Pietru Pawl Saydon

Verżjoni Vidjo: Pietru Pawl Saydon

PPSaydonPIETRU PAWL SAYDON
Traduttur tal-Kotba Mqaddsa
1895 – 1971

Tagħrif: L-isem tal-Monsinjur Pietru Pawl Saydon jibqa’ għal dejjem marbut mat-traduzzjoni tal-Kotba Mqaddsa fil-Malti u mal-ilsna semitiċi.

It-traduzzjoni tal-Iskrittura Mqaddsa mill-ilsna oriġinali kienet biċċa xogħol li ħadd qablu ma kien daħal għaliha u swietlu tletin sena sħaħ ta’ ħidma u dedikazzjoni. Kien ħa ħsieb ukoll jidħol għall-ispiża kollha tal-pubblikazzjoni.

Saydon twieled fl-24 ta’ Lulju ta’ l-1895 fiż-Żurrieq. Tgħallem fl-iskola primarja tar-raħal u s-Seminarju. Wara l-eżamijiet tal-Matrikola, daħal l-Università biex jistudja għal qassis u ggradwa fil-Letteratura, fil-Liġi Kanonika u fit-Teoloġija. Ġie ordnat saċerdot fl-20 ta’ Settembru tal-1919 fl-età ta’ 24 sena u mar Ruma fl-Istituto Biblico biex jispeċjalizza fl-Istudji Bibbliċi minn fejn kiseb il-Liċenzjat fl-Iskrittura Mqaddsa.

Fl-1931, meta Saydon kien għad kellu biss 36 sena, inħatar Professur tal-Iskrittura Mqaddsa, tal-Lhudi u l-Grieg Bibbliku fl-Università tagħna, u baqa’ f’din il-kariga għal 33 sena. Kienu snin ta’ ħidma u riċerka bla waqfien u ħa sehem f’kungressi internazzjonali fl-Ewropa, fosthom Ruma (1932); Brussell (1938); Pariġi (1948); Ruma u Norfolk (1952); Copenhagen (1953); Cambridge u Louvain (1954); Birmingham (1955); Strasbourg (1956); Munich (1957); Brussell (1958); Louvain u Oxford (1959); Dublin (1961).

Nistgħu ngħidu li kien bis-saħħa tal-istudji bibbliċi u tal-istudju tal-ilsien Lhudi li Saydon beda jinteressa ruħu fl-ilsien Malti. Kien attiv ħafna fl-Għaqda tal-Malti (Università) u mexxieha għal għaxar snin u ħa ħsieb joħroġ il-Leħen il-Malti.

Fl-1946, il-Qdusija Tiegħu il-Papa Piju XII għażlu bħala Cameriere Secreto bit-titolu ta’ Monsinjur u fl-1951 l-Arċisqof Mikiel Gonzi offrielu kanonikat tal-Katidral, iżda Saydon għażel il-ħajja tal-istudju minflok dik tal-unuri. Fit-12 ta’ Novembru 1966, l-Università Rjali ta’ Malta tagħtu l-grad ta’ Duttur tal-Letteratura (Hon. Causa) bħala għarfien tax-xogħlijiet kbar tiegħu.

Saydon kien qrib ħafna tal-bdiewa ta’ Bengħajsa fil-kappella ċkejkna tal-Kunċizzjoni u dejjem ta l-kontribut pastorali tiegħu fil-parroċċa taż-Żurrieq fejn miet fit-22 ta’ Marzu ta’ l-1971 fl-għomor ta’ 76 sena.

Links about Pietru Pawl Saydon:  

  1. https://mt.wikipedia.org/wiki/Pietru_Pawl_Saydon
  2. https://akkademjatalmalti.org/bijografiji/pietru-pawl-saydon/
  3. https://malti.skola.edu.mt/wp-content/uploads/2015/01/Pietru-Pawl-Saydon.pdf
  4. https://maltikurja.files.wordpress.com/2013/10/pietru-pawl-saydon1.pdf
  5. http://maltinimportanti.blogspot.com/2013/01/pietru-pawl-saydon.html
  6. https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/33840
  7. http://melitensiawth.com/incoming/Index/Il-Malti/Il-Malti.%20074(2000)/17.pdf

Kif għandna ninterpretaw il-Bibbja?

Kif titlob bil-Bibbja?

Nota: It-Tagħrif dwar Pietru Pawl Saydon huwa meħud mis-sit tal-MUSEUM ta’ San Ġiljan.

21 ta’ Lulju: San Lawrenz ta’ Brindisi

Verżjoni Vidjo: San Lawrenz ta’ Brindisi

“Kontra d-Dinja, il-Ġisem, u x-Xitan, il-kelma ta’ Alla qisha xabla li tfarrak kull dnub.” – San Lawrenz ta’ Brindisi.

21-San_lorenzo_da_brindisi-21SAN LAWRENZ TA’ BRINDISI
Saċerdot u Duttur tal-Knisja
1559 – 1619

Tagħrif: Ċesare de Rosse twieled fil-belt ta’ Brindisi, l-Italja. Fi ċkunitu ġie edukat mill-patrijiet Franġiskani Konventwali fi Brindisi. Ta’ tnax-il sena tilef lil missieru, u zijuh ħa ħsieb jibagħtu jistudja fil-kulleġġ ta’ San Mark, f’Venezja.

