Dun Alfred Gatt

Verżjoni Vidjo: Dun Alfred Gatt

27156416_132516953402DUN ALFRED GATT
Saċerdot
1873 – 1939

Tagħrif: Dun Alfred, kif hu magħruf minn kulħadd mill-Maltin, kien qassis qaddis li l-kwalitajiet umani u spiritwali ġibdu lejh eluf ta’ Nsara. Kien imfittex prinċipalment bħala konfessur, għall-pariri. Ħafna kienu żguri li kellu l-kariżma tal-fejqan u tal-profezija u jara dak li kien mistur.

Dun Gatt twieled fit-12 ta’ Jannar 1873, fil-Belt Valletta, u kien magħruf għal ħajja tajba ordinarja għal aktar minn erbgħin sena. Ma ġie nnutat xejn speċjali fih u anke matul l-ewwel 20 sena tiegħu bħala qassis, minbarra s-sens ta’ dmir tiegħu, l-eżattezza tiegħu f’kollox u l-isforzi tiegħu biex jitgħallem anki min-nuqqasijiet tiegħu stess.

Ordnat saċerdot fl-1900, serva umilment fil-Knisja Kolleġġjata ta’ San Pawl u mill-1909, bħala direttur għas-sorijiet tal-monasteru ta’ Santa Ursola fil-Belt Valletta. Kollox inbidel għal Dun Gatt meta, fl-1921, is-superjuri tiegħu bagħtuh fil-knisja ta’ San Nikola (magħrufa bħala tal-Knisja tal-Erwieħ) fi Triq il-Merkanti, Valletta.

Kienet tidher ħajja kwieta ta’ konfessur li kellu jgħaddi ħin twil fil-konfessjonijiet kollha li kien ikollu matul il-ġurnata. Iżda l-ġentilezza ħelwa tiegħu ġibdet lejh lil dawk kollha li kienu f’diffikulta’. Huwa deher li kien kapaċi jippenetra l-moħħ tal-penitenti. Ġew attribwiti lilhom fatti meraviljużi. Ħafna jsostnu li rkupraw minn mard permezz tal-interċessjoni tiegħu. Imma huwa stess attribwixxa kollox għall-qawwa supranaturali tal-Wiċċ Imqaddes ta’ Kristu Sofferenti.

Għalkemm Gatt sofra minn infjammazzjoni f’qalbu, ma setax jistrieħ matul l-aħħar 16-il sena tal-ħajja tiegħu. In-nies kienu jmorru għandu l-ġurnata kollha. Huwa rtira biss meta marad serjament ġimgħatejn qabel il-mewt tiegħu. Miet mewta ta’ qaddis nhar il-Ġimgħa l-Kbira fis-26 ta’ Marzu 1937.

Links about Dun Alfred Gatt:

  1. https://www.findagrave.com/memorial/27156416/alfred-gatt
  2. https://www.emmausmalta.com/products.aspx?sys=prod-46981

6 ta’ Diċembru: San Nikola

Verżjoni Vidjo: San Nikola

“Nitolbok bil-ħerqa, quddiem Alla u Kristu Ġesù, li għandu jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin, f’isem id-Dehra tiegħu u s-Saltna tiegħu: xandar il-kelma, insisti f’waqtu u barra minn waqtu, ċanfar, widdeb, wissi, bis-sabar kollu u bit-tagħlim.” – 2Timotju 4:2 

maxresdefault1.jpgSAN NIKOLA
Isqof
Ir-Raba’ Seklu

Tagħrif: San Nikola twieled lejn is-sena 270, minn familja sinjura f’Patara, Liċja, fl-Asja ż-Żgħira fejn San Pawl kien ħawwel il-Fidi. Sar Isqof ta’ Mira, illum Dembre, raħal fit-Turkija. Kien mitfugħ il-ħabs fil-persekuzzjoni ta’ Djokleżjanu u ġie meħlus minn Kostantinu. X’aktarx li attenda l-Konċilju ta’ Niċea fis-sena 325, u miet f’Mira bejn 345 u 352.

Fl-1087, wara l-invażjoni tal-Asja ż-Żgħira mill-Musulmani, il-fdal tiegħu ġie miġjub f’Bari, l-Italja, fejn għadu hemm sal-lum. Bħal-lum f’Bari jsiru festi kbar lil dan il-Qaddis.

