11 ta’ Ġunju: San Barnaba

Verżjoni Vidjo: San Barnaba

Barnaba, meta wasal Antjokja u ra l-grazzja ta’ Alla, feraħ; għax hu kien raġel tajjeb, mimli bl-Ispirtu s-Santu u l-fidi. Beda jħeġġiġhom biex jibqgħu b’rieda sħiħa magħqudin fil-Mulej.” – Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Barnaba (Atti 11:23-24).

saints6-7b.jpgSAN BARNABA
Appostlu
L-ewwel Seklu

Tagħrif: San Barnaba kien Lhudi mit-tribù ta’ Levi u twieled f’Ċipru. Ma kienx wieħed mit-tnax li Ġesù sejjaħ biex ikunu appostli. Imma sa mill-bidu nett ġie msejjaħ appostlu minħabba l-ħidma kbira tiegħu għall-Knisja.

Kien Lhudi, twieled f’Ċipru, trabba f’Ġerusalemm, u x’aktarx li studja fl-iskola ta’ Gamaliel, fl-istess żmien ma’ San Pawl.

Kien wieħed minn tal-ewwel li kkonvertew għall-Kristjaneżmu, f’Ġerusalemm, wara l-Pentekoste, fis-sena 29 jew 30. Kien jismu Ġużeppi, imma l-appostli bidlulu ismu f’Barnaba – Bin il-Faraġ. Kien raġel tajjeb, mimli bl-Ispirtu s-Santu u l-fidi. (Atti 11:24)

Kellu għalqa, u biegħha, u dak li daħħal tagħha tah lill-appostli biex iqassmuh lill-foqra.

Meta San Pawl, tliet snin wara li kkonverta, mar Ġerusalemm, kien San Barnaba li laqgħu u ntroduċieh lil San Pietru u lill-Insara li għall-ewwel sabuha bi tqila biex jemmnu kif minn persekutur qalil, isir wieħed minnhom mimli b’ħeġġa l-iktar kbira.

Minn Ġerusalemm, San Barnaba mar iżur il-Knisja ta’ Antjokja. Kien f’din il-belt li s-segwaċi ta’ Kristu bdew għall-ewwel darba jiġu msejħa Nsara. Darba minnhom San Barnaba mar Tarsu, sab lil San Pawl, u wara li stiednu, ħadu miegħu u ħadmu flimkien biex isaħħu l-Komunità ġdida ta’ Antjokja.

Meta waqa’ għaks kbir f’Ġerusalemm u l-Insara kienu qed ibatu, San Barnaba u San Pawl ġabulhom l-għajnuna li kienu ġabru min għand l-Insara ta’ Antjokja.

Imbagħad San Barnaba ngħaqad ma’ San Pawl u mar miegħu fl-ewwel vjaġġ missjunarju. Magħhom ħadu lil Marku (l-Evanġelista, li kien il-kuġin ta’ Barnaba) li wara telaqhom f’nofs triq.

Meta nqalgħet il-kwistjoni taċ-ċirkonċiżjoni San Barnaba kien jaqbel ma’ San Pawl u mar miegħu għall-Konċilju ta’ Ġerusalemm.

San Barnaba u San Pawl kienu ser jerġgħu jmorru jipprietkaw flimkien iżda ma qablux fuq Marku. San Barnaba ried li jeħduh magħhom iżda San Pawl ma riedx. Spiċċaw biex San Barnaba ħa lil Marku u mar Ċipru, waqt li San Pawl ħa lil Sila u mar is-Sirja. Wara dan ma nafux x’sar minn San Barnaba.

Iżda nafu li miet martri, mħaġġar, f’Salamis, Ċipru, fis-sena 61.

Ħsieb: L-isem ta’ Barnaba li taw l-appostli, li skont San Luqa jfisser “iben il-faraġ” (Atti 4:36), jagħtina x’nifhmu d-doni effiċjenti tiegħu bħala predikatur fil-knisja tal-bidu. Wara t-tnax u San Pawl, Barnaba jidher li kien l-aktar persuna prominenti fil-knisja appostolika. Il-liturġija tagħtih kważi l-istess status tal-appostli attwali ta’ Ġesù. Imma l-hekk imsejħa Ittra ta’ San Barnaba, għalkemm hi dokument bikri ħafna, mhix xogħol tiegħu.

Barnaba jissemma b’ismu fl-Atti, bħala wieħed membru ġeneruż, fil-Knisja fqira tal-bidu, f’Ġerusalemm. Il-komunità tal-ewwel Insara kienu ta’ qalb waħda u ruħ waħda, ħadd ma kellu xejn tiegħu, imma kellhom kollox flimkien. Qatt ma kien hemm persuna waħda fil-bżonn, għax dawk li kellhom xi propjetà jew djar, kienu jbigħuha u dak li jaqilgħu kienu jpoġġuh f’riġlejn l-appostli, u b’hekk kollox jinqasam bejn kulħadd.

F’Atti 4: 36-37, insibu dan: “Hekk għamel il-levita Ġużeppi, minn Ċipru, li l-appostli kienu jsejħulu Barnaba, jiġifieri, ‘bin il-faraġ’. Dan kellu għalqa, biegħha, u l-flus li daħħal minnha mar iqegħedhom f’riġlejn l-appostli.”

Dan li ġej huwa kliem il-qaddej t’Alla Br. Brother Louis Camilleri f.s.c. :

“San Barnaba jagħtina eżempju ta’ umiltà u ta’ distakk mill-ġid tad-dinja:

  • ta’ umiltà, għax dejjem iħalli lil San Pawl jitkellem u jċedilu dejjem l-ewwel post;
  • ta’ distakk, għax ibigħ ġidu kollu u jagħtih lill-fqar.

Il-ġid tad-dinja hu don t’Alla li għandna nilqgħu bi gratitudni u ninqdew tajjeb bih. Hu wkoll fl-istess ħin periklu u xkiel: għalhekk bosta qaddisin ħallewh wara spallejhom biex aktar ikunu qrib Ġesù.”

  • U int, ġeneruż ma’ Alla u mal-proxxmu fil-bżonn?
  • Tafda fil-Providenza Divina li tmexxi ħajtek tgħaddi minn xiex tgħaddi?
  • Kemm int lest/a li tqis lil ħaddieħor aqwa minnek u int tagħżel il-postijiet umli?
  • Lest/a li xxandar lil Kristu f’kull okkażjoni li tiġik bla ma tagħmel distinzjoni bejn dak u dik?

Alla l-Missier mela lil San Barnaba bil-fidi u l-għerf tal-Ispirtu s-Santu u bagħtu jxandar u jikkonverti n-nazzjonijiet imbiegħda. Ejjew nitolbu biex bl-interċessjoni tiegħu aħna wkoll bħal San Barnaba, qatt ma nieqfu nxandru l-Evanġelju bil-kliem u bl-għemil.

Talba: O Alla, int ridt li jintgħażillek San Barnaba, raġel mimli bl-Ispirtu s-Santu u l-fidi, u bgħattu jaħdem fost il-pagani ħa jduru lejk ibgħat ħaddiema fidili biex bħalu, b’qawwa kbira, bil-kliem u bl-għemil ixandru l-Bxara t-tajba ta’ Ibnek, bl-istess Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2014/06/st-barnabas.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-barnabas-apostle-496

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Barnabas

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

21 ta’ Mejju: San Kristofru Magallanes u sħabu

Verżjoni Vidjo: San Kristofru Magallanes u sħabu

“Jiena innoċenti u se mmut innoċenti. Jiena naħfer b’qalbi kollha lil dawk responsabbli għall-mewt tiegħi, u nitlob lil Alla li t-tixrid ta’ demmi jservi għall-paċi tal-Messiku maqsum tagħna.” – San Kristofru Magallanes

80e93e465c342f2c913b1a647d843f56SAN KRISTOFRU MAGALLANES U SĦABU MARTRI
1915 – 1937

Tagħrif: Dawn il-25 kappillan u tliet lajċi Messikani kienu maqtulin iffuċillati jew mgħallqin bejn is-snin 1915 u 1937. Huma kienu membri ta’ moviment imsejjaħ “Cristero” li twaqqaf bħala reazzjoni kontra l-gvern anti-kattoliku tal-Messiku li għamel u inforza liġijiet kontra l-Knisja f’attentat assurd li jeqred mill-għeruq il-fidi Kattolika fil-Messiku.

