27 ta’ Mejju: Santu Wistin ta’ Canterbury

Verżjoni Vidjo: Santu Wistin ta’ Canterbury

“Min irid jitla’ fil-għoli ħafna, irid jagħmel hekk tarġa tarġa.” – San Girgor il-Kbir f’ittra li kiteb lil Santu Wistin ta’ Canterbury.

SOD-0527-SaintAugustineofCanterbury-790x480SANTU WISTIN TA’ CANTERBURY
Isqof
? – 605

Tagħrif: Santu Wistin kien Pirjol tal-Patrijiet Benedittini fil-monasteru ġdid ta’ San Andrea f’Monte Celio, Ruma.

Fis-sena 596, il-Papa Girgor il-Kbir, li għal xi żmien qabel kien kumpann tiegħu fl-istess monasteru, bagħtu ma’ xi erbgħin oħra sħabu biex jevanġelizzaw l-Ingilterra.

Ir-Re ta’ Kent, Ethelbert (ara San Ethelbert), laqagħhom tajjeb u stedinhom joqogħdu f’Canterbury, il-belt ewlenija tar-renju tiegħu.

F’qasir żmien, Ethelbert, li kien miżżewweġ lil Berta, Kattolika Franċiża, tgħammed u miegħu tgħammdu eluf oħra.

Ftit żmien wara, Santu Wistin mar Franza fejn ġie kkonsagrat Isqof. Lura fl-Ingilterra waqqaf is-Sede tiegħu f’Canterbury u fforma d-Djoċesijiet ta’ Londra u ta’ Rochester.

Ħadem ħafna biex il-Fidi Nisranija tinfirex mal-Ingilterra kollha, u pprova bla suċċess jgħaqqad miegħu gruppi antiki ta’ Nsara li mħabba l-gwerriera Anglo-Sassi kienu xterdu ‘l hawn u ‘l hemm mal-Ingilterra.

Miet fis-26 ta’ Mejju 605, f’inqas minn sena wara l-mewt tal-ħabib kbir tiegħu, il-Papa San Girgor il-Kbir, u wara ħidma intensa ta’ 7 jew 8 snin fl-Ingilterra. Ġeneralment Santu Wistin u sħabu huma miżmuma bħala Benedittini bħall- Papa San Girgor li bagħathom missjunarji. U bħal San Girgor, Santu Wistin ta’ Canterbury huwa msejjaħ u bir-raġun l-“Appostlu tal-Ingilterra”.

Ħsieb: Interessanti mmens id-diskors li għamel il-Papa Franġisku fiċ-ċelebrazzjoni tal-Għasar, bis-sehem tal-Eċċellenza tiegħu Dr Justin Welby, Arċisqof ta’ Canterbury u Primat tal-Komunjoni Anglikana, fit-Tifkira tal-Ħamsin Anniversarju mil-Laqgħa bejn Pawlu VI u l-Arċisqof Michael Ramsey u mit-Twaqqif taċ-Ċentru Anglikan ta’ Ruma, fil-Knisja ta’ Sant’Andrija u San Girgor Al Celio, l-Erbgħa 5 ta’ Ottubru, 2016. Jgħid hekk:

“Nixtieq nirriferi għall-mixja komuni tagħna wara Kristu r-Ragħaj it-Tajjeb, billi nieħu spunt mill-baklu ta’ San Girgor il-Kbir, li jista’ jissimbolizza tajjeb it-tifsira ekumenika qawwija ta’ din il-laqgħa tagħna. Il-Papa Girgor minn dan il-post għajn ta’ missjoni għażel u bagħat lil Santu Wistin ta’ Canterbury u l-irħieb tiegħu għand il-popli Anglo-Sassoni, u hekk inawgura paġna ġdida ta’ evanġelizzazzjoni, li hi l-istorja komuni tagħna u torbotna b’rabta li ma tinħallx. Għalhekk jixraq li dan il-baklu jkun simbolu komuni tal-mixja tagħna ta’ għaqda u missjoni.

