25 ta’ April: San Mark

Verżjoni Vidjo: San Mark

“Kristu bagħatni nxandar il-bxara t-tajba, mhux bi kliem il-għerf, sabiex ma jiġix fix-xejn is-salib ta’ Kristu. Il-predikazzjoni tas-salib hija bluha għal dawk li jintilfu; imma għal dawk li jsalvaw hi l-qawwa ta’ Alla. Billi, fl-għerf ta’ Alla, id-dinja b’għerfha ma għarfitx lil Alla, Alla għoġbu jsalva lil min jemmen bil-bluha tal-predikazzjoni.” – Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Mark.

St.-Mark-Icon-WEB-327x420SAN MARK
Evanġelista
L-Ewwel Seklu

Tagħrif: San Mark aktarx li kien it-tifel ta’ Marija, dik il-mara armla prominenti fil-komunità Nisranija ta’ Ġerusalemm, li kienet iżżomm laqgħat tal-Insara fid-dar tagħha: u li San Pietru meta ġie meħlus mill-ħabs mar dritt għandha (Atti 12:13).

Probabbilment San Mark ġie mgħammed minn San Pietru stess.

Meta San Pawl u San Barnaba, li kien kuġin ta’ Mark, ġew Ġerusalemm bil-karità li kienu ġabru minn Antjokja, Mark issieħeb magħhom u mar magħhom fl-ewwel vjaġġ missjunarju ta’ San Pawl, iżda għal xi raġuni meta kienu f’Perge tal-Pamfilja telaqhom u rritorna Ġerusalemm (Atti 13:13). Minħabba f’hekk San Pawl ma riedx lil Mark jakkompanjah fit-tieni vjaġġ tiegħu, u floku ħa lil Silas. Fuq hekk San Barnaba ma marx ma’ San Pawl, iżda flimkien ma’ Mark mar Ċipru, art twelidu. Imma ftit żmien wara Mark u Pawlu rranġaw id-differenzi ta’ bejniethom u saru ħbieb. Għall-ħabta tas-sena 60, lil Mark insibuh Ruma ma’ dan l-appostlu kbir u kien qed jaħseb biex jirritorna fil-knejjes tal-Asja ż-Żgħira, fejn kien diġà sar magħruf ħafna għall-ħidmiet appostoliċi tiegħu.

Minn Ruma x’aktarx li mar Kolossi, fl-Asja ż-Żgħira. Dan nafuh mill-ittra ta’ San Pawl lill-Kolossin fejn talabhom jagħtuh merħba (Kolossin 4:10). Meta San Mark reġa’ mar Ruma, ħadem ma’ San Pietru. Jidher li San Mark xandar l-evanġelju wkoll f’Aquilea, fit-tarf tat-tramuntana tal-Adrijatiku. Minn hemm telaq lejn l-Eġittu u jingħad li hu kien l-ewwel isqof ta’ Lixandra. Mar Efesu. Dan nafuh mill-ittra ta’ San Pawl lil San Timotju fejn talbu jġib lil Mark miegħu (2 Timotju 4:11). Fis-sena 61, San Pawl kiteb lil Timotju f’Efesu, u talbu li jieħu miegħu lil Marku f’Ruma.

F’Ruma, bejn is-snin 60 u 70 w.K., San Mark kiteb l-evanġelju tiegħu, li hu ġabar mit-tagħlim ta’ San Pietru, li tiegħu jidher li kien jagħmilha ta’ segretarju u interpretu – hi kitba għall-pagani konvertiti. San Pietru jsejjaħ lil Marku “ibni”. Dan it-titlu ma jfissirx bilfors li kien għammdu hu; jista’ jkun titlu ta’ mħabba lejn wieħed li għal bosta snin kien miegħu u bin ħabiba antika tiegħu. Il-vanġelju tiegħu hu l-eqdem mill-erba’ vanġelji li għandna. Hu l-iqsar vanġelu, u kitbu bil-Grieg, għax x’aktarx li kien għall-Ġentili kkonvertiti ta’ Ruma. L-iljun bil-ġwienaħ hu s-simbolu tal-Vanġelu tiegħu għax fih iddeskriva ’l San Ġwann Battista bħala “vuċi tgħajjat fid-deżert,” vuċi ta’ ljun; u l-ġwienaħ għax Eżekjel kien ra viżjoni ta’ erba’ annimali bil-ġwienaħ.

Tradizzjoni tgħid li x’aktarx San Mark miet martri f’Lixandra. San Mark hu l-patrun ta’ Venezja; hu l-qaddis protettur wkoll tan-nutara.

Illum hu kważi ċert li dak iż-żagħżugħ li ħarab għarwien mill-Ġetsemani meta arrestaw lil Ġesù , li hu jsemmi fil-Vanġelju tiegħu, kien hu nnifsu.

Ħsieb: San Mark kiteb l-Evanġelju tiegħu ġewwa Ruma, fi żmien il-persekuzzjoni li l-Imperatur Neruni għamel kontra l-Insara. Din il-persekuzzjoni bdiet fis-sena 64, u San Pietru kien wieħed minn tal-ewwel li ħa l-martirju. Wara l-mewt ta’ Pietru, Alla qanqal lil Marku biex jikteb l-Evanġelju, mhux biex sempliċiment jirrakkonta l-ħajja ta’ Ġesù fuq din l-art, imma biex jagħmel kuraġġ lill-Insara ħalli jkunu lesti jagħtu ħajjithom għalih jekk Alla jitlob minnhom dak is-sagrifiċċju.

Għalhekk Marku qagħad jaħseb biex jara x’se jagħżel minn dak kollu li kien tgħallem fuq Ġesù, u fehem li kellu jinsisti fuq żewġ veritajiet, jiġifieri li Ġesù huwa tassew Alla, u li Ġesù kien tassew il-Messija, Messija li bata għall-fidwa tagħna. Hekk in-Nisrani jkun aktar lest li jmut għal Ġesù meta jifhem li Ġesù nnifsu, l-istess Alla li sar bniedem, kien miet għalih.

Lill-ktieb tiegħu Marku sejjaħlu: “Bidu ta’ l-Vanġelju ta’ Ġesù, Messija, Bin Alla” (Mk 1: 1). Il-kelma “Vanġelju” tfisser ‘Aħbar Tajba’, u tassew, ma hemmx aħbar isbaħ minn dik li tgħidilna li Alla l-Missier tant ħabbna li bagħtilna lil Ibnu fostna biex ikun is-Salvatur tagħna. Imma qabel il-kelma “vanġelju”, Marku kiteb il-kelma “Bidu”, biex jgħidilna: “Mhux biżżejjed li taqraw u tistudjaw il-ktieb tiegħi. Il-qari ta’ dan il-ktieb hu biss il-bidu; wara li taqrawh, jeħtieġ li tgħixuh, biex tkunu tistgħu tgawdu l-frott tal-fidwa li ġabilna Ġesù.”

Mark wettaq f’ħajtu dak li kull Nisrani huwa msejjaħ li jagħmel: jipproklama lin-nies kollha l-Aħbar Tajba tal-Vanġelu li huwa s-sors tas-salvazzjoni. Dan Mark għamlu b’mod partikolari bil-kitba. Oħrajn jistgħu jipproklamaw l-Aħbar Tajba permezz tal-mużika, tad-drama, tal-poeżija, jew billi jgħallmu lit-tfal madwar il-mejda tal-familja.

