29 ta’ Ġunju: San Pietru u San Pawl

Verżjoni Vidjo: San Pietru u San Pawl

“Appostlu San Pawl, xandâr tas-sewwa u mgħallem tal-ġnus, tassew jistħoqqlok li tkun igglorifikat. Bik il-ġnus kollha għarfu l-grazzja ta’ Alla.” – Responsarju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Pietru u San Pawl.

5116ff651d727ee6f790ae5f93696bdb.jpgSAN PIETRU U SAN PAWL
Appostli
L-ewwel Seklu

Tagħrif: Il-festa ta’ San Pietru u San Pawl hija għażiża ħafna għall-Knisja speċjalment għalina l-Maltin li nsejħulha “l-Imnarja”. San Pietru hu l-Kap tal-Knisja, u San Pawl waqqaf il-Knisja f’Malta.

San Pietru kien sajjied, jismu Xmun u kien wieħed minn tal-ewwel li ġie msejjaħ minn Ġesù biex ikun appostlu tiegħu, li bidillu ismu f’Pietru.

Meta Ġesù ġie arrestat, San Pietru ċaħdu tliet darbiet, iżda malajr iddispjaċih u patta bil-kbir.

Wara li qam mill-mewt Ġesù staqsa lil Pietru tliet darbiet wara xulxin jekk kienx iħobbu, u wara li għal tliet darbiet San Pietru wieġeb fl-affermattiv, Ġesù fdalu l-merħla tiegħu.

Hekk kif inħeles mill-ħabs fil-persekuzzjoni ta’ Erodi Agrippa f’Ġerusalemm, fis-sena 43, San Pietru mar Antjokja, u wara Ruma, il-belt kapitali tad-dinja ta’ dak iż-żmien.

Baqa’ Ruma, barra mill-ftit żmien li fih kien f’Ġerusalemm għall-ewwel Konċilju tal-Knisja, sakemm ġie msallab rasu l-isfel fil-ġnien ta’ Neruni fuq l-għolja tal-Vatikan, aktarx bejn is-sena 64 u s-67. Kostantinu l-Kbir bena knisja fuq il-qabar tiegħu; wara nbniet flokha l-knisja maestuża ta’ San Pietru li hemm illum.

San Pawl kien Lhudi akkanit, Fariżew, li wara l-konverżjoni tiegħu fit-triq lejn Damasku sar appostlu l-iktar ferventi ta’ Ġesù.

Billi kien bniedem ta’ għerf kbir u kien jaf tajjeb il-kultura sew Griega u sew Lhudija, kien ta’ għajnuna kbira għall-Knisja fil-bidu tat-tixrid tagħha.

Iżda l-ħaġa l-iktar li spikkat fih, kienet l-imħabba kbira tassew li kellu lejn Ġesù. “Ngħix, imma mhux jien, iżda jgħix fija Kristu.” (Galatin 2:20)

Għadda ħamsa u għoxrin sena jiġri minn pajjiż għall-ieħor jipprietka ‘l Ġesù. Aħna l-Maltin għandna l-kbira xorti li ġejna, bħala nazzjon, ikkonvertiti minnu, fis-sena 60.

Fl-istess persekuzzjoni ta’ Neruni, li fiha kien miet San Pietru, San Pawl ġie arrestat, mitfugħ il-ħabs u wara ġie maqtul bi qtugħ ir-ras, aktarx ukoll bejn is-sena 64 u s-67.

Sal-Konċilju Vatikan II, iż-żewġ Appostli kellhom festa separata, waħda għal kull wieħed minnhom. San Pietru fid-29 ta’ Ġunju – San Pawl fit-30 ta’ Ġunju. Mill-Konċilju Vatikan II ’l hawn, issir ċelebrazzjoni waħda għat-tnejn.

Ħsieb: Din li ġejja hi silta mid-diskorsi ta’ Santu Wistin:

“U bir-raġun kollu wara l-qawmien mill-imwiet, il-Mulej ħalla f’idejn l-istess Pietru biex jirgħa n-ngħaġ tiegħu. Ma kienx hu waħdu fost id-dixxipli li stħaqqlu jirgħa n-nagħaġ tal-Mulej; iżda meta Kristu kellem lil Pietru waħdu, kellu f’moħħu għaqda waħda; u l-ewwelnett lil Pietru, għax fost l-appostli Pietru l-ewwel.