Fiċ-ċentru tal-parti tonda tal-baklu jidher il-Ħaruf Irxoxt. L-imħabba tal-Ħaruf rebbieħ fuq id-dnub u fuq il-mewt hi l-messaġġ veru u ġdid li flimkien irridu nwasslu lill-mitlufa ta’ żmienna u lil dawk li għand m’għandhomx il-ferħ tal-għarfien tal-wiċċ kollu mogħdrija u t-tgħanniqa ħanina tar-Ragħaj it-Tajjeb. Il-ministeru tagħna jikkonsisti f’li ndawlu d-dlamijiet b’dan id-dawl ħelu, bil-qawwa sempliċi tal-imħabba li tirbaħ fuq id-dnub u tegħleb il-mewt. Għandna l-ferħ li nagħrfu u niċċelebraw flimkien il-qalba tal-fidi. Ejjew nerġgħu nsibu postna fiha, mingħajr ma nħallu jtellifna dak li jħajjarna nimxu wara l-ispirtu tad-dinja u jrid ibegħidna mill-freskezza oriġinarja tal-Vanġelu. Minn hemm toħroġ ir-responsabbiltà komuni tagħna, il-missjoni waħdanija li naqdu lill-Mulej u lill-bnedmin.

Dikjarazzjoni Komuni tal-qdusija tiegħu l-Papa Franġisku u l-Eċċellenza tiegħu Justin Welby, Arċisqof ta’ Canterbury

Ħamsin sena ilu l-predeċessuri tagħna, il-Papa Pawlu VI u l-Arċisqof Michael Ramsey, iltaqgħu f’din il-belt, imqaddsa mill-ministeru u d-demm tal-Appostli Pietru u Pawlu. Iktar tard, il-Papa Ġwanni Pawlu II u l-Arċisqfijiet Robert Runcie u George Carey, il-Papa Benedittu XVI u l-Arċisqof Rowan Williams talbu flimkien f’din il-knisja ta’ San Girgor al Celio, mnejn il-Papa Girgor bagħat lil Wistin jevanġelizza lill-popli Anglo-Sassoni. F’pellegrinaġġ fuq l-oqbra ta’ dawn l-Appostli u Missirijiet imqaddsa, il-Kattoliċi u l-Anglikani jagħrfu li huma werrieta tat-teżor tal-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu u tas-sejħa li jaqsmuh mad-dinja kollha. Irċivejna l-Bxara t-Tajba ta’ Ġesù Kristu permezz tal-ħajjiet qaddisa ta’ rġiel u nisa, li pprietkaw il-Vanġelu bil-kliem u bl-opri, u ġejna maħtura, u mmexxija mill-Ispirtu s-Santu, biex inkunu xhieda ta’ Kristu “sa truf l-art” (Atti 1:8).

Seħħ progress kbir f’ħafna oqsma li kienu żammewna mbiegħda minn xulxin. Madankollu, ċirkustanzi ġodda qalgħu nuqqas ta’ ftehim ġdid bejnietna, partikularment dwar l-ordinazzjoni tan-nisa u dwar kwistjonijiet iktar riċenti marbuta mas-sesswalità umana. Wara dawn id-diverġenzi tibqa’ l-kwistjoni dejjiema dwar il-mod kif titħaddem l-awtorità fil-komunità Nisranija. Dawn huma llum xi aspetti problematiċi li huma xkiel serju għall-għaqda sħiħa bejnietna. Waqt li aħna, bħall-predeċessuri tagħna, ukoll għadna m’aħniex naraw soluzzjonijiet għax-xkiel li għandna quddiemna, qalbna mhix maqtugħa. B’fiduċja u ferħ fl-Ispirtu s-Santu, nemmnu li d-djalogu u l-impenn reċiproku jkabbru l-ftehim ta’ bejnietna u jgħinuna ngħarblu x’inhi r-rieda ta’ Kristu għall-Knisja tiegħu. Aħna fiduċjużi fil-grazzja ta’ Alla u fil-Providenza, għax nafu li l-Ispirtu s-Santu sa jiftaħ bibien ġodda u jmexxina lejn is-sewwa kollu (ara Ġwanni 16:13).

