29 ta’ Settembru: L-Arkanġli Mqaddsa, Mikiel, Gabrijel u Rafel

Verżjoni Vidjo: L-Arkanġli Mqaddsa, Mikiel, Gabrijel u Rafel

“O Alla, int ordnajt lill-anġli tiegħek biex iħarsuna fi triqatna kollha: mexxina llum fil-mogħdijiet tiegħek. U intom anġli kollha, bierku l-Mulej.” Mill-Preċi ta’ Sbiħ il-Jum. 

archangels-e28094-iconL-ARKANĠLI MQADDSA, MIKIEL, GABRIJEL U RAFEL

Tagħrif: L-Iskrittura titkellem mill-anġli bħala l-ministri ta’ Alla li wasslu l-messaġġi tiegħu lill-bnedmin.

L-Arkanġli huma t-tieni mill-aħħar fost id-disa’ kori ta’ l-anġli – Serafini, Kerubini, Troni, Dominazzjoni, Virtujiet, Qawwiet, Prinċipati, Arkanġli u Anġli.

Fl-Iskrittura nsibu lil San Mikiel miżmum bħala l-Anġlu kustodju ta’ Iżrael (Daniel 12:1). L-isem Mikiel ifisser: “Min hu bħal Alla?” Sa minn żmien l-appostli, San Mikiel inħatar bħala l-Patrun u l-Protettur tal-Knisja (Apokalissi 12:7). Is-Santi Padri Griegi poġġewh bħala l-prinċep tas-Serafini.

Gabrijel ifisser “Alla wera lilu nnifsu l-Qawwi.” Fl-Iskrittura nsibu ismu fil-ktieb ta’ Danjel (Daniel 9:21-27), meta għarraf lil Danjel il-profezija tas-seba’ ġimgħat; fil-Vanġelu, meta ħabbar lil Żakkarija t-twelid ta’ San Ġwann il-Battista (Luqa 1:11); u meta ħabbar lil Marija li kienet ser tnissel Iben bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu (Luqa 1:26).

Rafel ifisser “Alla jfejjaq”. Insibu ismu fil-ktieb ta’ Tobit fejn narawh jiggwida lil Tobija fil-vjaġġ tiegħu, u fejjaq lil missier Tobit li kien agħma. Hu stess stqarr: “Jien Rafel, wieħed mis-seba’ anġli li qegħdin quddiem il-maestà tal-Mulej” (Tobija 12:15).

Ħsieb: Dan li ġej huwa qari mill-Omeliji tal-Papa San Girgor il-Kbir dwar l-Arkanġli Mqaddsa:

“Alla ma bagħatx għand Marija Verġni wieħed mill-anġli, kien min kien, iżda bagħtilha lill-arkanġlu Gabrijel; għax kien jixraq li Alla jibgħat l-aqwa anġlu biex jaqdi servizz hekk kbir li jwassal l-aqwa messaġġ li qatt intbagħat.

Hu għalhekk li jingħata isem proprju lill-anġli, biex l-istess isem ifisser kull wieħed minnhom x’ħila għandu jagħmel. Kull meta tinqala’ xi ħaġa li titlob qawwa tal-għaġeb, dejjem Mikiel jintbagħat, biex l-istess isem u għemil iġagħalna nifhmu li ħadd ma jista’ jagħmel dak li Alla jagħmlu b’mod aqwa. L-għadu antik, li tkabbar u ried isir daqs Alla, qal: Nitla’ fis-sema. Inqiegħed it-tron tiegħi ‘l fuq mill-kwiekeb, u nkun bħal Alla l-Għoli; imma bil-qawwa kollha li għandu, fl-aħħar tad-dinja, meta jkun wasal għall-kastig ta’ dejjem, se jkun l-arkanġlu Mikiel li jqum biex jitqabad miegħu, kif jgħid Ġwanni: Qamet gwerra, u l-arkanġlu Mikiel tqabad.

U għand Marija wkoll, Alla bagħat lil Gabrijel, li jfisser “Qawwa ta’ Alla”: għax hu ġie jħabbar lil dak li għoġbu jiġi fostna umli ħalli jxejjen lis-setgħat qawwija ta’ l-ajru. Mela dak li kien ġej bħala l-Mulej ta’ l-eżerċti, qawwi fit-taqbida, kellu jitħabbar mill-Qawwa ta’ Alla.

U fl-aħħar nett Rafel li, kif għedna, ifisser “Duwa ta’ Alla”; għax meta mess għajnejn Tobija bħal wieħed li kellu l-missjoni biex ifejjqu, neħħielu d-dlamijiet tal-agħma minn għajnejh. Mela kien jixraq li, dak li ġie mibgħut biex ifejjaq, jissejjaħ “Duwa ta’ Alla.”

“Min-natura kollha tagħhom, l-anġli huma qaddejja u messaġġiera ta’ Alla. Għaliex “dejjem jaraw wiċċ missieri li hu fis-smewwiet” (Mattew 18:10) huma “jagħmlu l-ordni tiegħu, malli jisimgħu l-kelma tiegħu.” (Salm 103:20).

  • San Mikiel huwa l-anġlu li jiipproteġina – ejjew nitolbuh jeħlisna minn kull ħsara, lilna u l-familji tagħna. (ara Talba ta’ San Mikiel tal-Papa Ljun XIII ftit linji ‘l isfel)
  • San Gabrijel huwa l-messaġġier ta’ Alla – ejjew nitolbuh jgħinna nisimgħu l-vuċi ta’ Alla.
  • San Rafel huwa l-anġlu li jfejjaq – ejjew nitolbuh ifejjaqna minn kull nuqqas ta’ mard jew ħsara.

TalbaSan Mikiel Arkanġlu, idħol għalina fit-taqbida; kun int l-għajnuna tagħna kontra l-ħażen u t-tnassis tad-demonju. Irażżnu Alla, nitolbuk bil-ħerqa. Int l-aqwa fost il-qtajja’ tas-sema, itfa’ bil-qawwa t’Alla, fil-qiegħ tal-infern lix-xitan u l-ispirti ħżiena l-oħra li jiġġerrew fid-dinja għat-telfien tal-erwieħ. Ammen. (Talba tal-Papa Ljun XIII)

O Alla, int tqassam b’ordni ta’ l-għaġeb il-ħidmiet ta’ l-anġli u tal-bnedmin: fil-ħniena tiegħek, agħtina li ħajjitna f’din l-art tkun imħarsa mill-anġli li fis-sema dejjem quddiemek jaqduk. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicculture.org/culture/liturgicalyear/calendar/day.cfm?date=2014-09-29

Alternative reading: https://www.franciscanmedia.org/saints-michael-gabriel-and-raphael/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Archangel

Nota: It-Tagħrif dwar il-Festa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

28 ta’ Settembru: San Vinċeslaw

Verżjoni Vidjo: San Vinċeslaw

“Ħi, il-Mulej jaħfirlek.” L-aħħar kelmiet li San Vinċeslaw qal lil ħuh Boleslaw, li ma’ grupp ta’ nies, qabeż fuqu u qatlu fil-bieb tal-knisja biex joħodlu t-tron.

2f57d3384686edc515d7ca8f9352fa93SAN VINĊESLAW
Re tal-Boemja u Martri
907 – 929

Tagħrif: San Vinċeslaw twieled ħdejn Praga, Ċekoslovakkja, fis-sena 907. Missieru Ratislav, Duka ta’ Boemja, kien nisrani, waqt li ommu Drahomira, għalkemm kienet ikkonvertiet mill-paganiżmu baqgħet pagana f’qalbha.

Fortunatament, Vinċeslaw trabba man-nanna tiegħu, Santa Ludmilla li edukatu u tellgħetu bħala Nisrani.

Meta kien għadu żagħżugħ ta’ madwar 13-il sena, missieru miet jitqabad kontra l-Maġjari (Ungeriżi), u ommu saret Reġġenti, u bdiet persekuzzjoni kontra l-Insara. Fost affarijiet oħra, keċċiet lill-qassisin u lis-sorijiet li ma kinux mill-pajjiż, ipprojbiet it-tagħlim tar-Reliġjon Nisranija barra minn ġol-knejjes, u insistiet li binha Vinċeslaw ma jibqax nisrani, għalkemm hu ssaħħaħ iktar fil-fidi.

Meta Santa Ludmilla bdiet tħeġġeġ lil Vinċeslaw biex jieħu t-tmexxija tal-pajjiż f’idejh malli jkollu l-etàgħax hu ma kienx inklinat li jagħmel hekk, ġiet assassinata fis-sena 921.

Fis-sena 925, Vinċeslaw għalaq it-tmintax-il sena, u ħa l-gvern f’idejh. Malajr beda jaħdem b’ħiltu kollha biex jgħaqqad il-poplu tiegħu kollu fir-Reliġjon Nisranija, u waqqaf relazzjoni tajba ma’ l-Imperatur Enriku I tal-Ġermanja.

Din il-politika tiegħu favur ir-reliġjon Nisranija, u ta’ ħbiberija mal-Ġermanja, qajmet partit kontrih. Fl-istess waqt, meta ħuh Boleslaw, ra li kien tilef iċ-ċans li jieħu t-tmexxija tal-pajjiż kollu f’idejh, ftiehem mal-partit kuntrarju, u beda jikkonfoffa biex joqtol lil Vinċeslaw. Boleslaw trabba ma’ ommu li tant kienet influwenzatu u bħalha tela’ b’mibegħda kontra l-Insara.

Boleslaw stieden lil San Vinċeslaw biex imorru f’Boleslava ħalli jiċċelebraw il-festa tal-Qaddisin protetturi, San Kosma u San Damjan. Vinċeslaw laqa’ l-istedina u mar. Meta filgħodu Vinċeslaw kien fi triqtu lejn il-knisja biex jisma’ quddiesa, Boleslaw, bi grupp ta’ nies miegħu, qabeż fuqu u qatlu, fl-20 ta’ Settembru, 929.