Dan il-gvern immexxi minn Plutarco Calles sa wasal biex keċċa lill-membri tal-kleru barranin u pprojbixxa ċ-ċelebrazzjoni tal-quddies f’xi reġjuni. Is-slogan ta’ dan il-moviment tal-“Cristero” kien: “Viva Kristu Re u l-Madonna ta’ Guadalupe!” Magallanes kien bena seminarju f’Totatiche u hu u sħabu kienu jipprietkaw u jamminstraw bil-moħbi lill-fidili.

L-aħħar kliem ta’ Magallanes li nstema’ b’leħen għoli miċ-ċella tiegħu kien: “Jiena innoċenti u se mmut innoċenti. Jiena naħfer b’qalbi kollha lil dawk responsabbli għall-mewt tiegħi, u nitlob lil Alla li t-tixrid ta’ demmi jservi għall-paċi tal-Messiku maqsum tagħna.”

Il-Papa Qaddis Ġwanni-Pawlu II fl-1992 ibbeatifika lil San Kristoforu Magallenas u sħabu martri u fis-sena 2000 l-istess Papa ddikjarahom qaddisin. Isimhom iddaħħal fil-Kalendarju Liturġiku Universali.

Ħsieb: Kull martri jirrealizza kif jevita l-eżekuzzjoni, iżda jirrifjuta li jħallas il-prezz għoli li jagħmel dan. Kuxjenza safja kienet iktar siewja minn ħajja twila. Jista’ jkollna t-tentazzjoni li nikkompromettu l-fidi tagħna meta ngħidu lilna nfusna li aħna qed inkunu sempliċement realistiċi, nittrattaw ma’ sitwazzjonijiet hekk kif insibu ruħna fihom. Imma li wieħed jaħdem għas-sopravivenza għandha tkun verament il-valur u l-għan aħħari tagħna? L-għażliet konkreti tagħna ta’ kuljum għandhom jirriflettu l-valuri profondi tagħna, dawk li “jimmarkaw” il-mod ta’ kif ngħixu. Kulħadd jista’ jimmaġina sitwazzjonijiet fejn li tkun segwaċi ta’ Ġesù huwa eħfef mis-sitwazzjoni preżenti tagħna. Il-Qaddisin, ibda minn San Kristofru Magallanes u sħabu martri, ifakkruna li l-għażliet tagħna ta’ kuljum, speċjalment f’ċirkostanzi ta’ kuntrarju, jiffurmaw il-ħajja tagħna.

Dan huwa kliem il-Papa Franġisku lill-Messikani tat-2016 fil-Vjaġġ missjunarju tiegħu li għamel f’din l-art (13 ta’ Frar):

“Naf bl-istorja twila u ta’ swied il-qalb li għextu, mhux mingħajr it-tixrid ta’ tant demm, mhux mingħajr uġigħ kiefer u agonizzanti, mhux mingħajr vjolenza u nuqqas ta’ ftehim. Nitlobkom ma taqgħux fil-paraliżi li tagħtu tweġibiet qodma għall-mistoqsijiet ġodda. L-imgħoddi tagħkom hu bir ta’ għana li qed jistenna li jiġi mħaffer, li jista’ jnebbaħ il-preżent u jdawwal il-futur. Ħażin għalikom jekk torqdu fuq il-kuruni tar-rand tagħkom! Hemm bżonn li ma titilfux il-wirt li rċivejtu, imma tħarsuh b’ħidma kostanti. Intom qed tistrieħu fuq spallejn il-ġganti: isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi u lajċi fidili “sa l-aħħar”, li taw ħajjithom biex il-Knisja setgħet twettaq il-missjoni tagħha. Mill-għoli ta’ palk bħal dan intom imsejħin tixħtu ħarsa wiesa’ fuq l-għalqa tal-Mulej biex tipprogrammaw iż-żrigħ u tistennew il-ħsad.”

U xi ngħidu għall-gżejjer tagħna? Fejn waslet il-fidi li ġabilna San Pawl fis-sena 60W.K., hu li miet ukoll martri ftit snin wara? Alla, fil-providenza tiegħu tal-għaġeb, lilna bagħatilna lill-Appostlu Missierna San Pawl li ra l-għarqa biex jiġi fostna u jxandrilna l-fidi, imma issa jeħtieġ li filwaqt li nibqgħu dejjem irroddu ħajr lil Alla u lilu, għat-tħabrik u l-imħabba li hu wera magħna, inżommu sħiħ u bla mittiefes it-tagħlim li hu tana bil-kelma u bl-eżempju tiegħu. Imma kemm qed nagħmluh dan?

Dan li ġej huwa kliem il-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II li qal lilna l-Maltin fuq il-Fosos tal-Furjana fis-27 ta’ Mejju 1990, fiż-żjara pastorali tiegħu f’pajjiżna:

“Illum, jiena u ntemm iż-żjara tiegħi, nistieden il-Knisja f’Malta biex timmedita fuq is-sura ta’ tweġiba li se tagħti għall-missjoni kbira li Ġesù ta lid-dixxipli tiegħu meta kien sejjer lura għand il-Missier: ‘Tkunu xhieda tiegħi…. sa truf l-art’ (Atti 1:8).  Nitlobkom tirriflettu fuq ix-xhieda nobbli ta’ fedeltà lejn l-Evanġelju li l-poplu ta’ dawn il-gżejjer wera tul is-sekli.  Ibda minn San Publju. Ġemgħa kbira ta’ xhieda, ħafna minnhom magħrufin biss minn Alla, żammew sħiħ fil-fidi u għożżewha biex jgħadduha lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajhom, imqar fi żmien ta’ persekuzzjoni u tiġrib.  U x’ngħidu mbagħad għall-għadd kbir ta’ missjunarji li ħallew xtut Malta, il-ħafna saċerdoti u reliġjużi li bil-ħidma appostolika tagħhom taw saħħa u qawwew il-Knisja f’pajjiżhom, il-ġenituri li bis-sħuħija tal-fidi tagħhom kisbu kotra ta’ frott bit-tjieba u d-devozzjoni ta’ wliedhom?  Tassew għandna għax inroddu ħajr lil Alla għal din ix-xhieda bi kliem San Pawl stess fit-tieni Qari tal-lum: Dan: ‘hu l-kobor bla qies tas-setgħa tiegħu fina li emminna.’ (Efes 1:19)

Iżda mhux biżżejjed naħsbu bl-umiltà kollha u b’kull ħajr fid-don li takom Alla fl-imgħoddi.  Illum ukoll il-Knisja f’Malta trid tagħti widen għal leħen Kristu li qed jisfidakom biex tkomplu tagħtu xhieda tal-qawwa tal-imħabba tiegħu li twassal għal rikonċiljazzjoni. Kemm minnkom qasmu miegħi n-niket tagħhom għall-firdiet kbar li jinsabu f’ħafna livelli tas-soċjetà tagħkom!  Jista’ qatt xi nisrani jemmen li dawn il-firdiet ġejjin minn Alla? Fid-dawl tal-fidi li nistqarru, nistgħu qatt naċċettaw bħala ħaġa sewwa l-mibegħda għal għajrna jew nemmnu li aħna m’aħniex marbutin bil-kmandament ta’ Alla li nħobbu l-għedewwa tagħna u naħfru ‘minn qalbna’ (ara Mattew 18:35) dawk li jaħtu għalina?