Il-missjoni ekumenika tagħna ma’ dawk li jinsabu fit-truf tas-soċjetà tkun xhieda għalina lkoll, u minn dan il-post imqaddes, bħall-Bxara t-Tajba ta’ tant sekli ilu, ħa joħroġ il-messaġġ li l-Kattoliċi u l-Anglikani huma impenjati li jaħdmu flimkien biex jagħtu leħen lill-fidi komuni fil-Mulej Ġesù Kristu, biex iġibu s-serħan fejn hemm it-tbatija, il-paċi fejn hemm il-ġlied, id-dinjità fejn din hi mċaħħda u mogħtija bis-sieq.

F’din il-Knisja ta’ San Girgor il-Kbir, bil-ħrara kollha nsejħu l-barka tat-Trinità Qaddisa fuq l-andament tal-ħidma kollha tal-ARCIC u tal-IARCCUM, u fuq dawk kollha li jitolbu u jagħtu sehemhom biex terġa’ mill-ġdid l-għaqda bejnietna.”

  • U inti, tiftakar titlob għall-għaqda mill-ġdid fost l-insara kollha?
  • Jista’ jkun li forsi l-Mulej qed isejjaħlek biex toffri wkoll is-sofferenzi personali tiegħek, huma ta’ liema għamla huma, biex magħqudin ma’ dawk ta’ Ġesù jservu bħala talba għall-għaqda fost l-Insara?

Aqraw x’għamlet tfajla żagħżugħa bl-isem ta’ Marija Columba biex tgħin bis-serjetà      ħalli sseħħ l-għaqda fost l-insara: Beata Marija Columba Gabriella Sagheddu.

Talba: O Alla, int wassalt il-poplu ingliż għall-Evanġelju bil-predikazzjoni tal-isqof Santu Wistin; agħmel li l-Knisja tiegħek tibqa’ dejjem tistagħna bil-frott tal-ħidma u t-tħabrik tiegħu. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/saint-augustine-of-canterbury.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-augustine-of-canterbury/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Augustine_of_Canterbury

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements

6 ta’ Settembru: San Eleuterju

Verżjoni Vidjo: San Eleuterju

“Hu kien raġel tant sempliċi, wieħed li kien jagħmel penitenzi kbar, li m’għandniex niddubitaw li Alla l-għoli kien jagħtih ħafna grazzji għad-dmugħ u l-umiltà tiegħu!”  – Il-Papa San Girgor il-Kbir dwar San Eleuterju

SAN ELEUTERJU
Abbati
Miet fis-sena 585

Tagħrif: Is-sempliċità u l-ispirtu ta’ ndiema kienu l-virtujiet distinti ta’ dan l-Abbati qaddis tas-sitt seklu. Huwa ġie elett biex jippresjedi l-monasteru ta’ San Marku qrib Spoleto, u kien imżejjen minn Alla bid-don tal-mirakli.

Tifel li ġie fdat f’idejn il-monasteru, biex jiġi edukat hemm wara li l-Abbati kien ħelsu minn pussess diaboliku, kien jidher quddiem kulħadd imfejjaq minn dak li kien jimmolestah. Imma darba waħda, Eleuterju azzarda jgħid: “Ladarba dan it-tifel qiegħed fost il-qaddejja ta’ Alla, id-demonju mhux se jazzarda jersaq lejh”. Dan il-kliem deher li kien frott il-vanità, u għalhekk id-demonju reġa’ daħal fit-tifel u kompla jittormentah. L-Abbati għaraf li kien żbalja bi kliemu u umilment stqarr il-ħtija tiegħu, beda sawma minnufih u l-komunità kollha ngħaqdet miegħu, sakemm it-tifel reġa’ ġie meħlus.

Meta San Girgor il-Kbir sab ruħu ma jistax isum fil-jum imqaddes ta’ Sibt il-Għid, minħabba dgħufija estrema, stieden lil dan il-qaddis, li kien f’Ruma f’dak iż-żmien, biex joffri talb lil Alla għalih, sabiex ikun jista’ jingħaqad mal-fidili fil-prattika solenni tas-sawm ta’ dik il-ġurnata. San Eleuterju talab b’ħafna dmugħ, u l-Papa, meta t-tnejn ħarġu ‘l barra mill-knisja, ħassu f’daqqa waħda msaħħaħ u seta’ jwettaq is-sawma hekk kif xtaq.