San Nikola hu magħruf mad-dinja kollha speċjalment għall-istejjer ta’ karità li xterdu dwaru. Fosthom meta darba sema’ b’wieħed raġel li ma kellux flus biżżejjed biex iżewweġ it-tliet xebbiet li kellu. San Nikola mar bil-lejl u tefagħlu mit-tieqa tliet boroż tal-flus biex ikun jista’ jżewwiġhom.

Storja oħra tgħid li San Nikola fi żmien Kostantinu rnexxielu jipprova l-innoċenza ta’ tliet żgħażagħ li kienu kkundannati għall-mewt mill-Gvernatur Estathius, u b’hekk ġew meħlusin. Stejjer bħal dawn għamluh popolari ħafna.

Ħsieb: Din li ġejja hija omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Festa ta’ San Nikola, is-Siġġiewi (25 ta’ Ġunju, 2017):

Ħa nieħu l-ewwel episodju li jimmarka lil San Nikola fl-ikonografija kollha, kemm tal-Oċċident, jiġifieri tan-naħat tagħna, kif ukoll tal-Orjent fejn trabba, fejn għex u fejn miet. Ġuvni li għandu aċċess għall-flus u li nduna li missier minħabba l-faqar kbir li safa fih m’għandux biex iżewweġ lit-tliet tfajliet tiegħu u bi qsim ta’ qalb il-missier jgħidilhom li biex ikollkom biex tgħixu aħjar tmorru ‘fit-triq.’ Illum ‘it-triq’ tfisser l-istess bħal ma’ kienet tfisser fi żmien San Nikola. Aħna għandna din l-espressjoni ta’ qsim il-qalb: ‘mara tat-triq.’ Anke meta nitkellem mar-residenti fir-rijabilitazzjoni mid-droga ta’ San Blas, għadhom jitkellmu fuq ‘it-triq.’ Issib id-droga ‘mit-triq.’ Mhux issib id-droga ħdejn il-bankina. It-triq huwa ambjent. U dan il-missier ikollu jagħmel deċiżjoni ta’ qsim il-qalb bħal kull missier li jgħidilhom: ‘m’għandix biex inżewwiġkom. Tridu tbigħu lilkom infuskom!’ Intom tifhmu li din mhix biss realtà tas-Seklu Tlieta biss jew tas-Seklu Erbgħa. U Nikola, kif tafu, jaqbad borża u jimlieha muniti tad-deheb u bil-moħbi jitfagħha mit-tieqa u tiżżewweġ l-ewwel tifla. U jerġa’ għat-tieni darba u jerġa’ għat-tielet. Dan il-lajk li bil-ġest tiegħu huwa ma’ Ġesù b’mod konkret għax għażel li jgħin lil dak il-missier li minflok iħalli lil uliedu tfajliet fit-triq, iqabbadhom it-triq taż-żwieġ.

U din hi l-ewwel tagħlima li nixtieq nislet minn dan l-episodu li intom tafuh tajjeb. Fl-ikonografija anke tal-istatwa titulari hemm wieħed mill-anġli jżomm il-ktieb bi tliet boroż tal-muniti tad-deheb bħala hemm anke fl-istatwa antika li qiegħda fis-sagristija. Lil San Nikola tagħrfu dejjem b’dan il-ġest li għamlu qabel sar isqof. Ta’ ġuvni li huwa ma’ Ġesù, lil dawn it-tliet tfajliet foqra għenhom biex jagħżlu ż-żwieġ u ż-żwieġ kif ħalqu Alla. U ż-żwieġ, tgħid x’tgħid il-liġi, jibqa’ l-għaqda dejjiema, esklussiva bejn raġel u mara li bl-imħabba u mill-imħabba ta’ bejniethom jitnisslu l-ulied.

Mela meta fl-ikonografija ta’ San Nikola taraw dawk it-tliet boroż ta’ flus li hu ċċaħħad minnhom biex tliet xebbiet isibu tlitt irġiel u jiżżewġu, ftakru li jekk kull wieħed u waħda minnkom iridu jkunu ma’ Ġesù, iż-żwieġ kif ħalqu Alla tridu tgħallmuh lil uliedkom u lil ulied uliedkom bir-rispett kollu lejn il-liġi. Aħna l-Insara ġabuna f’estremità li rridu ngħidu: ‘il-liġi tal-istat aħna ma nagħrfuhiex.’ Immaġinaw lil San Nikola kieku x’kien jgħid.