Xejn tiddejjaq, appostlu: agħti t-tweġiba tiegħek, darba, tnejn, tlieta. Stqarr għal tliet darbiet l-imħabba u irbaħ, kif ċħadt għal tliet darbiet bil-biża’ u tlift. Ħoll għal tliet darbiet dak li rbatt għal tliet darbiet. Ħoll bl-imħabba dak li rbatt bil-biża’. Madanakollu l-Mulej f’idejn Pietru ħalla n-nagħaġ tiegħu, darba, darbtejn, tliet darbiet.

F’jum wieħed qegħdin niċċelebraw il-martirju ta’ żewġ appostli. Imma dawn it-tnejn kienu ħaġa waħda bejniethom; għalkemm mhux it-tnejn mietu f’jum wieħed, imma kienu ħaġa waħda. L-ewwel miet Pietru u mbagħad warajh Pawlu. Niċċelebraw il-festa ta’ dawn iż-żewġ appostli f’jum ikkonsagrat għalina b’demmhom. Inħobbu l-fidi, il-ħajja, it-taħbit, it-tbatijiet, l-istqarrijiet u x-xandir kollu tagħhom.”

Dan diskors tal-Papa Franġisku, mill-omelija nhar il-festa San Pietru u San Pawl, 2014:

“Pietru daq kif il-fedeltà lejn Alla hi akbar mill-infedeltajiet tagħna u aqwa minn kull ċaħda. Jintebaħ li l-fedeltà għall-Mulej tbiegħed minna l-biżgħat tagħna u tmur ’l hemm minn kull immaġinazzjoni umana. Anki lilna, illum, Ġesù jistaqsina: “Tħobbni int?”. Dan jagħmlu propju għax jaf x’inhuma l-biżgħat kollha tagħna u t-tbatijiet tagħna. Pietru jurina t-triq: nafdaw fih, li “jaf kollox” fuqna, nafdaw mhux fil-ħila tagħna li nkunu fidili lejh, imma fil-fedeltà tiegħu li ma tiġġarraf qatt. Ġesù qatt ma jitlaqna waħidna, għax hu ma jistax iqarraq bih innifsu (ara 2 Timotju 2:13). Hu jibqa’ fidil. Il-fedeltà li Alla bla heda jwettaq anki fina r-rgħajja, lil hemm mill-merti tagħna, hi l-għajn tal-fiduċja tagħna u tal-paċi tagħna. Il-fedeltà tal-Mulej lejna żżomm dejjem mixgħula fina x-xewqa li naqduh u li naqdu lil ħutna fl-imħabba”.

Din silta mid-diskors ta’ Papa Franġisku fl-omelija tal-Quddiesa fl-Inawgurazzjoni tal-Ministeru Petrin (19 ta’ Marzu, 2013):

“Hu minnu li Ġesù Kristu lil Pietru tah f’idejh is-setgħa, imma x’setgħa hi din? Wara l-mistoqsija tripla li Ġesù jagħmel lil Pietru dwar l-imħabba, tasal l-istedina tripla: ‘irgħa l-ħrief tiegħi, irgħa n-nagħaġ tiegħi.’ Ma ninsew qatt li s-setgħa vera hi s-servizz, u li anki l-Papa, biex iħaddem is-setgħa tiegħu, irid jidħol dejjem iżjed f’dak is-servizz li għandu l-quċċata kollha dawl tiegħu fuq is-Salib; irid iħares lejn is-servizz umli, konkret, għani fil-fidi, ta’ San Ġużepp u bħalu jiftaħ dirgħajh biex iħares lill-Poplu kollu ta’ Alla u jilqa’ għandu bl-imħabba u l-ħlewwa lill-bnedmin kollha, speċjalment l-iżjed foqra, l-iżjed dgħajfa, l-iktar żgħar, dawk li Mattew jiddeskrivi fil-ġudizzju finali dwar l-imħabba: min hu bil-ġuħ, bil-għatx, barrani, għeri, marid, fil-ħabs (ara Mattew 25:31-46).”