Fl-1575, meta kellu 16-il sena daħal mal-Kapuċċini ta’ Verona. Hawnhekk ħa l-isem ta’ Lawrenz. Studja l-filosofija u t-teoloġija fl-Università ta’ Padova. Kien jaf tajjeb ħafna lingwi. Barra t-Taljan, kien fluwenti fil-Latin, Grieg, Ebrajk, Ġermaniż, Franċiż, Spanjol u Bhoemi. Kien student brillanti u sar espert fil-Bibbja. Ħa l-quddiesa, fl-1582, ta’ 23 sena.

Fl-1596, sar id-Definitur Ġenerali tal-Kapuċċini f’Ruma. Il-Papa Klement VIII talbu jipprietka l-Vanġelu lil-Lhud tal-belt.

Fl-1598, ġie mibgħut il-Ġermanja biex jaħdem fost il-Luterani. Meta kien il-Ġermanja huwa kien strument biex jinfetħu kunventi fi Praga, Vjenna u Gorizea.

Fuq talba tal-Imperatur Rudolfu II, huwa organizza armata biex iwaqqaf l-avvanz tat-Torok li kienu waslu biex jinvadu l-Ungerija. Hu stess personalment kien iħeġġeġ lis-suldati. Fil-battalja ta’ Stuhlweissenburg, fl-1601, l-Insara rebħu minkejja li t-Torok kienu erba’ darbiet iktar minnhom fin-numru, u hekk l-Ewropa kollha salvat.

Fl-1602, il-Kapuċċini għażluh biex ikun il-Ministru Ġenerali tal-Ordni tagħhom.

Fl-1605, il-Papa bagħtu l-Ġermanja. Huwa ddefenda bil-qawwa tiegħu kollha l-Kattoliċiżmu fil-Ġermanja u fl-Awstrija bil-kitba u bil-prietki. Minkejja l-attività kbira tiegħu kien bniedem ta’ talb.

Fl-1610, mar Spanja biex jipperswadi lir-Re Filippu III, biex jidħol fil-Lega Kattolika. Meta kien Spanja hu fetaħ dar tal-Kapuċċini f’Madrid.

Fl-1618, irtira fil-monasteru ta’ Caserta. Iżda biex jaqbeż għan-nies ta’ Napli mar ikellem lir-Re Filippu III. Wara li ltaqa’ mar-Re miet f’Lisbona, fit-22 ta’ Lulju li ħabat eżatt is-60 sena mit-twelid tiegħu. Il-Papa Ljun XIII ikkanonizzah fl-1881. Il-Papa Ġwanni XXIII iddikjarah Duttur tal-Knisja fl-1959.

ĦsiebSan Lawrenz jissejjaħ ta’ Brindisi għax twieled f’din il-belt taljana. Flimkien mal-beatu Benedittu Urbino beda jwaqqaf kunventi tal-kapuċċini fil-Ġermanja u jikkumbatti l-protestantiżmu n-naħa tat-tramuntana. Bdew iduru bil-morda bil-pesta u waqqfu l-provinċji tal-Boemja u tal-Awstrija. Kien magħruf bħala predikatur famuż u pprietka f’diversi pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali. Imma dan il-qaddis jibqa’ l-aktar magħruf għal ħafna kitbiet reliġjużi tiegħu fosthom kitbiet importanti fuq il-Madonna li ġew ippubblikati f’10 volumi kbar.

Kellu memorja tal-għaġeb tant li jgħidu li kien kapaċi jikkwota ħafna mill-Bibbja bl-amment. Kien jaf diversi ilsna, fosthom il-Grieg, il-Latin, il-Lhudi, il-Franċiż, l-Ispanjol, it-Tedesk u l-Bhoemi. Dan għenu qatigħ biex ikun jista’ jkellem lin-nies ta’ pajjiżi differenti, fuq Alla. Aħna biex nitkellmu ma’ Alla mhemmx għalfejn inkunu nafu b’ħafna ilsna differenti. Ilsien wieħed hu biżżejjed. Alla jifhem bl-ilsna u bid-djaletti tad-dinja kollha. Jalla lsienna nużawh spiss biex nitkellmu bil-qalb ma’ Alla.

Id-devozzjoni kostanti tiegħu lejn l-Iskrittura, flimkien mas-sensittività kbira għall-ħtiġijiet tan-nies, tippreżenta stil ta’ ħajja li tappella lill-Insara tal-lum. Lawrenz kellu bilanċ fil-ħajja tiegħu, dik id-dixxiplina mħallta mal-għarfien qawwi tal-ħtiġijiet ta’ dawk li kien imsejjaħ biex iservi.

San Lawrenz ta’ Brindisi kien jgħid li: ‘Alla huwa mħabba u kull ma jagħmel jara l-bidu tiegħu fl-imħabba.’ Fl-Iskrittura, fl-ewwel Ittra lill-Korintin, Kapitlu 13, minn versi 4-12, insibu deskrizzjoni tal-imħabba. Aħna li aħna magħġuna mill-istess Alla-Mħabba u msejħin biex inħobbu, nistgħu nagħmlu test biex naraw fejn ninsabu fil-livell ta’ mħabba tagħna. Minflok il-kelma ‘imħabba‘, inpoġġu isimna:

  1. L-imħabba taf tistabar u tħenn;
  2. l-imħabba m’hijiex għajjura,
  3. ma tintefaħx biha nfisha,
  4. ma titkabbarx fuq l-oħrajn;
  5. ma tagħmilx dak li mhux xieraq;
  6. ma tfittixx dak li hu tagħha,
  7. xejn ma tinkorla;
  8. ma żżommx f’qalbha għad-deni,
  9. ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verità;
  10. kollox tagħder,
  11. kollox temmen,
  12. kollox tittama,
  13. kollox tissaporti.
  14. L-imħabba ma tintemm qatt.