San Nikola, kif tafu, ġie magħżul isqof wara li miet l-Isqof ta’ Mira, u s-saċerdoti u l-presbiteri ma kinux jafu lil min se jagħżlu u għamlu lejl jitolbu u qalu: ‘il-Mulej irid jurihulna. Il-Mulej irid jagħżlu. L-ewwel wieħed li jidħol fil-knisja ikun hu.’ U dakinhar l-ewwel wieħed li daħal fil-knisja kien Nikola. Imma Nikola kien magħruf għall-għerf u l-ġenerożità tiegħu għax kif tafu, it-tielet darba, missier dawk it-tfajliet qagħadlu għassa u nduna min kien u xterdet mal-ambjenti tal-Asja Minuri, il-fama tal-għerf, il-kuraġġ u anke l-umiltà tiegħu li l-karità ma għamilhiex bid-daqq tat-trombi, ma għamilhiex biex jarawh in-nies, imma l-Mulej jagħraf il-qalb u għażlu lilu u għamlu tajjeb għax fihom kien hemm ir-rebħa tar-ragħaj u fir-rebħa tar-ragħaj kien hemm ir-rebħa tal-poplu – Nicholaus.

Nikola ddefenda l-verità li Ġesù huwa l-iben ta’ Alla, li Alla huwa l-missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. U Nikola kien dejjem mal-kelma qaddisa tal-verità. Mhux ta’ b’xejn li l-ewwel qari tal-liturġija ta’ din is-solennità tfakkarna fit-titlu tal-Mulej: ‘Qaddis, Qaddis, Qaddis.’ (Iżaija 6:3) U tfakkarna li l-Mulej jipparteċipa, jaqsam il-qdusija tiegħu ma’ min jagħżel u jippurifikah għax Nikola kien dgħajjef bħalna. Kien bniedem bħalna. Kien midneb bħalna. Minkejja l-leġġendi li nhar ta’ Erbgħa u nhar ta’ Ġimgħa kien isum, kien bniedem ta’ dgħjufija bħalna. Imma kien bniedem ta’ fedeltà. Kien bniedem li kien jaf joqgħod prostrat, għarkupptejh quddiem Ġesù jitolbu ħniena għal dnubietu u għad-dnubiet tal-poplu tiegħu. U kien bniedem li l-Mulej, permezz tiegħu, għamel għeġubijiet kbar.

L-aħħar ħsieb. San Nikola kien meqjum u dejjem kien meqjum bħala r-regola tal-fidi kanóna písteos – ir-regola tal-fidi. Min kien iħares lejh, min kien jarah jitħabat u jiġri biex isalva tliet kaptani kkundannati biex jaqtgħulhom rashom, min kien jarah jiddefendi l-innoċenza tat-tfal. Min kien jarah jagħti l-qamħ lill-poplu li m’għandux x’jiekol, kien jirrealizza li l-fidi ta’ Nikola kienet fidi konkreta u mhux tal-paroli. Mhux tal-eżortazzjoni biss. Kien ragħaj li fejn kien hemm il-bżonn jiddefendi d-dinjità tal-bniedem jew jgħinu konkretament, qatt ma ħarab, qatt ma nħeba. U aħna nistgħu nifhmu għax min kien jarah lil Nikola, jgħix, jitlob, jopera kien jgħid dan jgħallimna kif tkun il-fidi għax il-fidi turiha mill-opri, mill-imġiba tiegħek, mill-għażliet tiegħek, minn kemm inti kapaċi tagħraf lill-Mulej fil-fqir, fil-batut. Aħna nitolbu li aħna l-Insara nibqgħu komunità ta’ solidarjetà vera. Il-fidi tagħna mhux tal-paroli, lanqas hija tal-festi. Il-fidi tagħna hija tal-fatti, tal-karità.”

Mhux ta’ b’xejn li isem San Nikola hu hekk magħruf, u l-eżempju tiegħu u hekk imfakkar mad-dinja kollha! Kemm tkun ħaġa sabiħa li bil-karita’ tagħna nferrħu xi qalb li tkun tassew fil-bżonn, speċjalment fil-ġranet ħelwin tal-Milied!

