerfgħana għal ħdejh; “għax min jitgħolla jiċċekken, u min jiċċekken jitgħolla” (Luqa 14:11).

Il-kliem ta’ Ġesù juri ċar atteġġjamenti differenti għal kollox u opposti għal xulxin: l-atteġġjament ta’ min jagħżel postu u l-atteġġjament ta’ min iħalli lil Alla jagħtih il-post u jistenna l-ħlas mingħandu. Ma ninsewhiex: Alla jħallas ħafna aktar mill-bnedmin! Hu jagħtina post ferm isbaħ minn dak li jtuna l-bnedmin! Alla jtina post qrib qalbu u l-ħlas tiegħu hu l-ħajja eterna. “Tkun beatu – jgħid Ġesù – ….. Tirċievi l-ħlas fil-qawmien tal-ġusti!” (Luqa 14:14).

U dak li tiddeskrivi t-tieni parabbola, li fiha Ġesù jurina l-atteġġjament ta’ diżinteress li għandu jkollha l-ospitalità, meta jgħid hekk: “Meta tagħmel ikla stieden lill-foqra, lill-immankati, liz-zopop u lill-għomja; u tkun imbierek għax dawn ma jpattulekx lura” (Luqa 14:13-14). Ifisser li tagħżel il-gratwità minflok il-kejl opportunist li jfittex il-ħlas lura, li jfittex l-interess u jfittex li jistgħana aktar. Infatti, il-foqra, is-sempliċi, dawk li ma jiswew xejn, qatt ma jistgħu jroddulek lura l-istedina għall-ikla. B’hekk Ġesù juri li hu jippreferi lill-foqra, lill-imwarrbin, li huma l-magħżulin fis-Saltna t’Alla, u jibgħat il-messaġġ fundamentali tal-Evanġelju, li hu s-servizz lejn il-proxxmu għall-imħabba t’Alla.

Illum, Ġesù jagħti leħen lil min m’għandux u lil kull wieħed u waħda minna jagħmlilna appell imqanqal biex niftħu qlubna u nagħmlu tagħna t-tbatijiet u l-ansjetajiet tal-foqra, tal-morda, tal-emarġinati, tar-rifuġjati, ta’ min hu tellief fil-ħajja, ta’ min hu mwarrab fil-ġenb mis-soċjetà u minħabba l-prepotenza ta’ min hu l-aktar setgħan. U fir-realtà, dawn in-nies skartati jirrappreżentaw lill-maġġornaza l-kbira tal-popolazzjoni.

F’dal ħin qed niftakar bi gratitudni fil-postijiet fejn tant volontarji joffru s-servizz tagħhom billi jagħtu jieklu lill-persuni waħedhom, foqra, bla xogħol jew mingħajr dar fissa. Dawn il-postijiet flimkien ma’ opri tal-ħniena oħrajn – bħalma huma ż-żjarat lill-morda, lill-ħabsin… – huma taħriġ tal-karità li jxerrdu l-kultura tal-gratwità, għax min iħaddimhom hu mqanqal mill-imħabba t’Alla u mdawwal mill-għerf tal-Evanġelju. B’hekk is-servizz lejn l-aħwa, iġib fid-dieher l-imħabba ta’ Kristu.

Nitolbu lill-Verġni Marija biex kuljum tmexxina fit-triq tal-umiltà, Hi li kienet umli tul ħajjitha kollha, u biex tnissel fina l-ħila li nagħmlu ġesti gratwiti ta’ laqgħa u solidarjetà lejn l-emarġinati, ħalli b’hekk inkunu denji li nirċievu l-ħlas divin”.

Dan it-tagħlim kollu, Pellegrin minn Falerone fehmu sewwa, għexu tul ħajtu kollha u issa jinsab mal-kbarat fis-Saltna tas-Sema, mal-henjin. U int qed taħdem biex tgħix bħala bniedem umli billi titlef lilek innifsek biex tkun għas-servizz ta’ Alla u tal-proxxmu filwaqt li tistenna l-ħlas tal-ġusti mingħand Alla biss li jaf iħallas sewwa lil min jaqdiH b’fedelta’ sal-aħħar?

Talba: O Mulej ta’ Qalb ħelwa u umli, li dawwalt lill-qaddej tiegħek, il-Beatu Pellegrin minn Falerone permezz tal-ħeġġa li tajtu biex jikber fil-qdusija u fl-istess ħin jiċċekken quddiemek u quddiem il-bnedmin. Issa li hu jinsab mas-setgħana f’post ta’ ġieħ fis-Sema, nitolbuk biex bl-interċessjoni tat-talb tiegħu għalina, aħna wkoll ngħożżu u nagħżlu t-triq tal-umli u ngħixu biss biex nagħtu glorja Lilek. Bi Kristu Sidna. Ammen.  

Italian Version: http://www.santiebeati.it/dettaglio/90742

Alternative Reading: http://www.livinginmarche.it/cards/grandi-a-falerone-il-beato-pellegrino/

Wikipedia: https://it.wikipedia.org/wiki/Pellegrino_da_Falerone

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

6 ta’ Marzu: Santa Koletta ta’ Corbie

Verżjoni Vidjo: Santa Koletta ta’ Corbie

“Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnhom għad jagħmel, għax jiena sejjer għand il-Missier. U jekk titolbu xi ħaġa f’ismi jiena nagħmilha, biex il-Missier ikun igglorifikat permezz ta’ Ibnu. Iva, jekk titolbuni xi ħaġa f’ismi, jiena nagħmilha.” ~ Ġesu’ fi Ġwanni 14:12-14

Santa Coleta Boylet de Corbie, Virgem ClarissaSANTA KOLETTA TA’ CORBIE
Reliġjuża u Riformatriċi
1381 – 1447

Tagħrif: Santa Koletta Boilet tibqa’ magħrufa bħala l-aktar waħda li ħabirket matul it-800 sena tal-istorja tal-Klarissi biex tiġi osservata r-regola tal-bidu, ir-regola li kitbet Santa Klara nnifisha.

Nikoletta (kif kien isimha proprju) twieldet fi Franza fl-1381. Hi kienet tifla sabiħa, imma tant ma kien fiha xejn li kienu jaħsbu li se tmut ta’ età ċkejkna. Billi niesha rawha tifla twajba, ħallewha libera biex tagħti ruħha għat-talb u għax-xogħol tad-dar.

Ta’ sbatax-il sena, Koletta tilfet lill-ġenituri tagħha u ġie inkarigat biex jieħu ħsiebha l-abbati ta’ Corbie f’Picardy, fejn missierha kien mastrudaxxa. Inkitbet Terzjarja Franġiskana. F’inqas minn sentejn hija ppruvat tidħol mal-Begwini, mal-Benedittini u mal-Klarissi, imma ma rnexxilhiex.

Billi xtaqet tgħaddi ħajja moħbija u fis-skiet hi bdiet tgħix bħala eremita f’post qrib il-knisja ta’ Corbie. Minħabba l-ħajja qaddisa tagħha kienu jmorru ħafna jżuruha. Tul it-tliet snin li damet tgħix waħedha, hi kellha dehra ta’ San Franġisk t’Assisi li fdalha x-xogħol li tagħti lura lis-sorijiet Klarissi l-mod ta’ ħajja iebsa kif kienet fil-bidu.