San Vinċeslaw miet fil-bieb tal-knisja bil-kelmiet fuq fommu: “Ħi, il-Mulej jaħfirlek.” Kellu 22 sena. Vinċeslaw laħaq mexxa biss 7 snin u kien għadu kif kellu iben li assiguralu s-suċċessjoni.

Tliet snin wara, Boleslaw nidem, u difen bl-unuri kollha l-ġisem ta’ ħuh Vinċeslaw fil-knisja ta’ San Vitu, fi Praga, waħda mill-knejjes li l-Qaddis stess kien bena.

San Vinċeslaw huwa l-Patrun taċ-Ċekoslovakkja.

ĦsiebDan il-qaddis tal-lum ifakkarna fi żmien il-Milied. Dan minħabba l-innu tal-Milied Good King Wenceslaus fejn jissemma dan ir-re twajjeb li ħareġ fil-festa ta’ San Stiefnu (26 ta’ Diċembru) u meta ra raġel fqir jiġbor il-ħatab biex iqabbad in-nar dlonk tah l-għajnuna kollha li seta’. U dan li ġej, inkiteb minn Kosma ta’ Praga, dwar San Vinċeslaw madwar is-sena 1119. Diversi sekli wara din l-istqarrija ġiet ikkonfermata bħala fatt mill-Papa Piju II:

“Kull lejl mis-sodda nobbli tiegħu, ħafi u bi gwardja wieħed biss, kien imur fil-knejjes ta’ Alla u jagħti għotjiet ta’ karità ġenerużi lir-romol, lill-orfni, lil dawk fil-ħabs u dawk milquta b’kull tip ta’ diffikultà, tant hu hekk li kien ikkunsidrat, mhux prinċep, iżda missier ta’ dawk kollha li spiċċaw f’xi miżerja.”

Dan l-ispirtu ta’ servizz hu wieħed mill-affarijiet li jeħtieġ li jerġa’ jiġi stabbilit fis-soċjetà tagħna. Il-flus huma meħtieġa, imma mhux biżżejjed li niffirmaw ċekk imbagħad infarfru jdejna minn dak is-servizz lin-nies fil-bżonn ikunu jeħtieġu. In-Nisrani tal-lum, għandu bżonn iġedded il-viżjoni tiegħu ta’ Kristu li għandu jara, isib u jservi fil-foqra tiegħu.

Ħaġa oħra li tispikka f’dan il-qaddis hija s-sens qawwi ta’ maħfra, li saħansitra wasal biex miet bi kliem ta’ maħfra għal ħuh li biex joħodlu t-tron, irnexxielu joqtlu għal għarrieda. Kien għad kellu biss 22 sena.

Kemm insibuha diffiċli biex naħfru! Xi nies ġieli jgħidu li kien ikun aħjar li kieku l-Mulej qatt ma kkmandana naħfru, imma dan mhux biss huwa kmand dirett mingħand il-Mulej imma saħansitra huwa l-kundizzjoni biex wieħed jinħafrulu dnubietu!

F’Luqa 6: 27-38 Ġesù jgħid: “Ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom, bierku lil min jisħetkom, itolbu għal min iżeblaħkom. Min jagħtik bil-ħarta fuq naħa waħda, dawwarlu wiċċek ħalli jagħtik fuq in-naħa l-oħra; min jeħodlok il-mantar, anqas il-libsa ma għandek tiċħadlu. Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax il-midinbin ukoll iħobbu lil min iħobbhom. U jekk tagħmlu l-ġid lil min jagħmel il-ġid lilkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax dan jagħmluh saħansitra l-midinbin. Imma intom ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid, isilfu bla ma tistennew xi ħaġa lura, u l-ħlas tagħkom ikun kbir; u tkunu wlied Alla l-Għoli, li hu tajjeb mal-ingrati u l-ħżiena. Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom. Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra.”

Fil-Missierna lil Alla ngħidulu: ‘AĦFRILNA BĦALMA NAĦFRU’ jiġifieri jekk ma naħfrux lil xulxin minn qalbna, ma nistgħux nirċievu l-maħfra għal dnubietna… u Alla dejjem joħodna bis-serjetà meta jgħidilna jew iwegħedna xi ħaġa. Ġesù għadu u jibqa’ jaħfrilna! Hu jtella’ x-xemx kemm fuq it-tajbin kif ukoll fuq il-ħżiena. Mela aħna għax m’għandiex naħfru u nixtiequ t-tajjeb lil kulħadd? Tassew li meta jasal il-waqt, kulħadd jieħu li ħaqqu mingħand Alla, imma f’din id-dinja, Alla ħalliena liberi nagħżlu jekk irridux nagħmlu l-ġid jew id-deni.

X’aktarx li San Vinċeslaw l-għażla tiegħu li jaħfer, qanqlet lil ħuh Boleslaw tant li aktar tard nidem mid-dnub tiegħu u kkonverta. Il-maħfra u t-talb għall-għedewwa tiegħek tista’ wkoll twassal biex dawn jindmu u jsalvaw ruħhom. Kemm nistgħu nferħu lil Ġesù b’atteġġjament bħal dan. Jista’ jkun li l-proċess tal-maħfra jieħu ftit fit-tul imma l-maħfra tibqa’ dejjem għażla libera u l-ewwel priġunier li tillibera huwa int għax tikseb il-paċi ta’ Alla f’qalbek li hi imprezzabbli.

Ġesù rebaħna bi mħabbtu! Ejjew nkomplu niġġieldu l-battalja l-qaddisa billi nħobbu kif iħobbna Hu u meta jweġġgħuna, (jgħaffġu fuqna bħal fuq is-sagħtar) noħorġu għalihom riħa tfuħ. Ejjew nirbħu l-erwieħ għal Kristu u ngħinuh jaħtafhom hekk kif ħataf lilna bi mħabbtu!

Talba: O Alla, int għallimt lill-martri San Vinċeslaw biex aktar jagħżel is-saltna tas-sema milli saltna ta’ l-art; bit-talb tiegħu, agħtina li niċħdu lilna nfusna u ningħaqdu miegħek b’qalbna kollha. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-wenceslaus-608

Additional Reading: https://anastpaul.wordpress.com/2017/09/28/saint-of-the-day-28-september-st-wenceslaus-907-935-king-of-bohemia/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Wenceslaus_I,_Duke_of_Bohemia

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

27 ta’ Settembru: San Vinċenz De Paule

Verżjoni Vidjo: San Vinċenz De Paule

“Mur għand il-foqra u ssib lil Alla.” San Vinċenz De Paule

700c36_450379d7c938438f81163d14456d11bb_mv2SAN VINĊENZ DE PAULE
Saċerdot
1581 – 1660

Tagħrif: San Vinċenz twieled f’Pouy, qrib il-muntanji Pirinej, Franza, fl-24 ta’ April, 1581. Il-ġenituri tiegħu kellhom daqsxejn ta’ razzett żgħir li minnu kienu jaqilgħu l-għajxien tagħhom. Meta l-missier ra li ibnu Vinċenz kien inklinat ħafna lejn l-istudju, iddeċieda li jedukah, u bagħtu jistudja f’kulleġġ immexxi mill-Franġiskani.

Meta Vinċenz kien qed jistudja, laqa’ talba ta’ wieħed sinjur mid-distrett biex ikun l-għalliem privat ta’ wliedu. Hekk ma baqax iktar ta’ piż finanzjarju fuq missieru.

Fl-1596 daħal l-Università ta’ Toulouse biex jistudja l-filosofija u t-teoloġija. Fl-1600, sar saċerdot u baqa’ jistudja sal-1605, meta telaq lejn Marsilja biex jiġbor somma ġmielha ta’ flus li kienet imħollija lilu. Hu u ġej lura bil-baħar, il-pirati qabżu fuq il-ġifen tiegħu, u lilu ħaduh Tuneż. Hemm dam madwar sentejn u qeda tliet sidien bħala lsir, l-aħħar wieħed kien apostata, minn Nisrani sar Mawmettan. Bl-eżempju tal-ħajja tajba tiegħu Vinċenz ħajru jerġa jsir Nisrani, u flimkien miegħu ħarab minn Tuneż. Wara mawra qasira f’Ruma rritorna Franza fl-1607.

Mar Pariġi u hemm iltaqa’ ma’ Monsinjur de Berulle li wara nħatar Kardinal, u fuq il-parir tiegħu sar Kapillan ta’ Clinchy, raħal żgħir qrib il-belt, fl-1611. Fl-istess waqt kien ukoll kappillan tar-Reġina Margerita ta’ Valois, u għalliem privat ta’ wlied il-Konti de Gondi li kien Ġeneral tax-xwieni kollha ta’ Franza.

Fl-1617, beda jipprietka l-missjonijiet. Darba meta kien f’raħal, sama’ l-aħħar qrara ta’ wieħed fqir qabel miet, u ntebaħ kemm il-fqar ta’ Franza kellhom bżonn min jieħu ħsiebhom. Minn dakinhar intefa’ b’ruħu u b’ġismu jaħdem għall-fqar, fil-ħabsijiet, fl-isptarijiet u fost l-ilsiera tax-xwieni. Fl-1619, inħatar uffiċjalment bħala Kappillan tal-ilsiera tax-xwieni.

Fl-1625, waqqaf il-“Kongregazzjoni tal-Missjoni” li l-membri tagħha saru magħrufa bħala “Lazzaristi” minħabba li l-kunvent li kien qed  sar bħala d-Dar Ċentrali u kien iġib l-isem ta’ San Lazzru “Saint Lazare”, f’Pariġi.

