3 ta’ Mejju: San Filippu u San Ġakbu

Verżjoni Vidjo: San Filippu u San Ġakbu

“Xi Griegi marru għand Filippu u talbuh: ‘Sinjur, nixtiequ naraw lil Ġesù.’ Filippu mar jgħid lil Indrì, u mbagħad Indrì u Filippu marru jgħidu lil Ġesù.” – Ġwanni 12:21-22

Apostles- St PHILIP and JAMES the Less 2SAN FILIPPU U SAN ĠAKBU
Appostli
L-ewwel Seklu

Tagħrif: 

San Filippu
Kien minn Betsajda fuq ix-xatt tal-Għadira ta’ Ġeneżaret. Kien wieħed mill-ewwel appostli ta’ Ġesù. Kien miżżewweġ u kellu xi wlied bniet. Kif sar jaf b’Ġesù, billi xtaq li ħabibu Natanjel jieħu sehem fil-ferħ li kien ħass, mar sab lil dan sieħbu u qallu: “Sibna lil dak li Mosè fil-liġi u l-profeti kitbu dwaru – Ġesù ta’ Nazaret.” Kollu mgħaġġeb Natanjel qallu: “Tista’ minn Nazaret toħroġ xi ħaġa tajba?” Filippu wieġbu: “Ejja u ara.” Dak akkumpanja lil Filippu u Natanjel sar wieħed mid-dixxipli ta’ Ġesù (Ġwanni 1:43-46).

Jerġa’ jissemma fil-miraklu tat-tkattir tal-ħobż, meta Ġesù, kif ra folla kbira miġbura madwaru, staqsa lil Filippu: “Mnejn nixtru l-ħobż biex dawn ikollhom x’jieklu?” L-evanġelista jgħid li dan qalulu biex jippruvah, għax hu kien jaf x’sejjer jagħmel. Filippu wieġbu: “Mitejn dinar ħobż ma jkunux biżżejjed għalihom biex kull wieħed minnhom jieħu ftit” (Ġwanni 6:3-9).

Waqt li Ġesù kien qed jagħmel l-aħħar ċena mal-appostli tiegħu, Filippu talab lil Ġesù: “Sinjur, urina lill-Missier u jkun biżżejjed għalina.” Ġesù wieġbu: “Ilni daqshekk magħkom, Filippu, u għadek ma għaraftnix? Min ra lili ra lill-Missier ukoll. Kif tgħidli, ‘Urina lill-Missier’? Ma temminx li jiena fil-Missier u l-Missier fija?” (Ġwanni 14:8-9).

Jingħad li wara nżul l-Ispirtu s-Santu fuq l-appostli nhar il-Pentekoste, San Filippu mar ixandar l-Vanġelju fl-Asja ż-Żgħira, akkumpanjat minn uliedu xebbiet. Miet maqtul f’Ġerapoli fil-Friġja.

Ġakbu, imsejjaħ ‘iż-Żgħir’
Kien iben Alfew (jew Klopa) u Marija, waħda min-nisa li kienu jimxu wara Ġesù. Hu ħu San Ġuda Taddew. Jissejjaħ iż-Żgħir jew għax kien iżgħar fl-età mill-appostlu l-ieħor bl-istess isem, magħruf bħala Ġakbu l-Kbir, jew inkella għax kien magħżul appostlu warajh.

Hu maħsub li kien qarib ta’ Ġesù. Kien raġel ġust, li nħatar l-ewwel isqof ta’ Ġerusalemm. L-ittra fit-Testment il-Ġdid, imsejħa ta’ San Ġakbu, jingħad li nkitbet minnu fis-sena 47 u kienet aktarx indirizzata lill-knejjes tas-Sirja li l-membri tagħhom kienu ġew diskriminati u ppersegwitati minħabba t-twemmin ġdid tagħhom.

San Ġakbu sofra l-martirju fis-sena 61 billi tefgħuh miċ-ċint tat-tempju għal isfel u, billi ma mietx mill-ewwel, kien imħaġġar u maqtul bid-daqqiet.

Ħsieb: Bħal fil-każ tal-appostli l-oħra, naraw f’San Filippu u f’San Ġakbu bnedmin li saru l-ġebel tal-pedament tal-Knisja, u dan ifakkarni għal darb’oħra li l-qdusija u l-appostolat huma kompletament don ta’ Alla, u mhux kisba umana. Il-qawwa kollha hija l-qawwa ta’ Alla, anke l-qawwa tal-libertà tal-bniedem li taċċetta d-doni tiegħu. “Imma meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u sa truf l-art” (Atti 1:8), Ġesù qal lil Filippu u lill-oħrajn. L-ewwel kummissjoni tagħhom kienet li jkeċċu l-ispirti mniġġsa, ifejqu l-mard, iħabbru s-Saltna. Tgħallmu, gradwalment, li dawn il-mirakli esterni, kienu sagramenti ta’ miraklu akbar li jseħħ ġewwa fihom u fil-qlub tan-nies – is-setgħa divina li tħobb bħal Alla.

Qari mit-Trattat ta’ Tertulljanu, saċerdot, fuq il-kundanna tal-eretiċi bit-titlu ‘Il-predikazzjoni appostolika’:

“Sidna Ġesù Kristu, meta kien fostna fid-dinja, qalilna hu stess min hu u x’kien minn dejjem, x’kienet ir-rieda tal-Missier li hu ġie biex jagħmel, u x’kienu l-ordnijiet li hu ta lill-bnedmin. Dan qalu jew quddiem kulħadd lill-poplu kollu, jew lid-dixxipli tiegħu weħidhom, li minnhom għażel l-aqwa tnax u riedhom jibqgħu miegħu, għax ried jibgħathom biex jgħallmu lid-dinja kollha.

Wieħed minn dawn it-tnax telqu. Ġesù, qabel ma reġa’ mar għand Missieru wara li qam mill-imwiet, ordna lill-ħdax l-oħra biex imorru fid-dinja u jagħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u jgħammduhom fl-isem tal-Missier u ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu.

Minnufih l-Appostli – kelma li tfisser ‘il-mibgħuta’ – tefgħu x-xorti u għażlu lil Mattija bħala t-tnax-il wieħed flok Ġuda; dan għamluh bis-setgħa tal-profezija li hemm f’wieħed mis-salmi ta’ David. L-Ispirtu s-Santu mliehom bil-qawwa, kif kien wegħedhom Kristu, ħa jkunu jistgħu jitkellmu u jagħmlu l-għeġubijiet. Huma xandru l-fidi f’Ġesù Kristu, l-ewwelnett fil-Lhudija, waqqfu l-Knejjes, u mbagħad xterdu fid-dinja u xandru l-istess tagħlim u l-istess fidi qalb il-pagani.

Huma waqqfu f’kull belt Knejjes oħra, li minnhom ixxerrdet iż-żerriegħa tal-fidi u t-tagħlim fi Knejjes oħra, u għadha tixxerred biex jitwaqqfu Knejjes iżjed. Bis-saħħa ta’ dan, dawn il-Knejjes ukoll huma appostoliċi bħala friegħi li ħarġu mill-Knejjes imwaqqfa mill-Appostli.