  • U int, kemm tiddedika ħin biex tiskopri min hu Ġesù u kif iridna ngħixu billi taqra l-Vanġeli?
  • Qed tagħmel ħiltek kollha biex ixxandar lil Kristu bil-kliem u b’mod speċjali bil-mod kif tgħix it-tagħlim tiegħu u tal-Knisja mwaqqfa minnu?
  • Kemm int lest/a li tieħu riskji biex tgħix ta’ xhud vera ta’ Kristu anki meta jkollok tħabbat wiċċek ma’ kull xorta ta’ kuntrarju?

Għall-Vanġelju ta’ San Mark moqri bil-Malti f’forma ta’ vidjo wmur: http://www.laikos.org/San_Mark_AV1.htm

Talba: O Alla, int imlejt b’ġieħ kbir lill-evanġelista tiegħek San Mark billi tajtu l-grazzja li jxandar l-Evanġelju: agħmel li nfittxu t-triq li hu għallimna, biex nimxu bil-fedeltà wara Ibnek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/05/st-mark.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-mark/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Mark_the_Evangelist

Playlist tal-Vaġelju ta’ San Mark moqri bil-Malti f’forma ta’ vidjo:

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

16 ta’ Marzu: Beatu Torello

Verżjoni Vidjo: Beatu Torello

“Qallu Ġesù: “Tassew, ngħidlek, li dal-lejl, qabel ma jidden is-serduk, int tkun ġa ċħadtni tliet darbiet”. ~ Mattew 26:34

386px-Beato_Torello_da_Poppi_di_ArezzoBEATU TORELLO
Eremit
1202 – 1282

Tagħrif: Torello twieled qrib l-1202 f’Poppi, raħal fuq ix-xmara Arno, fit-Toskana, l-Italja. Imrobbi sewwa minn missieru Paolo, hu għadda tfulitu ta’ Nisrani tajjeb f’raħal twelidu. Imma, ftit wara l-mewt ta’ missieru, ħajtu nbidlet għal kollox. Għamilha ma’ kumpanija ħażina, u Torello għoġbitu l-kumpanija tagħhom, u beda jgħix ħajja mtajra bħalhom.

Ġara li darba, waqt li kien barra jilgħab, serduk ittajjar għal ħdejh, qagħad fuq driegħ Torello, u idden b’leħen qawwi għal tliet darbiet. Torello tbikkem, ma kompliex il-logħba u telaq minn fejn kien. Waħħal f’rasu li dak li għamel is-serduk ma ġarax b’kumbinazzjoni, u ħadu bħala twissija kif darba l-Appostlu Pietru kien imwissi fuq l-iżbalji tiegħu mit-tiddin ta’ serduk. Fehem li l-mod ta’ ħajja li fiha kien qed jgħix kien qed ibiegħdu minn Alla.

Malajr Torello mar fl-abbazija San Fidele tal-Benedittini Vallambrosani, tkellem mal-abbati li għenu biex jagħmel qrara tajba. Imbagħad mar isib post kwiet qalb is-siġar u għadda diversi ġranet jitlob. Fl-aħħar qatagħha li jsir eremita.

Lura f’Poppi, hu biegħ il-proprjetà tiegħu, u minn dak li daħħal, żamm biss ftit flus biex seta’ jixtri ftit art f’Avellaneto. Hemm hu bena daqsxejn ta’ kamra fejn seta’ jgħaddi l-bqija ta’ ħajtu. Hu kien ikabbar il-ħxejjex li kellu bżonn għall-għajxien u jieħu l-ilma minn nixxiegħa. Kien jitlob u jaħqar lil ġismu, u jorqod mhux aktar minn tliet sigħat billejl.

Torello fehem li Alla ried minnu li jgħix ħajja ta’ eremit. Matul ħajtu biss ftit nies kienu jafu bih. Il-kult lejh kien konfermat mill-Papa Benedittu XIV. Huwa l-patrun tal-belt ta’ Forlì. Kemm il-Franġiskani, kif ukoll il-Vallambrosani, jgħodduh bħala wieħed minnhom, imma jidher li hu kien oblata Benedittin Vallambrosan.

Il-Beatu miet fis-16 ta’ Marzu tal-1282, meta kellu 80 sena.

Ħsieb: Ħelwa tassew l-istorja tas-serduk jidden fil-ħajja ta’ dan il-Beatu. Huwa fehem li dan ma ġarax b’kumbinazzjoni imma l-għaġir tas-serduk kien ikkumbinat mal-pjan ta’ Alla biex hu jġibu f’sensieh. U int kemm temmen li Alla għandu l-modi tiegħu kif isemmgħalna leħnu u jurina x’jixtieq minn għandna? Tassew li għal min jemmen, xejn ma jiġri b’kumbinazzjoni. Kollox għandu skop preċiż. Kull avveniment, Alla jista’ jdawru għall-ġid tagħna. Kemm temmen li Alla għandu dan il-pjan ta’ mħabba għalik, minkejja li dan ma jfissirx li se jkollok ħajja komda u bla tbatija?

Ġesù wkoll, kien jaf li l-passjoni tiegħu ma kinetx xi ġrajja li kienet se sseħħ b’kumbinazzjoni, lanqas ma kienet se tkun xi deċiżjoni meħuda mill-bnedmin. Kienet fil-pjan t’Alla. Ġesù ttella’ quddiem il-ġustizzja tal-bnedmin, imma l-“kalċi” kien ġej mingħand Alla.

Ġesù jgħallimna li l-Missier għandu pjan ta’ mħabba għal kull wieħed u waħda minna. Hu jħobbna bi mħabba personali u, jekk aħna nemmnu f’din l-imħabba, jekk inwieġbu bi mħabbitna għaliha, minn kull ġrajja li ngħaddu minnha, Hu se joħroġ il-ġid. Għal Ġesù xejn ma ġara b’kumbinazzjoni, lanqas il-passjoni u l-mewt Tiegħu.

Wara li seħħ dan kollu, Hu Rxoxta. L-eżempju li tana Ġesù Rxoxt għandu jdawlilna ħajjitna. Kulma jasal fuqna, kulma jiġri, kulma hemm madwarna, kif ukoll kull ħaġa li ġġiegħilna nbatu, għandna nitgħallmu naqrawha bħala rieda t’Alla li jħobbna jew bħala xi ħaġa li jippermettiha Hu. Imbagħad kollox jibda jagħmel sens f’ħajjitna, kollox ikun jiswa, anki dawk l-affarijiet li meta jiġru ma nifhmuhomx jew narawhom bla sens, anki dawk li, bħalma ġralu Ġesù, jistgħu jitfgħuna f’dieqa tal-mewt. Ikun biżżejjed li, flimkien miegħu, nagħrfu ntennu, b’fiduċja sħiħa fl-imħabba tal-Missier: “Mhux li rrid jien, imma li trid int”.

Hu jrid li aħna ngħixu, li nirringrazzjawh bil-ferħ għad-doni li jagħtina fil-ħajja tagħna. Imma xi drabi din ma tkunx kif ħsibnieha aħna. Il-ħajja mhijiex li tirrassenja ruħek quddiem id-diffikultajiet, l-aktar meta tgħaddi minn mumenti ta’ tbatija. Lanqas ma hi sensiela ta’ azzjonijiet monotoni mifruxa tul ħajjitna hawn fl-art. Ir-rieda t’Alla hi l-leħen tiegħu li l-ħin kollu jkellimna u jistedinna, hi l-mod kif hu jfisser imħabbtu, biex jagħtina l-milja tal-Ħajja. Lanqas il-provi jew it-tbatijiet m’għandhom ibeżżgħuna. Jekk bl-għajnuna ta’ Ġesù nagħrfu r-rieda t’Alla fit-tbatijiet u l-provi, jiġifieri l-imħabba tiegħu għalina, dawn m’għandhomx ibeżżgħuna. U int, kemm qed tafda f’kollox lill-Mulej u sserraħ rasek Bih, li Hu għad iwasslek biex tgawdiH?