Bil-għajnuna ta’ Santa Louise de Marillac waqqaf il-“Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Karità” li l-“Kappella tagħhom kienet il-knisja parrokkjali u l-kunvent tagħhom kien fil-‘wards’ tal-morda fl-isptarijiet u fit-toroq mal-fqar.”

Bil-għajnuna tal-membri ta’ dawn il-kongregazzjonijiet huwa waqqaf orfanatrofji għas-subien u għall-bniet, sptarijiet, djar għall-kura tal-mard tal-moħħ, u rnexxielu jifdi iktar minn 1,200 ilsir f’Tuneż u fl-Alġier.

Kien bniedem li jġib il-ferħ kull fejn jersaq. Kien sensittiv ħafna għall-bżonnijiet tal-oħrajn. Is-sabiħa hi li ma kienx hekk minn dejjem anzi kif jgħid hu stess kellu jissielet bis-sħiħ biex jirbaħ it-temperament supperv, żorr u aħrax li kellu.

San Vinċenz miet fis-27 ta’ Settembru, 1660. Il-Papa Klement XII niżżel ismu fil-lista tal-Qaddisin. Il-Papa Ljun XIII ħatru Patrun tal-Istituzzjonijiet tal-Karità tal-Knisja.

Ħsieb: “Stinka biex tkun kuntent ukoll meta ssib ruħek imdawwar b’ħafna affarijiet li jikkaġunaw l-iskuntentizza. Oqgħod attent li ma taħkmekx l-għira għax din teqred l-imħabba fraterna.” (Minn ittra ta’ San Vinċenz De Paule)

Id-don ta’ San Vinċenz De Paule li jintegra s-servizz ta’ karità tiegħu ma’ ħajja profonda ta’ talb huwa wieħed mill-akbar attrazzjonijiet tiegħu għall-Insara kontemporanji. It-taħlita ta’ talb u ta’ azzjoni ta’ Vinċenz appellat lil għexieren ta’ eluf ta’ fidili matul l-aħħar tliet sekli. Huwa għad għandu u jibqa’ jkollu valur spiritwali li jdawwal lin-nies li:

  • jiġġieldu biex jintegraw it-talb u l-meditazzjoni b’servizz għall-proxxmu fil-bżonn;
  • jiġu eżawriti mill-attività tagħhom minflok ma jiġu nutriti minnha;
  • raw lil Alla fil-foqra, fil-morda, fin-nies bla dar, u f’dawk b’diżabbiltà.

Vinċenz dejjem se jibqa’ jkun ħabib u kumpann tajjeb għal kull min ifittex bilanċ bejn l-azzjoni u l-kontemplazzjoni, jorganizza ħidmiet tajba ta’ karità, jiddependi fuq il-Providenza Divina, jorganizza attivitajiet intelliġenti u jintelaq b’fiduċja sħiħa f’Alla.

Il-Knisja hija għall-ulied kollha ta’ Alla, sinjuri u fqar, bdiewa u skulari, dawk sofistikati u sempliċi. Imma ovvjament l-ikbar tħassib tal-Knisja għandu jkun għal dawk li jeħtieġu l-iktar għajnuna: dawk li jkunu bla saħħa minħabba mard, faqar, injoranza jew krudeltà. Vinċenz De Paule huwa patrun partikolarment xieraq għall-Kristjani kollha llum, meta l-ġuħ tassew jagħmel tiegħu, u l-għajxien għoli tal-għonja jinsab dejjem aktar f’kuntrast qawwi mad-degradazzjoni fiżika u morali li fiha ħafna minn ulied Alla huma mġiegħla jgħixu.

Id-devozzjoni ta’ Vinċenz qatt ma ċċaqalqet u hu volontarjament ta ħajtu biex iservi lill-ifqar fost il-foqra. Bħal Santa Tereża ta’ Kalkutta, Vinċenz ra lil Kristu fl-uċuħ tal-foqra u fittex li jservih permezz tal-ħidma tiegħu. Ix-xhieda tiegħu llum tkompli tagħti l-frott mhux biss fil-kongregazzjonijiet reliġjużi diversi li jittraċċaw l-oriġini tagħhom għal San Vinċenz  De Paule, iżda wkoll fis-Soċjetà San Vinċenz De Paule, imwaqqfa fl-1833 mil-lajċi, Frederic Ozanam, u li hija organizzazzjoni internazzjonali li sservi lil dawk li jsofru minn diżastri naturali u gwerer.

  • Inti tara lil Alla fin-nies l-aktar fil-bżonn?
  • Qalbek sensittiva biżżejjed lejn il-ħtiġijiet tal-oħrajn madwarek?
  • Tfittex li tgħin mill-aħjar li tista’ lill-batuti?
  • Tmur iżżur lill-morda u l-anzjani fid-djar jew sptarijiet biex tkun ta’ kenn għalihom?
  • Twarrab xi ftit flus għall-karità?

TalbaAlla Ħanin, ġedded  fina l-ispirtu ta’ San Vinċenz De Paule,
– ħeġġeġ fina n-nar tal-imħabba tiegħek.
Alla Twajjeb, urina kif nibku ma’ dawk li jibku,
– imla l-qlub tagħna bil-kompassjoni u l-imħabba.
Alla Ħallieq, inti titlob lin-nisa u l-irġiel biex jimxu fuq l-eżempju ta’ San Vinċenz De Paule,
– agħtina għajnejn li jaraw lil Kristu fil-batuti u l-foqra. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-vincent-de-paul-607

Alternative reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-vincent-de-paul/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Vincent_de_Paul

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

26 ta’ Settembru: San Kosma u San Damjan

Verżjoni Vidjo: San Kosma u San Damjan

“Il-folla kollha tal-morda kienet tfieq. Ir-rikkezza ta’ dawn il-qaddisin ma tintemm qatt.” Kliem wieħed mix-xhieda ta’ dak iż-żmien li ra l-fejqan ta’ dawk il-morda li kienu jmorru jqattgħu l-lejl jitolbu għall-fejqan lil San Kosma u San Damjan fuq l-oqbra tagħhom.   

800px-Saint_Côme_&_Saint_Damien_Grandes_Heures_Anne_de_Bretagne_XVIeSAN KOSMA U SAN DAMJAN
Martri
? – 303

Tagħrif:  M’hemm xejn li nafu b’ċertezza dwar dawn iż-żewġ qaddisin ħlief li mietu martri fil-persekuzzjoni ta’ Djoklezjanu.

Skont tradizzjoni, San Kosma u San Damjan kienu tewmin mill-Għarabija, iżda marru jgħixu f’Egea, Ċiliċja.

It-tnejn kienu tobba, u ħadu din il-professjoni tagħhom bħala vokazzjoni u ma kinux jaċċettaw flus għas-servizzi li kienu jagħtu lin-nies.

Fil-persekuzzjoni ta’ Djoklezjanu kontra l-Insara, dawn iż-żewġ tobba kienu minn tal-ewwel arrestati minn Lisjas, Gvernatur ta’ Ċiċilja. Ittorturati u maqtulin bil-qtugħ ta’ ras, f’madwar is-sena 303.

L-Insara ħadu l-iġsma tagħhom u difnuhom f’Ciro, is-Sirja. Isimhom tniżżel fil-Kanone tal-Quddiesa, (Talba Ewkaristika I) probabbilment fis-sitt seklu, mill-Papa San Simmaku. Fis-sitt seklu wkoll l-Imperatur Ġustinjan I, li ġie mfejjaq minn marda permezz tal-interċessjoni ta’ dawn il-qaddisin, reġa’ bena l-belt ta’ Cyrrhus, fejn jingħad li seħħ il-martirju tagħhom u bena żewġ knejjes ad unur tagħhom f’Kostantinopli.

Persuni morda kienu jorqdu f’dawn il-postijiet matul il-lejl biex jitolbu għall-fejqan tagħhom lil dawn iż-żewġ tobba qaddisa “Il-folla kollha tal-morda kienet tfieq,” qal wieħed mix-xhieda ta’ dak iż-żmien. “Ir-rikkezza ta’ dawn il-qaddisin ma tintemm qatt.” Fil-Punent, San Benedittu huwa maħsub li kien l-ewwel persuna li ddedika l-ewwel monasteru tiegħu f’Subiaco għalihom, dak li llum hu magħruf bħala ta’ Santa Skolastika.

Disa’ sekli wara, Franġisku t’Assisi (Ottubru 4) reġa’ bena l-knisja mġarrfa ddedikata lil  San Damjan ftit ‘il bogħod minn Assisi. San Kosma u San Damjan huma l-Patruni tat-tobba, tal-kirurgi u tal-ispiżjara.

Ħsieb: Peress li llum qed infakkru dawn iż-żewġ tobba ta’ qalb kbira, xtaqt li nibda l-ħsieb b’silta mill-Iskrittura dwar x’tgħidilna l-Kelma t’Alla fuq it-tobba, meħuda minn Bin Sirak 38: 1-15:

“Agħti ġieħ lit-tabib kif jistħoqqlu, minħabba li teħtieġu, għax lilu wkoll ħalaq il-Mrrulej; għax il-fejqan ġej mingħand l-Għoli. Is-sengħa tat-tabib terfagħlu rasu, u quddiem il-kbarat jistagħġbu bih. Il-Mulej ħalaq id-duwa mill-art, u l-bniedem li għandu s-sens ma jżeblaħhiex. Mhux b’zokk l-ilma sar ħelu, biex hekk tingħaraf ħilet Alla? Il-Mulej ta wkoll is-sengħa lill-bnedmin biex jiftaħru bl-għeġubijiet tiegħu. Bihom ifejjaq u jeħles lil min ibati; bihom l-ispiżjar jagħmel it-taħlita. B’hekk xogħol il-Mulej ma jintemm qatt, u mingħandu hemm is-saħħa fuq wiċċ l-art. Ibni, fil-mard tiegħek tħarisx bl-ikrah, imma itlob lill-Mulej, u hu jfejqek. Tbiegħed min-nuqqas tiegħek u imxi b’subgħek dritt, u naddaf qalbek minn kull dnub u fittex lit-tabib u tħallihx jitilqek, għax għandek bżonnu. Hemm żmien meta l-fejqan qiegħed f’idejhom; għax huma wkoll jitolbu l-Mulej, biex jagħtihom li jserrħu, li jifhmu l-marda u jfejqu ħalli l-bniedem iżommuh ħaj.”