Għeżież ħuti: f’isem Ġesù Kristu, bil-qawwa kollha nitlobkom ilkoll illum biex tgħarblu lilkom infuskom (ara 1 Korintin 11:28) u biex tneħħu kull ma qiegħed ifixkel il-fejqan ta’ ġerħat li ilhom wisq miftuħin.  F’isem Ġesù Kristu, nitlobkom tagħtu bidu ġdid ta’ maħfra u ta’ rispett għal xulxin. B’fiduċja kbira fil-qawwa setgħana tal-grazzja ta’ Alla, li tiġikom mis-sagrament tal-Penitenza, jalla titwettqu fil-ħidma iebsa biex jerġa’ jkun hemm fostkom rispett għal xulxin u djalogu f’kull livell tal-ħajja soċjali u nazzjonali. 

Wieħed mid-dmirijiet ewlenin tal-insara Maltin kollha huwa li jwarrbu kull tilwim u kull għira u jegħlbu kull firda, kemm fi ħdan il-familji, kemm fil-postijiet tax-xogħol u kemm fil-ħajja politika.  Illum, il-Mulej qiegħed jisfida lil kull wieħed minnkom biex il-fidi li rċevejtu tbiddluha f’xhieda ħajja u kollha ħeġġa tal-qawwa tal-imħabba li taħfer u tħobb.  U qiegħed jistedinkom tingħaqdu ma’ ħutkom kollha mingħajr ma tħallu ‘l ħadd barra, għall-bini ta’ soċjetà li tixraq lit-tradizzjoni magħrufa ta’ fidi u ta’ virtù li hi dik Maltija!”

Mhux li kien, li aħna li ngħidu li nħobbu lil dan il-Papa qaddis, nagħtu wkoll widen għal kliemu mimli mħabba paterna f’Isem Ġesù u bħala suċċessur ta’ Pietru! Kieku kemm ikollna ambjent nisrani aħjar!  

Talba: O Marija, int ġejt meħlusa mit-tebgħa tad-dnub tan-nisel, u ġismek ma rax it-taħsir fil-qabar; nitolbuk, illum, aħna u niftakru fit-twelid tal-fidi f’pajjiżna: idħol għalina quddiem Alla l-Missier, biex bħalma hu ħeles lil San Pawl minn tempesta qalila biex jasal fuq din gżiritna, hekk il-fidi tagħna tibqa’ tiġi meħlusa minn kull qerq u ħażen, u mmexxija mill-Ispirtu qaddis, nagħrfu dejjem iżjed is-sinjali taż-żminijiet, biex dak Ġesù   li inti wlidt għad-dinja bl-iva tiegħek għall-kliem tal-Anġlu, jibqa’ jitwieled ta’ kuljum fina, f’pajjiżna u fid-dinja kollha. Ammen. (Talba lill-Madonna biex issaħħaħna fil-fidi li tana San Pawl)

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/06/st-cristobal-magallanes-and-companions.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-crisaint-oacute-bal-magallanes-and-companions/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Crist%C3%B3bal_Magallanes_Jara

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

25 ta’ April: San Mark

Verżjoni Vidjo: San Mark

“Kristu bagħatni nxandar il-bxara t-tajba, mhux bi kliem il-għerf, sabiex ma jiġix fix-xejn is-salib ta’ Kristu. Il-predikazzjoni tas-salib hija bluha għal dawk li jintilfu; imma għal dawk li jsalvaw hi l-qawwa ta’ Alla. Billi, fl-għerf ta’ Alla, id-dinja b’għerfha ma għarfitx lil Alla, Alla għoġbu jsalva lil min jemmen bil-bluha tal-predikazzjoni.” – Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Mark.

St.-Mark-Icon-WEB-327x420SAN MARK
Evanġelista
L-Ewwel Seklu

Tagħrif: San Mark aktarx li kien it-tifel ta’ Marija, dik il-mara armla prominenti fil-komunità Nisranija ta’ Ġerusalemm, li kienet iżżomm laqgħat tal-Insara fid-dar tagħha: u li San Pietru meta ġie meħlus mill-ħabs mar dritt għandha (Atti 12:13).

Probabbilment San Mark ġie mgħammed minn San Pietru stess.

Meta San Pawl u San Barnaba, li kien kuġin ta’ Mark, ġew Ġerusalemm bil-karità li kienu ġabru minn Antjokja, Mark issieħeb magħhom u mar magħhom fl-ewwel vjaġġ missjunarju ta’ San Pawl, iżda għal xi raġuni meta kienu f’Perge tal-Pamfilja telaqhom u rritorna Ġerusalemm (Atti 13:13). Minħabba f’hekk San Pawl ma riedx lil Mark jakkompanjah fit-tieni vjaġġ tiegħu, u floku ħa lil Silas. Fuq hekk San Barnaba ma marx ma’ San Pawl, iżda flimkien ma’ Mark mar Ċipru, art twelidu. Imma ftit żmien wara Mark u Pawlu rranġaw id-differenzi ta’ bejniethom u saru ħbieb. Għall-ħabta tas-sena 60, lil Mark insibuh Ruma ma’ dan l-appostlu kbir u kien qed jaħseb biex jirritorna fil-knejjes tal-Asja ż-Żgħira, fejn kien diġà sar magħruf ħafna għall-ħidmiet appostoliċi tiegħu.

Minn Ruma x’aktarx li mar Kolossi, fl-Asja ż-Żgħira. Dan nafuh mill-ittra ta’ San Pawl lill-Kolossin fejn talabhom jagħtuh merħba (Kolossin 4:10). Meta San Mark reġa’ mar Ruma, ħadem ma’ San Pietru. Jidher li San Mark xandar l-evanġelju wkoll f’Aquilea, fit-tarf tat-tramuntana tal-Adrijatiku. Minn hemm telaq lejn l-Eġittu u jingħad li hu kien l-ewwel isqof ta’ Lixandra. Mar Efesu. Dan nafuh mill-ittra ta’ San Pawl lil San Timotju fejn talbu jġib lil Mark miegħu (2 Timotju 4:11). Fis-sena 61, San Pawl kiteb lil Timotju f’Efesu, u talbu li jieħu miegħu lil Marku f’Ruma.

F’Ruma, bejn is-snin 60 u 70 w.K., San Mark kiteb l-evanġelju tiegħu, li hu ġabar mit-tagħlim ta’ San Pietru, li tiegħu jidher li kien jagħmilha ta’ segretarju u interpretu – hi kitba għall-pagani konvertiti. San Pietru jsejjaħ lil Marku “ibni”. Dan it-titlu ma jfissirx bilfors li kien għammdu hu; jista’ jkun titlu ta’ mħabba lejn wieħed li għal bosta snin kien miegħu u bin ħabiba antika tiegħu. Il-vanġelju tiegħu hu l-eqdem mill-erba’ vanġelji li għandna. Hu l-iqsar vanġelu, u kitbu bil-Grieg, għax x’aktarx li kien għall-Ġentili kkonvertiti ta’ Ruma. L-iljun bil-ġwienaħ hu s-simbolu tal-Vanġelu tiegħu għax fih iddeskriva ’l San Ġwann Battista bħala “vuċi tgħajjat fid-deżert,” vuċi ta’ ljun; u l-ġwienaħ għax Eżekjel kien ra viżjoni ta’ erba’ annimali bil-ġwienaħ.

Tradizzjoni tgħid li x’aktarx San Mark miet martri f’Lixandra. San Mark hu l-patrun ta’ Venezja; hu l-qaddis protettur wkoll tan-nutara.

Illum hu kważi ċert li dak iż-żagħżugħ li ħarab għarwien mill-Ġetsemani meta arrestaw lil Ġesù , li hu jsemmi fil-Vanġelju tiegħu, kien hu nnifsu.

Ħsieb: San Mark kiteb l-Evanġelju tiegħu ġewwa Ruma, fi żmien il-persekuzzjoni li l-Imperatur Neruni għamel kontra l-Insara. Din il-persekuzzjoni bdiet fis-sena 64, u San Pietru kien wieħed minn tal-ewwel li ħa l-martirju. Wara l-mewt ta’ Pietru, Alla qanqal lil Marku biex jikteb l-Evanġelju, mhux biex sempliċiment jirrakkonta l-ħajja ta’ Ġesù fuq din l-art, imma biex jagħmel kuraġġ lill-Insara ħalli jkunu lesti jagħtu ħajjithom għalih jekk Alla jitlob minnhom dak is-sagrifiċċju.