Kull ħaġa maħluqa hi bilfors marbuta mal-bidu tagħha. Hekk ukoll dawn il-ħafna Knejjes huma marbuta ma’ l-ewwel waħda li waqqfu l-Appostli, li minnha ġew l-oħrajn kollha. Għalhekk huma kollha ewlenin u kollha appostoliċi, għax kollha huma miġbura f’waħda. Xhieda ta’ din l-għaqda waħda bejniethom hija r-rabta tas-sliem, l-isem ta’ aħwa li jingħata lill-insara kollha, il-laqgħa mill-qalb li jagħmlu lil xulxin. Dawn huma jeddijiet li ma hemmx raġuni oħra għalihom ħlief ir-rabta ta’ l-insara kollha bejniethom fl-istess sagrament li lkoll irċevew.

Il-verità li xandru l-appostli, jiġifieri dik il-verità li wriehom Kristu, ma għandhiex tiġi ppruvata mod ieħor ħlief permezz ta’ l-istess Knejjes li l-Appostli stess waqqfu meta xandrulhom il-verità sew bil-kelma ta’ fommhom u sew imbagħad bil-kitba.

Il-Mulej qal ċar: “Baqagħli ħafna ħwejjeġ xi ngħidilkom, imma għalissa ma tifilħux terfgħuhom;” imma mbagħad żied jgħid: “Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, imexxikom lejn il-verità kollha.” B’dan il-kliem wera li xejn ma kien se jibqa’ moħbi minn dawk li l-Ispirtu s-Santu kien se jmexxihom lejn il-verità kollha, skont il-wegħda tiegħu. U tabilħaqq, il-wegħda seħħet, għax l-Ispirtu s-Santu niżel tassew, kif juruna l-Atti tal-Appostli.”

Fl-aħħar nett, nistiednek tirrifletti dwar din is-silta mill-Ittra ta’ San Ġakbu (1:12-15): “Hieni l-bniedem li jistabar fit-tiġrib, għax wara li jkun għeleb it-tiġrib, jaqla’ l-kuruna tal-ħajja li l-Mulej wiegħed lil dawk li jħobbuh. Waqt li tkunu mġarrbin, araw li ħadd ma jgħid: ‘Alla qiegħed iġarrabni’ għax Alla ma jistax jiġġarrab għall-ħażin, u anqas mhu se jġarrab lil ħadd. Għax kull bniedem imġarrab jinġibed u jitħajjar mill-passjoni tiegħu stess. Imbagħad il-passjoni, meta tnissel, tiled id-dnub; u d-dnub, meta jilħaq il-milja tiegħu, iġib il-mewt.”

Talba: O Alla, int timliena bil-ferħ f’din il-festa li nagħmlu ta’ kull sena f’ġieħ l-appostli San Filippu u San Ġakbu: bit-talb tagħhom, agħtina li nissieħbu ma’ Ibnek fil-passjoni u l-qawmien tiegħu mill-imwiet, biex ikun jistħoqqilna narawk wiċċ imb’wiċċ għal dejjem fis-sema. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/05/sts-philip-and-james.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saints-philip-and-james/

Wikipedia for Saint Philip:  https://en.wikipedia.org/wiki/Philip_the_Apostle

Wikipedia for Saint James: https://en.wikipedia.org/wiki/James,_son_of_Zebedee

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

31 ta’ Ottubru: Beatu Anġelo ta’ Acri

Verżjoni Vidjo: Beatu Anġelo ta’ Acri

“Hija grazzja u glorja kbira li tkun Kapuċċin u iben/bint vera ta’ San Franġisk. Imma hu neċessarju li nkunu nafu u li dejjem inġorru magħna, il-ħames ħaġriet prezzjużi: l-awsterità, is-sempliċità, l-osservanza eżatta tal-Kostituzjoni u tar-Regola Serafika, l-innoċenza tal-ħajja u karità li ma tgħejja u ma tieqaf qatt.” Beatu Anġelo ta’ Acri

angelo16.jpgBEATU ANGELO TA’ ACRI
Reliġjuż
† 1739

Tagħrif: Huwa kien iben ta’ ġenituri fqar, kien jismu Antonio Luca Falcone u twieled fis-19 ta’ Ottubru, 1669. Ipprova jidħol mal-Kappuċċini ta’ 18-il sena iżda sab il-ħajja ħarxa ħafna. Bil-għajnuna ta’ ħafna talb huwa pprofessa fit-tielet darba li pprova wara novizzjat imqanqal ħafna, fl-1691. Ħa l-isem ta’ Angelo.

Fl-ewwel prietka li għamel, il-fiduċja fih innifsu u l-memorja ħallewh u niżel minn fuq il-pulptu konfuż. Meta qagħad jaħseb fuq dan id-diżappunt deherlu li l-Mulej qallu: “Għall-ġejjieni, Anġelo, ipprietka b’mod sempliċi u kif jitkellmu n-nies, biex jista’ jifhmek kulħadd.” Huwa sar wieħed mill-aqwa predikaturi ta’ żmienu u mexxa missjonijiet f’pajjiżu u xerred id-devozzjoni lejn il-Kwaranturi (40 siegħa adorazzjoni quddiem Ġesù Sagramentat) sakemm miet.

Kien jgħaddi ħin twil jitlob u jagħmel penitenzi ħorox biex jikkumbatti t-tentazzjonijiet li kien ikollu.

Huwa kiteb ktieb wieħed biss, li kien ġabra ta’ talb fuq it-tbatijiet ta’ Kristu, għas-sorijiet Kappuċċini li huwa waqqaf f’Acritania. Anġelo laħaq provinċjal Kappuċċin fil-Kalabrija, u kienu jsejħulu ‘L-Anġlu tal-Paċi’ bil-mod seren li kien imexxi l-provinċja.

Miet fit-30 ta’ Ottubru 1739, ta’ 70 sena. Il-Papa Ljun XII ibbeatifikah fit-18 ta’ Diċembru, 1825.

Ħsieb: It-triq vokazzjonali taż-żagħżugħ Luka Antonio kienet ikkaratterizzata minn ħafna inċertezzi. Wara li kkonsagra lilu nnifsu lill-Mulej, għadda minn esperjenza ta’ falliment fil-predikazzjoni. Madankollu, huwa ma qatax qalbu imma biddel l-istil tal-predikazzjoni tiegħu, u sar imbagħad evanġeliku mill-aqwa. Permezz tal-predikazzjoni tiegħu, Anġelo ta’ Acri kien strument li kapaċi jgħaqqad il-Qalb tal-Mulej ma’ dik tan-nies. Kien jikkomunika lis-semmiegħa tiegħu l-ferħ ta’ Alla li jfittex li jkun fi djalogu mal-poplu tiegħu.