Meta Koletta bdiet il-ħidma tagħha, il-biċċa l-kbira tal-monasteri kienu qegħdin josservaw ir-regola li għamel il-Papa Urbanu IV, li kienet tippermetti lis-sorijiet li jkollhom dħul fiss ta’ flus.

Hija marret għand il-Papa Benedittu XIII. Dan emmen lil Koletta, iddispensaha milli tagħmel novizzjat, laqagħha mal-Klarissi u għamilha badessa ġenerali ta’ kull monasteru li setgħet twaqqaf jew tirriforma. Hija kien għad kellha biss ħamsa u għoxrin sena. Fl-erbgħin sena ta’ wara hija waqqfet mill-inqas sbatax-il dar u rriformat ħafna oħrajn, u kitbet kostituzzjonijiet hija stess.

It-talb kien ir-rifda tagħha. Sikwit kienet titla’ f’estasi wara t-tqarbin. Hija kienet tgħaddi l-ġurnata tal-Ġimgħa mehdija fuq il-passjoni ta’ Kristu, bla ma tiekol jew tixrob. Kienet tgħid li l-aktar ħaġa li setgħet iġġegħelha ssofri kienet li tgħaddi ġurnata bla ma tbati xi ħaġa għal Alla.

Kienet tikkonsulta wkoll qaddisin ta’ żmienha bħal Ġovanna d’Arco, u Ġwanni Capistran. Id-dumnikan San Vinċens Ferreri, li flimkien miegħu ħadmet biex tintemm ix-‘Xiżma tal-Punent’, taha Kurċifiss bħala turija ta’ apprezzament.

Santa Koletta ta’ Corbie mietet titlob għall-konverżjoni tal-midinbin, fl-età ta’ 67 sena, nhar is-6 ta’ Marzu, 1447. Hi ġiet ikkanonizzata mill-Papa Benedittin Piju VII, fl-1807. Il-fdal tagħha jinsab meqjum ġewwa urna mill-isbaħ fil-knisja tas-sorijiet tagħha ta’ Poligny fi Franza. Hija l-Patruna ta’ dawk li jixtiequ t-tfal u li jkollhom xi problemi fit-tqala.

Ħsieb: Twieldet meta ommha kien diġa’ kellha 60 sena, minkejja li l-omm talbet għal snin twal li jkollha iben. It-talba tagħha kif xtaqitha hi qatt ma seħħet. Ir-rieda ta’ Alla kienet li l-wild ikun femminili. Billi t-talb tagħha kien indirizzat lejn l-interċessjoni ta’ San Nikola ta’ Bari, li kien meqjum ħafna f’dik l-epoka, ommha semmietha għall-qaddis, Koletta.

Kienu jsejħulha Nikoletta fil-qosor Koletta f’ġieħ San Nikola minn Bari. Kienet soru eżemplari ħafna u ta’ tjubija liema bħala hekk li Alla żejjinha b’doni kbar, bħalma kienu l-estasi, profeziji, qari tal-qlub u rivelazzjonijiet fuq erwieħ li kienu ħallew din id-dinja, saħansitra anke billi wetqet mirakli.

Sa minn mindu kienet żgħira t-tfajla kienet tagħmel opri ta’ karita’ u penitenza. Kienet il-providenza divina li lluminat lil Koletta biex tirriforma l-ordni tal-Klarissi, liema riforma seħħet wara xi problemi u taħbit. Barra dan hija rnexxielha twaqqaf 17 -il kunvent ġdid biex fih iħaddnu nisa li riedu jgħixu l-ħajja konsagrata.

Ta’ min isemmi li s-soru kienet tkun ittentata ħafna waqt it-talb mix-xitan biex ma jħallihiex titlob u meta darba llamentat ma’ Alla dwar dan, ix-xitan qalilha: “Ieqaf mit-talb tiegħek għaliex it-talb tiegħek jaħqarna aktar milli aħna naħqru lilek.” Il-Franġiskan Pietro de Vaux li kien jafha personalment u kien preżenti fil-mumenti tal-aħħar ta’ ħajjitha jirrakkonta fost l-oħrajn li Koletta kellha dehriet anġeliċi li kienu jħarsuha mill-attakki tax-xitan.

  • U int, tagħti eżempju tajjeb lil ta’ madwarek?
  • Tippersevera fit-talb anki jekk ix-xitan jagħtik bosta raġunijiet għalfejn għandek tieqaf?
  • Kemm hi importanti għalik li mhux int biss tgħix tajjeb imma li ngħin u twassal lill-oħrajn b’kull mezz possibli biex jagħmlu l-istess?

Talba: O Alla, int qanqalt lil Santa Koletta ta’ Corbie bl-Ispirtu Qaddis tiegħek biex hija treġġa’ lura fil-Knisja dik l-istil ta’ ħajja li bdiet Santa Klara ta’ Assisi snin qabel; agħmel li, aħna wkoll ngħixu ta’ nsara awtentiċi billi nimxu fuq it-tagħlim tiegħek u tal-Knisja Kattolika li waqqaf Ibnek il-Għażiż. Bl-istess Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/03/st-colette.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-colette/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Colette_of_Corbie

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

5 ta’ Marzu: San Ġwann Ġużeppi tas-Salib

Verżjoni Vidjo: San Ġwann Ġużeppi tas-Salib

“Agħmlu mela frott xieraq tal-indiema”. ~ Mattew 3:8

St_John_Joseph_of_the_CrossSAN ĠWANN ĠUŻEPPI TAS-SALIB
Reliġjuż
1654 – 1734

Tagħrif: Kien Franġiskan tar-Riforma ta’ San Pietru minn Alkantara, twieled fil-gżira ta’ Iskja, ’il barra mill-golf ta’ Napli.

Il-ħajja eżemplari li għex sa minn ċkunitu
kisbitlu l-grazzja li jkun l-ewwel Taljan imsejjaħ mill-Mulej li għannaq ir-riforma ħarxa ta’ San Pietru minn Alkantara.

Malli libes iċ-ċoqqa ħarxa ta’ din ir-riforma, ħa bħala mudelli tiegħu l-Patrijarka ta’ Assisi u l-penitenti ta’ Alkantara, u minn dak tal-ewwel tgħallem bi ħrara kbira l-umiltà u l-faqar, waqt li mit-tieni ħa l-ispirtu ta’ kontemplazzjoni u tal-penitenza.

Tliet snin wara li pprofessa, is-superjuri tawh l-inkarigu li jwaqqaf kunvent hekk fqajjar u żgħir, li kien kopja mitmuma ta’ dak li l-Alkantara kien waqqaf fl-Estremadura (Spanja).

Wara ħatruh majjistru tan-novizzi, u hekk seta’ jifforma bil-kelma u bl-eżempju fil-prattika tal-virtujiet reliġjużi tant li bosta saru mbagħad magħrufin għall-qdusija u għall-mirakli.

Kiseb mill-Papa Klement XI il-permess li jiftaħ provinċja ġdida tal-istitut tiegħu fir-renju ta’ Napli, u tagħha kellu jaċċetta li jkun l-ewwel superjur. Miet ta’ 80 sena fl-1734.