Jingħad li dan l-istess Papa, kien qal li l-Abbati kien qajjem raġel mejjet lura għall-ħajja. Dan hu l-kliem li uża biex jiddeskrivih: “Hu kien raġel tant sempliċi, wieħed li kien jagħmel penitenzi kbar, li m’għandniex niddubitaw li Alla kien jagħtih ħafna grazzji għad-dmugħ u l-umiltà tiegħu!”

Wara li rriżenja mit-tmexxija tiegħu bħala Abbati, San Eleuterju miet f’Ruma fil-monasteru ta’ San Indri, madwar is-sena 585.

Ħsieb: Il-ħajja ta’ dan il-qaddis, fis-skiet tal-monasteru, mimlija talb, sawm u penitenza, fakkritni fi kliem Ġesù meta qal:

“Meta ssumu, tqarrsux wiċċkom, bħalma jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor, għax dawn ikerrhu wiċċhom biex quddiem in-nies jidhru li huma sajmin. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh. Iżda int, meta tkun sajjem, idlek xagħrek u aħsel wiċċek, biex mhux quddiem in-nies tidher li tkun sajjem, imma quddiem Missierek li hu fil-moħbi; u Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu.” (Mattew 6: 16-18)

U l-każ tat-tifel li reġa’ ġie meħlus, fakkritni f’silta’ oħra fil-Vanġelu meta Ġesù kien keċċa spirtu ħażin minn tifel li d-dixxipli tiegħu ma rnexxielhomx ikeċċu:

“Ġesù, meta ra l-kotra tiżdied, hedded bl-aħrax lill-ispirtu ħażin u qallu: ‘Ja spirtu mbikkem u trux, jiena nordnalek: oħroġ minnu, u la terġax tidħol fih, qatt iżjed!’ U filwaqt li qabad jixher u jħabbtu ħafna, ħareġ minnu, u t-tifel inxteħet għal mejjet, hekk li l-kotra tan-nies bdiet tgħid: ‘Miet!’ Imma Ġesù qabdu minn idu u qajjmu, u hu waqaf fuq saqajh. Meta mbagħad Ġesù raġa’ daħal id-dar, id-dixxipli tiegħu staqsewh rasu u rashom: ‘Għaliex ma rnexxilniex inkeċċuh?’ ‘Spirtu bħal dak,’ qalilhom, ‘ma jista’ jitkeċċa b’xejn ħlief bit-talb u bis-sawm.’ (Mark 9: 25-29)

Imma s-sawm għadu jgħodd fiż-żmien tal-lum? Iva, ladarba Kristu nnifsu kellimna fuq kif għandna nsumu u fuq l-importanza tiegħu; u nafu anki mill-ħajjiet tal-qaddisin kif is-sawm magħqud mat-talb iċaqlaq il-muntanji!

Tgħid bis-sawm jirnexxieli nirqaq? Le, il-benefiċċji primarji ma jinkludux telf ta’ piż, għalkemm dan jista’ jiġri. Is-sawm għall-Kattoliku għandu tifsira spiritwali u mhux sempliċement fiżika. Is-sawm huwa mħeġġeġ mill-kowċis għall-benefiċċji fiżiċi. Naturalment, mexxejja spiritwali ta’ reliġjonijiet differenti joffru dan ukoll bħala prattika. Iżda, aħna l-Kattoliċi ilna ninkoraġġixu dan għal 2,000 sena u fil-fidi ta’ Iżrael kien ipprattikat sa minn dejjem bħala mezz biex toqrob lejn Alla. Barra minn hekk, Alla jitlob li nsumu f’ċerti żminijiet kif insibu fl-Iskrittura (eżempju f’Dewteronomju 4: 4).

Imma kif nistgħu nsumu? Kull meta nisimgħu dwar il-bżonn tas-sawm u l-astinenza, dlonk nistgħu naħsbu li dan ifisser li għandna nnaqsu mill-ikel. Imma jeżistu modi oħra li jistgħu jgħinuna biex aktar nagħtu spazju lill-Mulej u nħalluh iħalli l-marka tiegħu f’ħajjitna.