Dan it-test jurini f’hiex jonqosni nikber biex l-imħabba tiegħi tkun kif iridni nħobb Alla. HU jħobb b’dan il-mod.

Talba: O Alla, int tajt l-ispirtu tal-għaqal u l-qawwa lis-saċerdot San Lawrenz ta’ Brindisi, biex jaħdem għall-glorja ta’ ismek u għas-salvazzjoni tal-erwieħ; bit-talb tiegħu, agħti lilna wkoll dan l-ispirtu, biex nagħrfu tajjeb x’għandna nagħmlu, u nagħmluh sewwa kif għandu jsir. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/st-lawrence-of-brindisi.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-lawrence-of-brindisi/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Lawrence_of_Brindisi

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

12 ta’ Lulju: San Ġwann Gualbertu

Verżjoni Vidjo: San Ġwann Gualbertu

“Meta tkunu se tagħżlu abbati (superjur), agħżluh fost dawk l-aktar umli, l-aktar doċli (ta’ karattru ħelu), u l-aktar mortifikat.” – San Ġwann Gualbertu.

St. John GualbertSAN ĠWANN GUALBERTU
Abbati
985 – 1073

Tagħrif: Ftit huma d-dettalji ċerti li waslulna dwar San Ġwann Gualbertu, fundatur tal-Benedittini Vallambrosani.

Imwieled bejn is-snin 985 u 995, Ġwanni kien ġej mill-familja nobbli Visdomini minn Firenze u kien imħarreġ fl-armi. Darba, f’jum il-Ġimgħa l-Kbira, meta kellu 18-il sena, waqt li kien akkompanjat minn qaddejja armati, iltaqa’ ma’ dak li kien qatillu lil ħuh, u dan ma kienx armat, waħdu u f’post minn fejn ma setax jiżgiċċa. Kien ġà se joqtlu biex jitħallas għall-mewt ta’ ħuh, meta dan niżel għarkupptejh f’riġlejh u talbu jaħfirlu għall-imħabba ta’ Ġesù msallab. Milqut mill-grazzja, Ġwanni ftakar fil-kmand ta’ Ġesù li għandna naħfru lill-għedewwa tagħna, u għannqu bħala ħuh.

Jingħad li kif daħal fil-knisja deherlu li ra lil Ġesù kurċifiss ibaxxilu rasu bħala sinjal ta’ approvazzjoni għall-att ta’ maħfra li għamel.

Ftit wara hu daħal fl-abbazija ta’ San Miniato f’Firenze pajjiżu, iżda wara telaq minn hemm biex jeħles mis-simonija u biex isib aktar faqar u skiet.

Hu għażel Vallis Umbrosa, wied kollu boskijiet fit-Toskana fejn waqqaf ordni ġdid taħt ir-regola ta’ San Benedittu. Huwa kellu ajkijiet biex jagħmlu xogħol manwali u jieħdu ħsieb l-affarijiet ta’ barra l-klawsura.

Il-qaddis kien rigoruż fuq is-silenzju u d-diskors bħala appostolat. Huwa ħejja l-patrijiet tiegħu biex jitqabdu fit-Toskana kontra l-bejgħ ta’ uffiċċji tal-knisja u kontra n-nuqqas ta’ osservanza taċ-ċelibat tal-kleru.

San Ġwann Gualbertu miet fit-12 ta’ Lulju, 1073 ta’ 88 sena. Qabel ma miet, lill-irħieb tiegħu qalilhom: “Meta tkunu se tagħżlu abbati (superjur), agħżluh fost dawk l-aktar umli, l-aktar doċli (ta’ karattru ħelu), u l-aktar mortifikat.”

Bla ma ntebaħ, hu kien qed ipinġi profil tal-karattru tiegħu nnifsu. San Ġwann Gualbertu kien ikkanonizzat fl-1193.

Ħsieb: Il-Papa Benedittu XVI, għamel dan l-appell meta wasal il-Portugal, fil-11 ta’ Mejju, 2010: “Il-kattoliċi għandhom ikunu lesti li joffru l-martirju f’soċjetà sekularizzata.” San Ġwann Gualbertu saħaq ħafna dwar li wieħed għandu jżomm il-ġabra u s-silenzju, u ma kienx l-uniku! Imma għaliex din l-enfasi dwar l-importanza tas-silenzju?

Kemm storbju jiċċirkondana madwarna u anki ġo fina. Fid-dinja li qed ngħixu fiha, is-silenzju (jew is-skiet interjuri) saru lussu li mhux kulħadd jista’ jikseb. Imma n-nisrani x’jista’ jagħmel? Alla mhux magħluq fih innifsu, imma jixtieq jinfetaħ u jidħol f’komunikazzjoni mal-umanità, magħna lkoll, miegħek li qed taqra dan bħalissa. Imma aħna, spiss qisna bħal dak il-mutu u t-trux tal-Vanġelu li bħal donnu għandna qalbna miftuħa għal kollox minbarra għall-vuċi ta’ Alla, li hi tant ġentili u ħelwa, li l-bniedem jismagħha biss meta jiskot u jirnexxielu jsib is-silenzju. Imma kemm għad hawn min għandu fidi u umiltà  biżżejjed li twassal biex wieħed jilqa’ l-Kelma t’Alla għal dik li Hi?