Ħsieb: “O penitenza mbierka li kisbitli premju hekk kbir!” Hekk qal San Pietru minn Alkantara meta deher lil Santa Tereża wara mewtu. San Pietru kien patri li għex f’penitenzi kbar. Kien qaddis li għen bil-kbir lil Santa Tereża ta’ Ġesù fir-Riforma tal-Karmelu. San Ġużepp tas-Salib ried isir iben dan il-qaddis Franġiskan u jgħix ir-Riforma tiegħu. Aħna m’aħniex se nimitawh fil-ħruxija tal-penitenzi; il-penitenza tagħna trid tkun il-ħarba mid-dnub u minn dak kollu li nħossu li Alla ma jridux. Imma xi tfisser li tagħmel penitenza skont San Franġisk?

“Li wieħed jkollu fih l-Ispirtu s-Santu, joħroġ ċar f’dak l-istil ta’ ħajja qaddisa li Franġisku jsejjaħlu “tagħmel il-penitenza”. B’din l-espressjoni Franġisku jrid ifisser dak l-atteġġjament ta’ konverżjoni kontinwa li hija karatteristika tal-ħajja Nisranija. Dik il-bidla totali li twassal il-bniedem joħroġ mill-egoiżmu u l-indipendenza tiegħu għal dak is-serħan u d-dipendenza sħiħa minn Alla”.  

Imma meta nisimgħu bi kliem bħal penitenza, sawm, astinenza u sagrifiċċji, x’għandna nifhmu bihom u n-nisrani tal-lum kif għandu jipprattikhom?

Fl-1966, San Pawlu VI Papa rriforma l-forma tal-penitenza fil-Kostituzzjoni Appostolika dwar il-penitenza (Poenitemini). Fiha, fost l-obbligi ta’ żmien ir-Randan li probabli tafuhom, ifakkarna fil-liġi ta’ Alla li tħeġġiġna biex nagħmlu penitenza, b’mod speċjali bi tpattija għal dnubietna aħna u nitolbu maħfra lil Alla. Iżda ma’ dawn il-penitenzi hemm ukoll il-ħtieġa tal-maħfra u l-mogħdrija u l-imħabba konkreta lejn il-proxxmu tagħna kollu fil-mod kif inġibu ruħna miegħu.

Wieħed jista’:

  • ma jikolx laħam;
  • jastjeni ruħu minn xorb alkoħoliku;
  • ma jpejjipx;
  • jiċċaħħad minn xi divertiment;
  • jieħu sehem f’Quddiesa, jew jagħmel il-Via Sagra;
  • jitlob aktar mal-famlija e.ż. jitlob ir-Rużarju;
  • jaqra l-Iskrittura Mqaddsa;
  • irażżan l-infiq u jagħti karità;
  • iżur il-morda jew ix-xjuħ li huma weħidhom.

Nistgħu ukoll nieħdu iktar paċenzja b’xulxin, per eżempju, ‘l mod kif inġibu ruħna mal-membri tal-familji tagħna u fuq il-postijiet tax-xogħol, inkunu kalmi u iktar osservanti tar-regoli tat-traffiku waqt is-sewqan, moderazzjoni fl-użu tal-internet u t-telefowns ċellulari biex nagħtu iktar importanza u attenzjoni lil dawk li jinsabu fiżikament magħna. Huwa ta’ valur kbir wkoll għalina li niċċaħħdu, għax irridu, minn ħwejjeġ li jogħġbuna, imqar għal ftit ħin f’ġurnata.

Talba: Mulej, bħalma għallimt lil San Ġużepp tas-Salib kif irażżan l-aptiti u l-burdati tiegħu u l-attenzjoni żejda għal dak li mhux indispensabbli u jagħti iktar attenzjoni Lilek li ħabbejtna u bgħatt lil Ibnek biex jurina mħabbtu bil-passjoni u l-mewt tiegħu, għallem lilna wkoll biex norbtu qalbna biss miegħeK li ser tibqa’ għal dejjem. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/03/st-john-joseph-of-cross.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-john-joseph-of-the-cross/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/John_Joseph_of_the_Cross

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Parti mill-ħsieb huwa ta’ Fr Michael Bugeja (Ċeremonier tal-Isqof Charles J. Scicluna).

16 ta’ Jannar: San Berardu u sħabu

Verżjoni Vidjo: San Berardu u sħabu

“Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu. Min jemmen u jitgħammed, isalva; iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat.” – Ġesù f’Mark 16:15-16

LicinioMartiriSAN BERARDU U SĦABU
Martri tal-Marokk
†1220

Tagħrif: San Franġisk t’Assisi kien iħoss li Alla ried minnu mhux biss il-perfezzjoni tiegħu u tal-patrijiet tiegħu, imma wkoll is-salvazzjoni tal-bnedmin l-oħra. Kien iħoss xewqa kbira li jikkonverti lill-Musulmani, li l-avvanz tagħhom fil-pajjiżi ewropej kien ukoll qed jhedded ir-reliġjon Nisranija.

Waqt li flimkien ma’ kumpann mar lejn l-Orjent biex ikellem lis-sultan Musulman, Franġisk bagħat sitt patrijiet biex jipprietkaw lill-Musulmani tal-Punent. Dawn kienu: Vitale, Berardu, Pietru, Akkursju, Adjutu u Ottone. Fi triqthom, Vitale, li kien is-superjur tal-grupp, marad serjament fi Spanja, u sħabu komplew triqthom taħt il-gwida ta’ Berardu.

F’Sivilja, fin-naħa t’isfel ta’ Spanja, li kienet maħkuma mill-Misilmin, il-patrijiet bdew jipprietkaw bla biża’ fil-moskea, li s-salvazzjoni tinsab biss fil-fidi fi Kristu. Il-mexxej musulman, inkurlat għall-aħħar, ordna li jaqtgħulhom rashom dak il-ħin stess. Imma wara tħallew jaqsmu l-baħar u jmorru l-Marokk. Il-patrijiet laqgħu b’ferħ din id-deċiżjoni għax issa kienu se jkunu fost poplu kollu kemm hu Musulman.

Hekk kif waslu, Berardu, li kien jitkellem tajjeb l-ilsien Għarbi, beda mill-ewwel jitkellem man-nies fuq Kristu. Jum minnhom, meta raw lir-re Miramolin imdawwar bin-nies tiegħu, Berardu reġa’ beda jitkellem fuq it-tagħlim ta’ Kristu u sejjaħ lil Mawmettu bħala impustur. Ir-re ordna li Bernardu u sħabu jitkeċċew mill-pajjiż, imma rnexxielhom jiżgiċċaw lill-gwardji u reġgħu lura jxandru l-istess tagħlim.

Berardu u sħabu ttieħdu quddiem ir-re, li wegħedhom ħafna ġid u postijiet ta’ ġieħ jekk isiru Musulmani. Imma Berardu f’isem sħabu qallu li ma kinux lesti jiċħdu lil Kristu, anzi beda jħeġġeġ lir-re jikkonverti għall-vera fidi. Meta ra li kollox kien għalxejn, ir-re nnifsu qabad ix-xabla u qatel lil kull wieħed mill-patrijiet. Kien is-16 ta’ Jannar, 1220. Kienu l-ewwel martri Franġiskani.

Meta San Franġisk sema’ bil-mewt ta’ dawn il-patrijiet, bierek lil Alla u qal: “Issa naf li tassew għandi Patrijiet Minuri.” Għall-għadd kbir ta’ mirakli li saru bl-interċessjoni tagħhom, il-Papa Sistu IV ddikjara lil Berardu u sħabu bħala qaddisin fl-1481.