Talba: O Alla Ħanin, int ma tridx li aħna nispiċċaw fit-telfien ta’ dejjem, għalhekk qatt ma tieqaf issejħilna lura għal għandek. Nitolbuk, bl-interċessjoni tal-Beatu Torello, biex bħalu ma nibqgħux aljenati, imma nagħrfu nisimgħu l-vuċi tiegħek f’kull ċirkustanza tal-ħajja tagħna u nagħmlu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex inwarbu minna dak li ma jogħġbokx, u ngħixu ħajja ta’ qdusija kif trid minna Int. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.roman-catholic-saints.com/blessed-torello-of-poppi.html

Alternative Reading: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/03/blessed-torello.html or http://hagiomajor.blogspot.com/2013/03/march-16-feast-of-blessed-torello-of.html

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

22 ta’ Frar: Il-Katedra ta’ San Pietru

Verżjoni Vidjo: Il-Katedra ta’ San Pietru

“Pietru, qabel ma sejjaħtlek mid-dgħajsa, għaraftek, qegħedtek kap tal-poplu tiegħi, U tajtek l-imfietaħ tas-saltna tas-smewwiet. Kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet”. ~ Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa tal-Katedra ta’ San Pietru (Mattew 16:19)

petruIL-KATEDRA TA’ SAN PIETRU

Tagħrif: X’aktarx li din il-festa bdiet tiġi ċċelebrata kull sena mill-bidunett tal-Knisja, b’tifkira tal-ġurnata li fiha San Pietru għamel l-ewwel ċerimonja reliġjuża hekk kif wasal Ruma, xi ħdax-il sena wara li Ġesù tela’ s-sema.

Kittieba tal-Istorja jaffermaw li San Pietru, qabel ma mar Ruma, kien diġà waqqaf is-Sedi tiegħu f’Antjokja. Antjokja dak iż-żmien kienet il-kapitali tal-Lvant. San Girgor il-Kbir jgħid li l-Prinċep tal-Appostli kien isqof ta’ dik il-belt għal seba’ snin.

Huwa fatt ukoll ibbażat fuq il-kunsens unanimu tal-kittieba nsara tal-qedem li San Pietru kien ukoll Ruma u waqqaf il-Knisja hemmhekk. B’danakollu hu ma baqax kontinwament Ruma, billi għal xi waqtiet kellu spiss ikun bnadi oħra minħabba l-ħidma appostolika tiegħu .

Fil-Vatikan, hemm siġġu sempliċi bid-dirgħajn, magħmul mill-injam tal-ballut, u li żmien wara kien ġie msebbaħ b’panelli tal-avorju. Dan is-siġġu (sedes gestatoria) jinsab ippreservat ġo kaxxa kbira tal-bronż, iddisinjata minn Bernini, u tinsab imqiegħda fil-għoli mal-ħajt.

Fl-1867, dan is-siġġu kien ġie espost għall-venerazzjoni tal-Fidili biex jiġi kkomemorat it-tmintax-il ċentinarju mill-mewt ta’ San Pietru.

Biż-żmien, il-Knisja, bdiet tara fis-siġġu ta’ San Pietru, simbolu tal-awtorita’ tal-Papa, jew fi kliem ieħor l-għaqda tal-Knisja mal-Papa suċċessur tal-Appostli, u għalhekk f’dan il-jum, tħeġġeġ il-Fidili biex isaħħu l-fedelta’ tagħhom lejn il-Papa u biex jitolbu għalih.

Fl-imgħoddi, il-festa li tfakkar l-awtorità pontifiċja ta’ San Pietru kienet tiġi ċċelebrata f’żewġ dati differenti: fit-18 ta’ Jannar, f’ġieħ il-pontifikat tiegħu f’Ruma, u fit-22 ta’ Frar f’ġieħ il-pontifikat tiegħu f’Antjokja. Fir-riforma tal-Kalendarju Universali tal-Knisja tal-1969 dawn iż-żewġ festi nġabru f’festa waħda.

Ħsieb: Qari mid-Diskorsi tal-Papa San Ljun il-Kbir:

“Minn fost kulħadd, Pietru waħdu ntagħżel, u tqiegħed fuq il-ħidma għas-sejħa tal-ġnus kollha, fuq l-Appostli kollha, u fuq il-missirijiet kollha tal-Knisja. Għalkemm ħafna huma s-saċerdoti u ħafna r-rgħajja fil-poplu ta’ Alla, sewwsew huwa Pietru li jmexxi lil kulħadd, taħt il-mexxej il-kbir, li hu Kristu. Għeżież, kemm hu kbir u tal-għaġeb is-sehem li Kristu għoġbu jagħti lil dan ir-raġel mis-setgħa tiegħu stess! U jekk Kristu għoġbu wkoll jagħti sehem minn din l-istess setgħa tiegħu lill-Appostli u ‘l-mexxejja l-oħra, jekk hu ma ċaħadx jagħti lill-oħrajn sehem minn dak li għandu hu, huwa qatt ma tahom xejn jekk mhux permezz ta’ Pietru.

Ġesu’ qal lil Pietru: Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-saltna tas-smewwiet, u kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet. Il-jedd ta’ din is-setgħa għadda wkoll lill-Appostli l-oħra, il-kmand mogħti b’dan id-digriet twassal ukoll lill-kapijiet kollha tal-Knisja; iżda m’hux ta’ xejn tħalla fil-ħsieb ta’ wieħed dak li ġie kkmandat lil kulħadd. Dan ġie fdat b’mod speċjali lil Pietru, għax Pietru hu l-mudell li lejh għandhom iħarsu l-mexxejja kollha tal-Knisja”.

Ma kienx is-soltu li Ġesù jbiddel l-ismijiet tad-dixxipli tiegħu; barra mil-laqam li ta lill-ulied Żebedew, ‘ulied ir-ragħad’ (Mark 3;17). Qatt ma ta isem ieħor, biss lil Xmun biddillu ismu u sejjaħlu ‘Kefas’. Dan l-isem aktar ’il quddiem ġie maqlub bil-Grieg bħala Petros u bil-Latin bħala Petrus. U dan ġie maqlub mhux għax kien isem imma għax kien mandat li Petrus irċieva mingħand il-Mulej. Dan l-isem Petrus baqa’ jidher spiss fil-Vanġelu u spiċċa biex biddel l-isem oriġinali ta’ Xmun.

“U jiena ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex. Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-smewwiet, u kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet.” (Mattew 16: 18-19)

Papa Franġisku, f’silta mill-ewwel omelija tiegħu meta laħaq Papa (19 ta’ Marzu, 2013) qal hekk:

“Hu minnu li Ġesù Kristu lil Pietru tah f’idejh is-setgħa, imma x’setgħa hi din? Wara l-mistoqsija tripla li Ġesù jagħmel lil Pietru dwar l-imħabba, tasal l-istedina tripla: irgħa l-ħrief tiegħi, irgħa n-nagħaġ tiegħi. Ma ninsew qatt li s-setgħa vera hi s-servizz, u li anki l-Papa, biex iħaddem is-setgħa tiegħu, irid jidħol dejjem iżjed f’dak is-servizz li għandu l-quċċata kollha dawl tiegħu fuq is-salib”.