Dawn il-kliem ta’ għerf  imorru tajjeb ma’ din il-festa tal-lum. Il-Knisja, infatti tonora l-professjoni medika fil-persuni ta Kosma u Damjan, li mhux biss, bħal ħafna oħrajn, tqaddsu f’din il-karriera; imma, ferm lil hinn mill-oħrajn kollha, urew lid-dinja is-sehem kbir li jista’ jkollu t-tabib fis-soċjetà Nisranija tal-lum.

Kosma u Damjan kienu Nsara minn tfulithom. L-istudju ta’ Hippocrates u ta’ Galen kabbar l-imħabba tagħhom lejn Alla, li kienu jammiraw il-perfezzjonijiet inviżibbli tiegħu fil-ħolqien, imma b’mod speċjali fil-ġisem uman, li hu l-palazz u t-tempju tal-bniedem.

Infatti San Pawl jaċċenna għal dan fl-Ewwel Ittra lill-Korintin Kap 6 vers 19:

“Ma tafux li ġisimkom hu tempju tal-Ispirtu s-Santu li jinsab fikom, li għandkom mingħand Alla? Ma tafux li intom m’intomx tagħkom infuskom? Intom kontu mixtrijin bil-għoli. Mela agħtu ġieħ lil Alla permezz ta’ ġisimkom.”

Għal Kosma u Damjan ix-xjenza kienet innu ta’ tifħir lill-Ħallieq tagħhom, u l-eżerċitazzjoni tal-professjoni tagħhom ministeru qaddis. Huma kienu jservu lil Alla fil-membri sofferenti tiegħu u jaraw is-santwarju uman tiegħu, hekk li jaslu biex jippreservawh mill-ħsara jew ifejquh mill-mard. Din il-ħajja ta’ karità reliġjuża kbira ġiet inkurunata bis-sagrifiċċju perfett tal-martirju tagħhom.

Sfurtunatament, spiss jiġri li fi żmienna l-istudju tal-mediċina jwassal biex wieħed joħroġ ‘il barra mit-triq tas-sewwa u jidħol f’dik tar-regħba għall-materjaliżmu, għad-detriment kbir tax-xjenza u tal-umanità. Huwa falz li wieħed jasserixxi li n-natura waħedha hija l-ispjegazzjoni tat-tbatija u l-mewt u tassew ħasra meta t-tobba iqisu lill-bniedem sempliċi laħam u demm. Jalla bis-saħħa tax-xhieda ta’ dawn iż-żewġ martri qalbiena, is-soċjetà  marida tal-lum terġa’ lura għall-fidi vera, tiftakar f’Alla, u terġa’ tħaddan il-virtù sabiħa tal-ħniena li hija ta’ profitt għal kull bnedmin, u li hija tiżgurana mill-wegħda ta’ ħajja hienja hawn fuq l-art u ta’ glorja eterna għall-ħajja li jmiss.

  • Tirringrazzja lil Alla tal-ġisem tiegħek li bih għamlek xbieha tiegħu nnifsu?
  • Inti tieħu ħsieb tas-saħħa fiżika tiegħek biex imbagħad tkun tista’ sservi lil Alla u lill-proxxmu kull fejn jeħtieġ?
  • Konxju/a mill-preżenza ta’ Alla fik hekk li żżomm quddiem għajnejk li għandek tħares ġismek mit-tbajja’ tad-dnub, mod speċjali dnubiet kontra s-safa relatati mas-sitt kmandament?
  • Toffri ġismek lil Alla biex tħallih jagħmel bih dak li hu jara l-aħjar, sew jekk hu fejqan, kif ukoll jew hu s-salib tal-mard għas-salvazzjoni ta’ ruħek u ta’ erwieħ oħra?

Talba: Fl-imħabba li kellkom lejn l-Imħabba Divina, il-karità tagħkom kienet tispikka u ta’ min jammiraha; nitolbukom issa biex tgħinuna billi b’talbkom tagħtu s-saħħa lill-morda li jfittxu l-għajnuna tagħkom. Ippreservaw is-saħħa tal-ulied ta’ Alla, sabiex ikunu jistgħu jaqdu d-doveri tagħhom fid-dinja u jkunu jistgħu jġorru b’kuraġġ il-madmad ħafif tal-preċetti tal-Knisja. Bierku lil dawk it-tobba li jgħixu b’fedeltà l-magħmudija tagħhom, u li jfittxu l-għajnuna tagħkom; u żiduhom fin-numru. Ammen.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/sts-cosmas-and-damian-606

Alternative Reading: https://www.pharmaceutical-journal.com/opinion/blogs/saint-cosmas-and-damian-the-patron-saints-of-pharmacy-and-medicine/20201708.blog?firstPass=false

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saints_Cosmas_and_Damian

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

25 ta’ Settembru: San Finbar

Verżjoni Vidjo: San Finbar

“Insejħulu Fionn-Bahr, jiġifieri ‘Ras Bajda’, li hu offra b’sagrifiċċju lil Alla,” l-isem li l-patrijiet ta’ Kilmacahil f’Kilkenny taw lil San Finbar li qabel kien jismu Lochan

224SAN FINBAR
Isqof ta’ Cork
570 – 623

Tagħrif: Twieled madwar is-sena 570 u kien jismu Lochan, u twieled f’Connaught, l-Irlanda, fis-seklu VI. Ommu kienet nobbli fil-qorti Irlandiża u missieru bniedem tas-sengħa.

Tgħallem għand il-patrijiet ta’ Kilmacahil f’Kilkenny, li semmewh Fionn-Bahr, jiġifieri “Ras Bajda”, u beda jissejjaħ Finbar.

Mar pellegrinaġġ Ruma u għadda minn Wales, fejn żar lil San David ta’ Menevia. Waqqaf skola monastika fuq il-gżira ta’ Lough Eiroe, fejn għex għal xi żmien bħala eremit.

Waqqaf imbagħad monasteru li madwaru żviluppat il-belt ta’ Cork, li tagħha kien l-ewwel isqof. Dan il-monasteru kien popolari ħafna fl-Irlanda t’Isfel u ssieħbu fih ħafna dixxipli.

Ipprietka l-Vanġelu fl-Iskozja u fl-Irlanda, u miet madwar is-sena 623 fil-belt ta’ Cloyne, imma ġie midfun f’Cork. Wara mewtu saru ħafna mirakli li kienu attribwiti għal dan il-qaddis.

Hu l-patrun prinċipali tal-belt u d-djoċesi ta’ Cork. Kemm il-Kattidral Protestant tant sabiħ (li qabel kien Kattoliku) kif ukoll il-Kattidral Kattoliku, anki dan kbir u sabiħ, fil-belt ta’ Cork, huma ddedikati lil San Finbar. Huwa patrun tal-imigranti.

Ħsieb: Fil-Punent ta’ Cork u fin-Nofsinhar ta’ Kerry, il-prattika tal-mixi bħala pellegrinaġġ lejn l-eremitaġġ ta’ San Finbar f’Gougane ilha stabbilita għal ħafna sekli. F’dan il-pellegrinaġġ, wieħed jista’ jammira l-ħolqien b’veduti spettakolari fuq Bantry Bay u meded tal-kosta tal-West Cork. Iżda huwa l-aspett spiritwali li jattira ħafna nies; il-mistoqsijiet li wieħed jiġuh f’moħħu hu u jagħmel dan il-vjaġġ bil-mixi:

  • X’immotiva lil Finbar biex iġib l-aħbar tajba ta’ Kristu f’dawn il-postijiet?
  • Liema messaġġ waslilhom li bih għamel fuqhom dak l-impatt li bidilhom mill-qiegħ?
  • Għaliex il-bnedmin ta’ dak iż-żmien bikri għażlu propju dawn l-imkejjen siekta qalb in-natura biex fihom ħolqu monument li fih ikkomunikaw ma’ Alla bit-talb?
  • U għaliex f’dan il-lok hemm sens ta’ paċi u serħan mhux tas-soltu?

Nistgħu nitolbu minn kullimkien. Fejn hu l-post favurit tiegħek biex titlob? Nafu li Alla jismana’ minn kull fejn nitolbu, iżda kulħadd għandu l-post jew postijiet speċjali fejn l-aktar li jħobb iqatta’ ħin mal-Mulej.

Qalb in-natura
In-natura hija element importanti ta’ bosta postijiet speċjali għat-talb. Hawn min għandu l-ġnien personali tiegħu fejn fih jagħmel ħin ta’ meditazzjoni u fejn fih ikunu jista’ jkun ftit kwiet waħdu. Is-sbuħija tal-fjuri, tas-siġar, tal-għasafar, eċċ… tagħtihom sens ta’ kalma. San Franġisk ta’ Assisi hu l-qaddis tipiku li ħafna artisti jippreżentawh jinnamra ma’ Alla qalb in-natura.

Ħdejn il-baħar jew qrib xi post bl-ilma jgelgel huwa lok ieħor magħżul minn diversi nies. Hawn min iħobb jippassiġġa fuq ir-ramel waqt li jiftaħ qalbu mal-Ħallieq.

Hawn min imur fuq xi għoljiet jew f’xi wied sabiħ. Kienu diversi r-reliġjużi li għażlu li jibnu l-monasteri tagħhom propju f’dawn il-postijiet li ħafna drabi kienu ‘l bogħod mill-abitat, u għalhekk mill-istorbju tal-ibliet. San Benedittu nistgħu ngħidu li kien l-ewwel fost il-monaċi li ħajruh postijiet bħal dawn.