Ħsieb: Kien fil-kapitlu ġenerali ta’ Pentekoste li sar fil-Porzjunkola fl-1217 li San Franġisk iddeċieda li jibgħat lill-patrijiet minuri jevanġelizzaw barra mill-Italja. Il-missjunarji Franġiskani marru lejn Spanja u l-Portugall, li kienu parzjalment maħkuma mill-Misilmin. Il-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni wasslet xi wħud minnhom għall-martirju. Fis-16 ta’ Jannar Fra Berardu u erba’ Franġiskani sħabu ġew immartirizzati fil-belt ta’ Marrakesh fil-Marokk. Il-Franġiskani qasmu l-Alpi lejn Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija u l-Bosnja. Aktar tard, fl-1224, qasmu wkoll il-kanal tal-Ingilterra u waslu Dover.

Dan li ġej huwa l-Messaġġ tal-Qdusija tiegħu Papa Franġisku għall-Ġurnata Missjunarja Dinjija 2018, bit-titlu ‘Flimkien maż-Żgħażagħ inwasslu l-Evanġelju lil kulħadd’:

“Ħafna rġiel u nisa, ħafna żgħażagħ taw lilhom infushom b’ġenerożità – xi drabi anki sal-martirju – għall-imħabba tal-Evanġelju, fil-qadi ta’ ħuthom il-bnedmin. Mis-salib ta’ Ġesù nitgħallmu l-loġika divina li twassalna biex noffru lilna nfusna (1Korintin 1:17-25) bħala tħabbira tal-Evanġelju għall-ħajja tad-dinja (Ġwanni 3:16). Meta nitkebbsu bl-imħabba għal Kristu, nikkunsmaw lilna nfusna f’dan in-nar, u dan ikabbarna, jdawwalna u jsaħħan lil qlubna (2Korintin 5:14). Nistedinkom għall-iskola tal-qaddisin li jiftħulna orizzonti kbar li jwasslu għand Alla, u f’kull ċirkustanza staqsu lilkom infuskom: ‘X’kien jagħmel Kristu kieku kien minfloki?’

Nittrażmettu l-fidi sa trufijiet l-art
It-tixrid tal-fidi permezz tal-attrazzjoni jitlob qlub miftuħa, imfawra bl-imħabba. L-imħabba ma tistax tpoġġilha limitu: għaliex l-imħabba hi qawwija bħall-mewt (ara Għanja tal-Għanjiet 8:6). Dan it-tixrid tal-fidi jiġġenera ‘encounter’, xhieda, tħabbira; jiġġenera l-qsim fil-karità ma’ dawk kollha li huma ‘l bogħod mill-fidi, li huma indifferenti u xi drabi forsi anki ostili u kontra l-fidi. Ambjenti umani, kulturali u reliġjużi li huma barranija għall-Evanġelju ta’ Ġesù u għall-preżenza sagramentali tal-Knisja jirrappreżentaw il-periferiji estremi. Dawn huma ‘t-trufijiet tal-art’ fejn Ġesù bagħat lid-dixxipli missjunarji tiegħu sa minn meta qam mill-mewt, filwaqt li żgurhom li l-Mulej ser jibqa’ dejjem magħhom (Mattew 28:20; Atti 1:8). Dan hu dak li aħna nsejħulu missio ad gentes. Il-periferija l-aktar deżolata tal-umanità, li tant għandha bżonn ta’ Kristu, hija dik fejn hemm l-indifferenza lejn il-fidi, u jekk mhux ukoll il-mibegħda kontra il-milja divina tal-ħajja. Kull faqar materjali u spiritwali, kull diskriminazzjoni lejn ħutna hi dejjem konsegwenza taċ-ċaħda t’Alla u tal-imħabba tiegħu.

It-trufijiet tal-art kollha llum saru għalikom xi ħaġa relattiva u faċli taslu biex ‘tinnavigaw’ fiha. Id-dinja diġitali – in-networks soċjali li faċli ssibhom u li xterdu ma’ kullimkien – xejnu l-fruntieri, eliminaw id-distanzi u naqqsu d-differenzi. Kollox jidher li tista’ tasal għalih malajr, kollox qrib u immedjat. Iżda mingħajr ir-rigal sinċier tal-ħajja jista’ jkollna eluf u eluf ta’ kuntatti, iżda qatt ma naslu għal vera komunjoni tal-ħajja. Fil-vokazzjoni mogħtija lilna minn Dak li poġġiena fuq din l-art, il-missjoni sa trufijiet l-art titlob minna r-rigal tagħna nfusna (Luqa 9:23-25). Nazzarda ngħid li għal żagħżugħ li jrid jimxi wara Kristu, l-aktar ħaġa essenzjali hi li jfittex xinhi il-vokazzjoni tiegħu u jippersevera fiha.

Xhieda tal-imħabba
L-Opri Missjunarji Pontifiċji twieldu minn qlub żagħżugħa biex jgħinu ħalli t-tħabbira tal-Evanġelju tasal għand il-bnedmin kollha filwaqt li jagħtu sehemhom għall-iżvilupp uman u kulturali ta’ tant ġnus bil-għatx għall-Verità. It-talb u l-għajnuna materjali, mogħtija b’tant ġenerożità u mqassmin mill-OMP, jgħinu lis-Santa Sede biex filwaqt li twassal l-għajnuna lil dawk li jeħtieġuha, tara li dawn ukoll ikunu kapaċi jagħtu xhieda fl-ambjenti fejn jgħixu. Ħadd mhu daqshekk fqir li ma jista’ jagħti xejn minn dak li għandu, u qabel kollox minn dak li hu. Nixtieq nerġa’ ntenni l-kliem li għidt liż-żgħażagħ taċ-Ċili: ‘Qatt m’għandek taħseb li m’għandek xejn x’tagħti jew li m’għandek bżonn ħadd. Kun af li ħafna nies għandhom bżonnok. Kull wieħed jgħid f’qalbu: ħafna nies għandhom bżonni.’ (Laqgħa maż-żgħażagħ fis-Santwarju ta’ Maipu, 17/01/2018)

  • U int, qed ixxandar lil Kristu bi kliemek imma l-aktar mill-mod kif tgħix?
  • Qed tgħix il-missjoni li Alla sejjaħlek għaliha u li ħadd ħliefek ma jista’ jwettaq għax hi s-sejħa personali tiegħek?
  • Taf li ma tistax issalva waħdek u li hemm persuni li Alla ħalla f’idejk biex tressaqhom lejh ħalli hu jsalvahom?
  • Kemm qed tkun ġeneruż/a fis-sejħa tiegħek bħala Nisrani/ja li twassal lil Kristu lill-oħrajn? Lest/a li tirriskja u tiġi mżeblaħ/mżebilħa, imwarrab/a jew maqtul/a għall-fidi tiegħek bħal Berard u sħabu?