Għalhekk Marku qagħad jaħseb biex jara x’se jagħżel minn dak kollu li kien tgħallem fuq Ġesù, u fehem li kellu jinsisti fuq żewġ veritajiet, jiġifieri li Ġesù huwa tassew Alla, u li Ġesù kien tassew il-Messija, Messija li bata għall-fidwa tagħna. Hekk in-Nisrani jkun aktar lest li jmut għal Ġesù meta jifhem li Ġesù nnifsu, l-istess Alla li sar bniedem, kien miet għalih.

Lill-ktieb tiegħu Marku sejjaħlu: “Bidu ta’ l-Vanġelju ta’ Ġesù, Messija, Bin Alla” (Mk 1: 1). Il-kelma “Vanġelju” tfisser ‘Aħbar Tajba’, u tassew, ma hemmx aħbar isbaħ minn dik li tgħidilna li Alla l-Missier tant ħabbna li bagħtilna lil Ibnu fostna biex ikun is-Salvatur tagħna. Imma qabel il-kelma “vanġelju”, Marku kiteb il-kelma “Bidu”, biex jgħidilna: “Mhux biżżejjed li taqraw u tistudjaw il-ktieb tiegħi. Il-qari ta’ dan il-ktieb hu biss il-bidu; wara li taqrawh, jeħtieġ li tgħixuh, biex tkunu tistgħu tgawdu l-frott tal-fidwa li ġabilna Ġesù.”

Mark wettaq f’ħajtu dak li kull Nisrani huwa msejjaħ li jagħmel: jipproklama lin-nies kollha l-Aħbar Tajba tal-Vanġelu li huwa s-sors tas-salvazzjoni. Dan Mark għamlu b’mod partikolari bil-kitba. Oħrajn jistgħu jipproklamaw l-Aħbar Tajba permezz tal-mużika, tad-drama, tal-poeżija, jew billi jgħallmu lit-tfal madwar il-mejda tal-familja.

  • U int, kemm tiddedika ħin biex tiskopri min hu Ġesù u kif iridna ngħixu billi taqra l-Vanġeli?
  • Qed tagħmel ħiltek kollha biex ixxandar lil Kristu bil-kliem u b’mod speċjali bil-mod kif tgħix it-tagħlim tiegħu u tal-Knisja mwaqqfa minnu?
  • Kemm int lest/a li tieħu riskji biex tgħix ta’ xhud vera ta’ Kristu anki meta jkollok tħabbat wiċċek ma’ kull xorta ta’ kuntrarju?

Għall-Vanġelju ta’ San Mark moqri bil-Malti f’forma ta’ vidjo wmur: http://www.laikos.org/San_Mark_AV1.htm

Talba: O Alla, int imlejt b’ġieħ kbir lill-evanġelista tiegħek San Mark billi tajtu l-grazzja li jxandar l-Evanġelju: agħmel li nfittxu t-triq li hu għallimna, biex nimxu bil-fedeltà wara Ibnek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/05/st-mark.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-mark/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Mark_the_Evangelist

Playlist tal-Vaġelju ta’ San Mark moqri bil-Malti f’forma ta’ vidjo:

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

14 ta’ April: Beatu Pietru Gonzales

Verżjoni Vidjo: Beatu Pietru Gonzales

“Jekk id-dinja daħket bija, jien irrid nidħak bid-dinja.” – Beatu Pietru Gonzales

san_pietro_gonzales-detto_s-_telmoBEATU PIETRU GONZALES
Reliġjuż
†1246

Tagħrif: Pietru Gonzales kien ġej minn familja nobbli ta’ Kastilja, fi Spanja. Wieħed minn zijietu kien isqof ta’ Astorga, li eduka lil Pietru u anki kisiblu t-titlu ta’ kanonku tal-katidral minkejja li kien għadu taħt l-età.

Darba f’jum tal-Milied, hekk kif kien kollu mdandan imlibbes bl-iżjed ilbies fin biex jieħu l-pussess bħala kanoniku, kien imtajjar minn fuq iż-żiemel tiegħu u mitfugħ f’ħofra mimlija tajn, fost id-daħk ta’ dawk kollha li raw dan l-inċident.

F’daqqa waħda ħajtu nbidlet għal kollox għax din il-ġrajja ġegħlitu jiftaħ għajnejh u jara l-frugħa kollha tiegħu. “Jekk id-dinja daħket bija” qal, “jien irrid nidħak bid-dinja.” Ħalla l-pożizzjoni li kellu u daħal Dumnikan. Kien predikatur kapaċi u anke ġie nominat bħala l-kappillan irjali minn San Ferdinandu III, re ta’ Kastilja u Leon.

Dan il-patri Dumnikan kien meqjum ħafna mill-baħħara Spanjoli u Portugiżi li kien jagħmlilhom żjarat fuq ix-xwieni tagħhom.

Huwa miet fl-14 ta’ April, 1246. Kien ibbeatifikat mill-Papa Innoċenz IV fl-1254 u kkanonizzat fit-13 ta’ Diċembru, 1741 mill-Papa Benedittu XIV. Huwa l-qaddis protettur tal-baħħara li jsejħulu taħt l-isem ta’ Elmo jew Erażmu, li minnu ġej l-isem ta’ Iermu li għalih hija msemmija l-famuża Forti Sant’Iermu fil-belt Valletta.

Ħsieb: Kemm-il darba smajna stejjer dwar xi sfortuna jew diżastru biex imbagħad wara xi żmien, tisma’ li ġiet meqjusa bħala ħaġa tajba. Mhux kull “diżastru” huwa tassew ħażin fil-konsegwenzi tiegħu, għax il-Mulej jista’ joħroġ it-tajjeb minn dak li jidher li hu sfortuna. Dan kien il-każ tal-Beatu Pietru Gonzales li ġralu bħal San Pawl. Il-waqgħa minn fuq iż-żiemel għal ġot-tajn, irriżultat f’ħaġa tajba fil-ħajja tiegħu. Ġabietu f’sensieh u bidlitlu l-mod ta’ kif jaħseb. Din tissejjaħ konverżjoni. U tassew, kull nisrani jeħtieġ li jibdel il-mod ta’ kif jaħseb, għax kulħadd ikollu bżonn jikkonverti minn bniedem ħażin għal wieħed li jibda jagħmel it-tajjeb u minn bniedem tajjeb għal wieħed li jagħmel dak li hu l-aħjar, eċċ… Il-konverżjoni għalhekk tibqa’ għaddejja tul ħajjitna kollha sakemm naslu sal-punt fejn San Pawl jgħid li rridu nsiru: “Naħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù” (Filippin 2:5). F’post ieħor jgħid: “Intom il-magħżulin ta’ Alla, il-qaddisin u l-maħbubin tiegħu. Ilbsu mela sentimenti ta’ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar” (Kolossin 3:12).

Imma meta l-Beatu Pietru Gonzales qal: “Jekk id-dinja daħket bija, jien irrid nidħak bid-dinja” x’ried ifisser eżatt? X’aktarx li ried jagħmel distinzjoni bejn il-fatt li qabel il-waqgħa huwa kien iblah, kien bniedem tad-dinja, b’viżjoni dejqa u ffukata fuqu nnifsu; imma minn wara l-waqgħa, ħa deċiżjoni li ‘jiftaħ moħħu’ jew ‘għajnejh’ u jilqa’ l-mod ta’ kif jaħsibha Alla, f’kelma waħda, li jsir bniedem spiritwali u jirbaħ fuq id-dinja. Kristu qal: “Jiena rbaħt id-dinja!” (Ġwanni 16:33). B’liema modi n-​’nies’ tad-dinja (li jiffukaw biss fuq il-bżonn fiżiku) differenti minn dawk spiritwali?