Fil-konfessjonarju kien il-post li fih kien joffri lill-penitent il-konsolazzjoni tal-maħfra ta’ Alla, il-post fejn kien jiftaħ għalihom it-triq għall-ħajja ġdida fi Kristu. Huwa ta xhieda ta’ karità Nisranija billi żar il-foqra fi djarhom u qassam il-Providenza li hu stess kien irċieva. Ma naqasx li jżur wkoll lill-ħabsin, jirrikonoxxi d-dinjità tagħhom u jkellimhom fuq l-indiema, filwaqt li ddefenda wkoll lil dawk li ġew ikkundannati inġustament.

Waħda mill-eqdem pitturi ta’ Fra Anġelo ta’ Acri tippreżentah iħares lejn u jikkontempla l-Kurċifiss, iċ-ċentru tal-predikazzjoni u t-talb tiegħu. F’ħinijiet twal ta’ talb solitarju, huwa kien jagħmel meditazzjoni dwar it-tbatija ta’ Kristu u kien jirrikonoxxi fil-morda l-feriti tal-Mulej. F’kull ħaġa li kien jagħmel, kien iżomm f’qalbu l-wiċċ ta’ Ġesù msallab, l-ikona ta’ mħabba mingħajr limitu.

Imma ma nistgħux ninsew ukoll li dan il-beatu kellu devozzjoni kbira lejn il-Kwaranturi (40 siegħa adorazzjoni quddiem Ġesù Sagramentat) u baqa’ jxerred din id-devozzjoni sa mewtu. Dan jurina li s-saħħa kollha wara l-ħajja eżemplari tiegħu kien iġibha mit-talb iħeġġeġ quddiem Ġesù Ewkaristija. U inti, minn fejn iġġib il-qawwa tiegħek biex tkun tista’ tgħix ta’ Nisrani/ja awtentiku/a?

Iva Ġesu’ huwa ħaj u jinsab magħna. Hu jibqa’ jiġri warajna sal-aħħar nifs ta’ ħajjitna, għax ma jrid lil ħadd jitlef l-imħabba li għandu għal kull wieħed u waħda minna. Xi mħabba ġenwina! Minn kull kappella tal-Adorazzjoni li għandna f’pajjiżna, il-Mulej jistedinna biex immorru ħdejh u nqattgħu ftit ħin miegħu. Xi privileġġ għandna! Għax għiduli …

  • Min jista’ jibdilni għall-aħjar daqs Alla?
  • Min jissaportini daqs Alla?
  • Min jistennieni daqs Alla?
  • Min iħenn għalija daqs Alla?
  • Min jagħder in-nuqqas ta’ ħila tiegħi, daqs Alla?
  • Min jara li hemm potenzjal fija, daqs Alla?
  • Min għandu sabar daqs Alla?
  • Min jixtieqli l-ġid, daqs Alla?
  • Min għandu fiduċja fija daqs Alla?
  • Min jafdani daqs Alla?
  • Min iżommni f’sensija, inqis l-konsegwenzi t’għemili minn qabel, daqs Alla?
  • Min jgħallimni ngħożż id-dinjità ta’ persunti, daqs Alla?
  • Min jeħlisni mill-irbit u l-ġenn tal-frugħa, daqs Alla?
  • Min jgħallimni nagħraf il-pożittiv f’ħajti, daqs Alla?
  • Min japprezzani kif jien, daqs kemm japprezzani Alla?
  • Min jagħraf ħsibijieti u l-intenzjonijiet t’għemili, daqs Alla?
  • Min jafni iżjed milli naf lili nnifsi jien, daqs kemm jafni Alla?
  • Min qatt ma jgħejja jismagħni? Int biss O Alla.
  • Min qatt ma jaqta’ qalbu minni? Int biss O Alla.
  • Min qatt ma jgħajjarni bil-fallimenti tiegħi, bid-dgħjufijiet tiegħi, bid-difetti tiegħi ? Int biss O Alla … u Inti Alla li ħlaqtni biex niġi ngawdik fil-Ġenna.
  • Min jipprovdili s-saħħa, il-faraġ, il-kalma, il-wens, il-ħeġġa u r-rassenjazzjoni f’kull ma’ jinqgħalali u f’dak kollu li ngħaddi minnu f’ħajti? … Int biss O Alla.
  • Min iħobbni daqsek O Alla?
  • Min jaħfirli, inaddafni u jinsa l-passat tiegħi, daqsek O Alla?
  • Min jgħallimni l-verità u s-sewwa biss, daqsek O Alla?
  • Min jgħallimni naħseb f’ħaddieħor, daqsek O Alla?
  • Min jimlieni b’kuraġġ ta’ sur, daqs kemm timlieni Int O Alla?

Lil min insib biex ifarraġni u jibnini mill-ġdid, fid-diżgrazzji, fit-tentazzjonijiet, fil-qtigħ ta’ qalb, fl-iżolament, fil-mard, fid-diżappunti ta’ ħajti, daqs kemm tikkonslani, tfarraġni u tibnini fis-sod Int O Alla?

Iva, Mulej, nixtieq naċċetta l-istediniet tiegħek u niġi quddiemek, inħares lejk, lejn il-preżenza reali tiegħek fl-Ewkaristija … u, mingħajr ma niftaħ fommi, Inti diġà tibda tgħattini bil-paċi glorjuża tiegħek! F’dak il-kwiet, mingħajr ma jkun jaf ħadd, Int O Alla tibnili l-ħajti – imtertqa bl-ansjetajiet, bil-beżgħat, bix-xogħol, bit-tmaqdir, bin-nuqqas ta’ fiduċja fis-setgħa tiegħek, bil-vojt li nħoss kultant; bin-nuqqas ta’ fiduċja fija nnifsi … X’qawwa toħroġ minnek O Ħobż tal-Ħajja, x’mirakli tagħmel miegħi, kif tibdilli n-niket f’ferħ, kif ninsa t-thewdin ta’ moħħi hekk kif inkun quddiem il-preżenza umli, imma ta’ forza immaġinabbli tiegħek … iva dan kollu meta nafda totalment Fik f’kollox! Ħa tkun ħajti, skont ir-rieda mqaddsa tiegħek O Trinità Ħanina!

Talba: O Alla kollok tjieba, li tajtna lill-Beatu Anġelo ta’ Acri b’eżempju mill-isbaħ ta’ ħajja mfassla fuq it-tagħlim u l-eżempju tiegħek, agħtina nitolbuk, li bl-interċessjoni tiegħu għalina, aħna wkoll ma naqtgħux qalbna milli nkomplu navvanzaw f’ħajja animata mill-karità lejk u lejn il-proxxmu. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.roman-catholic-saints.com/blessed-angelo-of-acri.html

Alternative Reading: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/blessed-angelus-of-acri.html

Detailed account of his life: http://napcc.net/images/uploads/documents/acri.pdf

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Luca_Antonio_Falcone

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Parti mill-Ħsieb mehud mis-sit ta’ Medjugorje Malta.