U dan diskors tal-Papa Franġisku, mill-omelija nhar 29 ta’ Ġunju, 2013:

“Niftakru f’Pietru. Meta stqarr il-fidi tiegħu f’Ġesù, dan m’għamlux bil-kapaċità umana tiegħu, imma għaliex kien mirbuħ mill-grazzja li Ġesù ħareġ minnu, mill-imħabba li kien iħoss fi kliemu u li kien jara fl-azzjonijiet tiegħu: Ġesù kien juri l-imħabba t’Alla fil-persuna tiegħu!

U l-istess ġralu Pawlu, anke jekk b’mod differenti. Bħala żagħżugħ, Pawlu kien għadu tal-insara, u meta Ġesù mqajjem mill-imwiet sejjaħlu fit-triq ta’ Damasku, ħajtu nbidlet: fehem li Ġesù ma kienx mejjet, imma ħaj, u sar iħobb lilu wkoll li qabel kien għadu tiegħu! Hekk u l-esperjenza tal-ħniena, tal-maħfra t’Alla f’Ġesù Kristu: din hija l-Bxara t-Tajba, l-Evanġelju li Pietru u Pawlu sperimentaw fihom infushom u li għalih taw ħajjithom. Ħniena, maħfra! Il-Mulej dejjem jaħfrilna, il-Mulej għandu l-ħniena, huwa ħanin, għandu qalb ħanina u dejjem jistenniena.”

Talba: O Alla, int timliena b’ferħ qaddis f’dan il-jum ta’ festa solenni f’ġieħ l-Appostli San Pietru u San Pawl; agħmel li l-Knisja tiegħek timxi dejjem fuq it-twissijiet tagħhom kif bihom int qegħedt fiha s-sisien tar-reliġjon. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/sts-peter-and-paul-501

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/solemnity-of-saints-peter-and-paul/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Feast_of_Saints_Peter_and_Paul

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

18 ta’ Novembru: Id-Dedikazzjoni tal-Bażilika ta’ San Pietru u ta’ San Pawl

Verżjoni Vidjo: Id-Dedikazzjoni tal-Bażilika ta’ San Pietru u ta’ San Pawl

“Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll. Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet; li ma kienx hekk, kont ngħidilkom. Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu. U meta mmur u nħejjilkom post, nerġa’ niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll.” – Ġesù fi Ġwanni 14:1-3

SOD-1118-DedicationoftheChurchesofSaintsPeterandPaul-790x480ID-DEDIKAZZJONI TAL-BAŻILIKI TA’ SAN PIETRU U TA’ SAN PAWL

Tagħrif: Hemm tradizzjoni li tgħid li l-Papa San Anakletu, it-tieni Papa li laħaq wara San Pietru, bena żewġ kappelli, waħda fuq il-qabar fejn kien hemm midfun San Pietru, taħt l-għolja tal-Vatikan, f’Ruma, u oħra fuq il-qabar fejn kien hemm midfun San Pawl, ftit ‘il barra minn Ruma, fit-triq lejn il-belt ta’ Osita.

Fis-sena 326, Kostantinu l-Kbir bena knisja flok il-kappella li kien hemm fuq il-qabar ta’ San Pietru, li għal kważi tnax-il seklu baqgħet kważi l-istess. Magħha nbena palazz li serva bħala residenza tal-Papiet wara l-eżilju ta’ Avignon. Biż-żmien din il-knisja saret żgħira wisq, u fl-1506, il-papa Ġulju II beda jibni l-Bażilika li hemm illum fuq il-pjani ta’ Bramante. Damet tinbena 120 sena, b’ħafna tibdil ta’ pjani u adattamenti, l-iktar mill-Papa Pawlu V u minn Mikelanġlu. Din il-knisja msemmija għal San Pietru, illum hi magħrufa wkoll bħala “Il-Vatikan.” Hi l-ikbar knisja fid-dinja, tesa’ 50,000, u l-Papa Urbanu VIII ikkonsagraha fit-18 ta’ Novembru, 1626.

Il-martirju ta’ San Pawl ġara ftit kilometri ‘l bogħod minn dak ta’ San Pietru, fil-post ta’ Aquae Salviae (Tre Fontane), fit-triq Ostia, u difnuh xi ħames kilometri ‘l bogħod.