Dan l-aħħar saret moda li kulħadd imur jippassiġġa (li hija xi ħaġa tajba għal saħħitna) bil-headphones f’widnejh. Ħafna nsara prattikanti joħolqu l-playlist favorita tagħhom għax jgħidu li huma u jisimgħuha, flimkien ma’ xi veduti li jaraw huma u miexja, tgħinhom jerfgħu l-ħsieb tagħhom lejn Alla u jiddjalogaw miegħu. Hawn min jgħid ir-rużarju b’dan il-mod ukoll.

Waqt is-sewqan
Talb waqt li wieħed ikun qed isuq huwa post popolari ieħor, b’mod speċjali għal dawk li jivvjaġġaw waħedhom, fit-tul jew li spiss jeħlu fit-traffiku! Iva, hawn min jagħmel mill-karozza “il-kamra tat-talb tiegħu.”

Kull meta jaraw xi xenarju sabiħ li jkunu għaddejja minn ħdejh, jieqfu jirringrazzjaw lil Alla. L-istess bħal fil-każ tal-mixi, xi mużika favorita fl-isfont, xi kant ta’ tifħir, talb jew riflessjonijiet. Għal min isegwi Radju Marija, għandu minjiera ta’ tagħlim nisrani wkoll.

Fil-knejjes u fil-kappelli
Oħrajn jimxu jew isuqu lejn xi knisja, li huwa l-post ta’ Alla per eċċellenza għaliex fit-tabernakli jew espost fil-ħafna kappelli tal-adorazzjoni, insibu l-preżenza ħajja tal-persuna ta’ Ġesù bil-Ġisem, id-Demm, ir-Ruħ u d-Divinità tiegħu. Hu jinżel mis-sema fuq l-altari tagħna biex jiġi jiltaqa’ magħna, l-ewwel u qabel kollox fit-Tqarbin Imqaddes imma mhux biss.

Hu jibqa’ hemm jistenna li nagħmlulu xi viżta, bħal donnu ħabsi li jixxennaq għal ftit kumpanija ta’ xi ħadd li jixtieq iħobbu. Hu minn naħa tiegħu, qatt ma jħallina nitilqgħu minn ħdejh b’idejna vojta imma dejjem lest li jibdilna biex noħorġu minn ħdejh imsaħħin, imfarġin, imfejqin, imdawlin u aktar ippreparati biex inkomplu naffaċċjaw l-isfidi li din il-ħajja toffrilna kuljum. Il-qaddisin kollha kienu jgħaddu bosta mill-ħin tagħhom quddiem Ġesù Ewkaristija.

Fid-dar
Ħafna jgħidu li l-post fejn l-aktar iħossuhom komdi huwa fi djarhom stess. Min fis-salott, min fil-kamra tas-sodda, min f’xi kamra partikolari oħra u min f’xi gallarija jew fuq il-bejt. Hawn min għandu wkoll xi pultruna, jew siġġu jew inġinokjatur jew imħadded apposta li jużhom waqt it-talb.

Dan l-aħħar daħlet l-użanza sabiħa li jinħoloq post jew aħjar kamra apposta, imżejna b’mod li jgħinek tidħol f’atmosfera ta’ talb. Fiha hawn min iżejjen xi figuri ta’ Ġesù, Marija, anġli jew qaddisin, jifrex xi tapit komdu fejn fuqu wieħed ikun jista’ jintasab u forsi jaqra l-Bibbja jew xi kotba oħra spiritwali. F’din il-prayer room, il-familja tista’ tiltaqa’ f’xi ħin tal-ġurnata biex titlob flimkien, eżempju r-rużarju. Forsi tgħiduli li ma tantx għad fadal djar bi spazju biżżejjed biex wieħed jiddedika kamra sħiħa għal dan il-għan. Tassew imma min irid, kulħadd jista’ jsib xi rokna fuq xi biċċa għamara u jagħmel minnha speċi ta’ altar żgħir li jgħinek tgħolli l-ħsibijiet tiegħek lejn is-Sema.

Fis-sodda
Wara jum twil, ħafna jħobbu jagħlqu l-ġurnata bit-talb fil-post favorit tagħhom … is-sodda. Hawn min ma jidħolx fis-sodda qabel ma jkun niżel għarkupptejh ħdejha biex jitlob tal-aħħar. Minn naħa l-oħra hawn min jemmen meta jkun komdu, aktar ikun jista’ jikkonċentra fit-talb. U din hi vera l-aktar għal min għandu xi limitazzjonijiet ta’ saħħa u ma jistax jgħaddi wisq ħin ‘il barra mis-sodda.

Hu x’inhu l-post speċjali tiegħek, Alla huwa dejjem lest biex jisimgħek kull fejn inti tieqaf biex tikkomunika miegħu. F’Salm 145: 18 insibu: “Il-Mulej huwa viċin ta’ kull min jitolbu, jisma’ lil kull min jitolbu b’sinċerità.

Talba: O Alla, int għamilt lil San Finbar eżempju eċċellenti tal-imħabba Divina u tal-fidi li tikseb lid-dinja, u żiedtu mal-lista tar-Rgħajja qaddisin. Agħtina li bit-talb tiegħu għalina, aħna nipperseveraw fil-fidi u fl-imħabba bħalma għamel hu, hekk li naslu biex naqsmu miegħu wkoll fil-glorja. Bi Kristu Sidna.  Ammen.

English Version: http://orthochristian.com/97682.html

Alternative reading: https://www.catholic.org/saints/saint.php?saint_id=224

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Finbarr_of_Cork

Nota: It-Tagħrif dwar il-beata tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

24 ta’ Settembru: Beata Marija Columba Gabriella Sagheddu

Verżjoni Vidjo: Beata Marija Columba Gabriella Sagheddu

Ir-rieda ta’ Alla, hi x’inhi: din hija l-ferħ tiegħi, il-kuntentizza tiegħi u l-paċi tiegħi.” – Beata Marija Columba Gabriella Sagheddu

300px-Maria_Gabriella_Sagheddu_01IL-BEATA MARIJA GABRIELLA SAGHEDDU
1914 – 1939

Tagħrif: Marija Sagheddu – l-isem Gabriella żdied wara li daħlet reliġjuża – twieldet f’Sardinja, fis-17 ta’ Marzu 1914, il-ħames minn tmien ulied li sfaw orfni minn missierhom f’età żgħira. Kellha tfulija sempliċi ħafna. Meta ommha ħajritha tidħol fl-Azzjoni Kattolika, Marija għall-ewwel ma riditx għax dehrilha li kienet għadha mhix ippreparata tagħmel id-dmirijiet tagħha sewwa, iżda mbagħad daħlet b’ruħha u ġisimha.

F’Marija kienu jidhru l-karatteristiċi ta’ fedeltà, sens kbir ta’ dover, qawwa ta’ karattru u safa intransiġenti – kif ukoll dawk ftit u xejn negattivi: ras iebsa u xi ftit vjolenti. Ma kinetx tfajla li minn ċkunitha wriet sinjali ta’ qdusija. Wara l-mewt t’oħtha ż-żgħira, Marija ta’ 18-il sena, iltaqgħet mal-Mulej f’ċirkustanzi li ma tantx nafu fuqhom – nafu biss li ta’ din l-età ħajjitha nbidlet għal kollox, u tat lilha nfisha għal ħajja ta’ talb u għall-prattika sħiħa tar-reliġjon, kif ukoll iddedikat ruħha għall-ħidma ta’ karità. Bdiet tgħallem il-katekiżmu lit-tfal u tassisti lill-anzjani tal-villaġġ tagħha.

Ta’ 21 sena, bl-għajnuna tal-kappillan, iddeċidiet li tikkonsagra lilha nfisha kollha kemm hi ’l Alla u tingħaqad mas-sorijiet Trappisti fil-monasteru ta’ Grottaferrata, qrib Ruma. Fi tmiem Settembru, 1935 sellmet għall-aħħar darba lil pajjiżha u lil niesha. Fit-13 ta’ April, 1936 ħadet il-libsa reliġjuża u fil-31 t’Ottubru tal-istess sena pprofessat bl-isem ta’ Marija Gabriella.

Żewġ elementi li nsibu jaħkmu l-ħajja ġdida ta’ Gabriella fil-ħajja monastika: l-ewwel kien li tħossha li għandha trodd ħajr lil Alla għall-ħniena li wera magħha li sejħilha biex tkun kollha kemm hi tiegħu. Kienet tħobb ixxebbah lilha nnfisha mal-Iben il-Ħali li reġa’ lura f’dar missieru. It-tieni element kien ix-xewqa li twieġeb għal din il-grazzja li taha Alla bil-ħeġġa kollha tagħha biex, dak li beda Alla magħha, jiġi mitmum sal-aħħar.

F’jum il-professjoni, li ħabat nhar il-festa ta’ Kristu Re, għamlet “l-offerta żgħira” tagħha: “Mulej, agħmel minni dak li trid.” U kien propju l-Mulej li aktar ’il quddiem wassalha biex toffri ħajjitha għall-Għaqda bejn il-Knejjes. Ta’ 24 sena ħassitha mqanqla mill-kliem tal-ittra ta’ Father Paul Couturier, l-Appostlu tal-Ekumeniżmu, fl-ittra li kiteb lil Madre Badessa u talbet biex toffri ħajjitha biex isseħħ l-Għaqda bejn il-Knejjes Insara. Il-Badessa la wieġbet iva lanqas le, iżda talbitha biex taħsibha sew u wara titkellem mal-kappillan. Dan qabel mat-talba. Saret l-offerta u ġiet aċċettata.