L-​’appostlu’ Pawlu jgħinna nifhmu d-​’differenza’ bejn “bniedem spiritwali” u “bniedem fiżiku.” Fl-​1 Korintin 2:14-16, insibu dan: “Il-bniedem naturali ma jilqax il-ħwejjeġ tal-Ispirtu ta’ Alla; għalih huma kollha bluha, ma jistax jifhimhom, għaliex ħadd ma jista’ jgħarbilhom jekk mhux bl-Ispirtu. Il-bniedem spiritwali jgħarbel kollox, u lilu ma jgħarblu ħadd. Min hu dak li jista’ jifhem il-ħsieb tal-Mulej biex ikun jista’ jgħallmu? Imma aħna, aħna għandna fina l-ħsieb ta’ Kristu.”

Persuna fiżika ‘ma tilqax l-​affarijiet tal-​ispirtu t’Alla, għax huma bluha għaliha; u ma tistax issir tafhom.’ B’kuntrast, persuna spiritwali ‘tistħarreġ kolloxʼ u għandha “l-​moħħ taʼ Kristu,” li jfisser li tistinka biex taħseb bħalma jaħseb Kristu. Pawlu jinkuraġġina biex inkunu nies spiritwali.

B’kuntrast maʼ persuna fiżika, persuna spiritwali jimpurtaha ħafna mir-​relazzjoni tagħha m’Alla. Hi tħalli l-​Ispirtu qaddis t’Alla jiggwidaha u tistinka biex timita lil Kristu. San Pawl jisħaqq: “Kunu, mela, tixbhu lil Alla, bħala wlied maħbuba.” (Efesin 5:1) Din tagħmel sforz biex titgħallem kif jaħsibha l-Mulej u biex tara l-​affarijiet kif jarahom Hu. Alla hu reali ħafna għaliha. Din ma tipprattikax “l-​għemejjel tal-​laħam” imma tipprova tiżviluppa “l-​frott tal-​ispirtu.” U f’Galatin 5:22-25 insibu: “Il-frott tal-Ispirtu huma: l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan. Kontra dawn ma hemmx liġi. Dawk li huma ta’ Kristu Ġesù sallbu l-ġisem, il-ġibdiet u l-passjonijiet tiegħu. Jekk ngħixu bl-Ispirtu, ħalli nimxu bl-Ispirtu.”

Ġesù qal li dawk li għandhom moħħhom iffokat fuq affarijiet spiritwali huma ferħanin. (ara ​Mattew 5:3-12) Fil-qosor nistgħu inpoġġuha b’dan il-mod: Henjin dawk li huma konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom, għax għandhom ċans kbir li jiksbu s-​saltna tas-​smewwiet. F’Rumani 8:6-8 insibu wkoll: “Ix-xewqat tal-ġisem iwasslu għall-mewt; ix-xewqat ta’ l-Ispirtu jwasslu għall-ħajja u s-sliem. Għalhekk ix-xewqat tal-ġisem huma għedewwa ta’ Alla; ma joqogħdux għal-liġi ta’ Alla, u anqas jistgħu joqogħdu.” Għalhekk, jidher ċar li l-​ħajja tagħna tiddependi fuq li naħsbu bħalma jaħseb Kristu. Allura, jekk aħna moħħna ffokat fuq affarijiet spiritwali, minn issa stess jistaʼ jkollna l-​paċi m’Alla u magħna nfusna, u jistaʼ jkollna t-​tama tal-ħajja taʼ dejjem.

Talba: O Mulej, int ftaħt għajnejn il-Beatu Pietru Gonzales permezz tal-inċident li għadda minnu, agħti lilna lkoll li nintebħu b’modi ta’ kif nistgħu nsiru naħsbu bil-mod kif taħseb Int, ħalli aħna wkoll naslu nirbħu fuq id-dinja, il-bluha, l-egoiżmu u l-qerq tagħha. Bi Kristu Sidna. Ammen.  

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/04/blessed-peter-gonzalez.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/blessed-peter-gonzalez/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Peter_Gonz%C3%A1lez

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

10 ta’ Frar: San Pawl, Patrun ta’ Malta

Verżjoni Vidjo: San Pawl, Patrun ta’ Malta

“Appostlu San Pawl, xandȃr tas-sewwa u mgħallem tal-ġnus, idħol għalina quddiem Alla li għażlek”. ~ Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tas-Solennita’ ta’ San Pawl: Patrun ta’ Malta.

San PawlSAN PAWL: PATRUN TA’ MALTA
Appostlu
L-Ewwel Seklu

Tagħrif: Illum fil-gżejjer tagħna, u kull fejn hemm il-Maltin, tiġi ċċelebrata l-festa ta’ San Pawl – Patrun ta’ Malta. Din hija ġrajja ta’ importanza ewlenija fl-istorja ta’ pajjiżna. Huwa l-jum tal-Magħmudija ta’ Malta għax kienet dik iċ-ċirkustanza li fiha missirijietna semgħu għall-ewwel darba bl-aħbar it-tajba ta’ Sidna Ġesù Kristu, ftit snin biss wara t-tlugħ fis-sema ta’ Ġesù.

Meta San Pawl kien fi vjaġġ fuq il-baħar fi triqtu lejn Ruma bħala priġunier biex il-kawża tiegħu tinstema’ quddiem Ċesari, Alla fil-providenza tiegħu tal-għaġeb, għoġbu li dan l-appostlu jara l-għarqa biex jiġi hawn Malta. Il-kliem li San Pawl qal lil sħabu wara li deherlu l-anġlu meta t-tempesta kienet fl-eqqel tagħha: “jeħtieġ li naħbtu ma’ gżira” (Atti 27, 26) bilfors jagħtina x’naħsbu li Alla kellu ħsibijiet kbar fuq Malta meta riedu li f’dawk iċ-ċirkustanzi jasal fostna l-Appostlu tal-Ġnus.

San Luqa fl-Atti jsemmi l-laqgħa sabiħa li missirijietna għamlu lill-appostlu u lil sħabu, b’kollox 276 ruħ. Bla dubju, tul it-tlett xhur li dam fostna, San Pawl xandar it-twemmin fi Kristu Ġesù, li kien għadu kif miet u rxoxta inqas minn 30 sena qabel. Ix-xandir ta’ Pawlu, kif ukoll il-mirakli li għamel, kellhom effett kbir fuq il-poplu Malti ta’ dak iż-żmien u aċċetta d-don tal-fidi li, bi grazzja speċjali ta’ Alla, baqgħet nieżla minn ġenerazzjoni għall-oħra sal-ġurnata tal-lum. Hu emmnut li, kif kien soltu jagħmel San Pawl f’kull pajjiż li jżur, huwa waqqaf il-Knisja fuq artna u anki taha, skont it-tradizzjoni, l-ewwel isqof tagħha fil-persuna ta’ Publju, il-prinċep tal-gżira.

Din hi l-ikbar festa tagħna l-Maltin, bħala Maltin Insara. Biha nuru kemm aħna kburin li nissejħu “Ulied San Pawl”.

Fis-sena 60, meta sar in-Nawfraġju, il-ftit eluf ta’ Maltin kienu pagani, jaduraw ix-xemx, il-qamar u allat foloz. Kien San Pawl li tahom it-twemmin f’Alla Wieħed, Veru u Ħaj, u f’Ġesù Kristu Msallab, is-Salvatur tal-bnedmin. Dan it-Twemmin, missirijietna għaddewh lilna bla mittiefes, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Jalla aħna wkoll, bl-istess mod ngħadduh lil uliedna u lill-ulied uliedna.

Huwa tassew xieraq li aħna l-Maltin kull sena nfakkru l-ġrajja ta’ dan in-nawfraġju u fl-istess ħin nagħmlu Festa Solenni ‘l San Pawl bħala l-Missier tagħna l-Insara Maltin.