Talba: Nitolbu lil Marija Sultana tal-Appostli, lil San Franġisk Saverju, lil Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, lill-Beatu Paolo Manna u b’mod speċjali llum lil San Berardu u sħabu f’jum it-tifkira tagħhom, biex jidħlu għalina lkoll u jakkumpanjawna fil-vjaġġ missjunarju tagħna ħalli aħna wkoll inkunu xhieda awtentiċi ta’ Kristu akkost ta’ kull saġrifiċċju. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/02/saint-berard-and-companions.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-berard-and-companions/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Berard_of_Carbio

 

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

19 ta’ Novembru: Santa Anjeże ta’ Assisi

Verżjoni Vidjo: Santa Anjeże ta’ Assisi

“Hekk kif nittama fik O Mulej, ispirani b’dik il-fiduċja li twassalni sal-muntanja qaddisa tiegħek.” – Santa Anjeże ta’ Assisi

Agnes_Assisi-186x300SANTA ANJEŻE TA’ ASSISI
Verġni
c.1197 – 1253

Tagħrif: 

Il-Familja ta’ Anjeże u tfulitha
Santa Anjeże twieldet f’Assisi fl-1197 minn ġenituri nobbli. Il-familja tagħha kienet toqgħod f’palazz ħdejn il-kattidral ta’ San Rufino. Missierha kien kavallier għani jismu Favarone di Offreduccio u ommha Ortolana kienet ukoll minn familja nobbli u għanja. Hija kienet il-fustanija fost tliet aħwa bniet. Il-kbira, Klara, kienet tliet snin ikbar minnha. Oħtha ż-żgħira kien jisimha Beatrice. Fil-magħmudija lil Anjeże semmewha Katarina.

Katarina kienet tifla sempliċi u sensibbli li fi ċkunitha ġarrbet mal-familja tagħha t-tbatija kkaġunata mill-irvell li fl-1198, iċ-ċittadini tal-klassi tan-nofs ta’ Assisi (il-‘minores’) għamlu kontra l-aristokrazija ta’ Assisi (l-‘maiores’). Il-familja ta’ Anjeże kellha ssib kenn fil-kastell ta’ Cocorano u meta fl-1202 faqqgħet il-gwerra bejn Assisi u Perugia, kellha taħrab għal Perugia fejn għexu refuġjati għand ħbieb ta’ fiduċja sas-sena 1205.

Fil-gwerra bejn Assisi u Perugia, Franġisku Bernardone kien waqa’ priġunier għal sena u aktar tard, wara marda, ikkonverta u minn ġuvni xalatur b’ambizzjoni li jsir kavallier, huwa beda jgħix ħajja ta’ sempliċità u faqar fuq il-passi ta’ Kristu fqir, umli u msallab. Dlonk ingħaqdu miegħu f’dan l-istil ta’ ħajja evanġelika uħud minn sħabu stess, fosthom Rufino, kuġin ta’ Klara u Katarina. Fl-1209, din l-Għamla ta’ Ħajja ta’ Franġisku u l-ewwel kumpanni tiegħu ġiet approvata oralment mill-Papa Innoċenz III.

Żgħożitha
Katarina kienet marbuta ma’ oħtha Klara bi mħabba kbira. It-tnejn kienu jaqblu ħafna u jaħsbuha l-istess. Hija kellha 15-il sena meta fit-18 ta’ Marzu 1212, Klara ħarbet mid-dar biex tħaddan il-ħajja evanġelika fuq l-eżempju ta’ Franġisku ta’ Assisi. Fil-‘Leġġenda ta’ Santa Klara’ (nru 24) naqraw li Klara kienet tixtieq ħafna li oħtha tifhem il-frugħa tad-dinja u bħalha tingħata lil Alla u kienet titlob bil-ħerqa li bħalma hi u oħtha kienu qalb waħda u qrib ħafna fl-ispirtu meta kienu fid-dinja, ikunu wkoll rieda waħda bejniethom fis-servizz ta’ Alla’.

Katarina tingħaqad ma’ oħtha Klara
Xi 16-il jum wara, fl-4 ta’ April 1212, Katarina marret tara lil oħtha f’monasteru tal-Benedittini jismu Sant’Angelo di Panzo, qrib Assisi, fin-naħa tal Lvant ta’ Monte Subasio, fejn kienet sabet kenn temporanju. Klara qaltilha: ‘Ftakar, għażiża oħti li jum wieħed fit-tempju tal-Mulej, aħjar minn elf jum f’post ieħor (ara Salm 83,10). Iż-żgħożija u s-sbuħija jgħebu. Il-ħajja tintemm u hawn xejn ma jibqa’. Għażiża oħti, kieku kellek idduq il-ħlewwa tal-imħabba tal-Mulej! Hija mħabba dejjem ġdida, li ħadd ma jista’ jeħodilna!’

Il-kliem u l-eżempju ta’ Klara ħajjru lil Katarina biex hi wkoll tikkonsagra ruħha lil Alla. Infatti, Katarina qalet lil Klara li hi ġiet biex toqgħod magħha għax hi wkoll xtaqet taqdi lil Alla biss. Għal dan il-kliem Klara għannqitha bil-ferħ waqt li qaltilha : ‘Inrodd ħajr lil Alla, oħti l-aktar għażiża, għax il-Mulej għoġbu jisma’ talbi.’ U hekk Klara akkwistat l-ewwel kumpana tagħha.

Katarina tirreżisti lill-familja tagħha
Fil-‘Leġġenda ta’ Santa Klara’ (nmr 25 u 26) insibu rakkont dwar kif malli l-familja ndunat bil-ħarba ta’ Katarina, tnax -il raġel armati taħt it-tmexxija ta’ zijuha Monaldo, marru għaliha. Sabuha barra mill-klawsura u għalhekk setgħu jerfgħu jdejhom fuqha. Kaxkruha mal-art, qattgħulha ħwejjiġha u sawtuha. Klara ma setgħet tagħmel xejn ħlief titlob imbikkija biex oħtha tingħata rieda sħiħa, u biex il-qawwa ta’ Alla tegħleb is-saħħa ta’ dawk l-irġiel. U hawn ġara miraklu doppju. F’daqqa waħda, il-ġisem tat-tfajla sar hekk tqil li dawk l-irġiel kollha ma felħux ikaxkruha aktar. Għalhekk l-irġiel ħallewha filwaqt li bdew jisħtu u jgħidu li kielet iċ-ċomb! Iz-ziju Monaldo tilef il-kontroll u kif kien ser ixejrilha daqqa, ħass uġigħ kbir fi driegħu li baqa’ pparalizzat u merfugħ fl-arja. Klara fl-aħħar ipperswadiet lill-qraba tagħha jħallu lil oħtha magħha.

Fil-bażilika ta’ Santa Klara f’Assisi hemm meqjum il-fdal tal-kranju (għadam tal-iskutella tar-ras) ta’ Katarina, u f’dan il-fdal għadha tidher traċċa ta’ daqqa li kienet qalgħet mis-suldati kiefra meta marru għaliha f’Sant’Angelo di Panzo.

Wara din il-ġrajja, Franġisku nnifsu qata’ xagħar Katarina, ikkonsagraha lil Alla u bidel l-isem tat-tfajla minn Katarina għal Anjeże. Dan għaliex Franġisku xebbaħha mal-Ħaruf bla tebgħa peress li hi wkoll xerrdet demmha biex tmur warajh fit-taqbida li kellha ma’ qrabatha. Tixbah wkoll lill-verġni u martri Rumana Anjeże li fl-ewwel żminijiet tal-Knisja tat ħajjitha għal Kristu.