Anke fuq il-qabar ta’ San Pawl, Kostantinu kien bena knisja flok il-kappella li kien bena San Anakletu. Din il-knisja wkoll kienet saret żgħira, u l-Papa San Ljun il-Kbir u l-Imperatur Teodozju bnew Bażilika flokha, li nħarqet fl-1823, iżda reġgħet inbniet mill-ġdid. Hi twila 400 pied, u hi wkoll sabiħa bħal dik ta’ San Pietru. Ġiet ikkonsagrata mill-Papa Piju IX fl-10 ta’ Diċembru fl-1854, jumejn wara l-proklamazzjoni tad-Domma tal-Immakulata Kunċizzjoni, iżda l-kommemorazzjoni tagħha ssir llum ma’ dik ta’ San Pietru.

Ħsieb: Għall-ewwel kien hemm kappelli żgħar, imbagħad inbidlu fi knejjes, u llum hemm bażiliki kbar il-ġmiel tagħhom. Dejjem ikbar, dejjem isbaħ, dejjem aħjar! Hekk ukoll fil-perfezzjoni Nisranija hemm tliet gradi:

  • l-ewwel grad hu li tobgħod il-ħażen għall-imħabba ta’ Alla;
  • it-tieni grad li tagħmel il-ġid u t-tajjeb biex togħġob lil Alla;
  • it-tielet grad li tħobb lil Alla għalih innifsu u l-proxxmu għall-imħabba ta’ Alla.

Meta dawn il-Bażiliki ġew iddedikati lil Alla, Alla sab postu fihom biex jiltaqa’ mal-poplu tiegħu. Huwa jsib postu f’kull santwarju, kbir jew żgħir li l-bniedem jibni ad unur tiegħu, biex il-bnedmin isibu posthom. Ġesù jgħammar f’kull knisja u kappella u jagħmilha d-dar tiegħu biex ikun qrib tagħna ħalli jgħinna nsibu postna, u meta nsibu postna, ma nitilfuhx! Din hija l-missjoni tal-Knisja: li tgħin lill-bniedem jiltaqa’ ma’ Ġesù li huwa t-triq, il-verità u l-ħajja, biex il-bniedem ikun kapaċi jżomm postu fil-ħajja. Mela ħa nidħlu f’rabta aktar mill-qrib ma’ Ġesù, u Ġesù jħejjilna post li jixirqilna.

Kemm hija ħaġa kerha meta f’ħajjitna jkollna waqtiet fejn ma nkunux inħossuna f’postna! Meta ma tkunx f’postok, xejn ma jagħmlek kuntent u ma tkunx tista’ ssib kwiet. Mhux faċli ssib postok fil-ħajja! L-esperjenza tixhdilna li rridu nimpenjaw ruħna sewwa, speċjalment meta nkunu għadna żgħar, biex meta nikbru nsibu postna fis-soċjetà. Min-naħa l-oħra, il-fatt li tkun kbirt fis-snin mhux bilfors ifisser li tkun sibt postok – tant li hawn min sar adult u għadu ma sabx postu, u għalhekk il-ħin kollu għaddej minn ħaġa għall-oħra… u jsir bħal a rolling stone that gathers no moss. Barra minn hekk, hemm min minħabba l-karattru tiegħu mhux kapaċi jżomm postu!

Meta tkun għadek student normalment ikollok ix-xewqat u l-aspirazzjonijiet tiegħek u tistinka ħafna biex tasal issib postok, fis-sens li jkollok okkupazzjoni definittiva. Imma llum, minħabba l-kunċett ta’ mobbiltà anki fix-xogħol, kważi ebda post ma joffri stabbiltà u sodisfazzjon biżżejjed u kapaċi nitħajru ngħaddu minn post għal ieħor.