Talba: O Alla, li glorifikajt lil San Nikola, Konfessur u Isqof, b’sinjali u għeġubijiet bla għadd; agħtina, nitolbuk, li aħna, bħalu ma nibżgħux nistqarru s-sewwa bla biża’ quddiem kulħadd u li niddefendu d-drittijiet fundamentali tal-bniedem; tal-ħajja u tal-familja hekk kif riedhom ikunu Alla sa mill-bidu. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

San Nikola ta’ Bari, Isqof ta’ Myra: http://www.kappellimaltin.com/Kitbiet/Qaddisin/San_Nikola_ta-_Bari/san_nikola_ta-_bari.html

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/11/born-c.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/the-real-saint-nicholas/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Nicholas

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis/a huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut. Il-Ħsieb huwa siltiet meħudin minn Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Festa ta’ San Nikola, is-Siġġiewi (25 ta’ Ġunju 2017)

10 ta’ Settembru: San Nikola ta’ Tolentino

Verżjoni Vidjo: San Nikola ta’ Tolentino

“Is-smewwiet mhumiex safja f’għajnejn Dak li jien inservi; kif nista’ jien, raġel midneb, noqgħod quddiemu?” San Nikola ta’ Tolentino

Antiquares-san-nicola-da-tolentino-6SAN NIKOLA TA’ TOLENTINO
Saċerdot u Predikatur
1245 – 1305

Tagħrif: San Nikola ta’ Tolentino kien patri sempliċi Agostinjan li laqat il-ħajjiet ta’ ħafna nies. Kellu spirtu ta’ talb, penitenza, ħajja ta’ awsterità u devozzjoni kbira lejn l-erwieħ tal-Purgatorju. Bil-predikazzjoni tiegħu, ressaq ħafna nies lejn Kristu.

Nikola Gurutti twieled fl-1245 f’Angelo, Pontano, Macerata, l-Italja. Il-familja tiegħu kienet pjuttost fqira u semmewh Nikola għal San Nikola ta’ Myra fejn fis-Santwarju ddedikat lilu kienu talbu biex ikollhom tarbija.

Huwa ngħaqad mal-Ordni Agostinjan fl-età ta’ 16-il sena, wara li sema’ l-predikazzjoni ispirata ta’ Reginaldo ta’ Monterubbiano (superjur lokali) tal-monasteru Agostinjan f’Angelo. Ġie ordnat saċerdot fl-1270 u kien magħruf għall-prietki u t-tagħlim tiegħu.

Fl-1274, huwa mar Tolentino fejn dam hemm sa mewtu. Bħala saċerdot u reliġjuż, huwa kien mimli karità lejn ħutu Agostinjani kif ukoll lejn in-nies li huwa kien jaqdi. Kien iżur il-morda u jieħu ħsieb persuni fil-bżonn. Huwa ta attenzjoni speċjali lil dawk li kienu tbiegħdu mill-Knisja. In-nies kienu jikkunsidrawh bħala dak li jagħmel il-mirakli.

Spiss kien isum u jagħmel diversi penitenzi u kien iqatta’ sigħat twal fit-talb. L-istorja tgħid li, ġurnata waħda, wara li kien ilu żmien twil sajjem, Nikola kien fiżikament dgħajjef. Waqt it-talb, Ġesù qallu jiekol xi ħobż immarkat b’salib u mxarrab fl-ilma sabiex jerġa’ jikseb saħħtu. Għalhekk inħolqot l-użanza Agostinjana tal-barka u d-distribuzzjoni tal-ħobż ta’ San Nikola b’memorja tiegħu.

Storja oħra dwar Nikola tgħid li waqt li kien rieqed fis-sodda, sema’ l-vuċi ta’ patri mejjet li kien jaf. Dan il-patri qal lil Nikola li kien fil-Purgatorju, u ħeġġu biex jiċċelebra l-Ewkaristija għalih u għal erwieħ oħra li kienu fl-istess post, sabiex ikunu meħlusa bil-qawwa ta’ Kristu. Nikola għamel hekk għal sebat ijiem. Il-patri kellmu għal darb’oħra, irringrazzjah u assigurah li għadd kbir ta’ erwieħ kienu issa ħdejn Alla. It-talb għall-erwieħ tal-Purgatorju hija l-karatteristika li l-aktar tispikka fil-ħajja tiegħu. Minħabba dan, Nikola ġie pproklamat Patrun tal-erwieħ tal-Purgatorju.

