12 ta’ April: Santa Tereża de los Andes

Verżjoni Vidjo: Santa Tereża de los Andes

Għal soru Karmelitana l-mewt mhix tal-biża’. Mhijiex ħlief il-bidu tal-ħajja vera. Mhix ħlief tgħanniqa ma’ Alla li hu mħabba bla tmiem.” – Kliem Santa Tereża de los Andes ftit qabel ma mietet.

47b6a9a0-6e06-4ac8-921f-6ad7db3478ca.jpgSANTA TEREŻA DE LOS ANDES
Reliġjuża Tereżjana
1900 – 1920

Tagħrif: Din hija l-ewwel beata u l-ewwel qaddisa miċ-Ċilì, pajjiż fl-Amerika Latina. Kien jisimha Juanita Fernàndez Solar u twieldet Santiago, il-belt kapitali taċ-Ċilì fit-13 ta’ Lulju, 1900. Ta’ 7 snin daħlet fil-Kulleġġ tal-Qalb ta’ Ġesù f’Santiago, fejn damet sakemm kellha 18-il sena. Ta’ 10 snin għamlet l-ewwel tqarbina. Ta’ 16-il sena, fil-festa tal-Kunċizzjoni Immakulata, wegħdet ’l Alla li tiddedika ħajjitha lilu.

Kellha devozzjoni speċjali lejn l-Ewkaristija. Bdiet tgħin lill-foqra u ’l-morda, tgħallem il-katekiżmu lit-tfal u żżur lill-familji fil-bżonn. Kienet dejjem ferrieħa u anke ċajtiera. Kienet tħobb l-isport u tirkeb iż-żiemel. Kienet tħobb il-passiġġati twal fil-kampanja, speċjalment qrib il-baħar.

Meta darba żaret il-monasteru tal-Karmelitani Skalzi ta’ Los Andes, iddeċidiet li ssir Karmelitana tal-Klawsura bħal Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, li dak iż-żmien kienet għadha ma ġietx iddikjarata qaddisa u lanqas beata. Fehmet li t-triq tal-Karmelu kienet it-triq tas-salib. Imma hi s-salib ħabbitu għax kien ta’ Ġesù.

Fis-7 ta’ Mejju tas-sena 1919, daħlet fil-monasteru u ħalliet lill-familja għal dejjem. Bħala reliġjuża tawha l-isem ta’ Swor Tereża ta’ Ġesù. Fil-Karmelu sabet ’l Alla, u sabet l-ogħla ferħ ta’ qalbha. Għażlet il-faqar, il-penitenza u s-silenzju biex tingħaqad unikament mal-Mulej, u ma damitx ma ngħaqdet għal kollox miegħu.

Matul ir-Randan tal-1920 sfat marida. Għall-ewwel deher li ma kien hemm xejn gravi, imma fil-fatt kien hemm. Kienet mardet bit-tifù u tifù tassew qawwi. Meta ndunat li t-tmiem ta’ ħajjitha kien qed joqrob, u rat li l-mewt kienet waslet, qalet: “Għal soru Karmelitana l-mewt mhix tal-biża’. Mhijiex ħlief il-bidu tal-ħajja vera. Mhix ħlief tgħannieqa ma’ Alla li hu mħabba bla tmiem.”

Mietet fit-12 ta’ April tas-sena 1920. Kellha biss 19-il sena u 9 xhur, u kienet ilha biss 11-il xahar fil-monasteru. Il-Papa San Ġwanni Pawlu II, fiż-żjara pastorali tiegħu fiċ-Ċilì fl-1987, ipproklamaha bħala l-ewwel Beata taċ-Ċilì, u fil-21 ta’ Marzu tas-sena 1993, l-istess Papa, ikkanonizzaha. Il-Karmelitani Skalzi jiċċelebraw it-tifkira tagħha fit-13 ta’ Lulju.