Ftit jiem wara, f’Marija Gabriella bdew jidhru l-ewwel sintomi tal-marda avvanzata tat-tuberkolożi li kellha twassalha sal-qabar wara 15-il xahar ta’ tbatijiet. L-agunija tagħha ntemmet fit-23 ta’ April, 1939. Kien it-Tieni Ħadd fuq l-Għid, il-Ħadd tar-Ragħaj Divin. Nhar it-Tlieta 25 ta’ Jannar, 1983, fl-okkażjoni ta’ għeluq l-Ottava ta’ Talb għall-Għaqda tal-Knejjes, il-Papa San Ġwanni Pawlu II, fil-Bażilika ta’ San Pawl Barra s-Swar, iddikjaraha Beata. Il-Papa sejjaħ lil din il-Beata ġdida: “Gabriella tal-Unità.”

Ħsieb: “Fis-sempliċità tal-qalb jiena noffrilek kollox bil-ferħ o Mulej. Il-Mulej li poġġieni f’din it-triq, jiftakar iqawwini fil-battalja. Għall-ħniena tiegħu jiena nafdalu l-fraġilità tiegħi. Rajt quddiemi salib kbir … intbaħt li s-sagrifiċċju tiegħi ma kien xejn meta mqabbel ma’ Tiegħu. Jien offrejt lili nnifsi kollni kemm jien u m’iniex ser nerġa’ lura mill-kelma li tajt. Ir-rieda t’Alla, tkun xi tkun, din hija l-ferħ tiegħi, il-kuntentizza tiegħi, il-paċi tiegħi. Qatt mhu se nkun nista’ nirringrazzjah biżżejjed. Ma nistax ngħid ħlief dan il-kliem: ‘Alla Tiegħi, il-Glorja Tiegħek!’ ~ Beata Marija Gabriella

Il-Ġimgħa ta’ Talb għall‑Għaqda fost l‑Insara hija osservata minn Jannar 18 sa 25 ta’ Jannar. Matul din il‑ġimgħa, il‑Knejjes Insara differenti jingħaqdu għal talb ekumeniku, anki hawn Malta.

Għalkemm Marija Gabriella ma kinitx magħrufa tul ħajjitha, Alla għażel li jonora lil din ir-ruħ umli wara mewtha. Wara li bosta sorijiet, li għexu magħha fil-kunvent, irrappurtaw messaġġi li rċevew fil-ħolm minn Suor Marija Gabriella u raw sinjali oħra minn naħa tas-Sema, il-badessa ħadet l-inizjattiva li tippubblika l-bijografija tagħha. Fi ftit snin, viżitaturi ta’ denominazzjonijiet varji kienu diġà qed jagħmlu pellegrinaġġi għall-qabar tagħha. Meta l-qabar ta’ Marija nfetaħ fl-1957, il-ġisem u l-ilbies tagħha nstabu inkorrotti – stat naturali mhux spjegabbli għal xi ħadd li miet bit-tuberkolożi.

Hija pjuttost sorprendenti li xi ħadd li ma għamel xejn ħlief talab sar Patrun tal-Knisja għall-Ekumeniżmu. Imma dak li hu l-aktar sorprendenti huwa li f’Sardinja fejn trabbiet, hija qatt ma ltaqat ma’ Nisrani mhux Kattoliku. Hi taf biss li xi Kristjani kienu separati mill-Knisja Kattolika, u li dan inikket il-Qalb ta’ Ġesù.

Aħna jinteressana minn dak li jnikket il-Qalb ta’ Ġesù? In-niket tiegħu nistgħu ngħidu li hu n-niket tagħna wkoll? Qed nagħmlu jew nixtiequ nagħmlu xi ħaġa dwaru? Nistgħu infarrġu lil Ġesù b’xi mod? Qed jiġuk f’moħħok xi modi ta’ kif tista’ tfarrġu? Iva, nistgħu infarrġuh u nistgħu ukoll, bil-ħajja tagħna, hi ta’ liema stat hi, nagħmlu xi ħaġa. Immorru jew le għas-servizz ta’ talb organizzat matul il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara, il-ħajja ta’ Marija Gabriella tfakkarna li għandna nitolbu kontinwament għall-għaqda mill-ġdid fost l-Insara kollha. U minbarra t-talb, forsi l-Mulej qed isejħilna biex bħal Marija noffru wkoll is-sofferenzi personali tagħna, huma ta’ liema għamla huma, kemm jekk huma fiżiċi, mentali, emozzjonali, spiritwali, eċċ… – kollox jgħodd – jekk noffruh bi mħabba bħala talba lil Alla li hu mnikket.

Talba: Beata Marija Gabriella, inti mmaturajt u kbirt fil-fidi Kattolika; itlob għaż-żgħażagħ Insara kollha, ħalli jżommu l-fidi li jkunu rċevew fit-tfulija tagħhom u jservu lill-Mulej meta adulti.

Għalkemm int sofrejt ħafna mit-tuberkolożi li ħaditlek ħajtek fl-età ta’ 25 sena, bqajt paċenzjuża mqawwija mill-grazzja ta’ Alla; itlob għall-morda u l-moribondi kollha, ħalli jagħrfu li jistgħu joffru t-tbatija tagħhom lil Alla għas-salvazzjoni tal-erwieħ.

Li n-nies kollha jistgħu jkunu ħaġa waħda fi Kristu kienet għal qalbek ħafna, tant li tajt ħajtek għaliha; itlob li nkunu nistgħu naraw l-għaqda tal-knejjes kollha taħt Ragħaj wieħed. Ammen.

English Version: https://catholicsaints.info/blessed-maria-gabriella-sagheddu/

Alternative reading: http://communio.stblogs.org/index.php/2016/04/blessed-maria-gabriella-sagheddu/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Maria_Gabriella_Sagheddu

Nota: It-Tagħrif dwar il-beata tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

23 ta’ Settembru: San Piju ta’ Pietrelcina

Verżjoni Vidjo: San Piju ta’ Pietrelcina

Naħseb li mhemmx għalfejn intennilek kemm ninsab lest li nobdi kwalunkwe ordni li nirċievi mingħand is-superjuri. Il-kelma tagħhom hija għalija l-Kelma ta’ Alla li lejH irrid inżomm sħiħ it-twemmin tiegħi sal-mewt u bil-għajnuna tiegħu rrid nobdi kwalunkwe kmand, ikun kemm ikun tqil u ta’ tbatija.” Kitba ta’ San Piju f’waħda mill-ittri lill-Vigarju Provinċjali ta’ Foggia datata 23 t’Awwissu 1923

pioSAN PIJU TA’ PIETRELCINA
Reliġjuż
1887 – 1968

Tagħrif: San Piju ta’ Pietrelcina, imwieled Francesco Forgione, magħruf l-iktar bħala Patri Piju jew Padre Pio, (Pietrelcina, Italja, 25 ta’ Mejju, 1887 – San Giovanni Rotondo, 23 ta’ Settembru, 1968), kien patri Franġiskan Kapuċċin Taljan u saċerdot; qaddis ikkanonizzat mill-Knisja Kattolika li ċ-ċelebrazzjoni tal-festa tiegħu ssir fit-23 ta’ Settembru, fl-anniversarju ta’ mewtu.

Anke meta kien għadu ħaj ingħata venerazzjoni popolari kbira ħafna ħabba l-pjagi li kellu f’ġismu u l-mirakli li jingħad li wettaq f’ħajtu u wara mewtu. Kien ukoll oġġett ta’ ħafna kritika u suspetti fi ħdan il-Knisja u barra minnha.

Tfulija
Twieled fi Pietrelcina, raħal fil-provinċja ta’ Benevento fl-Italja, nhar il-25 ta’ Mejju 1887, minn Grazio Forgione u Giuseppina f’dar ċkejkna u fqira fil-kampanja. Missieru kien bidwi, bniedem bla skola iżda għaref. Semmewh Franġisku u kien ir-raba’ tifel minn seba’ ulied, li tnejn minnhom mietu trabi. F’dawk is-snin, ix-xogħol kien naqas ħafna u Grazio beda jsibha bi tqila biex jaqla’ l-għajxien għall-familja tiegħu.

Huwa emigra darbtejn, l-ewwel darba meta Franġisku (Piju) kien għadu tifel ċkejken, kien mar l-Amerka t’Isfel iżda kienet ġietu ħażina. It-tieni darba, ftit qabel ma Piju sar saċerdot, Grazio għamel kemxa ġmielha u meta ġie lura xtara żewġ għelieqi providenzjali għal Patri Piju li seta’ jitbiegħed mill-familjari tiegħu u hemm jinġabar fit-talb.

Il-vojt ta’ missieru fi tfulitu mlietu wisq tajjeb ommu li kienet tgħożżu bi mħabba kbira. Ta’ ħames snin, Franġisku wiegħed lilu nnifsu lill-qaddis patrun ta’ ismu, San Franġisk t’Assisi. Wara dan jingħad li kien ġa beda jkollu l-viżjonijiet. Kien jara lill-Madonna u jitkellem magħha u kien ukoll jara x-xitan taħt xbihat ta’ bnedmin kif ukoll ta’ annimali mill-aktar koroh. Ta’ tifel li kien, hu kien jaħseb li kulħadd kien ikollu minn dawn l-affarijiet. Meta kellu disa’ snin, Franġisku jingħad li assista għall-ewwel miraklu tiegħu.

Kien ma’ missieru fis-Santwarju ta’ San Pellegrino meta resqet mara b’tifel marid f’dirgħajha, tgħajjat donnha teħodha ma’ San Pellegrino għax ma kienx fejqilha lil binha. Fit-telfa li kienet, telqet lit-tifel fuq l-altar filwaqt li qaltlu: “Kollox sew. Jekk ma tridx tfejqu, allura ħudu int.” Għal dik ix-xena, kulħadd tbikkem. Franġisku talab għat-tifel b’ħeġġa kbira, b’għajnejh fissi fuqu. F’daqqa waħda it-tifel għolla jdejh, qam fuq riġlejh u għajjat “mamma”. Kulħadd infexx jgħajjat “miraklu”. It-tifel kien fieq għal kollox.