Dawn huma xi suġġerimenti li wieħed jista’ jikkunsidra:

  • Iċċaħħad mir-rabja u l-mibegħda … minflok agħti lil familtek doża żejda ta’ mħabba f’kull jum li jgħaddi.
  • Iċċaħħad milli tiġġudika lill-oħrajn … qabel tiġġudika lill-proxxmu tiegħek ftakar li l-Mulej jagħdrek fin-nuqqasijiet tiegħek.
  • Iċċaħħad min-nuqqas ta’ kuraġġ li jista’ jaqtalek qalbek … ftakar fil-wegħda tal-Mulej li għandu pjan għal kull wieħed u waħda minna.
  • Iċċaħħad mill-garr … meta ssib ruħek f’burdata li tgorr, agħlaq għajnejk u ftakar f’dawk il-mumenti sbieħ li l-Mulej tak f’ħajtek.
  • Iċċaħħad mill-ħsibijiet ta’ ġrajjiet negattivi u weġgħat li forsi qed itaqqluk … tgħallem aħfer saħansitra anke lil min jagħmillek id-deni.
  • Iċċaħħad mill-infiq bla rażan … agħmel ħiltek li tnaqqas mill-infiq ta’ kuljum, u dak li ġġemma’ offrih karità lil min tassew hu fil-bżonn.
  • Iċċaħħad milli toqgħod tgħid fuq in-nies jew tkompli ma’ min jgħid fuq in-nies … minflok itlob għan-nies li tiġik it-tentazzjoni li titkellem fuqhom u tiddiskuti għemilhom, ħalli l-Mulej jagħtihom il-grazzji li għandhom bżonn ħa jsiru nies aħjar.
  • Iċċaħħad minn ħin żejjed ta’ rilassament … ħu ħsieb li tuża’ ħinek sabiex tirrifletti u taħseb ftit aktar fuq x’tista’ ttejjeb f’ħajtek (tneħħi jew iżżid xi affarijiet li taf li tassew jeħtieġlek) ħalli tavvanza fil-mixja spiritwali tiegħek li tagħha trid tagħti kont lil Alla la tidher quddiemu.
  • Iċċaħħad minn ħin quddiem it-televiżjoni, il-mowbajl, it-tablet, il-play station, il-facebook, Instagram, iċ-chat eċċ … u għaddi aktar ħin quddiem Ġesù Ewkaristija fil-kappelel tal-Adorazzjoni mxerrdin ma’ kullimkien, ħu sehem fil-Quddiesa ta’ kuljum u rċievi s-Sagramenti tal-Qrar u t-Tqarbin ta’ spiss, ħalli żżomm ruħek ‘il bogħod mid-dnub u tirbaħ fuq it-tentazzjonijiet li jkollok.

Imma x’inhuma l-benefiċċji tas-sawm? Il-benefiċċji spiritwali huma diversi u hawn se nsemmu ftit minn dawk ewlenin. Is-sawm:

  • Jgħin lill-moħħ biex jiffoka u jikkontempla fuq l-affarijiet li jogħġbu lil Alla u li jridna naħsbu fuqhom u nkunu nistgħu nagħmlu eżami tal-kuxjenza,
  • Ipatti għad-dnubiet tagħna u tal-oħrajn,
  • Iġib f’kontroll il-passjonijiet tagħna li ġeneralment jirbħu fuqna meta npaxxuhom iżżejjed,
  • Nidħlu daħla fina nnfusna u nirrealizzaw kemm aħna ċkejknin fejn il-kobor tal- Mulej – u l-umiltà tagħmel ġid lir-ruħna. Meta numiljaw ruħna, inkunu nistgħu nirċievu aktar mingħand Alla, hekk kif insibu fl-Iskrittura: “Alla jieqaf lill-kburi u jagħti l-grazzja lill-umli.” (Ġakbu 4:6)
  • L-umiltà tirrikonoxxi l-ħtieġa tagħna għal Alla.

Inħeġġiġkom bl-imħabba fil-Mulej, biex issumu meta u skont kif jispirakom Hu. Il-Knisja tobbligana nsumu biss fl-Erbgħa tal-Irmied u fil-Ġimgħa l-Kbira, (naturalment is-siegħa sawm qabel nirċievu lil Ġesù fl-Ewkaristija tapplika s-sena kollha) Imma min iħalli l-Ispirtu t’Alla jmexxih, jasal jagħraf li jeħtieġ ta’ sawm aktar frewkenti. Is-sawm hu offerta lil Alla, biex Hu minn naħa tiegħu, jieħu ħsieb tad-diffikultajiet tagħna u ta’ dawk tal-proxxmu kollu madwar id-dinja.