28 ta’ Ottubru: San Xmun u San Ġuda

Verżjoni Vidjo: San Xmun u San Ġuda

“Sejjaħ lejh it-tnax-il dixxiplu tiegħu, u tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena biex ikeċċuhom, u jfejqu kull xorta ta’ mard u ‘l kull min kien nieqes minn saħħtu. L-ismijiet tat-tnax -il appostlu huma dawn: l-ewwel Xmun, jgħidulu Pietru, u ħuh Indrì, u Ġakbu ta’ Żebedew, u ħuh Ġwanni, Filippu u Bartilmew, Tumas u Mattew il-pubblikan, Ġakbu ta’ Alfew, u Ġuda Taddew, Xmun il-Kanani, u Ġuda l-Iskarjota, li mbagħad ittradieh.” – Mattew 10:1-4

Simon+&+Jude.3SAN XMUN U SAN ĠUDA
Appostli
L-Ewwel Seklu

Tagħrif: San Xmun hu msejjaħ “il-Kananew” u “iż-Żelota”, bl-Aramajk u bil-Grieg, li t-tnejn ifissru l-istess ħaġa: “l-Imħeġġeġ.”

Fil-Vanġelu huwa msemmi l-ħdax-il wieħed fil-lista tal-Appostli, u flimkien magħhom irċieva l-Ispirtu s-Santu. Barra minn hekk ma nafu xejn iżjed fiż-żgur dwaru.

X’aktarx li wara li mar jipprietka fl-Eġittu ssieħeb ma’ San Ġuda li kien fil-Mesopotamja, marru flimkien il-Persja, u mietu martri fil-Belt ta’ Swanir.

San Ġuda msejjaħ Taddew, kien ħu San Ġakbu ż-Żgħir. Kienu wlied Alfew u Marija l-kuġina tal-Verġni Marija. Għalhekk kien jiġi mill-qrib minn Ġesù. Meta n-nies stagħġbu b’Ġesù u bdew jgħidu: “Dan mhux bin il-mastrudaxxa? Ommu ma jisimhiex Marija, u ħutu Ġakbu, u Ġużeppi u Xmun u Ġuda?” (Mattew 13:55)

Ma nafux meta jew kif sar Appostlu. Iżda ismu nsibuh fil-listi kollha tal-Appostli (Matew 10:2-3; Mark 3:16-19; Luqa 6:14-16). Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann insibu li wara l-aħħar Ċena, meta Ġesù wiegħed lill-Appostli li kien ser jerġa’ jidhrilhom, San Ġuda staqsieh għala kien ser jidher lid-dixxipli tiegħu biss u mhux lid-dinja, u Ġesù wieġbu li kien ser iżur lil dawk kollha li jħobbuh. (Ġwanni 14:22)

Wara t-tlugħ ta’ Ġesù fis-sema, San Ġuda mar jipprietka l-Vanġelu f’bosta artijiet. Skont tradizzjoni sofra l-martirju flimkien ma’ San Xmun fil-Persja.

Fl-Armenja hemm devozzjoni kbira lejn dan il-Qaddis għax hu miżmum li flimkien ma’ San Bartilmew kien mar hemm u żera’ l-ewwel żerriegħa tal-Fidi.

Ħsieb: L-istess bħat-tnax-il dixxiplu li għażel Ġesù, Alla jagħżel lil kull wieħed minna għal skop speċjali. Ma jimpurtax jekk f’għajnejk jew f’għajnejn ħaddieħor ħajtek tista’ tidher bla tama – forsi għax m’għandekx xi livell ta’ edukazzjoni għolja, jew għax ġejt kemm-il darba rrifjutat/a, jew ittradut/a. Alla jixxennaq li joħloqna mill-ġdid billi jimliena bil-qawwa tiegħu. L-istess qawwa li ħarġet minn Ġesù meta kien fostna bid-deher f’din id-dinja għaddieha lid-dixxipli (Atti 10:38). Irrispettivament mill-maltempati tal-ħajja, l-imħabba ta’ Alla tibqa’ ankra soda. “U din it-tama ma tqarraqx bina, għax l-imħabba ta’ Alla ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna.” (Rumani 5:5). L-istess Spirtu huwa disponibbli għalina. Jekk aħna nimxu wara Ġesù bla ma naqtgħu qalbna, b’lealtà u b’umiltà, il-ħajja ordinarja tagħna ssir straordinarja. Inti temmnu dan?

Il-Papa Franġisku f’waħda mill-Omeliji tiegħu waqt Quddiesa ta’ xi Ordinazzjonijiet Presbiteri (1 ta’ Diċembru, 2017) qal hekk:

“Il-Mulej Ġesù jagħżel xi wħud b’mod partikulari, biex huma u jħaddmu pubblikament fil-Knisja l-uffiċċju saċerdotali f’ismu għall-ġid tal-bnedmin kollha, jissoktaw il-missjoni personali tiegħu ta’ mgħallem, saċerdot u ragħaj. Kif fil-fatt għal dan ġie mibgħut mill-Missier, hekk hu min-naħa tiegħu bagħat fid-dinja l-ewwel lill-Appostli u mbagħad l-isqfijiet, suċċessuri tagħhom, li lilhom fl-aħħar ġew mogħtija bħala kollaboraturi l-presbiteri, li, magħquda magħhom fil-ministeru saċerdotali, huma msejħa għas-servizz tal-poplu ta’ Alla.

Għalhekk, qassmu lil kulħadd dik il-kelma ta’ Alla, li intom stess ilqajtu bil-ferħ. Aqraw u mmeditaw ta’ spiss il-Kelma tal-Mulej biex temmnu dak li qrajtu, tgħallmu dak li fhimtu fil-fidi, għixu dak li tkunu għallimtu. Ħa jkun mela ikel għall-poplu ta’ Alla t-tagħlim tagħkom, ferħ li jwieżen lill-fidili ta’ Kristu u l-fwieħa ta’ ħajjitkom, biex bil-kelma u l-eżempju tibnu d-dar ta’ Alla, li hi l-Knisja.

U llum nitlob lil kulħadd preżenti għal din iċ-ċerimonja: itolbu dejjem għas-saċerdoti tagħkom. Il-poplu ta’ Alla jwieżen is-saċerdoti bit-talb. Hi responsabbiltà tagħkom twieżnu lis-saċerdoti. Xi ħadd forsi jistaqsini: ‘Imma, Dun, kif nagħmlu biex inwieżnu lis-saċerdoti?’ Afdaw fil-ġenerożità tagħkom. Il-qalb ġeneruża li għandkom turikom hi kif twieżnu lis-saċerdoti. Imma l-ewwel għajnuna li tistgħu tagħtu lis-saċerdot hi t-talb. Il-poplu ta’ Alla – jiġifieri kulħadd, kulħadd – iwieżen lis-saċerdot bit-talb. Tegħjew qatt titolbu għas-saċerdoti tagħkom. Jien naf li hekk ħa tagħmlu. Grazzi ħafna!”

IMMA JIEN U INT QED NITOLBU VERAMENT B’IMPENN GĦAS-SAĊERDOTI TAGĦNA?