Il-Papa Franġisku fl-Angelus tal-Ħadd, 6 ta’ Settembru, 2015 li kien propju dwar ir-rakkont tal-fejqan tar-raġel mutu u trux, jispjegha b’dan il-mod:

“Il-Vanġelu tal-lum (Mark 7:31-37) jirrakkonta l-fejqan tal-mutu u t-trux, avveniment straordinarju li juri kif Ġesù jistabbilixxi l-komunikazzjoni sħiħa tal-bniedem ma’ Alla u mal-bnedmin l-oħra. Il-miraklu jseħħ fiż-żona tad-Dekapoli, jiġifieri f’territorju kollu kemm hu pagan; għaldaqstant il-mutu u t-trux li jittieħed għand Ġesù jsir simbolu ta’ bniedem li ma jemminx iżda li jibda mixja lejn il-fidi. Infatti, in-nuqqas ta’ smigħ tar-raġel tal-parabbola jesprimi in-nuqqas ta’ ħila li nisimgħu u nifhmu mhux biss il-kliem tal-bnedmin imma wkoll il-Kelma t’Alla. U San Pawl ifakkarna li l-fidi tinbet mis-smigħ tal-predikazzjoni. (Rumani 10:17).

L-ewwel ħaġa li jagħmel Ġesù hi li jwarrab lir-raġel ‘l-bogħod mill-folla; ma jridx jagħti pubbliċità lill-ġest li se jwettaq, imma lanqas ma jrid li kliemu jkun mgħotti mill-ħamba tal-ilħna u mit-tlablib tal-ambjent. Il-Kelma t’Alla li jagħtina Kristu teħtieġ is-silenzju biex tkun milqugħa bħala Kelma li tfejjaq, li tgħaqqad u li treġġa’ lura mill-ġdid il-komunikazzjoni.

Imbagħad naraw ċari żewġ ġesti oħra ta’ Ġesù. Hu jmiss il-widnejn u l-ilsien tal-mutu u t-trux. B’hekk jikseb lura r-relazzjoni tiegħu ma’ dak ir-raġel li ma kellu ebda komunikazzjoni. L-ewwel ma’ għamel kien li raġa’ stabbilixxa l-kuntatt. Imma l-miraklu hu rigal li jiġi mill-għoli, li Ġesù jitolbu lill-Missier; huwa għalhekk li Hu jerfa’ għajnejh lejn is-sema u jordna: “Infetaħ!”. U widnejn il-mutu u trux jinfetħu, tinħall l-għoqda li kellu fi lsienu u jibda jitkellem kif suppost (vers 35).

It-tagħlima li nisiltu minn dan l-episodju hi li Alla mhux magħluq fih innifsu, imma jinfetaħ u jidħol f’komunikazzjoni mal-umanità. Fil-ħniena bla tarf tiegħu jegħleb l-abiss infinit li hemm bejnu u bejna u jiġi għandna. Biex iqiegħed fis-seħħ din il-komunikazzjoni mal-bniedem, Alla jsir bniedem; mhux biżżejjed għalih ikellimna permezz tal-liġi u l-profeti, imma jersaq qrib tagħna u jurina lilu nnifsu fil-persuna ta’ Ibnu, il-Kelma magħmula laħam. Ġesù hu l-bennej il-kbir tal-pontijiet, li fih innifsu jibni l-pont il-kbir tal-komunjoni sħiħa mal-Missier.”

  • U int, kemm qed toħloq skiet ġewwa qalbek billi tfittex dak il-post li fih tista’ tinġabar u tħalli lil Alla jikkomunika miegħek billi jsemmgħalek Kelmtu?

Talba: O Alla, inti tajtna lil San Ġwann Gualbertu, bi mgħallem għaref dwar il-ġabra u s-skiet lir-ruħ teħtieġ biex tkun tista’ tikkomunika miegħek fit-talb, agħmel li nħobbu s-skiet u l-ġabra bħalu u fuq kollox u li nimxu b’qalb kbira fit-triq tal-kmandamenti tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-john-gualbert-299

Alternative Reading: http://magnificat.ca/cal/en/saints/john_gualbert.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/John_Gualbert

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

6 ta’ Ġunju: San Norbertu

Verżjoni Vidjo: San Norbertu

“X’jiswielu l-bniedem li jikseb id-dinja kollha u mbagħad jintilef jew jinqered?” – Ġesù f’Luqa 9:25.

6-San-Norberto-de-Magdeburgo-6SAN NORBERTU
Isqof
1080 – 1134

Tagħrif: San Norbertu twieled minn familja nobbli u sinjura ħafna f’Xanten, fuq ix-xmara Rhine, il-Ġermanja. Ġie mrobbi fil-lussu, fil-kumdità, fil-ħela. Għalkemm ġie ordnat Suddjaknu u ġie mqabbad fil-qorti ta’ Enriku V, Imperatur tal-Ġermanja biex iqassam il-karità, kien ħsiebu biss li jiddeverti.

Darba waħda, waqt li kien fuq żiemel għaddej mill-kampanja nqabad f’maltempata, u minħabba sajjetta fil-qrib, iż-żiemel sfratta u Norbertu waqa’ minn fuqu u ntilef minn sensih. Meta ġie f’tiegħu għaraf kemm kien qrib tal-mewt, u li bil-ġid kollu li kellu, kien ser jidher quddiem Alla b’idu f’idu, u għalhekk iddeċieda li jbiddel ħajtu.