Talba: Għażiż ħuna fi Kristu San Eleuterju Abbati, agħmel li bl-interċessjoni tat-talb tiegħek aħna nagħrfu l-valur tas-sawm magħqud mat-talb biex bihom inkeċċu x-xjaten tal-ħażen fi żminijietna u biex naqilgħu mingħand Alla dak li neħtieġu għalina u għal kuħadd fil-ġisem u b’mod speċjali fir-ruħ. Ammen.

English Version: https://www.catholic.org/saints/saint.php?saint_id=44

Alternative Reading: https://www.britannica.com/biography/Saint-Eleutherius

Nota: Uħud mill-ħsibijiet huma addattati minn kitba ta’ Chris Buttieġieġ.

3 ta’ Settembru: San Girgor il-kbir

Verżjoni Vidjo: San Girgor il-kbir

“Kieku kellna nifhmu bir-raġuni l-ħidma t’Alla, ma tkunx iżjed meraviljuża, u l-fidi ma jkollhiex iżjed mertu, li kieku r-raġuni tipprovdi l-provi.” – San Girgor il-kbir

maxresdefault (2)SAN GIRGOR IL-KBIR
Papa u Duttur tal-Knisja: 540 – 604

Tagħrif: San Girgor twieled f’Ruma, l-Italja, f’madwar is-sena 540, minn familja sinjura ħafna.

Meta kellu xi 30 sena kien laħaq Prefett ta’ Ruma. Iżda minkejja li kellu din il-pożizzjoni għolja fis-soċjetà u kien wieħed mill-aktar nies sinjuri ta’ Ruma, fis-sena 575, ħalla kollox biex jingħaqad iktar ma’ Alla.

Daħal mal-Patrijiet Benedittini, bidel daru f’monasteru taħt il-protezzjoni ta’ San Andrija, u ħadem bla heda biex waqqaf sitt monasteri oħra. Il-Papa Pelaġju II ordnah saċerdot u ftit wara bagħtu bħala Legat tiegħu f’Konstantinopli.

Fis-sena 586, ġie lura u sar l-Abbati tal-monasteru ta’ San Andrija.

Meta l-Papa Pelaġju II miet bil-pesta fis-sena 590, Girgor ġie elett Papa, l-ewwel patri li qatt kellu dan l-unur.

Fis-sena 596, bagħat lil Santu Wistin flimkien ma’ xi erbgħin patri ieħor l-Ingilterra biex ixerrdu l-fidi nisranija.

Minkejja li kien bniedem marradi u kien jeħtieġlu jqatta’ perjodi twal fis-sodda, huwa ħadem bis-sħiħ matul l-erbatax-il sena tal-pontifikat tiegħu. Ikkumbatta s-simonija, l-ereżiji u l-inġustizzja, u kabbar l-interess fil-Knisja lejn il-liturġija u l-mużika sagra. Ma kienx jehda jipprietka u jikteb. Il-kitba tiegħu turi l-qdusija, l-għerf u ż-żelu li kellu li wassluh biex ikun iddikjarat Duttur tal-Knisja. Għalkemm kien isejjaħ lilu nnifsu bħala “l-qaddej tal-qaddejja ta’ Alla,” ma kien jaqta’ qalbu minn xejn. Kien ikun dejjem biċ-ċoqqa ta’ patri ħlief f’okkażjonijiet formali.

Huwa baqa’ jaħdem sal-aħħar minkejja li kien sar għadma u ġilda, qisu skeletru u bilkemm kien jiflaħ jimxi. Miet f’Ruma fit-12 ta’ Marzu, 604.