Tajjeb li f’dan il-jum nitolbu b’mod speċjali għall-Papa: nitolbu għall-bżonnijiet, għall-protezzjoni u għall-qdusija tiegħu kif ukoll skont l-intenzjonijiet li għandu. Ma ninsewx nitolbu għall-Knisja kollha biex tibqa’ fidila lejn is-suċċessur ta’ Pietru u f’għaqda miegħu, taħdem u sservi lil kulħadd fuq l-eżempju tal-Iben t’Alla li “ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi u jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra”.

Talba: Mulej Ġesù Kristu int waqqaft il-Knisja tiegħek fuq il-blata tal-fidi ta’ San Pietru. Agħmel li ħadd u xejn ma jkun il-kawża li jdgħajjef jew ixejjen il-fidi tagħna. Int għażilt lil San Pietru biex ikun l-ewwel wieħed li jmexxi l-Knisja tiegħek, u tlabt għalih biex il-fidi tiegħu ma tonqosx; wettaqna fl-istess fidi, u saħħaħna fil-fedeltà tagħna lejn il-Papa, is-suċċessur ta’ San Pietru. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.lwctt.org/2018/02/22/chair-of-st-peter-22-february-2/

Alternative Reading: https://www.associationofcatholicpriests.ie/2018/02/22-february-the-chair-of-st-peter-apostle/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Chair_of_Saint_Peter

Nota: It-Tagħrif dwar din il-Festa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

30 ta’ Novembru: San Andrija

Verżjoni Vidjo: San Andrija

“Huwa u jdur ma’ xatt il-baħar tal-Galilija lemaħ żewġt aħwa, Xmun jgħidulu Pietru, u ħuh Indrì, qegħdin jixħtu x-xbiek fil-baħar, għax kienu sajjieda. U qalilhom: “Ejjew warajja, u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin.” U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh”. ~ Ġesu’ f’Mattew 4:18-20

img-Saint-Andrew-the-Apostle2SAN ANDRIJA
Appostlu
L-ewwel Seklu

Tagħrif: San Andrija, bħal missieru Ġona, u ħuh San Pietru, kien sajjied, minn Betsajda. Il-familja tiegħu kellha dar f’Kafarnahum, fejn Ġesù ġieli mar.

Għall-ewwel kien dixxiplu ta’ San Ġwann il-Battista, u l-ewwel darba li ra ‘l Ġesù kien f’Bedsajda, meta kien ma’ San Ġwann li kien qiegħed jgħammed. Dak il-ħin li kien għaddej Ġesù, San Ġwann qal: “Hekk hu l-Ħaruf t’Alla”.

San Andrija flimkien ma’ dixxiplu ieħor, mar ħdejn Ġesù, u Ġesù staqsieh x’kellu bżonn. Hu wieġbu li xtaq ikun jaf fejn joqgħod, u Ġesù qallu: “Ejja, u ara”. Imbagħad, San Andrija u sieħbu qattgħu l-kumplament tal-jum ma’ Ġesù.

L-għada mar sab lil ħuh, Xmun, u qallu: “Sibna l-Messija”, u ġabu għand Ġesù li bidillu ismu f’Pietru.

Hekk iż-żewġ aħwa saru dixxipli ta’ Ġesù, iżda ma qagħdux kontinwament miegħu, għax ġieli marru d-dar.

Darba waħda Ġesù ltaqa’ magħhom it-tnejn waqt li kienu qed jistadu u qalilhom: “Ejjew, u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin”. Marru, u minn dakinhar baqgħu dejjem ma’ Ġesù.

Ftit qabel il-Passjoni, meta Ġesù kien f’Betanja fid-dar ta’ Lażżru, xi Griegi ltaqgħu ma’ Filippu u qalulu li xtaqu jaraw lil Ġesù. Filippu qal b’dan lil Indri u flimkien marru jgħidu lil Ġesù. (Ġwanni 12:20)

Darb’oħra meta Ġesù xabba’ bl-ikel ħamest elef ruħ, kien San Andrija li qal lil Ġesù li kien hemm tifel li kellu ħames ħobżiet u żewġ ħutiet. (Ġwanni 6:9)

Wara l-mewt ta’ Ġesù, San Andrija mar jippriedka l-Vanġelu fil-Ġreċja, u fit-Turkija, u x’aktarx fil-Polonja u fir-Russja.

Sofra l-martirju f’Akajja, fiż-żmien il-persekuzzjoni ta’ Neruni. Ġie marbut ma’ salib forma ta’ X biex idum iktar ma jmut. Infatti miet wara jumejn.

Ġismu ttieħed f’Kostantinopli fis-sena 357, u mqiegħed fil-knisja tal-Appostli, mibnija minn Kostantinu l-Kbir.

Ħsieb: Dan li ġej hu qari mill-Omeliji tal-Isqof San Ġwann Kriżostmu dwar San Andrija:

“Indrì baqa’ ma’ Ġesù u tgħallem ħafna ħwejjeġ mingħandu. Huwa ma marx jaħbi dan it-teżor, iżda ħaffef u ġera lejn ħuh biex dan jaqsam miegħu fil-ġid. Qisu tajjeb x’qallu lil ħuh: Sibna l-Messija, jiġifieri ‘l Kristu. Qegħdin taraw kif urieh dak li laħaq tgħallem f’qasir żmien? B’hekk l-Evanġelista ried ifissrilna x’qawwa kellu l-Imgħallem biex ġagħalhom jifhmu min kien, u x’ħerqa u ħrara kellhom huma biex minnufih taw widen għal li kien qalilhom. Il-kliem ta’ Indrì jixhed ix-xewqa kbira tiegħu biex ifittex ixandar ġrajja bħal din. Jurina wkoll kemm kien iridlu ġid lil ħuh, x’rabta ta’ mħabba u ġibda mill-qalb kellu għalih, u kemm kienu jfittxu jgħinu lil xulxin fil-ħajja tar-ruħ.

Innutaw ukoll kif Pietru mill-ewwel jurina kemm kien jadatta ruħu u joqgħod malajr għal dak li jisma’. Ma qagħadx jitnikker, iżda mar minnufih ma’ ħuh. Dan ħadu għand Ġesù, qalilna l-Evanġelista. B’danakollu ma għandniex nikkundannawh talli qagħad hekk malajr għall-kliem ta’ ħuh bħallikieku bela’ kollox bla ma qagħad jistħarreġ xejn. Għax jista’ jkun li ħuh bosta drabi kien qagħad ifissirlu kollox bir-reqqa; tabilħaqq, l-Evanġelisti dejjem jiġbru fil-qosor ir-rakkonti tagħhom kollha. Terġa’ mbagħad Ġwanni ma qalx li Pietru emmen minnufih, iżda li Indrì ħadu għand Ġesù biex jitilqu f’idejh ħalli jikseb it-tagħrif kollu mingħandu stess. U għandu mnejn li Indrì kellu wkoll min jgħinu f’din il-ħaġa, għax diġa’ kien hemm dixxiplu ieħor miegħu.