Huwa wkoll meqjus bħala l-qaddis Patrun kontra mard epidemiku u kontra n-nirien. Nikola miet f’Tolentino, l-Italja fl-10 ta’ Settembru fl-1305. Ġie kkanonizzat fl-1446 mill-Papa Euġenju IV. Il-fdalijiet tiegħu huma ppreservati fil-Knisja ta’ San Nikola fil-belt ta’ Tolentino.

Ħsieb: Riżultat tal-ħajja ta’ talb u penitenza li għex San Nikola, ħafna erwieħ waslu fis-sema, speċjalment erwieħ tal-Purgatorju. Fil-Purgatorju jmorru dawk l-erwieħ li jkunu mietu fil-grazzja t’Alla. Tmut fil-grazzja t’Alla jfisser ma tkunx fid-dnub il-mejjet u jew tkun irċevejt is-Sagrament tal-Qrar u ġejt imnaddaf mid-dnub il-mejjet. Filwaqt li s-Sagrament tal-Qrar huwa essenzjali għall-maħfra tad-dnubiet, il-Purgatorju xorta jista’ jkun meħtieġ għal ħafna minna, biex nissodisfaw il-pwiena temporanja li tkun għadha dovuta għal dnubiet venjali u dawk mejta li nkunu qerrejna. Biex wieħed jifhem aħjar dan xi jfisser, aħsbu f’tifel li kisser tieqa waqt li kien qed jilgħab bil-ballun. Huwa jista’, u għandu, jitlob skuża lill-persuna li kissrilha t-tieqa, imma hu jew il-ġenituri tiegħu (jew it-tnejn) iridu jħallsu tad-danni!

Kull nisrani huwa msejjaħ biex juri ħniena mal-għeżież mejtin li jinsabu fit-tisfija tagħhom fil-Purgatorju. Hawn huma jbatu ħafna ġo ‘nar’ li jippurifikom (kif jiġi ppurifikat id-deheb) kulħadd skont id-dnubiet li jkun wettaq. Għandna naħsbu fihom fit-talb tagħna ta’ kuljum għaliex huma ma jistgħux jitolbu għalihom infushom.

Jekk tlift li xi ħadd għażiż jew taf lil xi ħadd li għadu kemm mietlu xi qarib, kun af lit-talb biss jista’ jgħin. Hawn b’talb qed nirreferi għal kwalunkwe tip ta’ talb: quddies, rużarju, (lejn l-aħħar tal-paġna hemm link għar-Rużarju tal-Erwieħ tal-Purgatorju bil-Malti) talb ieħor, atti ta’ karità u offerta tat-taħbit u t-tbatijiet li ngħaddu minnhom. Kollox jgħodd jekk nagħmluh bħala talba biex intaffu t-tbatijiet ta’ dawn l-erwieħ u nħaffulhom it-triq għas-sema.

Filwaqt li nistgħu niksbu konsolazzjoni kbira mit-tama li l-maħbubin tagħna qed igawdu l-Ħajja Eterna ma’ Alla, qatt ma għandna nieqfu nitolbu għal ruħhom. M’għandiex nikkonfondu wisq xi jsir mit-talb tagħna ladarba huma jaslu l-ġenna. Li hu żgur hu li dan it-talb jiġi applikat għal erwieħ oħra. L-erwieħ li nitolbu għalihom jitolbu huma wkoll għalina, anki meta jkunu għadhom fil-Purgatorju. Meta jmorru l-ġenna, imbagħad ikomplu jidħlu għalina quddiem Alla li issa jkunu qribu, għaliex aħna nkunu sirna l-benefatturi tagħhom. Alla jimla lilna bil-barka u l-grazzji tiegħu talli nkunu ħennejna u tlabna għall-erwieħ b’ġenerożità.

It-Talba ta’ Santa Ġeltrude l-Kbira għall-erwieħ tal-Purgatorju hija waħda mill-aktar famużi. Din kienet soru Benedittina u mistika li għexet fis-seklu 13. Ġesù qal lil Santa Ġeltrude li din it-talba teħles 1,000 ruħ mill-Purgatorju kull darba li tingħad: “Missier Etern, jiena noffrilek id-demm l-iżjed prezzjuż tal-Iben Divin tiegħek Ġesù, flimkien mal-quddies kollu li jingħad mad-dinja kollha llum għall-Erwieħ Imqaddsa tal-Purgatorju u għall-midinbin kollha fid-dinja, għal dawk f’dari stess u fil-familja tiegħi. Ammen.”