Fil-kunventin ta’ San Damjan
Tul l-erba’ xhur li Klara u Anjeże damu f’Sant’Angelo di Panzo, Franġisku ħejja kollox biex jeħodhom f’kunventin tipikament Franġiskan, f’San Damjan, barra l-ħitan tal-belt ta’ Assisi. F’dak il-post, fl-1206 kien kellmu Ġesù Msallab u mimli b’faraġ tas-sema, ħass li kellu jitlaq id-dinja għal kollox. Ftit taż-żmien wara, waqt li kien qed isewwi l-knisja beda jsejjaħ b’leħen għoli bl-ilsien franċiż lill-bdiewa li kienu jinsabu f’dawk l-inħawi: ‘Ejjew u għinuni nibni l-monasteru ta’ San Damjan, għaliex għad jiġu joqgħodu fih nisa li bil-fama u bil-ħajja qaddisa tagħhom għad jagħtu glorja lill-Missier tas-sema fil-Knisja mqaddsa kollha tiegħu.’ Din il-profezija seħħet meta Klara u Anjeże daħlu f’dak il-post fqir. Tfajliet ħbieb u qraba, u xebbiet oħra li bosta minnhom kienu nobbli ngħaqdu magħhom f’San Damjan u l-komunità kompliet tikber b’mod tal-għaġeb. Fl-1229, Beatrice, oħthom iż-żgħira ħaddnet il-ħajja evanġelika. Saħansitra, ommhom Ortolona, meta romlot, daħlet soru f’San Damjan. Fi żmien qasir saru komunità ta’ ħamsin. Twaqqfu wkoll monasteri oħra f’diversi postijiet fl-Italja u anke fi Franza, Spanja, fil-belt ta’ Praga, il-Ġermanja, il-Polonja… Anjeże baqgħet f’San Damjan sas-sena 1220 meta Franġisku bagħatha twaqqaf monasteru f’Monticelli, ħdejn Firenze (ara ‘Il-Fjuretti ta’ San Franġisk,’ Kap XV). Waqqfet monasteri oħra tax-Xbejbiet Foqra f’Mantova, fil-Feltrino u postijiet oħra fit-Toskana u forsi aktar ‘l bogħod… u reġgħet lura f’San Damjan matul l-aħħar ġimgħat tal-ħajja ta’ oħtha Klara, f’Lulju/Awwissu,1253.

Fil-Proċess tal-Kanonizzazzjoni ta’ Santa Klara, Anjeże tissemma’ f’żewġ episodji li ġraw qabel it-tluq tagħha għal Monticelli. Fir-rakkont tal-miraklu taż-żejt fil-ġarra mwettaq minn Klara li ġara fl-1213 (ara Proc. I, 15), l-ewwel xhud Pacifica di Guelfuccio meta mitluba tgħid liema mis-Sorijiet l-oħra kienu preżenti, fost l-oħrajn isemmi lil Swor Anjeże, oħt Santa Klara. Sr Ċeċilia, is-sitt xhud, meta kienet qed tixhed dwar l-ispirtu tal-profezija li kellha Klara, tgħid ‘li oħtha Swor Anjeże – li ftit taż-żmien ilu għaddiet minn din il-ħajja – kienet hemm, tisma’.’ (ara Proc,VI, 15).

Xhieda oħra tas-snin li fihom Anjeże għexet ma’ Klara f’San Damjan insibuha fil-‘Fjuretti ta’ San Franġisk’ (nmr 33) li jirrakkontaw il-ġrajja meta l-Papa Girgor IX mar iżur lil Klara u din bierket il-ħobż u minnufih fuq il-ħbejżiet kollha deher is-sinjal tas-salib. ‘F’dak iż-żmien f’dak il-monasteru kienu jgħixu Sor Ortolana, omm Santa Klara, u Sor Anjeże, oħtha, it-tnejn li huma, flimkien ma’ Santa Klara, mimlijin bil-virtujiet u bl-Ispirtu s-Santu, u kien hemm ukoll ħafna Sorijiet oħra qaddisa.’

‘Altera Clara’ – Klara oħra
Għall-ħabta tal-1220, il-Kardinal Ugolino, li wara sar il-Papa Girgor IX, kiteb ittra lil Klara li hija xhieda tal-istima profonda li kellu għal Klara u għal Anjeże u għall-‘qaddejja l-oħra ta’ Kristu u tal-fiduċja kbira li kellu fit-talb tagħhom. Ugolino xtaq jerġa’ jara lil Klara u lil ħutha s-Sorijiet; u jiftakar b’mod speċjali f’Anjeże, li magħha juri rabta qawwija meta jsejħilha ‘oħtu.’ ‘Insellem lil verġni Anjeże, oħti, u lil ħutek kollha fi Kristu. Lil Anjeże insejħilha wkoll ‘qaddejja umli u l-iżjed ċkejkna ta’ Kristu.’

Aktar minn tletin sena wara, fl-1253, fir-raba’ ittra tagħha lil Santa Anjeże ta’ Praga, Klara stess tqis lil Anjeże oħtha daqsha u tikteb hekk: ‘Dawn l-istess uliedi mbagħad, imma b’mod partikulari l-verġni l-aktar għaqlija, Anjeże, oħtna, jirrikmandaw ruħhom bil-qawwa kollha fil-Mulej lilek u lil uliedek.’

Il-fatt li Franġisku għażel lil Anjeże bħala ‘l-mibgħuta speċjali’ biex twaqqaf monasteru f’Monticelli, Firenze, juri li Franġisku wkoll kellu stima kbira għall-personalità u l-kwalitajiet li kienu jżejnu lil Anjeże. Bħal oħtha kienet animata minn ideali evanġeliċi li għexithom b’xeħta u qawwa ġdida.

Pellegrina għall-imħabba ta’ Kristu
Għall-imħabba ta’ Kristu, Anjeże aċċettat li tmur Monticelli biex bħala Badessa tkun eżempju ħaj għal grupp ta’ xebbiet żgħażagħ li xtaqu jgħixu l-istess stil ta’ ħajja ta’ Klara u ħutha f’San Damjan. Imma l-firda minn oħtha Klara, mis-sorijiet u mill-‘benniena ‘ tagħha f’San Damjan swietilha sagrifiċċju mill-akbar lil Anjeże. Dan jidher mill-ittra li kitbet lil Klara li fiha stqarritilha: ‘Irridek tkun taf, għażiża ommi, li għalija l-firda minnek u mis-sorijiet l-oħra li jien kont nemmen li se ngħix u mmut magħhom, hi piena kbira għall-aħħar; inħoss niket kbir f’ruħi u f’ġismi…. u b’danakollu hawn qed inġarrab faraġ kbir u ħaqqkom tifirħuli tassew. Firdiet bejnietna m’hawnx, u hawn sibt għaqda tal-għaġeb, aktar milli ħsibt li hu possibbli. Kollha laqgħuni b’ferħ kbir u huma kuntenti ħafna bija; kollha kemm huma wegħduni l-ubbidjenza bl-akbar qima.’