Meta Ġwanni l-Battista qal Dan hu l-Ħaruf, u, Dan hu li jgħammed bl-Ispirtu, huwa ħalla f’idejn Kristu biex ifisser dan it-tagħlim b’mod aktar ċar. Iżjed u iżjed għamel hekk Indrì, għax ra li l-ħila dgħajfa tiegħu ma kinitx biżżejjed biex ifisser kollox lil ħuh, u għalhekk ħadu għand l-istess għajn tad-dawl, u Pietru tant feraħ u ħaffef biex imur miegħu li anqas minuta waħda ma qagħad jitnikker.

Wara li San Andrija kien iltaqa’ ma’ Ġesù, mar ġab lil ħuh ukoll, (u wara, min jaf kemm nies saru jafu, u jħobbu lil Ġesù permezz tiegħu).

  • X’qed nagħmlu aħna biex l-ewwelnett aħna stess insiru nafu aħjar u nħobbu iktar lil Ġesù, u biex ukoll narawh iktar magħruf u maħbub mill-oħrajn?”

Talba: Miċ-ċokon tagħna, Mulej, nitolbu l-kobor tiegħek biex l-appostlu Sant’Andrija, li fil-Knisja tiegħek kien predikatur u mexxej, jidħol dejjem għalina quddiemek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/11/saint-andrew-apostle.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-andrew-apostle-403

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Andrew_the_Apostle

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis/a huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

18 ta’ Novembru: Id-Dedikazzjoni tal-Bażilika ta’ San Pietru u ta’ San Pawl

Verżjoni Vidjo: Id-Dedikazzjoni tal-Bażilika ta’ San Pietru u ta’ San Pawl

“Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll. Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet; li ma kienx hekk, kont ngħidilkom. Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu. U meta mmur u nħejjilkom post, nerġa’ niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll.” – Ġesù fi Ġwanni 14:1-3

SOD-1118-DedicationoftheChurchesofSaintsPeterandPaul-790x480ID-DEDIKAZZJONI TAL-BAŻILIKI TA’ SAN PIETRU U TA’ SAN PAWL

Tagħrif: Hemm tradizzjoni li tgħid li l-Papa San Anakletu, it-tieni Papa li laħaq wara San Pietru, bena żewġ kappelli, waħda fuq il-qabar fejn kien hemm midfun San Pietru, taħt l-għolja tal-Vatikan, f’Ruma, u oħra fuq il-qabar fejn kien hemm midfun San Pawl, ftit ‘il barra minn Ruma, fit-triq lejn il-belt ta’ Osita.

Fis-sena 326, Kostantinu l-Kbir bena knisja flok il-kappella li kien hemm fuq il-qabar ta’ San Pietru, li għal kważi tnax-il seklu baqgħet kważi l-istess. Magħha nbena palazz li serva bħala residenza tal-Papiet wara l-eżilju ta’ Avignon. Biż-żmien din il-knisja saret żgħira wisq, u fl-1506, il-papa Ġulju II beda jibni l-Bażilika li hemm illum fuq il-pjani ta’ Bramante. Damet tinbena 120 sena, b’ħafna tibdil ta’ pjani u adattamenti, l-iktar mill-Papa Pawlu V u minn Mikelanġlu. Din il-knisja msemmija għal San Pietru, illum hi magħrufa wkoll bħala “Il-Vatikan.” Hi l-ikbar knisja fid-dinja, tesa’ 50,000, u l-Papa Urbanu VIII ikkonsagraha fit-18 ta’ Novembru, 1626.

Il-martirju ta’ San Pawl ġara ftit kilometri ‘l bogħod minn dak ta’ San Pietru, fil-post ta’ Aquae Salviae (Tre Fontane), fit-triq Ostia, u difnuh xi ħames kilometri ‘l bogħod.

Anke fuq il-qabar ta’ San Pawl, Kostantinu kien bena knisja flok il-kappella li kien bena San Anakletu. Din il-knisja wkoll kienet saret żgħira, u l-Papa San Ljun il-Kbir u l-Imperatur Teodozju bnew Bażilika flokha, li nħarqet fl-1823, iżda reġgħet inbniet mill-ġdid. Hi twila 400 pied, u hi wkoll sabiħa bħal dik ta’ San Pietru. Ġiet ikkonsagrata mill-Papa Piju IX fl-10 ta’ Diċembru fl-1854, jumejn wara l-proklamazzjoni tad-Domma tal-Immakulata Kunċizzjoni, iżda l-kommemorazzjoni tagħha ssir llum ma’ dik ta’ San Pietru.

Ħsieb: Għall-ewwel kien hemm kappelli żgħar, imbagħad inbidlu fi knejjes, u llum hemm bażiliki kbar il-ġmiel tagħhom. Dejjem ikbar, dejjem isbaħ, dejjem aħjar! Hekk ukoll fil-perfezzjoni Nisranija hemm tliet gradi:

  • l-ewwel grad hu li tobgħod il-ħażen għall-imħabba ta’ Alla;
  • it-tieni grad li tagħmel il-ġid u t-tajjeb biex togħġob lil Alla;
  • it-tielet grad li tħobb lil Alla għalih innifsu u l-proxxmu għall-imħabba ta’ Alla.

Meta dawn il-Bażiliki ġew iddedikati lil Alla, Alla sab postu fihom biex jiltaqa’ mal-poplu tiegħu. Huwa jsib postu f’kull santwarju, kbir jew żgħir li l-bniedem jibni ad unur tiegħu, biex il-bnedmin isibu posthom. Ġesù jgħammar f’kull knisja u kappella u jagħmilha d-dar tiegħu biex ikun qrib tagħna ħalli jgħinna nsibu postna, u meta nsibu postna, ma nitilfuhx! Din hija l-missjoni tal-Knisja: li tgħin lill-bniedem jiltaqa’ ma’ Ġesù li huwa t-triq, il-verità u l-ħajja, biex il-bniedem ikun kapaċi jżomm postu fil-ħajja. Mela ħa nidħlu f’rabta aktar mill-qrib ma’ Ġesù, u Ġesù jħejjilna post li jixirqilna.

Kemm hija ħaġa kerha meta f’ħajjitna jkollna waqtiet fejn ma nkunux inħossuna f’postna! Meta ma tkunx f’postok, xejn ma jagħmlek kuntent u ma tkunx tista’ ssib kwiet. Mhux faċli ssib postok fil-ħajja! L-esperjenza tixhdilna li rridu nimpenjaw ruħna sewwa, speċjalment meta nkunu għadna żgħar, biex meta nikbru nsibu postna fis-soċjetà. Min-naħa l-oħra, il-fatt li tkun kbirt fis-snin mhux bilfors ifisser li tkun sibt postok – tant li hawn min sar adult u għadu ma sabx postu, u għalhekk il-ħin kollu għaddej minn ħaġa għall-oħra… u jsir bħal a rolling stone that gathers no moss. Barra minn hekk, hemm min minħabba l-karattru tiegħu mhux kapaċi jżomm postu!

Meta tkun għadek student normalment ikollok ix-xewqat u l-aspirazzjonijiet tiegħek u tistinka ħafna biex tasal issib postok, fis-sens li jkollok okkupazzjoni definittiva. Imma llum, minħabba l-kunċett ta’ mobbiltà anki fix-xogħol, kważi ebda post ma joffri stabbiltà u sodisfazzjon biżżejjed u kapaċi nitħajru ngħaddu minn post għal ieħor.