MINGĦAJR SAĊERDOTI, MA JKOLLNIEX L-EWKARISTIJA U S-SAGRAMENTI L-OĦRA, IL-KNEJJES JINGĦALQU, IL-KNISJA UNIVERSALI TINĦATT U L-MERĦLA TIXXERRED. HEMM BŻONN “KBIR” LI N-NIES TAGĦRAF TGĦOŻŻ LIS-SAĊERDOTI U MINFLOK TIĠĠUDIKOM, TITLOB GĦALIHOM B’IMPENN.

GĦALL-MEJTIN NITOLBU, GĦALL-MORDA WKOLL, GĦALL-PERSUNI BI PROBLEMI WKOLL… IMMA KEMM HAWN LI QED JITOLBU B’MOD KOSTANTI GĦALL-BŻONNIJIET SPIRITWALI TAS-SAĊERDOTI U GĦALL-VOKAZZJONIJIET ĠODDA?

Bħala Talb għall-Bżonnijiet tas-Saċerdoti, tista’ żżur il-youtube channel bl-isem ta’ ‘Saċerdoti 1’: https://www.youtube.com/user/SACERDOTI1/playlists

Talba: O Alla, int wassaltna biex nagħrfuk permezz ta’ l-Appostli qaddisa tiegħek; agħmel li, għat-talb ta’ San Xmun u San Ġuda, il-Knisja tiegħek tikber dejjem billi joktor l-għadd ta’ dawk li jemmnu fik. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-jude-thaddeus-and-st-simon-the-zealot-apostles-541

Alternative Reading: http://justus.anglican.org/resources/bio/277.html

Wikipedia for Simon (the Zealot): https://en.wikipedia.org/wiki/Simon_the_Zealot

Wikipedia for Jude: https://en.wikipedia.org/wiki/Jude_the_Apostle

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

6 ta’ Ottubru: San Bruno

Verżjoni Vidjo: San Bruno

Dawk biss li esperjenzaw is-solitudni u s-silenzju jafu l-benefiċċju u l-ferħ divin li jġibu lil dawk li jħobbuhom.” – San Bruno

saint-bruno-philippe-de-champaigneSAN BRUNO
Fundatur tal-Kartużjani
ċ1030 – 1101

Tagħrif: Twieled f’Kolonja, fil-Ġermanja. Meta kien għadu żgħir mar jistudja fl-iskola tal-Katidral ta’ Reims, waħda mill-aħjar fl-Ewropa. Għamel passi kbar fl-istudji klassiċi u sagri.

Lura Kolonja tawh kanonikat u sar saċerdot. Fl-1056, mar lura Reims bħala professur u s-sena ta’ wara, meta l-magħruf Herimanus, rettur tal-iskola, irtira u sar reliġjuż, Ġervasju, isqof ta’ Reims, ħatru rettur. Għal kważi għoxrin sena (1057-1075) żamm għoli l-isem tal-iskola, li kienet saret hekk magħrufa taħt Gerbert u Heriman, predeċessuri tiegħu.

Imbagħad Bruno, flimkien ma’ sitta oħra, ħalla warajh kulma kellu u nġabar fis-solitudni. Għall-ewwel marru taħt it-treġija ta’ San Robertu, abbati ta’ Molesmes; iżda fl-aħħar qatgħuha li jmorru jitolbu l-parir ta’ Sant’Ugo, isqof ta’ Grenoble. L-isqof ħadhom f’post deżert, imsejjaħ Chartreuse, fuq l-Alpi tad-Delfinat, xi erba’ mili ’l bogħod minn Grenoble, f’nofs preċipizzji u muntanji.

San Bruno, ma’ sitta minn sħabu, bnew monasteru (1084), fejn għexu fis-solitudni u l-faqar, jitolbu, jistudjaw, jaħdmu, jikkupjaw opri prezzjużi, u josservaw fejn jistgħu r-regola ta’ San Benedittu. Infatti San Bruno ma kellu l-ebda ħsieb jistitwixxi ordni ġdid. Dan twettaq meta l-Providenza sejħitlu barra mid-Delfinat sitt snin wara. Il-Papa Urbanu II, dixxiplu tiegħu, sejjaħlu Ruma (1098) biex jgħinu bil-pariri tiegħu fit-tmexxija tal-Knisja.

Il-qaddis talab li jerġa’ lura biex jgħix fis-solitudni. Sa fl-aħħar il-Papa semgħu, iżda bil-patt li ma jirritornax Chartreuse. Il-Konti Ruġġieru tah il-wied ta’ La Torre, fid-djoċesi ta’ Skwillace, fejn mar jgħammar ma’ xi dixxipli li kien ġabar miegħu Ruma. Bit-twaqqif tat-tieni Certosa (S. Stiefnu) fil-Kalabrija (1095), u bil-ġenerożità tal-Konti Ruġġieru, il-ħajja Kartużjana ħarġet mill-muntanji tad-Delfinat.

F’Settembru tal-1101 ħass li s-siegħa tiegħu kienet waslet. Qabel ma miet ġabar ’l uliedu madwaru u għamel quddiemhom professjoni tal-Fidi Kattolika fuq il-misteri tat-Trinità u tal-Ewkaristija li kienu attakkati dik il-ħabta minn Roxxellinu (tri-teiżmu) u minn Berengarju. Miet fil-5 jew fis-6 ta’ Ottubru, 1101. Il-mewt tiegħu ġiet imħabbra fil-knejjes u l-monasteri prinċipali tal-Ewropa tal-Punent.

Ħsieb: San Bruno li tiegħu qegħdin niċċelebraw il-festa llum, kien il-fundatur tal-Kartużjani – ordni reliġjuża li għandha l-unur li qatt ma għaddiet minn perjodu ta’ riforma. Papa Piju XI qal dan dwar din l-Ordni:

“Il-Kartużjani tant żammew l-ispirtu tal-fundatur, missierhom u dak li tahom ir-Regola, li b’differenza minn Ordnijiet reliġjużi oħra, l-Ordni tagħhom qatt ma kellha bżonn xi emenda, jew, kif jgħidu, “riforma.” Fil-fatt qatt ma kienet meħtieġa, għax minkejja li hija kkunsidrata bħala l-Ordni reliġjuża l-aktar stretta fil-Knisja, baqgħet fidila lejn l-ideal ewlieni ta’ Bruno, ta’ talb u penitenza fis-silenzju u s-solitudni.”

Forsi wħud minnkom iltaqgħu mal-film: Into Great Silence (Film provdut aktar ‘l isfel f’din il-paġna) fejn filmatur segwa r-rutina ta’ monasteru tal-Kartużjani u ra l-ħajja tagħhom ta’ silenzju, talb, xogħol u penitenza. Ovvjament, ma kienx xi triller b’ritmu mgħaġġel u eċitanti, imma fl-istess ħin kien ta’ tribut għal dak li wieħed jiddefinixxi bħala l-veru eċċitament il-kbir għal kulħadd – li tkun taf li int maħbub minn Alla u li tagħti lilek innifsek totalment biex tħobb lil Alla.