Spirtu missjunarju
Minkejja d-distanzi, Anjeże u ħutha f’Monticelli kienu jħossuhom ġisem wieħed u spirtu wieħed fi Kristu ma’ Klara u s-sorijiet f’San Damjan, Assisi. Kull fejn marret twaqqaf monasteru, Anjeże xerrdet Vanġelu ħaj bil-ħajja siekta, sempliċi u serena tagħha. Dan l-ispirtu missjunarju li ta frott kotran kien imsoqqi minn ġewwa b’ħajja interjuri li ħjiel tagħha nsibuha fil-‘Vita Agnetis’ li hemm imdaħħla fil-‘Kronaka tal-24 Ġeneral.’

Il-mewt ta’ Anjeże
F’Lulju jew Awwissu 1253, Anjeże marret lura f’San Damjan u kienet imbikkija qrib oħtha Klara meta din kienet qed tmut. Imma Klara qaltilha: ‘Ja oħt l-aktar għażiża, Alla jogħġbu li jiena nitlaq, iżda int tibqax tibki, għax dalwaqt tiġi tgħaġġel warajja għand il-Mulej.’ (ara ‘Leġġenda ta’ Santa Klara, nmr 43). Skont l-istess ‘Leġġenda’ fin-numru 48 insibu : ‘Ftit jiem wara (l-mewt ta’ Klara fil-11 ta’ Awwissu, 1253) Anjeże wkoll ġiet imsejħa għat-Tieġ tal-Ħaruf, u marret wara oħtha Klara fil-ferħ ta’ dejjem: hemm it-tnejn li huma bniet ta’ Sijon, aħwa bid-demm, bil-grazzja u bis-saltna, ifaħħru lil Alla bla heda.’ X’aktarx li Anjeże mietet fis-27 ta’ Awwissu,1253 imma skont it-tradizzjoni mietet tliet xhur wara fis-16 ta’ Novembru,1253.

Anjeże ndifnet fis-sepolcretto ta’ San Damjan u fis-sena 1260 il-fdalijiet tagħha ġew meħuda fil-Bażilika ta’ Santa Klara f’Assisi, u mqiegħda f’kappella ddedikata lilha. Il-Papa Benedittu XIV iddikjara lil Anjeże qaddisa fl-1752, imma l-kult tagħha f’Assisi hu ħafna eqdem, u jixhdu għalih il-mirakli li saru bl-interċessjoni tagħha u li huma mniżżlin fil-‘Vita Agnetis.’ Fil-Bażilka ta’ Santa Klara wieħed jista’ jara x-xena tal-mewt tal-qaddisa f’affresk ta’ Puccio Capanna (skola ta’ Giotto), li fiha Anjeże tidher għarkupptejha fuq il-ġisem mejjet ta’ oħtha Klara.

Ħsieb: Dan li ġej hu kliem Santa Anjeże ta’ Assisi:

“Niġi, O Mulej, fis-santwarju tiegħek biex nara l-ħajja u l-ikel ta’ ruħi. Hekk kif nittama fik  O Mulej, ispirani b’dik il-fiduċja li twassalni sal-muntanja qaddisa tiegħek. Ippermettili, Ġesù Divin, biex nersaq aktar qribek, hekk li ruħi kollha tkun tista’ tagħti qima lill-kobor tal-Majestà Tiegħek; li l-qalb tiegħi, bl-affermazzjonijiet l-aktar ħelwin tagħha, tista’ tirrikonoxxi l-imħabba infinita Tiegħek; li l-memorja tiegħi tista’ tinżamm fuq il-misteri ammirabbli li hawnhekk jiġu mġedda kuljum, u li s-sagrifiċċju ta’ kull ma’ jien jakkumpanja Lilek.”

Wieħed jista’ jimmaġina kemm kien diffiċli għal Santa Anjeże tisfida x-xewqat tal-ġenituri u l-qraba tagħha u ssegwi lil oħtha, Santa Klara. Madankollu, hija kellha tgħaddi minn dawn it-tbatijet kollha biex tasal tgħix il-vokazzjoni tagħha. Tajjeb li nitolbu l-interċessjoni ta’ din il-qaddisa biex nirċievu barka fuq il-vokazzjoni tagħna (hi x’inhi), speċjalment jekk qed naffaċċjaw oppożizzjoni u nsibu min jagħmlilna l-bsaten fir-roti tul it-triq. Ejjew nagħmlu kuraġġ fuq l-eżempju tagħha u nipperseveraw fit-triq tas-sewwa bħalha.

Tul ħajjitha kollha Anjeże rawmet bi mħabba sinċiera tliet devozzjonijiet partikulari:

  • L-ewwel nett kellha devozzjoni lejn il-Missier, li kienet tikkontemplaH fil-ħniena bla tarf tiegħu, fid-delikatezza lejn uliedu li huma tant ingrati lejH u tant bierda u indifferenti għall-imħabba paterna tiegħu.
  • It-tieni devozzjoni tagħha kienet lejn Ġesù fil-Passjoni u Anjeże kuljum kienet tikkontempla t-tbatijiet mill-aktar ħorox ta’ Kristu u l-ingratitudni tal-bnedmin lejn din l-imħabba bla qies tal-Feddej.
  • It-tielet devozzjoni kienet il-mogħdrija tagħha għall-Erwieħ tal-Purgatorju. Anjeże kienet taf li l-offerta tat-talb tagħha kienet tgħinhom jissaffew minn ħtijiethom biex jaslu aktar malajr, kollha dija, fil-preżenza tal-Aktar Għoli.

Imma l-karatteristika essenzjali tal-ispiritwalità ta’ Anjeże kienet il-kontemplazzjoni tagħha ta’ Ġesù Bambin. Dan għaliex Anjeże għexet fil-moħbi u fis-skiet il-ġrajjiet kollha ta’ ħajjitha, anke dawk esterni li għamlu ħoss, f’adorazzjoni bla heda tar-rieda ta’ Alla. Fil-ferħ u fil-għeja ta’ kuljum, fil-paċi u fit-taqbid, fid-dawl u fid-dlam interjuri, għexet marbuta mar-rieda ta’ Alla f’isem il-fiduċja bla limiti f’Alla ta’ dawk li huma żgħar u foqra, kbar u għonja, għas-Saltna tas-Sema.

  • U int, kemm int lest/a biex tagħti post ta’ prijorità lil Alla u minħabba Fih twarrab dawk l-affarijiet jew dawk il-persuni li forsi qed iżommuk ‘l bogħod milli tista’ tgħix kif jixtieqek tgħix Hu?
  • Liema hu/hi l-qaddis/a li lilek jispirak/tispirak b’dak li qal/et jew għex/et? Aħseb kif tista’ b’xi mod timxi fuq il-passi tiegħu/ha?