Minkejja l-ostakli li għamlulu niesu u ħbiebu, baqa’ determinat li jgħix ħajja tajba. Għadda sentejn iħejji ruħu biex isir qassis u kien ordnat f’Cologne fl-1115 meta kellu 35 sena. Ftit wara rriżenja għall-benefiċċji ekklesjastiċi, biegħ il-proprjetà u qassam dak li daħħal lill-fqar; żamm biss bagħal, 40 munita tal-fidda, missal, kalċi, patena u ftit abiti sagri. Imbagħad mar bil-mixi, ħafi, u bla sold, jiltaqa’ mal-Papa Ġelasju II, li kien f’St. Giles, fi Franza, u akkwista min għandu s-setgħa li jipprietka kull fejn kien iħoss il-bżonn. Sar predikatur kbir, u mar jipprietka wkoll fil-Belġju, u fi Franza.

L-isqof riedu jirriforma komunità ta’ kononiċi regolari iżda Norbertu kien strett wisq magħhom. Għalhekk huwa rtira fil-wied ta’ Prémontré ħdejn Laon fit-tramuntana ta’ Franza. Fl-1121, fuq talba tal-Papa Kallistu II, li kien fil-Konċilju ta’ Reims, il-Ġermanja, waqqaf l-Ordni tal-Premonstratensi jew Norbertini, kanoniċi regolari taħt ir-regola ta’ Santu Wistin, li jgħaqqdu ħajja ta’ għamla monastika ma’ ministeru attiv. L-ewwel 40 sieħeb li ngħaqdu miegħu fi ftit xhur, ipprofessaw il-voti fil-Milied tas-sena 1121. L-ordni kiber ħafna f’ħajtu.

Fl-1126, Norbertu ġie maħtur Isqof ta’ Magdeburg mill-Imperatur Lothair II, li ried jagħmlu wkoll kanċellier. Iżda minkejja l-kariga għolja, xorta baqa’ jgħix fiċ-ċaħda bħallikieku baqa’ fil-monasteru. Il-ħeġġa tiegħu ġiebet riformi kbar fid-djoċesi, imma kellu wkoll għedewwa li għalihom ħajtu kienet ċanfira. Flimkien ma’ San Bernard Abbati ħadem ħafna biex ineħħi d-diżordnijiet kawżati mix-xiżma tal-antipapa Anakletu II.

Meta kien f’Magdeburg, fir-ritorn minn Ruma flimkien mal-Imperatur Lothaire, San Norbertu ħassu ħażin, u wara erba’ xhur marid, radd ruħu ’l Alla fis-6 ta’ Ġunju, 1134 fl-għomor ta’ 54 sena. Iddikjarah qaddis il-Papa Girgor XIII fl-1582.

Ħsieb: Bħal ħafna persuni li bdew xi forma ta’ tiġdid, riforma ta’ movimenti jew ordnijiet ġodda fil-Knisja, San Norbertu kien devot kbir tal-Bibbja. Huwa nkoraġġixxa lill-membri tal-Ordni tiegħu biex jimmudellaw ħajjithom fuq l-Evanġelju, u dan kien ifisser li jkun familjari magħha. Forsi smajtu b’kanzunetta bil-lingwa Ingliża li tieħu l-ittri tal-kelma Bibbja (BIBLE) u tgħid li dawn ifissru: ‘Basic Instructions Before Leaving Earth.

Din hija verità. Il-Bibbja hi l-Ktieb tal-istruzzjoni tagħna ta’ kif ngħixu ħajja tajba u dan hu dak li jgħidilna San Norbertu: “Qatt tgħejjew tistudjaw dawn il-kitbiet, fejn issibu eżortazzjoni qasira biex tibqgħu fidili fis-servizz tagħhom lejn Alla. Għax il-Kelma ta’ Alla hi nar li jħeġġeġ. Hija mimlija bin-nar tal-Ispirtu s-Santu. Hija tikkonsma l-vizzji u tippromwovi l-virtujiet. Hija tagħti l-għerf lil dawk li lesti jilqgħuh u tipprovdilhom l-ikel tas-sema. Għalhekk Kristu qal: “Hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jħarsuha!” (Luqa 11:28)

L-għan tal-Mulej Alla huwa li aħna nsiru tassew nafuh b’mod personali fil-ħajja tagħna. Lil Alla nistgħu nitgħallmu fuqu permezz tan-natura u l-ħolqien tiegħu jew minn xi esperjenzi li nistgħu ngħaddu minnhom.(ara Rumani 1:20-23) Imma l-aktar ħaġa li tinfurmana hija żgur Il-Bibbja – Il-Kelma Mqaddsa. Fiha Alla rrevelalna lilu nnifsu bl-aktar mod ċar biex aħna nkunu nistgħu nsiru nafuh b’mod personali u niskopru l-pjan tiegħu għalina.

“Ġesù qal lil-Lhud li emmnu fih: ‘Jekk iżżommu fil-kelma tiegħi, tkunu tassew dixxipli tiegħi, u tagħrfu l-verità u l-verità teħliskom.’ (Ġwanni 8:31-32).

“Wieġbu Ġesù: ‘Jiena hu t-Triq, Jien Hu il-Verità u Jien Hu l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.’ Ġwanni 14:6

Jidher ċar li Ġesù  Hu l-Verità u Hu l-Kelma. Huwa pjuttost impossibli li wieħed jiskopri tassew lil Ġesù jekk ma jkunx jaqra, jisma’ u jimxi mal-Kelma. Meta aħna nimxu mal-Kelma nkunu qegħdin nimxu mal-Verità, meta rridu tassew niskopru il-verità (Il-Verità) irridu bilfors ma nduru u nħarsu mkien iktar ħlief lejn il-Kelma. Meta niskopru il-verità (Il-Verità) mill-Kelma, niskopru lil Ġesù! Niskopru li l-Verità hi l-Persuna ta’ Ġesù stess.