F’Ottubru tas-sena 2011, il-Papa Benedittu XVI żar monasteru tal-Kartużjani fl-Italja u tkellem dwar il-ħtieġa tas-silenzju f’dinja mimlija ħsejjes. Dan ma jfissirx li inti msejjaħ/a li tkun patri jew soru tal-klawsura, iżda jfisser li int u jiena għandna bżonn insibu ħin kwiet kuljum għat-talb. Dan huwa dak li qal il-Papa:

“Il-progress tekniku, b’mod partikolari fil-qasam tat-trasport u tal-komunikazzjoni, għamel il-ħajja tal-bniedem aktar komda, iżda wkoll inqas kwieta u xi drabi anke b’żieda ta’ ansjetà. L-ibliet kważi dejjem storbjużi u l-ħsejjes fl-isfond, f’ċerti żoni, jibqa’ sejjer anke matul il-lejl.

Fl-aħħar deċennji, barra minn hekk, l-iżvilupp tal-midja inbidel u estenda fenomenu li diġà ġie spjegat fis-sittinijiet: dak li hu virtwali jirriskja li jirbaħ fuq dak li hu reali. In-nies qed isiru aktar immersi f’dimensjoni virtwali minħabba l-messaġġi awdjoviżivi li jakkumpanjaw il-ħajja tagħhom minn filgħodu sa filgħaxija.

Iż-żgħar tagħna, li diġà twieldu f’dawn il-kundizzjonijiet, jidhru li jixtiequ jimlew kull mument vojt bil-mużika u l-istampi, għax jibżgħu li jħossu vojt akbar jekk ma jagħmlux dan. Xi nies m’għadhomx kapaċi jibqgħu għal perjodi twal fis-silenzju u s-solitudni.

Meta l-bnedmin jirtiraw fis-silenzju u s-solitudni, ikunu qed “jesponu,” biex ngħidu hekk, lilhom infushom għar-realtà għarwiena tagħhom, għal dak “il-vojt” apparenti, sabiex minfloku jibdew jesperjenzaw sens ta’ milja fil-preżenza ta’ Alla – ir-Realtà l-aktar reali li teżisti u li tinsab lil hinn mid-dimensjoni tanġibbli.”

  • U int qed tagħmel ħiltek biex telimina dak l-istorbju żejjed li hemm f’ħajtek biex fis-skiet tidħol fil-preżenza t’Alla u quddiemu tagħraf x’jeħtieġ li tagħmel biex ħajtek tinbidel għall-aħjar?
  • Qed toħloq spazju u ħin ta’ kwalità tajjeb għat-talb, u talb fis-silenzju, biex tkun tista’ tħalli lil Alla jkellmek, forsi b’xi passaġġ mill-Iskrittura?

Talba: Missier, Int sejjaħt lil San Bruno biex iservik fil-solitudni. Bi tweġiba għat-talb tiegħu għalina, għinna nibqgħu fidili lejk f’nofs il-bidliet storbjużi ta’ din id-dinja. Nitolbuk dan bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2011/12/saint-bruno.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-bruno/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Bruno_of_Cologne

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

21 ta’ Settembru: San Mattew

Verżjoni Vidjo: San Mattew

“Huwa u għaddej minn hemm, Ġesù ra wieħed bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi; kien jismu Mattew. ‘Ejja warajja,’ qallu. Dak qam u mar warajh.” – Mattew 9:10

stmatthew-icon-imageSAN MATTEW
Appostlu u Evanġelista
L-Ewwel Seklu

Tagħrif: Mattew kien Lhudi. X’aktarx li kien mill-Galilija. Bla dubju kien raġel għani. Ismu jfisser ”Rigal ta’ Alla.” Huwa l-istess persuna li San Mark u San Luqa jsejħulu Levi.

Bi professjoni kien Pubblikan, jiġifieri wieħed li jiġbor it-taxxi mingħand il-Lhud u jgħaddihom lill-ħakkiema tagħhom ir-Rumani. Dan kien fi żmien Erodi Antipa. Il-Lhud ma kinux jaħmluhom lir-Repubblikani, għax barra milli kienu aġenti tal-Gvern Ruman, kellhom il-fama li kienu rgħiba u qarrieqa. Għalhekk il-Lhud ma kinux iħalluhom jidħlu fit-tempju u fis-sinagoga. L-ebda Lhudi tal-affari tiegħu ma kien ikollu kuntatti magħhom.

B’danakollu, darba waħda Ġesù rah bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi, u qallu: “Ejja warajja.” Dak qam u mar warajh. (Mattew 9:9) Hekk kienet is-sejħa ta’ San Mattew biex isir wieħed mit-tnax l-Appostli ta’ Ġesù.

Ftit wara, Mattew stieden lil Ġesù għall-ikla fid-dar tiegħu f’Kafarnaum u stieden ukoll ħafna kolletturi ħbieb tiegħu. X’ħin il-Fariżej raw dan ħaduha kontra Ġesù u qalu: “Għaliex jiekol mal-pubblikani u l-midinbin?” Ġesù sempliċiment weġibhom:

“It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f’saħħithom, iżda l-morda.” (Mattew 9:12)

Isem San Mattew insibuh fil-lista tal-Appostli. Flimkien mal-Appostli kien xhud tal-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù; kien magħhom ukoll meta Ġesù tela’ s-sema; u wara mar magħhom ukoll Ġerusalemm jitlob u jistenna l-miġja tal-Ispirtu s-Santu. (Atti 1:13)

San Mattew kiteb l-ewwel Vanġelu. Kitbu bl-Aramajk, l-ilsien antik tal-Palestina, u li bih kien jitkellem Ġesù. Is-simbolu tiegħu hu figura ta’ bniedem għax il-Vanġelu tiegħu jibda bil-ġenealoġija ta’ Ġesù.

It-tradizzjoni tgħid li San Mattew mar jipprietka lil Ġesù fl-Etjopja (mhux dik tal-Afrika iżda ta’ ħdejn il-baħar Kaspju) fejn miet martri.

Ħsieb: “Jekk Alla jrid jiltaqa’ magħna bħala bnedmin umani – anzi bħala tfal – anke aħna rridu nagħmlu l-almu tagħna biex nersqu lejn Alla. Meta Ġesù jsejjaħ, dan jagħmlu mhux biex ixekkel il-personalità, imma biex iġegħelha tinfetaħ fl-essenza vera tagħha, u hekk takkwista l-ideal li jagħtiha motivazzjoni.” ~ San Ġwanni Pawlu II

“Ġesù għażel lil Mattew bħala dixxiplu, li għal għajn in-nies, kien meqjus midneb u li ma kellux il-valuri meħtieġa ta’ qaddis. Madanakollu huwa kien onest u umli biżżejjed biex jammetti li hu kien midneb. Għaraf il-verità f’Ġesù u ‘qabad u qam u mar wara Ġesù’ (Mattew 9:9). Ġesù għażel lil Mattew bħala wieħed mill-pedamenti tal-Knisja tiegħu.” ~ Bro. Louis Camilleri

U dawn meditazzjonijiet ta’ San Ġwann Battista De La Salle:

“L-iktar karatteristika ammirabbli fil-ħajja ta’ San Mattew hija li fedelment segwa lil Ġesù Kristu hekk kif kien imsejjaħ. Biex juri l-ferħ u l-gratitudni li kellu lejn Ġesù Kristu minħabba l-konverżjoni tiegħu, huwa stiednu għal ikla kbira fid-dar tiegħu fejn kien hemm diversi pubblikani u midinbin. Dawn, jgħidilna San Ġilormu, ikkonvertew minn Sidna.