In-nawfraġju ta’ San Pawl hu t-titular ta’ waħda mill-parroċċi tal-Belt Valletta, kif ukoll dik tal-Munxar ġewwa Għawdex. Kif kien xieraq, il-Knisja f’Malta tfakkar dan il-jum providenzjali bħala festa kmandata, u għalhekk illum hemm l-obbligu tas-smigħ tal-quddies. Nitolbu llum lil Alla li jagħmel li Malta żżomm sħiħ u bla mittiefes it-tagħlim li San Pawl tana bil-kliem u bl-eżempji tiegħu.

Ħsieb: Il-Knisja f’Malta trodd ħajr lill-Mulej għaliex sejħilna mid-dlamijiet tad-dnub u mid-dell tal-mewt li fihom konna qed ngħixu, u daħħalna fid-dawl tiegħu tal-għaġeb meta bagħtilna lill-appostlu tiegħu jxandrilna l-bxara t-tajba tal-Evanġelju.

Din hija silta mid-diskors tal-Papa Ġwann Pawlu II – Fosos tal-Furjana 2001:

“Il-wasla tal-appostlu fuq ix-xtajta tagħkom kienet drammatika. San Luqa rrakkontalna l-vjaġġ fil-maltemp u kif ma setgħu jagħmlu xejn il-baħħara u l-passiġġieri hekk kif il-ġifen inkalja u beda jinqasam (ara Atti 27,39-44). U smajna b’liema mod inħelsu: “Meta ħlisna mill-għarqa, sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta.” (Atti 28,1)

Fil-providenza ta’ Alla, Malta kellha tħaddan l-Evanġelju fil-jiem bikrija tal-Kristjaneżmu. “Inroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu, għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.” (Salm 107,15) … B’fedeltà lejn l-Appostlu Pawlu, missierkom fil-fidi, intom magħrufin mal-Knisja kollha għad-devozzjoni u l-ħeġġa missjunarja tagħkom. Malta għandha wirt nisrani mill-akbar li tiegħu intom għandkom raġun tkunu kburin, imma dak il-wirt hu wkoll don li jitlob responsabbiltà kbira (ara Luqa 12,48) …

San Pawl wasal Malta bħala priġunier fi triqtu lejn Ruma … Għal żewġ millennji bqajtu fidili lejn is-sejħa li ħarġet minn dik il-laqgħa singulari. Illum is-suċċessur ta’ Pietru jixtieq iwettaqkom fl-istess fidi u jħeġġiġkom fl-ispirtu ta’ tama u mħabba nisranija. Jitlob biex, bħal missirijietkom, intom ukoll tagħtu frott tajjeb u bil-bosta. Siġar tajba jagħtu ħafna frott tajjeb (ara Mattew 12,33-35) …

Il-pożizzjoni ta’ Malta fl-Ewropa u fil-Mediterran tagħmilha eredi, b’mod speċjali, ta’ tradizzjoni kulturali sinjura, li l-qalb tagħha hi l-umaniżmu tal-Vanġelu … Għożżu s-sejħa nisranija! Kunu kburin tal-wirt reliġjuż u kulturali! Ħarsu lejn il-ġejjieni b’tama u imxu b’ħeġġa ġdida biex tagħmlu dal-millenju ġdid żmien ta’ solidarjetà u paċi, ta’ mħabba għall-ħajja u rispett għall-ħolqien t’Alla”.

San Ġwann Battista De La Salle jgħid:

“… Għandek xorti kbira li inti għaraft il-verità, u li twelidt, u trawwimt fir-reliġjon nisranija. L-ewwel ħaġa li għandek tagħmel hija li tieħu ħsiebha u tippreseverha. Inti tħossok imħeġġeġ f’din il-ħaġa, bħalma kien San Pawl billi żamm r-reliġjon Lhudija?”

Il-Papa Benedittu XVI waqt iż-żjara tiegħu f’Malta, 2010, qalilna hekk:

“Dawk il-kelmiet – “Jeħtieġ iżda li naslu fi gżira” (Atti 27:26) – fil-kuntest oriġinali tagħhom huma sejħa għall-kuraġġ quddiem dak li mhux magħruf u fiduċja kostanti fil-providenza misterjuża ta’ Alla. In-nawfraġi, fil-fatt, intlaqgħu bil-qalb mill-poplu Malti li mexa wara l-gwida mogħtija minn San Publju. Fil-pjan ta’ Alla, San Pawl b’hekk sar missierkom fil-fidi Nisranija. Bis-saħħa tal-preżenza tiegħu fostkom, l-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu rabba għeruq sodi u ta’ frott mhux biss fil-ħajjiet ta’ individwi, familji u komunitajiet iżda wkoll fil-formazzjoni tal-identità nazzjonali ta’ Malta u tal-kultura vibranti u distintiva tagħha. Komplu esploraw l-għana u l-fond tar-rigal ta’ Pawlu lilkom u kunu żguri li tgħadduh mhux biss lil uliedkom iżda wkoll lil dawk kollha li tiltaqgħu magħhom illum”.

Ngħożżu b’għożża l-iktar kbira l-Fidi li ksibna minn għand San Pawl, mhux biss individwalment, iżda wkoll li bħala nazzjon, bħala ġens. Ejjew nitolbu lil San Pawl, l-Appostlu tal-Mulej biex jgħinna nkunu appostli, li naqdu lill-Knisja b’qalb safja, inkunu xhieda tal-verità u s-sbuħija tagħha f’dan id-dlam ta’ żminijietna.

Talba: Ejja Mulej Ġesù, f’nofs dan il-poplu, ejja b’dik il-qawwa li biha żortu l-ewwel darba permezz ta’ San Pawl elfejn sena ilu. Ejja mill-ġdid fil-qlub tal-Maltin li ċaħduk jew insewk. Ejja fil-ħajja ta’ dan il-poplu kif ġejt permezz ta’ Pawlu, u għamiltu poplu ġdid. Ejja Mulej fil-Knisja Maltija u agħtiha ħajja ġdida, ejja fil-familji Maltin, ejja fl-għaqdiet, ejja fost il-morda, u ejja fit-tmiem tal-ħajja ta’ kull Malti u kull Maltija, sabiex ebda wieħed u waħda minn dawn uliedek ma jintilef jew tintilef, imma jiġu jgawdu lilek u lilu fis-sema, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. (Talba ta’ Mons. Lawrence Cachia)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.visitmalta.com/en/st-paul-in-malta

Alternative Reading: https://malta.intercontinental.com/2016/02/09/the-shipwreck/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Paul_the_Apostle

Filmat addattat għat-tfal:

Film on the life of Saint Paul:

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

3 ta’ Frar: San Ansgar

Verżjoni Vidjo: San Ansgar

“Kieku kien jistħoqqli dawn it-tip ta’ favuri mingħand Alla tiegħi, kieku kont nitolbu li jagħmilli miraklu wieħed: dak li bil-grazzja Hu jagħmel minni raġel tajjeb”. ~ San Ansgar lil wieħed mill-segwaċi tiegħu li kien immeraviljat bil-mirakli kollha li kien qed iwettaq dan il-qaddis. 

St-AnsgarSAN ANSGARJU (OSCAR)
Isqof
801 – 865

Tagħrif: San Ansgarju, appostlu tad-Danimarka u tal-Isvezja, twieled fis-sena 801, f’Amiens, Franza, għand familja nobbli.

Ġie edukat mill-patrijiet benedittini fil-monasteru ta’ Corbie l-Qadim, f’Picardy, Franza, u wara sar patri fl-istess monasteru.

Fis-sena 826, mar id-Danimarka bħala missjunarju, iżda ftit li xejn kellu suċċess. Wara tliet snin, fuq stedina tar-Re Bjorn, mar l-Isvezja, fejn irnexxielu jikkonverti xi ftit nies, u bena l-ewwel knisja nisranija.

F’inqas minn sentejn, fis-sena 832, ġie msejjaħ biex ikun l-Abbati tal-Monasteru ta’ Corbie l-Ġdida, f’Westphalia, il-Ġermanja, u l-Isqof ta’ Umburgo (Hamburg).

Wara tlettax-il sena bħala Isqof ta’ Umburgo, fis-sena 845, kellu x-xorti ħażina li jara n-Normanni jinvadu u jħarbtu l-pajjiż, u minħabba fihom ukoll, id-Danimarka u l-Isvezja reġgħu qalbu għall-paganiżmu.