Ħsieb: Il-grazzji speċjali mogħtija lil Santa Tereża de los Andes jirriflettu l-għerf misterjuż ta’ Alla fejn tidħol il-ħidma tiegħu f’individwi kemm ta’ età żgħira kif ukoll dawk t’età akbar. Jidher li Alla għandu l-loġika unika tiegħu fir-rigward ta’ min, meta u kemm wieħed għandu jinkiseb fil-qasam tal-grazzja. Kull ma nistgħu ngħidu hu; “Ikun imfaħħar Alla.” Hu kollox jagħmel sew! Kollox! Anki meta ma nifhmux il-pjan misterjuż tiegħu, irridu nżommu dejjem quddiem l-għajnejn tal-fidi tagħna li Alla qed jara l-istampa kollha u aħna, bil-moħħ ċkejken tagħna, ma nistgħux nilmħu l-proġett sħiħ li Alla, fl-imħabba tiegħu għalina, ħejja. Għalhekk, it-tweġiba tagħna għal imħabbtu, għandha dejjem tkun il-fiduċja murija permezz tal-fidi, tat-tama, u b’mod speċjali tal-imħabba. Il-kontra ta’ dawn hija l-biża’, id-disperazzjoni u t-telfien!

Kemm-il darba aħna jiġrilna bħall-appostli meta Ġesù kien fl-istess dgħajsa magħhom f’nofs maltempata, imma aħna jidhrilna li mhux qiegħed jagħti kasna. Għalkemm nemmnu li qiegħed hemm aħna nimtlew bil-beżgħat tagħna. L-Appostli kienu jafuh ħafna imma xorta waħda ddubitaw mill-Messija, minn Ġesù. Ġesù imma, dar fuqhom u staqsiehom għaliex qegħdin jibżgħu.

Il-biżà hija ingredjent mill-ħajja tagħna, minn meta konna żgħar kellna ħafna beżgħat li biż-żmien inbidlu u mhux spiċċaw. Ilkoll kemm aħna ngħaddu minnhom u konxji wkoll li hemm il-Mulej lest biex jgħinna, però xorta waħda niddubitaw. Min-naħa l-oħra importanti li jkollna ftit riskju u sens ta’ avventura fil-ħajja tagħna. F’parti oħra tal-Evanġelju Ġesù jgħidilna: “Ejjew għandi intom li tinsabu mtaqqlin u mħabbtin u jiena nserraħkom.” X’inhi dik il-ħaġa li ttaqqalna u tħabbatna? Huma l-problemi tal-ħajja.

Kull ma nagħmlu fih il-problemi u r-riskju. F’dawn iċ-ċirkustanzi rridu nemmnu, nemmnu bħalma jemmnu t-tfal; mingħajr ma jistaqsu għaliex. Il-fidi tagħna hija misteru imma rrid nafda u nemmen li l-Mulej qiegħed hemm lest biex jgħinni. Hu jaf x’inhu jiġri imma qiegħed jistenniena biex nitolbuh l-għajnuna. San Tumas kien qal li ħajjitna qisha bħal meta aħna qegħdin tilgħajn ma’ muntanja imma Alla qiegħed fil-quċċata u minn hemm jista’ jara t-triq li aħna qegħdin naqbdu. Aħna ma nistgħux inkunu ċerti mit-triq tagħna għaliex m’aħniex naraw eżatt x’hemm wara l-kantuniera imma Alla qiegħed jara kollox minn fuq.

Il-Mulej qiegħed mimdud fid-dgħajsa tagħna imma huwa jimpurtah minna.

Ġesù qiegħed jgħidilna kif qal lid-dixxipli: “Jiena Hu, afdaw fija.” Ma jfissirx li l-problemi se nsolvuhom kollha jew b’mod sħiħ imma l-fatt li npoġġuhom f’riġlejn il-Mulej se jgħinna naffrontawhom. Int temmnu dan? Kemm qed tirsisti biex tkabbar il-fiduċja tiegħek fil-Mulej kif għamlet Santa Tereża de los Andes u b’hekk mietet fil-paċi b’moħħha mistrieħ li Alla se jsalvaha? 

Talba: O Alla ta’ min jafdak u jintelaq għal kollox f’idejk, int urejt il-valur tal-fiduċja sħiħa li tistenna minn għandna l-bnedmin lil Santa Tereża de los Andes u din kibret f’din il-virtù bi mħabba kbira lejk, agħtina li fuq l-eżempju tagħha, aħna ngħixu hienja u b’moħħna mistrieħ li Int għax tħobbna, ser tippermetti dak u dak biss li hu ta’ ġid għalina. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/04/st-teresa-of-los-andes.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-teresa-of-los-andes/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Teresa_of_the_Andes

Vatican Biography: http://www.vatican.va/news_services/liturgy/saints/ns_lit_doc_19930321_teresa-de-jesus_en.html

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Parti mill-Ħsieb huwa meħud mis-sit tal-Moviment Kerygma.

Design a site like this with WordPress.com
Get started