L-istess jiġri fir-relazzjonijiet affettivi. Qisha saret parti mill-kultura tagħna li wieħed jgħaddi minn relazzjoni għall-oħra, u mhux lakemm wieħed jasal biex jgħid li affettivament ikun sab postu! Sa ftit snin ilu, meta wieħed kien jiżżewweġ, kien ikun konvint li dak iż-żwieġ huwa postu, imma llum l-affarijiet inbidlu bil-kbir. Nosservaw li llum iż-żgħażagħ mhux qegħdin jiżżewġu ta’ età żgħira għax iridu ż-żmien biex jikkonvinċu ruħhom li posthom ikun f’dik ir-relazzjoni partikulari – fil-fatt, ġieli jiġri li meta żagħżugħ jidħol f’relazzjoni stabbli, jibda jinħakem minn ċerti dubji, inċertezzi u beżgħat! Imbagħad hemm dawk li affettivament isibu posthom u jiżżewġu, imma għal xi raġuni jew oħra jerġgħu jaqgħu jew iwaqqgħuhom minn posthom… u għalhekk ikollhom jaffrontaw mill-ġdid dak il-proċess biex jerġgħu jsibu posthom.

Hemm imbagħad dawk li jibqgħu ma jsibux posthom fil-mod kif jaħsbu, jirraġunaw u jiddeċiedu – jew għax ikunu nieqsa mill-maturità jew għax jinfixlu fil-ħsieb dgħajjef ta’ żminijietna. Ir-relattiviżmu tal-lum jagħmilha diffiċli li l-ħsieb tal-bniedem isib postu.

Quddiem din is-sitwazzjoni tolqotni s-sentenza li nsibu fil-Vanġelu meta Ġesù jgħid li sejjer iħejjilna post fejn noqogħdu (Ġwanni 14:3). Fi kliem ieħor Ġesù qed joffrilna li jagħtina post fil-ħajja fejn aħna jkollna ħsibijiet ċari, trankwillità u serenità. Ġesù qed jgħidilna: Tħallux qalbkom titħawwad, għax jien ngħinkom issibu postkom fil-ħajja.

Ħafna drabi, biex infittxu nsibu post tajjeb, aħna nagħmlu proġett li naħsbu li jista’ jwassalna f’dak il-post; nippruvaw niksbu għarfien sħiħ, ċert u veritier li jgħinna niżguraw il-post li nixtiequ. Imma Ġesù ma joffrilniex triq jew għarfien, imma joffrilna lilu nnifsu meta jgħid: Jien hu t-Triq u l-Verità!

Għalhekk, biex isib postu n-Nisrani ma għandux bżonn ta’ road map jew xi damma/ktieb bit-tagħrif, imma jeħtieġlu jidħol f’relazzjoni personali ma’ Ġesù. In-Nisrani li jrid isib postu għandu bżonn tal-persuna ta’ Ġesù Kristu. Min jiltaqa’ ma’ Ġesù jkun sab it-triq u s-sewwa li jgħinuh iżomm postu fil-ħajja. Jien ċert li fil-ħajja ġieli ltqajna ma’ persuni li kienu sereni u f’posthom, u dan għaliex f’ħajjithom kienu ltaqgħu ma’ Ġesù. Min ikollu din il-laqgħa ma’ Kristu, għandu garanzija li f’ħajtu jħossu f’postu anki jekk madwaru jkun hemm ħafna affarijiet li ma humiex f’posthom. Irridu nemmnu li jekk inħallu lil Ġesù jakkumpanjana, anki jekk ħajjitna tkun ħafna biċċiet, naraw dawn il-biċċiet jaqgħu f’posthom.

  • U int, sibtu postok jew għadek qed tfittxu?
  • Ippermettejt lil qalbek u lil ruħek jistrieħu f’posthom, jiġifieri f’min ħalaqhom għaliH?
  • X’post qed tagħti lil Ġesù f’ħajtek u fis-santwarju l-aktar intimu ta’ qalbek?
  • Il-Mulej jista’ jagħmel l-għamara tiegħu fik, għax f’ruħek isib post li jogħġbu?

Talba: Inti Mulejja, li tgħammar ġewwa fina: Agħmel li nsibuk, għax qabel ma nsibuk, ma nistriħux. Fik biss tinsab il-hena u l-mistrieħ tagħna. Int għamiltna għalik, o Alla, u qalbna ma ssib qatt kwiet, jekk ma tistrieħx fik. Ammen. (Talba ta’ Santu Wistin)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/dedication-of-churches-of-saints-peter-and-paul/

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/dedication-of-the-churches-of-peter-and-paul-659

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Dedication_of_Saints_Peter_and_Paul

Nota: It-Tagħrif dwar din il-festa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u l-Ħsieb minn omelija tal-Isqof Mario Grech (12 ta’ Mejju 2017).

9 ta’ Novembru: Id-Dedikazzjoni tal-Bażilika tal-Lateran

Verżjoni Vidjo: Id-Dedikazzjoni tal-Bażilika tal-Lateran

“Kristu ħabb il-Knisja: ejjew nadurawh.” – Antifona tad-dħul tal-Festa tad-Dedikazzjoni tal-Bażilika tal-Lateran

23120033_2007371676197298_987131448846871349_o.jpgID-DEDIKAZZJONI TAL-BAŻILIKA TAL-LATERAN

Tagħrif: Fil-bidu tal-Knisja l-kult kien isir f’xi dar privata, u fil-persekuzzjonijiet ġol-katakombi jew ċimiterji, li l-liġi ta’ Ruma kienet tipproteġi. Iżda għall-ħabta tas-sena 225, insibu ġa postijiet speċjali wżati bħala knejjes, u fil-bidu tar-raba’ seklu kien hemm ġa xi erbgħin knisja.

L-Imperatur Kostantinu (306–337) ġab fit-tmiem tliet sekli ta’ persekuzzjoni lill-Knisja. Fis-sena 313, martu Fausta tat il-palazz tagħha, li kien bnieh Kostantinu fuq l-għolja tal-Lateran, lill-Papa San Milzjade.

Fid-9 ta’ Novembru 324, il-Papa San Silvestru I ikkonsagra solenniment nofs il-palazz bħala knisja li semmiet għas-Salvatur. Probabbilment din kienet l-ewwel konsagrazzjoni pubblika ta’ knisja. Il-Battisteru tagħha bnieh ġdid Kostantinu, kważi kif jinsab illum, u ġie ddedikat lil San Ġwann il-Battista, u fih bdew jiġu mgħammda l-Insara ta’ Ruma.

San Silvestru żamm in-nofs l-ieħor tal-palazz, bħala r-residenza u l-Kurja tiegħu, li dam jiġi wżat hekk għal aktar minn elf sena sakemm fl-erbatax-il seklu, il-Papa mar jgħix fl-eżilju ta’ Avignon.

Sal-ġurnata tal-lum, din il-knisja hija l-Katidral ta’ Ruma, fejn il-Papa għandu l-Katedra tiegħu. Hi tiġi l-ewwel u hi l-iktar waħda antika fost l-erba’ Bażiliki Patrijarkali ta’ Ruma. It-tlieta l-oħra huma: il-Vatikan, Santa Marija Maggiore, u San Paolo Fuore Le Mure.

Fil-Lateran saru ħames Konċilji Ekumeniċi, u għoxrin Sinodu. Fih hemm relikwi prezzjużi għall-Knisja, fosthom l-irjus ta’ San Pietru u San Pawl, l-artal żgħir li fuqu San Pietru ġieli wżah biex iqaddes fi djar privati, u l-mejda tal-aħħar ikla, li fuqha Sidna Ġesù waqqaf is-Sagrament tal-Ewkaristija.