L-istess jiġri fir-relazzjonijiet affettivi. Qisha saret parti mill-kultura tagħna li wieħed jgħaddi minn relazzjoni għall-oħra, u mhux lakemm wieħed jasal biex jgħid li affettivament ikun sab postu! Sa ftit snin ilu, meta wieħed kien jiżżewweġ, kien ikun konvint li dak iż-żwieġ huwa postu, imma llum l-affarijiet inbidlu bil-kbir. Nosservaw li llum iż-żgħażagħ mhux qegħdin jiżżewġu ta’ età żgħira għax iridu ż-żmien biex jikkonvinċu ruħhom li posthom ikun f’dik ir-relazzjoni partikulari – fil-fatt, ġieli jiġri li meta żagħżugħ jidħol f’relazzjoni stabbli, jibda jinħakem minn ċerti dubji, inċertezzi u beżgħat! Imbagħad hemm dawk li affettivament isibu posthom u jiżżewġu, imma għal xi raġuni jew oħra jerġgħu jaqgħu jew iwaqqgħuhom minn posthom… u għalhekk ikollhom jaffrontaw mill-ġdid dak il-proċess biex jerġgħu jsibu posthom.

Hemm imbagħad dawk li jibqgħu ma jsibux posthom fil-mod kif jaħsbu, jirraġunaw u jiddeċiedu – jew għax ikunu nieqsa mill-maturità jew għax jinfixlu fil-ħsieb dgħajjef ta’ żminijietna. Ir-relattiviżmu tal-lum jagħmilha diffiċli li l-ħsieb tal-bniedem isib postu.

Quddiem din is-sitwazzjoni tolqotni s-sentenza li nsibu fil-Vanġelu meta Ġesù jgħid li sejjer iħejjilna post fejn noqogħdu (Ġwanni 14:3). Fi kliem ieħor Ġesù qed joffrilna li jagħtina post fil-ħajja fejn aħna jkollna ħsibijiet ċari, trankwillità u serenità. Ġesù qed jgħidilna: Tħallux qalbkom titħawwad, għax jien ngħinkom issibu postkom fil-ħajja.

Ħafna drabi, biex infittxu nsibu post tajjeb, aħna nagħmlu proġett li naħsbu li jista’ jwassalna f’dak il-post; nippruvaw niksbu għarfien sħiħ, ċert u veritier li jgħinna niżguraw il-post li nixtiequ. Imma Ġesù ma joffrilniex triq jew għarfien, imma joffrilna lilu nnifsu meta jgħid: Jien hu t-Triq u l-Verità!

Għalhekk, biex isib postu n-Nisrani ma għandux bżonn ta’ road map jew xi damma/ktieb bit-tagħrif, imma jeħtieġlu jidħol f’relazzjoni personali ma’ Ġesù. In-Nisrani li jrid isib postu għandu bżonn tal-persuna ta’ Ġesù Kristu. Min jiltaqa’ ma’ Ġesù jkun sab it-triq u s-sewwa li jgħinuh iżomm postu fil-ħajja. Jien ċert li fil-ħajja ġieli ltqajna ma’ persuni li kienu sereni u f’posthom, u dan għaliex f’ħajjithom kienu ltaqgħu ma’ Ġesù. Min ikollu din il-laqgħa ma’ Kristu, għandu garanzija li f’ħajtu jħossu f’postu anki jekk madwaru jkun hemm ħafna affarijiet li ma humiex f’posthom. Irridu nemmnu li jekk inħallu lil Ġesù jakkumpanjana, anki jekk ħajjitna tkun ħafna biċċiet, naraw dawn il-biċċiet jaqgħu f’posthom.

  • U int, sibtu postok jew għadek qed tfittxu?
  • Ippermettejt lil qalbek u lil ruħek jistrieħu f’posthom, jiġifieri f’min ħalaqhom għaliH?
  • X’post qed tagħti lil Ġesù f’ħajtek u fis-santwarju l-aktar intimu ta’ qalbek?
  • Il-Mulej jista’ jagħmel l-għamara tiegħu fik, għax f’ruħek isib post li jogħġbu?

Talba: Inti Mulejja, li tgħammar ġewwa fina: Agħmel li nsibuk, għax qabel ma nsibuk, ma nistriħux. Fik biss tinsab il-hena u l-mistrieħ tagħna. Int għamiltna għalik, o Alla, u qalbna ma ssib qatt kwiet, jekk ma tistrieħx fik. Ammen. (Talba ta’ Santu Wistin)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/dedication-of-churches-of-saints-peter-and-paul/

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/dedication-of-the-churches-of-peter-and-paul-659

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Dedication_of_Saints_Peter_and_Paul

Nota: It-Tagħrif dwar din il-festa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u l-Ħsieb minn omelija tal-Isqof Mario Grech (12 ta’ Mejju 2017).