Ġesù jgħidilna ċar li ‘Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.’ (ara Mattew 4:4)

Infatti skont il-Kelma t’Alla dak li jqis lilu nnifsu bħala wieħed li jimxi wara Kristu tassew, irid jikber billi jiġi mitmuh il-Kelma t’Alla. Mhux ta’ b’xejn li ħafna nies li anke jattendu ‘knejjes’ jew xi ‘gruppi’ ta’ talb, jibqgħu trabi spiritwalment u ‘karnali’ – jgħixu skont il-ġibdiet tal-ġisem, għax m’humiex jimxu mal-Kelma t’Alla, li hija dik li ssostnihom spiritwalment. Għalhekk jibqgħu ‘telliefa’ fil-mixja tagħhom bħala Nsara, milli jikbru u jimmaturaw u jitgħallmu jkunu tassew rebbieħa permezz ta’ Kristu u l-Kelma tiegħu.

U fl-aħħar nett, San Pawl iwissina: “Qisu li ħadd ma jassarkom b’filosofija u kliem qarrieq u fieragħ skont dak li hu ġej mill-bnedmin, skont il-prinċipji tad-dinja u mhux ta’ Kristu.” (Kolossin 2:8)

  • U int, kemm int familjari mal-Bibbja u kemm tfittex li tiskopri lil Alla u l-pjan tiegħu għalik permezz tal-Kelma tiegħu fiha?
  • Qed tibni ħajtek fuq il-Kelma ta’ Alla fil-Bibbja kif għamlu San Norbertu u oħrajn, fuq il-Verità li hija tgħallem, fuq Kristu li qal li Hu stess huwa l-Verità?

Talba: O Alla, int għażilt lill-isqof San Norbertu biex jamministra b’mod tal-għaġeb il-Knisja tiegħek, u żejjintu bl-ispirtu tat-talb u b’ħeġġa kbira bħala ragħaj spiritwali; agħmel li, bil-għajnuna tat-talb tiegħu, il-merħla tal-fidili jkollha rgħajja skont qalbek u ssib dejjem mergħa tajba tas-salvazzjoni. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/saint-norbert-of-xanten.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-norbert/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Norbert_of_Xanten

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

18 ta’ April: Beata Marija tal-Inkarnazzjoni

Verżjoni Vidjo: Beata Marija tal-Inkarnazzjoni

“Min jibqa’ jżomm sħiħ sa l-aħħar, dan isalva.” – Ġesù  f’Mattew 10:22

mary-of-the-incarnation-e1541020484770.jpgBEATA MARIJA TAL-INKARNAZZJONI
Reliġjuża
1566 – 1618

Tagħrif: Twieldet f’Pariġi fl-1 ta’ Frar 1566, minn familja Nisranija ħafna. Kienet bint Nicholas Avrillot li kien Ministru tal-Finanzi u wara laħaq il-Kanċillier tar-Reġina Margarita ta’ Valois, li aktar tard iżżewġet lill-futur Re Neriku IV. Isimha kien Barbe.

Barbe rċeviet l-edukazzjoni tagħha għand is-sorijiet Franġiskani ta’ Long Champs, fejn zijitha kienet is-superjura. Barbe kienet iddeterminata li tkompli tgħix il-ħajja reliġjuża, imma ommha daqstant ieħor kienet iddeterminata li Barbe tiżżewweġ skont il-moda tal-klassi għolja ta’ dak iż-żmien.

Kellha 11-il sena meta għamlet l-Ewwel Tqarbina u minn dakinhar bdiet tħoss il-ġibda għall-ħajja reliġjuża. Ta’ 14-il sena ħaditha ma’ ommha u ma riditx taf bi żwieġ. Ommha ġagħlitha tgħix f’kamra għal sentejn, kamra li ma kinitx imsaħħna, biex forsi Barbe ċċedi.

Ta’ 16-il sena Barbe aċċettat li tiżżewweġ lil Pierre Acarie, Viskonti ta’ Villemore, żagħżugħ intelliġenti, avukat sinjurun u kattoliku ferventi. Ma setgħetx ikollha raġel aħjar. Pierre kien jgħin lir-rifuġjati Kattoliċi Ingliżi mill-persekuzzjoni tar-Reġina Eliżabetta.

Barbe fl-aħħar ċediet li tibda tilbes ħwejjeġ tal-moda skont il-pożizzjoni tagħha. Tant kienet tidher sabiħa li qalgħuhielha “La Belle Acarie.” Il-koppja kellha sitt itfal. Barbe kienet tgħaddi wisq ħin fuq kif ser tgħix skont il-klassi ta’ dak iż-żmien. Pierre nduna b’dan, li kienet qiegħda tgħaddi ħafna ħin taqra r-rumanzi. Din il-ħajja ta’ tgawdija u xalar ma damitx sejra, u bidlilha l-kotba ma’ dawk aktar spiritwali.

Bil-mod il-mod Pierre ntebaħ li Barbe kienet bdiet tgħix ħajja spiritwali intima, li xi drabi wassluha għal estasi. Kien patri kapuċċin Ingliż, Fr Benet Canfield li assiguraha li l-esperjenzi li kienet tgħaddi minnhom kienu ġejjin minn Alla.

Nerik IV attakka lil Pariġi, Pierre ġie eżiljat u peress li kien nefaq somom kbar biex jiddefendi lill-Kattoliċi, Barbe sabet ruħha f’sitwazzjoni kerha ferm. It-tfal bagħatithom għand is-sorijiet. Marret tgħix mal-kuġin tagħha, ħadet f’idejha d-difiża tar-raġel. Kienet tmur tarah regolarment, Soissons, fejn kien 60 km ’il bogħod. Waqgħet darbtejn minn fuq iż-żiemel u kisret saqajha. Ħadulha kull ma kellha u ġiet umiljata sal-aħħar.