Permezz ta’ din it-tifkira l-Knisja titlobna biex nistqarru l-fedeltà tagħna lejn il-Papa, u nwiegħdu li nżommu sħiħ it-tagħlim tiegħu; u biex turina wkoll li hi tagħraf il-knejjes kollha bħala postijiet tat-talb fejn il-Fidili jinġabru flimkien biex jaduraw lil Alla.

Ħsieb: Qari mid-Diskorsi tal-isqof San Ċesarju ta’ Arles dwar il-fatt li kull wieħed minna sar tempju ta’ Alla bil-Magħmudija:

“Ħuti għeżież, għall-grazzja ta’ Kristu qegħdin niċċelebraw illum bil-ferħ u l-hena t-twelid ta’ dan it-tempju, iżda l-veru tempju ħaj ta’ Alla għandna nkunu aħna. Bir-raġun kollu l-Insara, bil-ħeġġa tal-fidi tagħhom, jagħmlu l-festa tal-Knisja Omm, għaliex jafu li permezz tagħha huma twieldu mill-ġdid fir-ruħ.

Trid issib il-knisja nadifa? Tħammiġx ruħek bit-tbajja’ tad-dnub. Jekk trid li l-knisja tkun imdawla, Alla jrid li ruħek ma tkunx imdallma, imma, kif hu stess jgħid, ħa jiddi fina d-dawl tal-għemejjel tajba biex ikollu glorja dak li hu fis-smewwiet. Kif int tidħol f’din il-knisja, hekk Alla jrid jidħol f’ruħek, kif wiegħed: “Ngħammar f’nofshom u nimxi magħhom.”

U dan li ġej hu diskors minn omelija tal-Isqof Mario Grech f’jum din il-Festa (9 ta’ Novembru, 2015):

“Għandniex xi ħaġa aktar għażiża mill-Ewkaristija? B’danakollu mhux daqshekk rari li l-mod kif aħna, saċerdoti u lajċi, niċċelebraw il-Quddiesa jagħmilha evidenti li ma nkunux qegħdin nitolbu – li dik li hija ċ-ċelebrazzjoni massima tad-divinità, tkun nieqsa minn dispożizzjonijiet, atteġġjamenti u tisħib li jixirqu lis-sagru. Fil-fehma tiegħi liturġija ta’ din ix-xorta hija wkoll desagralizzazzjoni tat-Tempju. Qed ngħid dan biex kulħadd jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu għax dawn l-abbużi ma humiex differenti minn dawk li ‘nkurlaw’ lil Kristu meta tela’ Ġerusalemm.

L-għadab ta’ Kristu għal dawk li tefgħu taħt riġlejhom is-sagralità tat-Tempju ta’ Ġerusalemm ifakkarni fir-rispett li jixraqlu tempju ieħor fejn jgħammar Alla. Qed nirreferi għall-kuxjenza li hija t-tempju l-aktar intimu fejn fis-sigriet il-bniedem iħabbat wiċċu ma’ Alla, jisma’ l-vuċi tiegħu u jiddjaloga miegħu.”

Forsi vera li lill-Mulej Alla nsebbħuh permezz tat-tempji li nibnu b’idejna għall-glorja tiegħu. Iżda wisq iktar jeħtieġilna nsebbħuh bit-tempju ta’ ġisimna li hu aħna u li fih jgħammar Hu.

  • Fil-festa tal-lum irridu nifhmu li aħna l-Insara aħna ĠEBEL ĦAJ. Hemm ħafna responsabbiltà fil-mod kif ngħixu u nitkellmu.
  • Għad-dinja ta’ madwarna, irridu nkunu eżempju għax qed inġorru fina l-istess tempju ta’ Alla. Kif nistgħu nagħmlu dan?
  • Billi nifhmu u naċċettaw il-Kelma ta’ Alla kif imfissra mill-Maġisteru tal-Knisja.
  • Irridu nkunu qalb waħda mal-Papa fit-tagħlim li huwa mdawwal mill-Ispirtu s-Santu biex idawwalna ħalli ngħixu kull ħin ir-rieda ta’ Alla fil-ħajja tagħna, fl-ambjent li fih ninsabu.

U nixtieq nispiċċa bi storja li turi x’qawwa għandha x-xhieda tal-Fidi:

Miet missier tifla fil-klassi. It-tfal tal-klassi tagħha kollha attendew għall-funeral tiegħu. Id-devozzjoni u l-imġiba tat-tfal waqt il-quddiesa kienet tassew sabiħa. Ġimgħa wara wieħed raġel mar għand il-Kappillan u talbu jgħallmu r-reliġjon bi preparazzjoni għall-Magħmudija biex jingħaqad mal-Knisja Kattolika. Il-Kappillan ġietu l-kurżità u staqsa lil dan ir-raġel kif kien ħa din id-deċiżjoni u r-raġel wieġeb: “Jiena attendejt il-quddiesa tal-funeral u bqajt kommoss u mistagħġeb b’dak kollu li smajt speċjalment bid-devozzjoni li wrew it-tfal.”

X’nitgħallmu min dan?

  • L-aħjar mezz biex tgħin lill-oħrajn biex jiddedikaw lilhom infushom għal Ġesù, huwa, li wieħed jiddedika lilu nnifsu kollu kemm hu.
  • Wieħed ftit jagħti każ ta’ li ngħidu fuq ir-reliġjon tagħna, aktar jara kif qed ngħixuha!
  • Jeħtieġ ngħaddu qalbiena minn bosta tbatijiet biex niddefendu s-sewwa u l-verità.

TalbaMulej, għinni biex bħal ĠEBLA ĦAJJA ninbena f’dar spiritwali, saċerdozju qaddis sabiex inkun strument f’idejk għat-tixrid tal-Kelma tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.wordonfire.org/resources/blog/feast-of-the-dedication-of-st-john-lateran-basilica/2142/

Alternative Reading: https://www.catholicculture.org/culture/liturgicalyear/calendar/day.cfm?date=2014-11-09

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Archbasilica_of_St._John_Lateran

Nota: It-Tagħrif dwar din il-festa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

9 ta’ Settembru: San Pietru Claver

Verżjoni Vidjo: San Pietru Claver

Għandna nkellmuhom b’idejna qabel ma nippruvaw inkellmuhom b’xufftejna.” – San Pietru Claver

Saint_Peter_Claver_stained_glassSAN PIETRU CLAVER
Saċerdot u Missjunarju
1581 – 1654

Tagħrif: San Pietru Claver SJ, kien membru tas-Soċjetà ta’ Ġesù u huwa l-Padrun tal-iskjavi u l-missjonijiet Afrikani kif ukoll tar-Repubblika tal-Kolombja minħabba x-xogħol li għamel mal-iskjavi tal-Kolombja.

Pietru Claver twieled minn familja sinjura f’Verdu, Spanja, u kiseb l-ewwel grad tiegħu f’Barċellona. Huwa daħal mal-Ġiżwiti fl-1601. Meta kien f’Majorka qiegħed jistudja l-filosofija, Claver kien imħeġġeġ minn Alphonsus Rodriguez, il-kustodju qaddis tal-kulleġġ, biex imur il-missjonijiet fl-Amerika. Claver hekk għamel, u fl-1610 mar f’Cartagena, il-Kolombja. Wara li lesta l-istudji tiegħu f’Bogotá, Pietru kien ordnat f’Cartagena fl-1616.