U hawn ma nistgħux ma nagħmlux aċċenn għall-preżenza tal-Klarissi fil-gżejjer tagħna, f’San Ġiljan: https://www.facebook.com/sorijietklarissi/ u f’Victoria, Għawdex: https://www.facebook.com/klarissi.gozo

Din playlist ta’ vidjos dwar il-Klarissi fi gżiritna: https://www.youtube.com/watch?v=nbJKqIBiA3A&list=PLPAbF-_bN4rgrthXAFi36sA4BqjreMNCh&index=2&t=0s

Talba: O Alla li minnek ġej il-vera ferħ, agħtina l-grazzja li bħal Santa Anjeże ta’ Assisi, nagħrfu li fik jinsab dak li kull bniedem jixxennaq għalih, anki jekk mhux dejjem jaf dan. Fakkarna li jekk nimxi fit-toroq tiegħek, dawn se jwassluna żgur għall-hena ta’ dejjem fis-sema fejn Int għad tkun il-premju ta’ dawk li ħallew il-ġid u l-pjaċiri tad-dinja biex jgħixu ħajja aktar mill-qrib tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/saint-agnes-of-assisi/

Alternative Reading: http://www.marianhouseoftheholyspiritpcc.org/saint-agnes-of-assisi/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Agnes_of_Assisi

Film of Saint Francis of Assisi:

Nota: It-Tagħrif u wħud mill-Ħsieb dwar din il-qaddisa tal-lum huma meħudin mis-sit: http://www.sanfrangisk.com/12klara/SK750-00-werrej.htm

14 ta’ Novembru: San Nikola Tavelić u sħabu

Verżjoni Vidjo: San Nikola Tavelić u sħabu

“Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità. U kull min iħobb il-verità jisma’ leħni.” – Ġesù lil Pilatu fi Ġwanni 18:37

9761-n.jpgSAN NIKOLA TAVELIC U SĦABU MARTRI
Reliġjuż
1340 – 1391

Tagħrif: Twieled fil-belt ta’ Sibenik, fil-Kroazja, madwar l-1340. Daħal mal-Franġiskani Konventwali ta’ belt twelidu u sar saċerdot madwar l-1365.

Għal 20 sena ħadem fil-Bosnija kontra l-ereżija tal-Patareni u tal-Manikej. Imma meta t-Torok daħlu fis-Serbja u fil-Kroazja, San Nikola deherlu li l-aħjar ħaġa li kellu jagħmel kienet li jmur missjunarju fl-Art Imqaddsa, biex jikkonverti lill-Misilmin. Telaq għalhekk ma’ tliet patrijiet oħra, Dijodatu minn Rodez, Franċiż, Stiefnu minn Cuneo, Taljan, li dawn kienu Konventwali bħalu, u Pietru minn Norbonne, Franċiż ukoll, li dan kien dixxiplu tal-Beatu Pauluccio Trinci, il-Fundatur fl-1368, tar-Riforma Osservanti.

Għexu għal xi żmien fil-kunvent ta’ Sijon, ħdejn iċ-ċenaklu. Imma fil-11 ta’ Novembru 1391, marru fil-Moskea ta’ Omar, mibnija flok it-tempju ta’ Ġerusalemm, u b’kuraġġ li ma jitwemminx, qalu lill-Qadi, li jekk ma jsirx Nisrani, ma jistax isalva. Il-Qadi wieġeb li jekk huma ma jsirux Misilmin jieħdu l-mewt.

Wara tlett ijiem, dawn l-erba’ Franġiskani mietu martri għal Kristu. Il-metodu tagħhom illum ma nifhmuhx, imma huma fil-fatt ħadu l-mewt biex ixandru lil Kristu. Għalhekk il-Papa Pawlu VI mar jikkanonizzahom fil-21 ta’ Ġunju, 1970.

Ħsieb: Fil-11 ta’ Novembru 1391, San Nikola Tavelić u sħabu marru quddiem il-Qadi ta’ Ġerusalemm fil-preżenza ta’ ħafna Musulmani, u esponew ruħhom, billi ppreżentaw l-argumenti tagħhom b’kuraġġ kbir.

Filwaqt li dawk preżenti semgħuhom bir-reqqa, m’aċċettawx kliemhom, u fl-aħħar inkurlaw għalihom u talbuhom jirrepetu dak li kienu qalu; l-erba’ patrijiet irrifjutaw u għalhekk ġew ikkundannati għall-mewt fi tlett ijiem, tqiegħdu l-ħabs fejn sofrew abbużi.

Fl-14 ta’ Novembru ġew miġjuba lura fit-toroq, għal darb’oħra ntalbu jerġgħu jgħidu dak li kienu qalu kontra l-Islam, wara li ċaħdu din l-opportunità finali biex isalvaw ħajjithom billi jiċħdu lil Kristu, qatgħulhom rashom u ħarquhom sabiex il-fdalijiet tagħhom ma jkunux jistgħu jiġu venerati bħala martri mill-Insara.

Il-martirju tagħhom ġie deskritt fid-dettall f’rapport mill-Gwardjan tal-Art Imqaddsa, Fr. Gerald Calvet, OFM, xaharejn wara l-mewt tagħhom.

Il-Papa Ġwanni Pawlu II kien konxju ħafna dwar ix-xhieda tal-martri fil-Knisja tagħna. Kull kontinent ġie minsus bid-demm tal-martri. Huwa ddeskriva l-martirju bħala “l-prova l-aktar elokwenti tal-verità tal-fidi.” Skont hu, din il-“prova tal-fidi” hija evidenzjata fi tliet modi:

  • L-ewwel nett, il-martirju jafferma l-invjolabbiltà tal-ordni morali – kemm il-verità u l-qdusija tal-liġi ta’ Alla u d-dinjità tal-persuna umana.
  • It-tieni nett, il-martirju jikkonferma l-umanità u l-ħajja vera tal-bniedem.
  • U fl-aħħar, il-martirju jikkonferma l-qdusija tal-Knisja, bi preżentazzjoni ta’ xhieda impenjati għall-verità.

Fil-qosor, “bl-eżempju elokwenti u attraenti tagħhom ta’ ħajja kompletament trasformata mill-isplendur tal-Verità morali, il-martri u, b’mod ġenerali, il-qaddisin tal-Knisja kollha, jixegħlu kull perjodu ta’ Storja billi jqajmu s-sens morali tagħha” (L-Isplendur tal-Verità, # 93).

Għalhekk, irridu nkunu konxji tal-martri tal-Knisja tagħna, għax ix-xhieda tagħhom tagħmlilna kuraġġ u tagħtina tama kbira. Permezz tal-grazzja ta’ Alla, jalla aħna wkoll inkunu daqshekk impenjati lejn il-Mulej tagħna, lejn il-Knisja tiegħu, u lejn il-fidi kif kienu huma. Ejja nagħmlu tagħna l-kliem ta’ San Pawl:

“Ladarba aħna wkoll għandna madwarna sħaba hekk kbira ta’ xhieda, ejjew inwarrbu minna kull xkiel u kull dnub li malajr ifixkilna, u b’qalbna qawwija nibqgħu niġru t-triq tal-prova li għandna quddiemna; inżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù, li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna; hu li, flok l-hena li kellu quddiemu, qagħad għas-salib bla xejn ma qies l-għajb tiegħu, u issa qiegħed fuq in-naħa tal-lemin tat-tron ta’ Alla.” (Lhud 12:1-2)

Talba: O Alla, li gglorifikajt lill-konfessur tiegħek San Nikola Tavelić billi tajtu li jxerred l-Evanġelju u l-palma tal-martirju, agħtina li b’talbu, ikun jistħoqqilna li nimxu fuq il-passi tiegħu u permezz tal-interċessjoni tiegħu nirċievu l-premju tar-rebbieħa, il-ħajja eterna . Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/saint-nicholas-tavelic-and-companions/

Alternative Reading: https://daily-prayers.org/saints-library/nikola-tavelic-2/ or https://www.roman-catholic-saints.com/saint-nicholas-tavelich.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Nicholas_Tavelic

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.