Patri Kapuċċin
Dik il-ħabta fi Pietrelcina kien jidher ta’ spiss wieħed ajk kapuċċin jismu Fra Kamillu. Dan kellu leħja sewda twila u folta u bil-manjieri ħelwin li kellu, kien jiġbed lejh lil kulħadd, żgħar u kbar. Franġisku kien inġibed ħafna lejh, l-aktar minħabba l-baffi li kellu, u xtaq isir bħalu. Kienu l-baffi l-ewwel ħaġa li ġibditu lejn il-Kapuċċini! Ta’ sittax –il sena beda n-novizzjat tiegħu f’Morcone u ħa l-isem ta’ Fra Piju. Sa mill-ewwel ġranet tiegħu fil-kunvent huwa sar il-mimmi ta’ għajnejn il-patrijiet kapuċċini l-oħra.

Il-Majjistru tiegħu Patri Tommaso qal fuqu: “Kien dejjem novizz eżemplari, puntwali u eżatt f’kollox.” Kien jagħmel penitenzi anki waqt l-ikel – fost l-oħrajn, kien jitlob permess biex jgħaddi l-ikel lill-patri ta’ ħdejh. Kien jitlob ħafna u fit-tul, u ta’ spiss kien jitlob permess biex ma jinżilx għar-rikreazzjoni ħalli jkun jista’ jkompli jitlob.

L-unika ħaġa li kienet tinkwieta lill-patrijiet sħabu kienet saħħtu. Fra Piju kien sar magħlub wisq u kien spiss jaqbdu deni qawwi. Dan kien deni li t-tobba ma setgħux jispjegaw. Xi drabi t-termometru kien jinkiser bil-qawwa tad-deni. Minħabba f’hekk kien jintbagħat għal xi jiem id-dar, b’permess speċjali tas-superjuri, għall-arja tajba ta’ Pietrelcina biex ikun jista’ jirpilja.

Nhar it-22 ta’ Jannar, 1904 huwa għamel l-ewwel professjoni tiegħu. Għat-tliet snin ta’ wara huwa qagħad fil-Kunvent ta’ San Elia a Pianisi f’Campobasso u f’għeluq it-tielet sena għamel il-professjoni solenni. Wara dan, reġa’ bagħtu fi Pietrelcina, Piju kompla jistudja t-teoloġija mgħejjun mill-arċipriet ta’ raħal twelidu, Mons. Pannullo.

Saċerdot
Piju kien ordnat saċerdot nhar l-10 t’Awwissu, 1910 fid-Duomo ta’ Benevento mill-Arċisqof Paolo Schinosi u erbat ijiem wara ċċelebra l-ewwel quddiesa tiegħu, fil-Knisja ta’ Pietrelcina. Fil-paniġierku tal-quddiesa, Patri Agostino, id-direttur spiritwali tiegħu tkellem fuq tliet punti essenzjali fil-missjoni tas-saċerdot: il-pulptu, l-altar u l-konfessjonarju, u testwalment qallu: “Inti, minħabba saħħtek, ma tantx tista’ tkun predikatur; għalhekk nawguralek li tkun konfessur kbir.”

Il-Pjagi
Ftit inqas minn xahar wara li sar saċerdot, bdew jidhru fil-pali ta’ jdejh bħal “dbabar ħomor” li kienu jweġġgħu ħafna iżda li wara xi ġurnata jew tnejn kienu jgħibu għal kollox. Piju kien pront tkellem mal-arċipriet Pannullo li kien sar it-tieni missier tiegħu. It-tnejn flimkien kienu talbu bil-ħerqa lil Alla, biex jekk jista’ jkun, ineħħilu dawk is-sinjali u jħallilu biss l-uġigħ. U għal dik id-darba hekk ġara.

Ħames snin wara, nhar l-20 ta’ Settembru 1915, waqt li fil-knisja ta’ Pietrelcina kienet qiegħda ssir il-Festa tal-Pjagi ta’ San Franġisk, Piju kien mitluf fit-talb f’ “għarix” li kien għamel hu stess f’għalqa tal-familja tiegħu. Darba ommu ratu ħiereġ mill-għarix iferfer kemm jiflaħ idejh bħal meta wieħed ikun mess xi ħaġa taħraq. Bil-ħlewwa kollha, ommu qaltlu biċ-ċajt jekk kienx qiegħed idoqq il-kitarra, imma hu weġibha biss li kellu jdejh juġgħuh. Nafu b’dan biss minn ittra li huwa bagħat lid-direttur tiegħu Patri Agostino, xahar wara.

Bil-lieva
Dawk kienu s-snin ta’ l-Ewwel Gwerra Dinjija u Piju bħaż-żgħażagħ Taljani l-oħra nġabar bil-lieva iżda għamel biss xahar (Novembru, 1915) minħabba d-deni stramb li reġa’ qabdu. It-tobba militari eżentawh għal sena u Piju reġa’ lura Pietrelcina. Bħalma kien dejjem jiġri, wara ftit ġimgħat irpilja u reġa’ beda jaqdi fil-pastorali tal-parroċċa. Xahrejn wara s-superjuri reliġjużi tiegħu ordnawlu jmur fil-kunvent ta’ Sant’Anna ġewwa Forgia.

Meta għalqitlu s-sena eżentat mil-lieva huwa rraporta f’Napli fejn reġgħu eżentawh għal sitt xhur oħra, jiġifieri sa Ġunju, 1917. F’Mejju ta’ dik is-sena, mar l-ewwel u l-unika darba f’ħajtu Ruma biex jakkumpanja lil oħtu ż-żgħira li kellha ssir soru ta’ Santa Briġida. Hija ħadet l-isem ta’ Suor Pia. Kien biss ħamsin sena wara li reġgħet rat lil ħuha, meta marret isellimlu fil-funeral tiegħu. Mietet seba’ xhur warajh, nhar it-30 t’April, 1969.

F’San Giovanni Rotondo
F’Marzu, 1918 inħeles darba għal dejjem mis-servizz militari għax instab li kien ibati bi bronco-pneumonite kronika, tant li l-uffiċjali militari qalu: “Ħa nibagħtuh id-dar forsi jmut fil-kwiet u l-paċi.” Iżda Piju kellu jmut fil-kwiet u l-paċi ħamsin sena wara, meta kellu 81 sena. Nhar it-18 ta’ Marzu huwa mar lura fil-Kunvent ta’ San Giovanni Rotondo fejn sentejn qabel il-Provinċjal iddeċieda li jħallih hemm għal kollox fuq xewqa ta’ l-istess Patri Piju.

Lil Piju għażluh bħala direttur tal-“fratini”, dawk it-tfal li kienu mħajrin isiru patrijiet. Il-ħemda tal-kunvent fqajjar, maqtugħ għalih waħdu u mdawwar minn kullimkien b’siġar iħaddru s-sena kollha, kien tassew ideali għal Patri Piju. Il-ftit nies li kienu jiffrekwentaw il-knisja mill-ewwel intlaqtu mill-qdusija sempliċi ta’ dak il-patri żagħżugħ u marradi u hekk l-għadd tagħhom beda jiżdied kuljum.

Pjagi viżibbli
Hekk kiteb f’ittra Patri Piju lid-direttur spiritwali tiegħu li obbligah jagħmel dan. Dakinhar, fil-jum tal-Ġimgħa, Piju kien waħdu fil-Kunvent għax il-patrijiet l-oħra kellhom xi qadjiet. Waqt li kien qiegħed għarkupptejh quddiem il-Kurċifiss, jingħad li Ġesù Msallab (il-Personaġġ Misterjuż) ħa l-ħajja u minnu ħarġu ħames vleġeġ li ppenetraw il-ġisem tiegħu.

Piju bilkemm kellu s-saħħa jqum mill-art u jasal saċ-ċella biex ikun jista’ jbiddel ħwejġu u jnaddafhom mid-demm biex ma jindunawx b’dak li kien ġralu. Din id-darba l-Mulej ma neħħielux is-sinjali. Jingħad li Patri Piju baqa’ b’dawk il-pjagi sal-aħħar jum ta’ ħajtu.

L-aħbar ta’ patri bil-pjagi xterdet ma’ San Giovanni Rotondo u kważi mal-Italja kollha. Is-superjuri reliġjużi nfixlu f’dik is-sitwazzjoni delikata. Il-Ministru Ġenerali tal-Kapuċċini ddeċieda li ma jitħallewx nies ikellmu lil Patri Piju u billi n-nies iktar bdew jersqu lejn il-kunvent, dan issakkar u ma kien jitħalla ħadd jidħol mingħajr il-permess tas-superjur.

Sanzjonat mill-Awtoritajiet tal-Knisja
Nhar it-2 ta’ Ġunju, 1922 is-Sant’Uffizzju ordna li Patri Piju jibda jqaddes biss fil-privat, ma jagħtix barka lin-nies u ma jweġibx l-ittri tan-nies. Piju kien dejjem lest jagħmel dak kollu li jkun mitlub mis-superjuri tiegħu u kien jiddispjaċih biss għal dak kollu li kien qiegħed jiġri minħabba fih.

F’ittra lill-Vigarju Provinċjali ta’ Foggia, Piju kiteb:

“ Naħseb li mhemmx għalfejn intennilek kemm ninsab lest li nobdi kwalunkwe ordni li nirċievi mingħand is-superjuri. Il-kelma tagħhom hija għalija l-Kelma ta’ Alla li lejH irrid inżomm sħiħ it-twemmin tiegħi sal-mewt u bil-għajnuna tiegħu rrid nobdi kwalunkwe kmand, ikun kemm ikun tqil u ta’ tbatija.”