Il-konverżjoni ta’ San Mattew hija pjuttost straordinarja u turi l-qawwa tal-grazzja u l-effett li tipproduċi f’ruħna. Huwa veru li l-kelma ta’ Ġesù Kristu hija effikaċi fis-sejħa tal-ewwel Appostli tiegħu, iżda mhuwiex sorprendenti li l-biċċa l-kbira tagħhom segwew lil Ġesù għax kienu sajjieda foqra, filwaqt li San Mattew kellu propjetà u kien jgħix b’mod komdu.

  • U inti kemm kont tkun pront biex issegwi lil Ġesù Kristu kif għamel San Mattew: fuq il-post, mal-ewwel kelma, bla ma tħalli żmien biex tissetilja l-affarijiet tiegħek, u mingħajr ma titlob biex il-Mulej jistenniek ħalli tagħmel dan? Kemm-il darba sejjaħlek Ġesù Kristu?” (Med. 167, l-1 punt)

“Wara l-konverżjoni tiegħu, San Mattew baqa’ imwaħħal sewwa ma’ Ġesù Kristu sa tmiem ħajtu, kif jgħidilna San Ġilormu. Huwa għalhekk li kien magħżul biex ikun wieħed mill-Appostli ta’ Kristu, biex jipprietka l-Evanġelju tiegħu flimkien miegħu u warajh, u biex ikun l-ewwel li jikteb l-Evanġelju, bl-istess lingwa li biha Ġesù Kristu kien ipprietkaha.

Huwa inkonċepibbli kemm Ġesù Kristu jħobb lil dawk li jċedu kollox għalih u kemm hu jagħtihom grazzji kemm għalihom infushom u kemm għall-oħrajn. Minħabba li l-qlub tagħhom huma vojta mill-affarijiet ta’ din id-dinja, Alla jimliehom bl-Ispirtu tiegħu, kif għamel lill-qalb ta’ San Mattew. Għax aktar ma nħallu affarijiet esterjuri warajna, aktar nirċievu mingħand Alla b’mod interjuri.” (Med. 167, it-2 parti)

“Aħżnu ġid fis-sema, fejn la susa u la sadid ma jħassar, u fejn il-ħallelin la jiftħu u la jisirqu.” (Mattew 6:19) Eżempju l-iktar ċar ta’ min ħaddan dan it-tagħlim ta’ Ġesù kien San Mattew li nfatam mill-ġid kollu li kellu, ħalla kollox, mar ingħaqad ma’ Ġesù, għex il-ħajja sempliċi u fqira tiegħu, baqa’ sakemm ta’ ħajtu għalih, u llum jinsab miegħu fis-sema.

  • U int? Qed twieġeb għas-sejħat li Ġesù qed jagħmillek f’ħajtek fil-preżent?
  • Forsi qed isejjaħlek biex tirbaħ fuq xi dnub jew fuq xi vizzju u għadek qed tittratieni?
  • Forsi jridek twettaq dak li ilek tipposponi?
  • Jew qed isejjaħlek biex twarrab fil-ġenb dak li qed jurik u tagħmel għażliet differenti li joġgħbu lilu?
  • Forsi sejħa biex titlob aktar u/jew biex tiffrekwenta s-Sagramenti tal-Qrar u t-Tqarbin aktar spiss?

Żgur li l-Mulej bħalissa qed ipoġġilek f’qalbek dak li hu jixtieq minnek. Jalla twieġbu fil-pront kif għamel San Mattew ħalli ma titlifx il-grazzji li lesta għalik.

TalbaO Alla, bi ħniena liema bħalha għoġbok tagħżel lil San Mattew, u minn pubblikan għamiltu Appostlu tiegħek; għinna bl-eżempju u t-talb tiegħu, biex aħna wkoll jistħoqqilna nimxu warajk u ningħaqdu miegħek b’rabta sħiħa. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2015/09/st-matthew.html

Alternative reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-matthew/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Matthew_the_Apostle

Film based on Saint Matthew’s Gospel:

Il-Qari tal-Evanġelju ta’ San Mattew bil-Malti:

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut. Il-ħsieb huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

20 ta’ Settembru: San Andrija Taegon, San Pawl Chang Hasang, u Sħabhom

Verżjoni Vidjo: San Andrija Taegon, San Pawl Chang Hasang, u Sħabhom

“Din hija l-aħħar siegħa tal-ħajja tiegħi, isimgħuni b’attenzjoni: jekk kelli komunikazzjoni mal-barranin, kien għar-reliġjon tiegħi u għal Alla tiegħi. Huwa għalih li se mmut. Il-ħajja immortali tiegħi daqt tasal fil-bidu tagħha. Siru nsara jekk tixtiequ tkunu kuntenti wara mewtkom, għax Alla għandu kastigi eterni maħżuna għal dawk li jkunu rrifjutaw li jsiru jafuh.” – San Andrija Taegon

saints-2badnrew2bkim2btaegon_paul2bchong2bhasangSAN ANDRIJA TAEGON, SAN PAWL CHANG HASANG, U SĦABHOM
Martri
1839 – 1867

Tagħrif: Għal ħamsin sena sħaħ il-fidi nisranija fil-Korea xxandret mil-lajċi, u kien biss fis-sena 1836 li daħħlu fil-pajjiż l-ewwel missjunarji, li kienu minn Franza.

Fil-Korea, il-Knisja kellha persekuzzjonijiet ħorox speċjalment fis-snin 1839, 1846, 1866, u 1867, li matulhom bosta nsara taw ħajjithom għal Kristu.

Ta’ min isemmi b’mod speċjali lil Andrija Kim Taegon, l-ewwel saċerdot Korean li wara li tefgħuh il-ħabs, qatluh bil-qtugħ tar-ras; u Pawlu Hasang li kien appostlu lajk ta’ qlubija kbira.

Flimkien ma’ San Andrija u San Pawl ġew ikkanonizzati 101 martri oħra fosthom kien hemm iż-żagħżugħ Peter Yu ta’ 17 –il sena u Mark Chong ta’ 72 sena.

Kien hemm ukoll tliet isqfijiet u tmien saċerdoti mis-Soċjetà tal-Missjonijiet Esteri ta’ Pariġi, fosthom Monsinjur Imbert li kien l-ewwel Isqof li pprietka l-kelma ta’ Alla fil-Korea.