Cartagena kien wieħed miż-żewġ portijiet fejn l-iskjavi mill-Afrika kienu jaslu biex jinbiegħu fl-Amerika t’Isfel. Bejn is-snin 1616 u 1650, Pietru Claver ħadem kuljum biex jaqdi l-bżonnijiet ta’ 10,000 skjav li kienu jaslu kull sena.

Meta kien jasal bastiment, Pietru kien l-ewwel jittallab għall-frott, gallettini jew ħelu biex ikun jista’ jagħtihom lill-iskjavi. Imbagħad kien jivvjaġġa magħhom ma’ xi tradutturi biex ikun jista’ jagħtihom id-donazzjonijiet tiegħu kif ukoll juża magħhom il-ħiliet tiegħu bħala tabib u għalliem. Claver kien jidħol sa fil-qiegħ tal-vapuri fejn dawn l-iskjavi kienu jinżammu f’miżerja kbira u ma jitlaqx minn hemm sa ma’ kull persuna tkun irċeviet miżura ta’ kura. Pietru kien jagħtihom istruzzjoni qasira dwar il-fidi Kattolika u jgħammed kemm jista’ minnhom. B’dan il-mod huwa seta’ jgħin biex is-sidien tal-iskjavi jagħtuhom trattament aktar uman peress li jkunu saru ħuthom fir-reliġjon nisranija. Pietru Claver għammed aktar minn 300,000 skjav sal-1651, meta imbagħad marad bil-pesta.

Fl-aħħar snin tal-ħajja tiegħu, Pietru tant kien marid li ma setax iħalli l-kamra tiegħu. Ex-skjav li kien imqabbad biex idur bih, ittrattah b’mod krudili; ma kienx jitimgħu għal ħafna ġranet, u qatt ma kien jaħslu. Claver qatt ma lmenta. Huwa kien konvint li ħaqqu dan it-tip ta’ trattament.

Fl-1654, Pietru kien midluk biż-żejt tas-Sagrament tal-Griżma tal-Morda. Meta n-nies semgħet dwar dan, iffullat biex tmur fil-kamra tiegħu biex tarah għall-aħħar darba. In-nies ttrattaw il-kamra ta’ Pietru Claver qisha kienet xi santwarju, u żarmawha minn kollox ħlief mill-ħwejjeġ tas-sodda li kellu. Claver miet fis-7 ta’ Settembru, 1654.

San Pietru Claver ġie kkanonizzat fl-1888. Il-memorja tiegħu hija ċċelebrata fit-9 ta’ Settembru.

Ħsieb: Il-qawwa u l-poter tal-Ispirtu s-Santu jidhru fid-deċiżjonijiet impressjonanti u azzjonijiet kuraġġużi ta’ Pietru Claver. Id-deċiżjoni li wieħed jitlaq mill-patrija tiegħu bil-ħsieb li qatt ma jirritorna lura, turi att ġgantesk tar-rieda li diffiċli għalina li nimmaġinaw. Id-determinazzjoni ta’ Pietru li jservi sa mewtu l-aktar nies abbużati, miċħuda, u baxxi tas-soċjetà hija straordinarjament eroika. Meta nqabblu ħajjitna ma’ dik ta’ raġel bħal dan, insiru konxji tal-potenzjal tagħna stess li bilkemm nużaw u tal-ħtieġa li aħna ninfetħu aktar għall-qawwa tal-Ispirtu ta’ Alla li jrid jaħdem fina u jużana fid-dinja tal-lum.

Pietru Claver fehem li servizz konkret bħad-distribuzzjoni ta’ mediċina, ikel jew brandi lil ħutu rġiel u nisa ta’ kulur, jista’ jkun komunikazzjoni effettiva tal-kelma ta’ Alla bħal sempliċi predikazzjoni verbali. Kif Pietru Claver ta’ spiss kien jgħid, “Għandna nkellmuhom b’idejna qabel ma nippruvaw inkellmuhom b’xufftejna.”

San Pietru kien ħa vot li jkun l-iskjav tal-iskjavi għal dejjem u hekk kien kiteb dwaru nnifsu. Ma kienx jiddejjaq jinżel fil-qiegħan mudlama tal-vapuri biex idur b’dawk kollha li kienu morda u nieqsa mill-bżonnijiet bażiċi. Tul il-vjaġġi twal f’dawk il-kundizzjonijiet terribli, bosta minnhom kienu jmutu u oħrajn jimirdu. Forsi nistaqsu: Imma kif jista’ jkunu lin-nies jittrattaw lil nies oħra b’dan il-mod? Kif? Huma kienu jħarsu lejn l-Afrikani donnhom ma kinux umani, u dan huwa d-dnub tal-iskjavitù, li tittratta lil bniedem ieħor bħalek, qisu kien oġġett.

Dan hu dak li l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika għandu xi jgħid rigward id-dinjità ta’ kull persuna:

“Maħluqa fuq ix-xbieha ta’ Alla u mogħtija lkoll ir-raġuni u l-intellet, kull persuna għandha l-istess natura u l-istess oriġini. Salvati lkoll bis-sagrifiċċju ta’ Kristu, kulħadd huwa msejjaħ biex jipparteċipa mill-istess grazzji divini. Kulħadd għalhekk igawdi minn dinjità ugwali.”

Wieħed mill-ikbar ħażen tal-istorja umana huwa l-iskjavitù. Li tisraq in-nies biex imbagħad tagħmilhom skjavi hija inġustizzja kbira għax tinvolvi li tittratta bniedem ieħor bħala oġġett u mhux bħala persuna maħluqa xbieha t’Alla. Forsi madwarna m’għandiex skavitù ta’ dan it-tip, imma staqsi lilek innifsek:

  • Ġieli kont ittentat biex tħares lejn persuni oħra bħala oġġett, eżempju oġġett għall-pjaċir sesswali?
  • Jew ġieli tikkunsidra lil xi ħadd bħala problema aktar milli bħala persuna?
  • Lill-barranin li hawn fuq xtutna (mod speċjali dawk ta’ kulur) qed nagħtihom eżempju tajjeb ta’ nisrani/ja li jien, ngħinhom fejn possibli u nxandrilhom lil Kristu ma’ kull opportunità li tiġini?

Jeħtieġ ukoll li fi żminijietna llum nitolbu bil-ħerqa biex il-Mulej jagħtina dik il-motivazzjoni mqanqla mill-imħabba kbira tagħna lejn Alla, hekk li nitħeġġu biex inwasslu lil Kristu lil dawk kollha li niġu f’kuntatt magħhom. Jalla nirrispettaw u naħdmu għad-dinjità ta’ kull persuna, b’mod speċjali dawk li l-aktar huma f’riskju li jiġu miċħuda d-drittijiet umani tagħhom – id-dritt li jgħixu bid-dinjità ta’ wlied Alla.

Talba: Mulej Ġesù, żommni ħieles minn spirtu kritiku u intolleranti li nista’ niġi maħkum minnu. Agħtini qalb kbira u ġeneruża bħalma kellu San Pietru Claver biex infittex bla ma naqta’ qalbi u bla ma nagħmel distinzjonijiet, il-ġid tal-proxxmu tiegħi fis-sitwazzjonijiet kollha. Ammen.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-peter-claver-589

Alternative reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-peter-claver/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Peter_Claver