Fl-1593, ir-Re Neriku IV reġa’ sar Nisrani u Pierre ġie meħlus u sab ruħu bla flus, bla xogħol u sab li d-dar tbiddlet f’post ta’ spiritwalità. Barbe rsistiet biex tagħmel xogħol ta’ ħajja Nisranija għal Franza u waqqfet il-“Karmelitani ta’ Franza”. Għenet biex twaqqaf is-Soċjetà tal-Oratorjani.

Fl-1613, Pierre miet wara li daret bih sal-aħħar. Wara l-mewt tiegħu, iddisponiet mill-propjetà u l-ġid kollu tagħha u daħlet mas-Sorijiet Karmelitani ta’ Amiens.

(Nota: Fl-1792, 16-il soru minn dan il-monasteru mietu martri fir-Rivoluzzjoni Franċiża – Il-Beati Karmelitani).

Tawha l-isem ta’ Marija tal-Inkarnazzjoni. Kienet tagħmel il-faċendi, tgħin fil-kċina u l-aħħar erba’ snin ta’ ħajjitha għaddiethom mingħajr ma ħadd jagħti kas tagħha, sħabha jikkonfrontawha, jgħajjruha u ma jikkalkulawhiex.

Minħabba l-marda kerha li kellha, ħaduha f’kunvent ieħor f’Pontoise. Mietet fit-18 ta’ April 1618, kien l-Għid, kellha 52 sena. Il-Papa Piju VI bbeatifikaha fl-1791.

ĦsiebUkoll jekk mara tal-familja, il-Beata Marija tal-Inkarnazzjoni kienet ta’ għajnuna kbira lil bosta persuni fil-bżonn waqt l-assedju ta’ Pariġi tal-1590, u ħadmet ħafna biex ir-Riforma Protestanta ma tinxteridx ġewwa Franza. Hi kellha bosta grazzji mistiċi, imma wkoll provi kbar, bħal meta żewġha ġie eżiljat minn Franza għal xi żmien mir-Re Enriku IV minħabba li l-Lega li tagħha kien membru, ġiet mirbuħa. Wara li fl-1601 ġew f’idejha l-kitbiet ta’ Santa Tereża, hi xtaqet ħafna li dawn l-ulied tar-Riformatriċi Spanjola jaslu f’pajjiżha.

Wara li ġabet il-permessi kollha meħtieġa mir-Re, li tant kellu ammirazzjoni lejha, u mill-Papa Klement VIII, nhar is-17 ta’ Ottubru tal-1604, infetaħ l-ewwel monasteru ġewwa Franza (Pariġi) bil-miġja ta’ sitt sorijiet Spanjoli, fosthom il-Beata Anna ta’ San Bartilmew, sieħba u infermiera ta’ Santa Tereża nnifisha u l-qaddejja ta’ Alla, Anna ta’ Ġesù. Fi ftit snin u fi żmien l-istess Beata Marija tal-Inkarnazzjoni nfetħu l-monasteri ta’ Pontoise, Dijon u Amiens. It-tliet uliedha bniet li għexulha, daħlu sorijiet, kif għamlet hi wkoll wara l-mewt ta’ żewġha fl-1614 ġewwa l-monasteru ta’ Amiens bħala soru-konversa bl-isem ta’ Marija tal-Inkarnazzjoni. Xogħolha l-aktar li kien jikkonsisti kien bħala koka u infermiera. Fl-1616, ġiet trasferita fil-monasteru ta’ Pontoise, fejn issa jinsabu r-relikwi tagħha.

X’xorti kbira għandu l-bniedem meta l-Mulej jixħet għajnejH fuq iċ-ċokon tagħna u jużana bħala strumenti fqajra għall-opra tiegħU. Alla jerfa’ lill-umli, imma jistkerraħ lil l-kburin. Dak hu dak li jagħmel Alla mal-bniedem umli, id-deżert ibiddlu f’oasi, id-dlam f’dawl, il-bniedem midneb f’Mistiku. BASTA L-BNIEDEM JKUN UMLI. Iva Alla jbiddel id-deżert f’oasi, kif għamel ma’ Abraham, li ukoll jekk imdaħħal fiż-żmien, isir il-missier ta’ ġens kbir.

Dak li Alla jista’ jkompli jagħmel miegħek u permezz tiegħek, huwa tal-għaġeb … jekk biss tħalliH! L-għażla f’idejk ħabib/a!

Talba: Missier tagħna tas-Sema, Inti tajt lill-Beata Marija tal-Inkarnazzjoni l-qawwa erojka biex setgħet taffaċċja kull tip ta’ kuntrarju tul it-triq ta’ ħajjitha, u l-ħeġġa biex hija testendi l-familja Karmelitana fid-dinja. Għat-talb tagħha, agħti lilna wkoll, uliedek, biex b’kuraġġ ngħaddu minn kull prova u nipperservaw sal-aħħar fl-imħabba tagħna lejk. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://ocarm.org/en/content/liturgy/bl-mary-incarnation-ocd-reigious-m

Alternative Reading: http://carmelitesisters.ie/blessed-mary-of-the-incarnation/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Marie_of_the_Incarnation_(Carmelite)

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Il-Ħsieb huwa meħud minn omelija ta’ Patri Juan Debono (7 ta’ Ġunju 2018) ġewwa s-Santwarju Santa Tereża, B’Kara.