Barra minn dawn il-Missjunarji Franċiżi, il-bqija kienu kollha Koreani: irġiel u nisa, miżżewġin u mhumiex, xjuħ, żgħażagħ u tfal, għonja u foqra.

Dawn il-103 martri tal-Korea ġew iddikjarati qaddisin mill-Papa Ġwanni Pawlu II, waqt quddiesa li ċċelebra fis-6 ta’ Mejju 1984, f’Misraħ Youido, f’Seoul, quddiem folla ta’ iktar minn nofs miljun ruħ, meta kien qed jagħmel il-pellegrinaġġ appostoliku tiegħu fil-Korea.

Ħsieb: Dan huwa d-diskors li l-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II qal dwar il-Knisja Kattolika fil-Korea:

“Il-Knisja Koreana hija unika għaliex ġiet imwaqqfa kompletament mil-lajċi. Din il-Knisja li għadha qed tiżviluppa, tant żgħira imma tant b’saħħitha fil-fidi, baqgħet sħiħa minkejja li kellha tegħleb mewġa wara mewġa ta’ persekuzzjoni ħarxa. F’inqas minn seklu, inti tista’ tiftaħar b’10,000 martri. Is-snin 1791, 1801, 1827, 1839, 1846, u 1866 huma ffirmati għal dejjem bid-demm sagru tal-martri tiegħek u mnaqqxa fil-qlub tiegħek. Il-mewt ta’ dawn il-ħafna martri sar il-ħmira tal-Knisja u wassal biex il-Knisja tal-Korea tifjorixxi kif qed naraw illum.”

L-Ispirtu s-Santu, li jonfoħ fejn irid, inqeda bl-appostolat ġeneruż tal-lajċi biex seħħet il-bidu tal-Knisja fl-art tal-Korea. Kieku dawn qatgħu qalbhom, kieku dan il-ġid kollu ma kienx iseħħ. Kull nisrani huwa msejjaħ biex iwettaq il-missjoni li l-Mulej għażillu. Hi propju f’din il-missjoni li l-Mulej irid iqaddes lil dawk li jsejjaħ. Ma jsejħilniex għax perfetti jew għax kapaċi mija fil-mija, imma matul il-vjaġġ tal-appostolat li jagħżlilna, huwa lest li jipperfezzjonana bil-grazzji tiegħu jekk inħallu l-Ispirtu s-Santu joħloqna. M’hemmx qdusija vera jekk ma nwettqux ir-rieda t’Alla f’ħajjitna. Imma kull sejħa f’din il-ħajja twassal għall-qdusija u għalhekk għall-glorja ta’ bla tmien fis-Sema. Santu Wistin jgħidilna:

“Għax fil-ġnien tal-Mulej, ħuti, insibu, iva insibu, mhux biss ward tal-martri iżda wkoll ġilji tal-verġni, liedni tal-miżżewġin, u vjoli tar-romol. Ebda bniedem ħuti għeżież ma għandu jaqta’ qalbu mis-sejħa tiegħu anqas xejn. Kristu għal kulħadd miet. Hi kelma tas-sewwa dik li nkitbet fuqu. Irid li l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu s-sewwa.”

Il-qtigħ il-qalb ħafna drabi jġiegħelna nkomplu niżlin ’l isfel u nitbiegħdu minn Alla. Għaliex? Għaliex ma nerġgħux lura lejn dak Alla li huwa għani fil-ħniena? Inkunu għamilna ħafna tajjeb fil-ħajja tagħna iżda xi kultant nintelqu u niżolqu lura. Ninsew it-tajjeb li għamilna u naqgħu fid-dnub.

Wasalt fejn wasalt fil-vjaġġ spiritwali tiegħek, jeħtieġ li tagħmel il-qalb u tagħti l-pass li jmiss. Agħraf it-tajjeb li għamilt f’ħajtek u ħalli li dan jagħmillek kuraġġ. Imbagħad ara fejn żbaljajt jew qed titfixkel u indem. Irritorna lejn il-Mulej anki bl-użu tas-Sagrament tal-Qrar u erġa’ ħallih jifraħ bik u jħaddnek miegħu bil-ħniena. Taqtax qalbek għax il-Mulej għandu fiduċja sħiħa fik u mhux se jieqaf isejjaħlek! Intelaq f’idejh u agħmel dak li jgħidlek hu u tikseb mill-ġdid il-kuraġġ tat-tisħiħ tal-fidi tiegħek.

Tintelaqx! Afda fih! L-opri tajba tiegħek huma teżor għalik fis-sema. Ftakar fihom u kompli żid magħhom ħa tkabbar dan il-ħlas li l-Mulej qed jaħżen għall-ġusti, u kull darba li taqa’, erġa’ qum u kompli miexi fid-direzzjoni li qed jurik dan ir-Ragħaj Divin. Huwa qatt mhu se jħallik waħdek. Int tinsab f’idejh, il-mimmi t’għajnejh. Mhux dejjem faċli li tagħmel ir-rieda t’Alla għax xi drabi ma tkunx qed taħsibha bħalu. Hawn trid iżomm quddiem għajnejk li Hu dejjem jaf aħjar minnek dak li hu meħtieġ u int qatt mhu ser twassal mal-għerf u l-imħabba tiegħu. Umbagħad, kif jgħidilna Sant Anselmu:

“Fil-ġenna ħadd ma jkollu xewqa oħra ħlief dik li jkun irid Alla; u x-xewqa ta’ wieħed tkun ix-xewqa ta’ kulħadd; u x-xewqa ta’ kulħadd u ta’ kull wieħed tkun ukoll ix-xewqa ta’ Alla. – Armonija Perfetta.” (Opera Omnia, ittra 112)

Talba: O Alla, int ħlaqt in-nazzjonijiet kollha u int s-salvazzjoni tagħhom. Fl-art tal-Korea s-sejħa tiegħek għall-fidi Kattolika ffurmat poplu ta’ adozzjoni, li għall-għejxien tiegħu sqejtu bid-demm ta’ Andrew, Pawlu, u sħabhom. Permezz tal-martirju u l-interċessjoni tagħhom, agħtina s-saħħa biex aħna wkoll nibqgħu fidili għall-kmandamenti tiegħek dejjem u sal-aħħar ta’ ħajjitna.  Ammen.

English Version: https://www.catholicculture.org/culture/liturgicalyear/calendar/day.cfm?date=2018-09-20

Alternative reading: https://www.franciscanmedia.org/saints-andrew-kim-taegon-paul-chong-hasang-and-companions/

Wikipedia on Andrew Kim Taegon: https://en.wikipedia.org/wiki/Andrew_Kim_Taegon

Wikipedia on Paul Chong Hasang: https://en.wikipedia.org/wiki/Paul_Chong_Hasang

Wikipedia on Korean Martyrs: https://en.wikipedia.org/wiki/Korean_Martyrs

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.