Ħsieb: Mhux kulħadd jista’ jagħmel ħwejjeġ hekk sbieħ, ta’ mużika, kitba, eċċ., li n-nies tibda ssejjaħlu “kbir.” Imma lkoll kemm aħna għandna affarijiet li jekk nagħrfu nużawhom tajjeb, insebbħu ħajjitna u ħajjet l-oħrajn. Dik it-tbissima! Dik il-kelma! Dik id-daqqa t’id! Dik iż-żjara! Tassew li hemm bosta aspetti fuqiex nistgħu niffukaw meta qed nirriflettu fuq dan il-Papa umli u kbir. Xtaqt li nieħdu aspett wieħed, dak tat-talb, fejn fuq bażi regolari, wieħed jidħol daħla fih innifsu fil-preżenza t’Alla.

San Girgor jgħid li l-bniedem li jitlob, jimmerita li jirċievi dak li Alla fil-kobor tiegħu sa minn dejjem ikun iddeċieda li jagħtih. Għalhekk it-talb ma jibdilx il-fehma ta’ Alla, imma jibdel lilna u jiddisponina biex nilqgħu dak li fil-providenza kbira tiegħu Alla jrid jagħtina. L-istorja ta’ San Girgor tgħidilna li sew meta kien ambaxxatur f’Kostantinopli u sew meta kien Papa, hu kien jibki għax ma kienx ikollu ħin biżżejjed għat-talb – kien jilmenta li ma kellux spazju biżżejjed għas-solitudni biex ikompli jidħol fih innifsu u jingħaqad ma’ Alla.

San Girgor jgħid li “aħna lkoll monaċi.” Din il-kelma ġejja minn monakos li bil-Grieg tfisser il-bniedem li huwa “sħiħ,” liema milja l-bniedem jista’ jikseb biss jekk jiltaqa’ ma’ Alla – għax fi kliem Santu Wistin, il-qalb tal-bniedem issib il-mistrieħ biss f’Alla. Inkunu persuni sħaħ jekk niggranfaw mal-Ħallieq – ma’ Ġesù Kristu! Il-Papa Girgor isejjaħ lil Kristu “Alla Ħallieq” għax bil-mewt u l-qawmien tiegħu joħloq mill-ġdid. It-triq biex naslu għal din l-armonija, hija t-triq tal-ħajja interjuri – nidħlu fina nfusna biex Alla jidħol fina.

Id-dinja għandha bżonn tax-xhieda ta’ dawn il-persuni ta’ ħajja interjuri (persuni li jitolbu b’impenn) li bl-għażla vera tagħhom favur Alla, joffru “gost” differenti. Din hija s-sejħa tagħna llum u ma għandniex għaliex naqtgħu qalbna, għax jekk frott il-ħajja interjuri aħna niżviluppaw kultura ta’ djalogu, aħna naslu biex nikkonvinċu li fid-dar ta’ Missierna hemm ġid li jixraq lil kull bniedem. Għalhekk, meta tisimgħu b’ċerti deċiżjonijiet, poplu ta’ Alla, agħmlu l-qalb. Għandna jkollna fiduċja kbira li aħna nistgħu nagħmlu differenza. Imma biex dan iseħħ, irridu nsejħu lill-Ispirtu s-Santu kontinwament biex ikun Hu li jgħinna nidħlu fina nfusna u niskopru l-preżenza ta’ Alla u r-rieda tiegħu għalina fid-dinja tal-lum. U jien, nista’ ngħid li jiena “persuna ta’ ħajja interjuri” li għax qiegħed/qegħda f’kuntatt kontinwu ma’ Alla bit-talb, għandi dak id-dawl meħtieġ biex nista’ bi kliemi u b’għemili, indawwal lil dawk ta’ madwari?

Talba: O Alla, int taħseb fina bi ħniena bla tarf u taħkem fuqna bl-imħabba; għat-talb tal-Papa San Girgor il-Kbir, sawwab l-ispirtu tal-għerf fuq dawk li lilhom fdajt it-tmexxija fit-tagħlim, biex il-ġid li jiksbu n-nagħaġ qaddisa tiegħek jisfa’ ta’ hena għal dejjem lir-rgħajja tagħhom. Ammen. (Talba fil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-gregory-the-great-583

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-gregory-the-great/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Pope_Gregory_I

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis/a huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u l-ħsieb huwa addattat minn omelija tal-Isqof t’Għawdex Mario Grech, fil-Festa ta’ San Girgor il-Kbir.