Ħafna mill-Missirijiet tal-Knisja, ikkunsidraw it-talb għall-erwieħ tal-Purgatorju bħala essenzjali. Il-knisja ħarġet id-duttrina dwar il-Purgatorju fil-Konċilji ta’ Firenze u ta’ Trentu fis-sekli 15 u 16. Il-vers l-aktar famuż tal-Iskrittura, fost oħrajn, li jikkonċerna it-talb għall-erwieħ, huwa dak mit-Testment il-Qadim fejn jgħid, “Il-ħsieb tiegħu kien qaddis u twajjeb. Għalhekk offra sagrifiċċju tal-purifikazzjoni, biex il-mejtin jinħelsu minn dnubhom.” (2 Makkabin 12:46)

Mela niftakru li l-fjuri u x-xemgħat fuq l-oqbra u l-lapidi, jgħinu li min ikun għadu f’din id-dinja biex jesprimi s-sentimenti tiegħu/tagħha għat-telfa tal-għeżież, imma l-erwieħ m’għandhom bżonn ta’ xejn aktar mit-talb tagħna u dan b’impenn. U mhux f’Novembru, f’xi anniversarju, f’jum twelidhom jew f’xi festa biss, imma b’mod regolari. Ejjew nitolbu lil dan il-qaddis li ddedika ħajtu biex jitlob għall-erwieħ Purganti ħalli jgħinna nimxu fuq l-eżempju mħeġġeġ tiegħu lejn dawn l-imsejkna, li ħafna minnhom m’għandhomx min jitlob għalihom. Ejjew inkunu aħna li niftakru f’erwieħ abbandunati mill-familjari tagħhom. Jekk nagħmlu dan, żgur li nħaffu ż-żmien tagħna tal-Purgatorju u l-Mulej jagħtina s-sliem.

Tajjeb li wieħed ikun jaf ukoll, li sakemm għadna f’din id-dinja, aħna stess nistgħu nnaqsu miż-żmien tal-Purgatorju tagħna billi nagħmlu atti ta’ karità. B’karità mhux qed ninkludi biss flus mogħtija lill-foqra, imma kull ġest ta’ mħabba lejn l-oħrajn, bil-kliem u bil-għemil, kif ukoll bl-offerta tat-talb tagħna magħquda ma’ tbatijiet li ngħaddu minnhom. Hekk kif tgħidilna l-Iskrittura: “L-imħabba tgħatti kotra ta’ dnubiet.” (1Pietru 4:8)

TalbaAlla Missier, aħna noffrulek il-pjagi divini ta’ Kristu, Ibnek, għall-erwieħ tal-Purgatorju, sabiex inti titħallas kif jixraq fil-ġustizzja tiegħek għad-djun tagħhom u tqegħidhom fil-ferħ etern tiegħek. (Talba ta’ San Ġorġ Preca)

Nitolbuk biex permezz tal-fidwa ta’ Ibnek issaffi lil dawk l-erwieħ li għadhom fil-purgatorju u twassalhom fil-hena ta’ dejjem. Ftakar ukoll fl-erwieħ tagħna, fil-ġenituri mejtin tagħna, fl-erwieħ abbandunati u f’dawk l-erwieħ kollha li jeħtieġu t-talb tagħna. Marija, għajnuna tal-insara, idħol għalihom int u wassalhom fit-tgawdija ta’ dejjem. 

Agħtihom, o Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi lilhom, jistrieħu fis-sliem. Ammen.

English Version: https://www.catholicireland.net/saintoftheday/st-nicholas-of-tolentino-1245-1305-augustinian-friar-patron-of-the-souls-in-purgatory/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Nicholas_of_Tolentino

Alternative reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-nicholas-of-tolentino-590

Wikipedia on Purgatory: https://en.wikipedia.org/wiki/Purgatory

Rużarju għall-erwieħ tal-Purgatorju fuq Gloria TV: https://gloria.tv/video/1J9xMm1yKdseAJfDL3m9iMhp2