Fis-sena 848, ġie maħtur Arċisqof ta’ Brema, l-Ġermanja, u sitt snin wara, fis-sena 854, flimkien ma’ grupp ta’ missjunarji, reġa’ mar id-Danimarka. Irnexxielu jikkonverti lir-Re Erik ta’ Jutland, u wara lir-Re Olaf tal-Isvezja.

Miet fil-paċi fi Bremen fis-sena 865, u ġie midfun fil-Katidral tal-Belt.

Wara l-mewt tiegħu, l-Isvezja reġgħet saret pagana u baqgħet hekk għal żewġ sekli, sakemm reġgħu marru hemm missjunarji oħra.

Ħsieb: Ansgar (jew Oskar) jissejjaħ l-Appostlu tal-Iskandinavja għax ħadem ħafna fid-Danimarka u fl-Isvezja. Ansgar kien predikatur u amministratur jinqala’. Kien bniedem mogħti għat-tgħakkis u jħobb il-foqra. Kien jixtieq imut martri, iżda miet fil-paċi fi Bremen fl-età ta’ 65 sena. B’xorti ħażina wara l-mewt ta’ San Ansgar (jew Oskar) l-Isvezja reġgħet lura kompletament għall-paganiżmu.

L-istorja tirreġistra dak li n-nies jagħmlu, aktar milli dak li n-nies huma. Iżda l-kuraġġ u l-perseveranza tal-irġiel u n-nisa bħal Ansgar jistgħu jiġu biss minn bażi solida ta’ kuraġġ u perseveranza Missjunarja. Il-ħajja ta’ Ansgar għandha tfakkarna wkoll li Alla jikteb dritt fuq il-linji mgħawġin li nagħmlulu aħna. Kristu jieħu ħsieb tal-effetti tal-apostolat bil-mod uniku tiegħu, imma l-ewwel interess tiegħu jibqa’ dejjem il-qdusja tal-appostli u d-dixxipli nfushom. L-appostolat jiġi wara. Jiġifieri, minkejja li l-istorja tirrakkuntalna li wara l-mewt ta’ Ansgar, in-nies reġgħet lura għall-paganiżmu, Alla kien kuntent bil-qdusija tal-qaddej tiegħu Ansgar, minkejja li forsi deher li falla fil-vokazzjoni tiegħu bħala missjunarju. Alla jinteressah mill-persuna li tagħmel ħilitha biex tħobbu aktar milli mis-suċċessi miksuba b’riżultat tal-appostolat li l-persuna tagħmel.

Rakkont ħelu dwar dan il-qaddis, jgħid li wieħed mill-segwaċi ta’ San Ansgar kien immeraviljat bil-mirakli kollha li kien qed jagħmel dan il-qaddis. Ansgar sab rimedju għal dan u qallu: “Kieku kien jistħoqqli dawn it-tip ta’ favuri mingħand Alla tiegħi, kieku kont nitolbu li jagħmilli miraklu wieħed: dak li bil-grazzja Hu jagħmel minni raġel tajjeb.”

Ejjew nitolbu lill-Mulej biex il-fidi nisranija tibqa’ dejjem tissaħħaħ fil-pajjiżi tal-Iskandinavja fejn San Ansgarju ħadem b’ħeġġa mill-ikbar. Imma xi ngħidu għal pajjiżna? Bħalma Ansgar jissejjaħ l-Appostlu tal-Iskandinavja, San Pawl huwa l-Appostlu ta’ Malta jew “Missierna fil-Fidi”. F’hiex inhi l-fidi li rċevejna aħna? Forsi ftit ftit qed nerġgħu insiru pagani?

Fid-Diskors tiegħu l-Papa Benedittu XVI, meta kien fil-grotta ta’ San Pawl, ir-Rabat, Malta
(17 ta’ April 2010) qal dan:

“Il-pellegrinaġġ tiegħi f’Malta beda b’mument ta’ talba fis-skiet fil-Grotta ta’ San Pawl li ġab għall-ewwel darba l-fidi lil dawn il-gżejjer. Il-ħidmiet appostoliċi ta’ Pawlu taw ukoll ħsad għani fil-ġenerazzjonijiet ta’ predikaturi li segwew il-passi tiegħu, u b’mod  partikolari fl-għadd kbir ta’ saċerdoti u reliġjużi li imitaw iż-żelu missjunarju tiegħu billi ħallew Malta biex iwasslu l-Evanġelju fi xtut imbiegħda. Waqt li jien fostkom bħala s-Suċċessur tal-Appostlu Pietru, jien nistedinkom biex tisimgħu l-kelma ta’ Alla mill-ġdid, kif għamlu l-antenati tagħkom, u tħalluha tisfida l-modi ta’ kif taħsbu u l-mod kif tgħixu ħajjietkom.

Minn dan il-post qaddis minn fejn il-predikazzjoni appostolika xterdet ma’ dawn il-gżejjer kollha, jien insejjaħ lil kull wieħed u waħda minnkom biex tidħlu għal din l-isfida eċċitanti tal-evanġelizzazzjoni ġdida. Għixu l-fidi tagħkom b’mod dejjem isħaħ:

  • mal-membri tal-familji tagħkom,
  • fl-inħawi fejn tgħixu,
  • fil-post tax-xogħol u
  • fit-tessut sħiħ tas-soċjetà Maltija.

B’mod partikolari jien inħeġġeġ lill-ġenituri, lill-għalliema u lill-katekisti biex jitkellmu ma’ oħrajn fuq il-laqgħa ħajja tagħhom infuskom ma’ Ġesù Ħaj, l-aktar maż-żgħażagħ li huma l-futur ta’ Malta. “Il-fidi tissaħħaħ meta tingħadda lill-oħrajn!” (ara Redemptoris Missio, 2). Emmnu li l-mumenti tagħkom ta’ fidi jiżguraw laqgħa ma’ Alla li fis-setgħa qawwija tiegħu jmiss il-qlub tal-bnedmin. B’dan il-mod intom tintroduċu liż-żgħażagħ għas-sbuħija u l-għana tal-fidi Kattolika u toffrulhom katekeżi soda b’mod li tistednuhom għal sehem dejjem aktar attiv fil-ħajja sagramentali tal-Knisja.

Id-dinja teħtieġ din ix-xhieda!

  • Quddiem tant theddidiet għas-sagralità tal-ħajja umana, u għad-dinjità taż-żwieġ u tal-familja, m’għandhiex tidher il-ħtieġa li n-nies tal-lum jitfakkru l-ħin kollu fil-kobor tad-dinjità tagħna bħala wlied Alla u fis-sejħa sublimi li rċevejna fi Kristu?
  • M’għandhiex is-soċjetà l-ħtieġa li terġa’ tagħmel tagħha u tiddefendi dawn il-veritajiet morali fundamentali li jibqgħu l-pedament ta’ libertà awtentika u progress ġenwin?

Iss’issa, kif kont quddiem din il-Grotta, jien irriflettejt fuq id-don spiritwali kbir (ara Rum 1:11) li Pawlu ta lil Malta, u jien tlabt li intom tkun tistgħu żżommu bla mittiefes il-wirt imħolli lilkom mill-Appostlu l-kbir. Jalla l-Mulej iwettaq lilkom u lill-familji tagħkom fil-fidi li topera permezz tal-imħabba (ara Galatin 5:6) u tagħmilkom xhieda ferrieħa tat-tama li qatt ma tqarraq (ara Rumani 5:5)”. 