Fama Internazzjonali
Il-fama ta’ Patri Piju xterdet ’il barra mill-Italja. Kienu jmorru jżuruh pellegrini mhux mill-pajjiżi Ewropej, fosthom Maltin, iżda wkoll ħafna Amerikani u Sudamerikani. Eluf ta’ ittri kienu qegħdin jaslulu fil-kunvent minn madwar id-dinja kollha, x’uħud anke miċ-Ċina u mil-Lvant Imbiegħed.

Minkejja l-popolarità kbira tiegħu, ħajtu fil-kunvent baqgħet dejjem l-istess. Kien iqaddes tal-ħamsa ta’ filgħodu. Għall-quddiesa tiegħu, in-nies ġieli għamlu lejl sħiħ wara l-bieb tal-knisja biex malli tiftaħ, jintasbu fl-ewwel postijiet. Nistgħu ngħidu li ħajtu bħala saċerdot kienet talb, quddiesa u qrar.

Kien iqatta’ sigħat twal fil-konfessjonarju u kien jixtieq li “l-ġurnata fiha 48 siegħa flok 24” biex ikun jista’ jqarar iżjed. Fil-festi jingħad li ġieli għamel 18-il siegħa jqarar. Eluf kbar jingħad li sabu lil Alla mill-ġdid permezz ta’ Patri Piju. Kienu jqerru għandu isqfijiet, kardinali, politiċi, artisti u minn kull xorta ta’ nies.

Jibni sptar: Casa Sollievo della Sofferenza
Fl-1925, Patri Piju rranġa bini li qabel kien iservi ta’ monasteru u għamel sptar żgħir li semmieh għal San Franġisk. Iżda fl-1956, għamel l-opra kolossali tiegħu meta bil-flus ta’ ħafna benefatturi fetaħ wieħed mill-aktar sptarijiet moderni anke sal-ġurnata tal-lum, “Casa Sollievo della Sofferenza” – Dar għas-Serħan mit-Tbatija. Iżda dan l-isptar għalkemm ġab serħan lil ħafna pazjenti reġa’ ġab sofferenza kbira għal Patri Piju li kienet tixbah lil dik li għadda minnha għoxrin sena qabel, meta waqqfuh milli jqaddes. Issa Patri Piju kien bniedem anzjan u batut fiżikament.

Waqt li kien qed jinbena l-isptar mhux kollox kien miexi ħarir fl-amministrazzjoni, mhux tort ta’ Patri Piju li kien ħalla f’idejn ħaddieħor it-tmexxija ta’ l-isptar. Fl-1952, il-Ġeneral tal-Kapuċċini fuq struzzjoni mis-Sant’Uffizzju wissa lir-reliġjużi tiegħu biex ma jorganizzawx pellegrinaġġi għal San Giovanni Rotondo. Fl-1960, il-Papa bagħat lil Mons. Carlo Maccari biex jinvestiga l-ħafna xnigħat li kienu qegħdin isiru fuq Patri Piju.

Mewt u iktar misteri
Patri Piju miet nhar it-23 ta’ Settembru, 1968 fis-2.30 a.m. Il-ġurnata ta’ qabel kien qaddes bħas-soltu għalkemm fl-aħħar ta’ dik il-quddiesa kien se jaqa’ mal-art kieku mhux għax żammewh il-patrijiet li kienu qegħdin jassistuh. It-tabib kuranti ta’ Padre Piju, Dr Giuseppe Sala, meta ċċertifikah mejjet, ħalla miktub: “Għaxar minuti wara l-mewt, l-idejn, il-kustat u r-riġlejn ta’ Padre Piju… u kull parti oħra tal-ġisem, la kienu juru marki ta’ feriti, la ċikatriċi fl-idejn u fir-riġlejn, la fil-wiċċ u lanqas fil-qiegħ tagħhom u lanqas fil-kustat fejn qabel kellu feriti li kienu jidhru tajjeb.” Sala iddikjara wkoll li dan il-fatt “huwa għal kollox barrani minn kull tip ta’ komportament kliniku.”

Patri Piju ndifen fil-Kripta tas-Santwarju ta’ San Giovanni Rotondo. Nhar it-23 ta’ Mejju, 1987, il-Papa Ġwanni Pawlu II, li meta kien għadu student f’Ruma kien iltaqa’ u tkellem ma’ Patri Piju, mar iżur il-qabar tiegħu u talab fit-tul fuqu. Tnax –il sena wara kien dan l-istess Papa li ddikjarah beatu, nhar it-2 ta’ Mejju, 1999. Nhar is-16 ta’ Ġunju, 2002 l-istess Papa ddikjarah qaddis. Il-Knisja tagħmel it-tifkira ta’ San Piju ta’ Pietrelcina nhar it-23 ta’ Settembru.

ĦsiebFit-tbatija l-bniedem idur fuq Alla u jistaqsi: ‘Imma għaliex jien? X’għamilt ħażin?’ Meta niftakru li Ġesù aċċetta li jieħu fuqu dnubietna u jpatti għalihom bit-tbatija li kellu jgħaddi minnha, għandna nieqfu u nirriflettu… Ġesù, li kien bla dnub, patta għalina, imma lill-Missier ma staqsiehx: ‘Għalfejn Jien?’ Min iħobb, jaf ibati bla ma jitlef il-paċi tal-qalb, għax jagħraf f’kull tip ta’ tbatija, valur imprezzabbli.

San Piju kien jgħid: “Ġesù jikkonfortak fid-dwejjaq tiegħek.” Imma kien jgħid ukoll “Aktar mat-tbatija tkun kbira, aktar kbira tkun l-imħabba ta’ Alla lejk.” Iva, Ġesù huwa dejjem lest li jikkonfortana biss aħna rridu mmorru għandu u b’ħajja ta’ djalogu intimu miegħu fit-talb, tassew nibdew niskopru, kif skopra San Piju, il-valur tat-tbatija f’ħajjitna li jekk nilqgħuha bis-sabar, ikollna premju ta’ glorja kbira fis-sema. Min jaf b’liema glorja jiddi dan il-qaddis li b’paċenzja u b’għożża kbira ġarr il-pjagi ta’ Kristu għal 50 sena biex ma nsemmix il-kumplament ta’ dak li kellu jġarrab matul ħajtu kollha?Huwa minnu li għal min iħobbok u għal min tħobb verament, l-ebda sagrifiċċju, kbir kemm hu kbir, ma jaqtalek qalbek milli twettaq.

San Piju kien jgħid wkoll: “Is-slaleb huma l-ġiżirajjen tal-Maħbub Divin u jiena nixxennaq għalihom.” Il-Mulej ma kienx komdu fuq is-salib biex ipatti għal dnubieti. Jeħtieġ li niftakar dan meta nkun ittentat/a li naqta’ qalbi milli nkompli nġorr is-salib bis-sabar. Irridu naraw sewwa x’kienet l-imġiba ta’ Kristu fil-kuntrarju li għadda minnu u nagħmlu bħalu hekk kif għamel San Piju. Bit-tbatija tiegħu, Ġesù ta lit-tbatija valur li qatt ma kellha. It-tbatija għan-nisrani saret ‘rikkezza’, għax meta ngħaqqduha ma’ dik ta’ Ġesù u noffruha għall-bżonnijiet tagħna jew ta’ xi ħadd, hi l-aktar talba qawwija li nistgħu noffru. Nistgħu wkoll noffruha bi tpattija għad-dnubiet u nibdew innaqsu miż-żmien tal-purgatorju. Din ir-rikkezza għandna nħaddmuha b’mod għaqli u ma naħlu xejn minnha. Int tagħmlu dan?

Issib min jgħidlek: ‘Tagħmel is-sewwa u taqla’ fuq wiċċek!’ U hawn jien nistaqsi: ‘Wara min miexja? Wara Ġesù jew wara l-unuri tad-dinja?’ Ġesù tajjeb biss għamel! Xi rċieva lura? Jien warajh miexja! M’għandix nippretendi trattament aħjar milli rċieva Hu li hu bla dnub! Fil-ħajja tipprova żżomm mas-Sewwa u dejjem se ssib min iċapċaplek jew iċapċaphielek! Madanakollu, is-Sewwa MA JINBIDILX u hemm ħlas kbir għal min jippersevera FIH. Għalhekk kuraġġ ħbieb! Ejjew inkomplu nissieltu sal-aħħar billi kif għamel San Piju nibqgħu ntennu l-ismijiet ta’ Ġesù u ta’ Marija sal-aħħar!

Talba: O Ġesù tiegħi, tajjar minn moħħi u minn qalbi kull inkwiet fuq l-imgħoddi, kull tħassib fuq il-preżent, u kull biża’ fuq li ġej, ħalli nkun nista’ nixtieq, dejjem u f’kollox, ħaġa waħda biss: li mmur kontra tiegħi nnifsi għall-imħabba tiegħek. Nerħi, għalhekk, O Mulej, il-passat ikrah tiegħi għall-ħniena kbira tiegħek; il-preżent imħawwad tiegħi għall-imħabba infinita tiegħek; il-futur misterjuż tiegħi għall-providenza qaddisa tiegħek.Ammen. (Talba ta’ San Piju)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/saint-padre-pio.html

Alternative reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-pio-of-pietrelcina/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Padre_Pio

Vatican Biography: http://www.vatican.va/news_services/liturgy/saints/ns_lit_doc_20020616_padre-pio_en.html

Famous quotes by Saint Pio: https://quotabulary.com/famous-quotes-by-padre-pio

 

 

 

 

 

 

Film komplut dwar il-ħajja ta’ San Piju bl-Inġliż:

Film komplut dwar il-ħajja ta’ San Piju bit-Taljan:

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-Wikipedia.