Talba: O Alla, int bgħatt lill-isqof Sant’Ansgarju biex iwassal id-dawl tiegħek lil bosta ġnus; agħtina l-għajnuna tat-talb tiegħu, ħalli nimxu dejjem ‘il quddiem fid-dawl tal-verita’ tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/saint-ansgar/

Alternative Reading: http://stansgar.weebly.com/st-ansgar.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Ansgar

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

26 ta’ Jannar: San Timotju u San Titu

Verżjoni Vidjo: San Timotju u San Titu

“Int, bniedem ta’ Alla, fittex li jkollok il-ġustizzja, it-tjieba, il-fidi, l-imħabba, is-sabar, il-ħlewwa. Tqabad it-taqbida t-tajba tal-fidi, qis li tirbaħ il-ħajja ta’ dejjem. Għallem skont id-duttrina vera”. ~ 1Timotju 6:11-12; Titu 2:1

C3FSszvVYAEXmarSAN TIMOTJU SAN TITU
Isqfijiet
L-ewwel Seklu

Tagħrif: Dawn iż-żewġ qaddisin kienu dixxipli u sħab ta’ San Pawl, u għalhekk il-Knisja tagħmel il-festa tagħhom flimkien l-għada tal-konverżjoni ta’ dan l-appostlu.

SAN TIMOTJU

San Timotju twieled fil-belt ta’ Listra. Missieru kien Grieg, u ommu, Ewniċe, kienet mara Lhudija devota.

Kien ta’ natura timida. Aktarx li tgħammed minn San Pawl f’Listra, f’madwar is-sena 47, meta kellu xi sittax-il sena.

Xi ħames snin wara, ingħaqad ma’ San Pawl meta l-appostlu reġa’ għadda minn Listra, u nsibuh miegħu f’bosta nħawi, u saħansitra fil-ħabs, f’Ruma. Meta nħeles, ġie mibgħut minn San Pawl bħala l-ewwel Isqof ta’ Efesu, meta kellu madwar 32 sena.

San Pawl kitiblu żewġ ittri, l-ewwel waħda mill-Italja fis-sena 64, u t-tieni minn Ruma ftit qabel ma miet fejn talbu biex imur jarah. Jekk Timotju mar Ruma, żgur li ma sabx lil San Pawl ħaj.

Miet f’madwar is-sena 97, meta kellu iktar minn 80 sena.

San Ġwann l-Evanġelista li mar jgħix f’Efesu, isemmieh fl-Apokalissi, bħala l-“Anġlu ta’ Efesu”.

SAN TITU

San Titu kien grieg, u hu wkoll ġie kkonvertit minn San Pawl li kien isejjaħlu “Ibni l-għażiż”.

Ħadem ħafna ma’ San Pawl, u flimkien ma San Barnaba mar miegħu għall-konċilju ta’ Ġerusalemm, fis-sena 51.

F’madwar is-sena 64, sar Isqof ta’ Kreta, gżira twila 200 km, fejn ħaten Timotju kien Gvernatur. Xi sena wara, irċieva mingħand San Pawl mill-Maċedonja ittra mimlija eżortazzjonijiet għall-Fidili tiegħu.

Fl-istess sena mar id-Dalmazja (Jugoslavja), fejn hu meqjum sal-lum bħala l-appostlu ewlieni ta’ dak il-pajjiż. Imma reġa’ lura fi Kreta fejn miet fil-paċi, fl-eta’ ta’ madwar 93 sena.

Ħsieb: Dan li ġej huwa kummentarju tal-Papa Franġisku fuq dak li qal fl-omelija tiegħu f’Santa Marta (26 ta’ Jannar 2015) fuq il-qari tal-liturġija tat-tifkira ta’ San Titu u San Timotju:

“L-Isqfijiet Timotju u Titu qieshom ulied Pawlu u hu kien iħobbhom it-tnejn. L-Appostlu jurina kemm kienet sinċiera l-fidi ta’ Timotju, fidi nobbli, “fidi mingħajr ipokrisija”, fidi fis-sens veru. Fil-fatt bħall-inbid it-tajjeb, li wara tant snin isir aktar bnin u nobbli. Din il-fidi waslet għand Timotju mingħand nanntu Lòide u mingħand ommu Eunice, għaliex huma l-ommijiet u n-nanniet li jittrasmettu l-fidi.

Meta niftakru fix-xogħol sabiħ tal-ommijiet u tan-nanniet, ix-xogħol sabiħ ta’ dawk in-nisa li huma ommijiet u n-nisa fil-familja – tista’ tkun qaddejja, tista’ tkun zija – fit-trasmissjoni tal-fidi, minkejja li llum irridu nistaqsu jekk in-nisa għadx għandhom fil-kuxjenza d-dover li jittrasmettu l-fidi, li jgħatu l-fidi.

U dwar is-sinċerità tal-fidi ta’ Timotju mfaħħra minn Pawlu, kemm fl-ewwel kif ukoll fit-tieni itrra tiegħu, l-Appostlu jitkellem dwar il-ħarsien tad-depożitu tal-fidi. Il-fidi trid tkun imħarsa kif qal Pawlu lil Timotju:

“ħares sewwa dak li kien fdat f’idejk. Aħrab il-kliem profan u fieragħ u l-kontradizzjonijiet tal-għerf falz” (1 Timotju 1:20)

L-espressjoni « ħares il-fidi » tfakkarna li dan hu dmir tagħna. Ilkoll kemm aħna rċevejna r-rigal tal-fidi. Għandna nħarsuha biex ma tiddgħajjifx biex tkompli tibqa’ sħiħa bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li tahielna.

Pawlu jirrikmandalna li nagħtu ħajja ġdida lil dan ir-rigal ta’ Alla, għax jekk aħna ma nagħmlux hekk, din tiddgħajjef u tispiċċa biex issir kultura…. Iva, jien Nisrani… imma biss bħala kultura….. iva, jiena naf tajjeb l-affarijiet tal-fidi, naf tajjeb il-katekiżmu….. Imma, nistaqsi, int kif qed tgħixha l-fidi tiegħek?

Dan hu l-aktar importanti: li inti żżommha ħajja kuljum. Alla, ma tanhiex spirtu ta’ biża’. L-ispirtu tal-biża’ hu l-maqlub tar-rigal tal-fidi, ma jħallihiex tikber, titkattar. Il-mistħija hu d-dnub ta’ min jgħid: Jien għandi l-fidi imma naħbiha biex ma tidhirx wisq: il-fidi tal-ħalib u l-għasel, kif kienu jgħidu l-antentati tagħna, għax nistħi nistqarrha. Imma din mhix fidi!!

Imma għaliex, prinċipalment huma n-nisa li jittrasmettu l-fidi? It-tweġiba nsibuha għal darb’oħra fix-xhieda tal-Verġni Mqaddsa: «sempliċiment għax dik li tatna lil Ġesù kienet mara. Din kienet it-triq li għażel Ġesù. Hu ried omm u anki d-don tal-fidi jgħaddi mill-omm, kif Ġesù għadda minn Marija”.

Il-fidi hi bħal pjanta li rridu nieħdu ħsiebha. Iħawwilha Alla fil-Magħmudija, ikabbruha dawk ta’ madwarna bit-tagħlim u l-eżempju tagħhom, imma meta nsiru adulti, huwa aħna li rridu:

  • inkomplu nsaqquha bit-talb u l-qari tal-Kelma t’Alla,
  • inneħħulha l-ħaxix ħażin li jikber magħha billi nqaċtu minn ħajjitna d-drawwiet ħżiena,
  • nagħtuha l-fertilizzant bl-għemejjel tajba li nagħmlu u
  • nesponuha għall-ilma, l-arja u d-dawl permezz tas-Sagramenti tal-Qrar u t-Tqarbin.

Nittama li din it-tixbiha, tgħinnek tkabbar il-fidi tiegħek. L-għażla f’idejk!

Talba: O Alla, int żejjint li San Timotju u ‘l San Titu bil-virtujiet tal-Appostli; agħtina l-għajnuna tat-talb tagħhom, biex ngħixu ħajja sewwa u tajba f’din l-art, u jistħoqqilna naslu fis-sema pajjiżna. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://mycatholic.life/saints/saints-of-the-liturgical-year/january-26-saints-timothy-and-titus-bishops/

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saints-timothy-and-titus/

Wikipedia San Titus: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Titus

Wikipedia San Timothy: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Timothy

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.