6 ta’ Novembru: Beata Ġużeppa Naval Girbes

Verżjoni Vidjo: Beata Ġużeppa Naval Girbes

“It-talb, it-talb … itlob għal waqt kuljum, u l-ħajja tkun aktar faċli u sopportabbli. Tgħallem tkellem ma’ Alla mingħajr kliem u, b’dan il-mod, ipprattika t-talb tal-meditazzjoni. Kun fidil/a u reverenti quddiem il-Mulej fl-Ewkaristija Mqaddsa. ” – Beata Ġużeppa Naval Girbes

Josepha_naval_GirbesBEATA ĠUŻEPPA NAVAL GIRBES
Verġni, Karmelitana Sekulari
1820 – 1893

Tagħrif: Josefa Navel Girbes, twieldet fil-11 ta’ Diċembru 1820, f’Algemesi, provinċja ta’ Valencia, fi Spanja. Hi kienet il-kbira, mill-ħames ulied ta’ Franġisku Naval u Ġużeppina Girbes. Kienet familja spiritwali ħafna u għalhekk ħadet trobbija ta’ valuri sodi u Nsara. Għad li ma marritx skola, tgħallmet taqra u tikteb u kienet taf tirrakkma ħafna.

Ta’ 13-il sena ommha mietet u huma marru joqogħdu man-nanna. Għenet lil missierha jrabbi lil ħutha iżgħar minnha. Iktar ma kibret iżjed saħħet id-devozzjoni tagħha lejn Sidna Ġesù Kristu u l-Verġni Marija. Bid-direzzjoni tal-kappillan tal-parroċċa, ta’ 18-il sena kkonsagrat lilha nnifisha lil Alla u għamlet il-vot tal-kastità perpetwa.

Fil-mixja tagħha ta’ qdusija, iddedikat ħajjitha lil Alla u wegħdet li sservi lill-Knisja u lill-proxxmu. Bdiet tlaqqa’ nisa f’darha biex tgħallimhom ir-rakkmu u waqt dawn il-lezzjonijiet kienu jaqraw kotba spiritwali u jiddiskutuhom. Għallmithom il-katekiżmu u kienet tisħaq ħafna fuq l-importanza tat-talb u l-meditazzjoni.

Kienet bniedma ta’ ħajja interjuri profonda, ta’ talb u meditazzjoni. Kienet dejjem tirrepeti kemm hu importanti li wieħed jiltaqa’ ma’ Alla fit-talb kuljum, sabiex ikun jista’ jgħix aħjar ħajtu u d-diffikultajiet li jiltaqa’ magħhom. Kienet ukoll ixxerred id-devozzjoni lejn Ġesù fl-Ewkaristija. Fil-parroċċa bdiet tipprepara lit-tfal biex jirċievu l-Ewwel Tqarbina. Tlaqqa’ tfajliet qabel jieħdu l-istat tagħhom ta’ nisa miżżewġa u ommijiet, jew reliġjużi.

Ġużeppa daħlet mat-terz’Ordni tal-Karmelu u l-komunità lajka tagħha kienet taqa’ taħt is-superviżjoni tal-Patrijiet Karmelitani tal-Provinċja ta’ Valencia.

Saħħitha bdiet sejra lura u mietet ta’ 72 sena, f’darha f’Algamesi, fl-24 ta’ Ottubru, 1893, wara li rċeviet is-Sagramenti Mqaddsa. Kienet midfuna bl-abiti Karmelitani. Fl-20 ta’ Ottubru 1946, il-fdalijiet tagħha tpoġġew f’tebut tal-ħġieġ u ttrasferewhom għall-knisja parrokkjali ta’ San Ġakbu, fejn kienu esposti għall-venerazzjoni tal-fidili.

Il-qaddis Papa Ġwanni Pawlu II, għamilha venerabbli f’Jannar tal-1987 u fil-25 ta’ Settembru tal-1988, ibbeatifikaha. Il-beata f’ħajjitha kienet mudell ta’ qdusija, u kienet dejjem tirrepeti, “qaddes lilek innifsek u lill-oħrajn.”

Ħsieb: Din li ġejja hija kwotazzjoni mill-Promotur Ġenerali tal-Fidi, Monsinjur Petti, fil-konklużjoni tal-eżami tal-Konsulenti Teoloġiċi:

“Ġużeppa Naval Girbes hija eżempju eċċezzjonali ta’ kif wieħed imexxi ħajtu bil-qdusija fid-dinja sekulari. Hija mudell tal-ħajja Kristjana fis-sempliċità erojka tagħha: mudell tal-ħajja parrokkjali. Il-ħajja sħiħa tagħha turi kif wieħed jista’ jilħaq il-qdusija fl-istati kollha tal-ħajja f’konsagrazzjoni totali lil Alla u mħabba bla egoiżmu lejn l-aħwa, anke waqt li tgħix fid-dinja. Kienet mara mingħajr doni straordinarji, eċċezzjonali fis-sempliċità tagħha u bint il-poplu. Hija wettqet id-doveri tagħha b’fedeltà fiċ-ċirkustanzi ordinarji tal-ġurnata tax-xogħol tagħha.”

Din silta mid-digriet dwar il-virtujiet erojiċi tal-Beata Ġużeppa Naval Girbes (3 ta’ Jannar, 1987):

“Peress li l-parroċċi b’ċertu mod jirrappreżentaw il-Knisja viżibbli stabbilita fuq l-art, Ġużeppa, il-qaddejja ta’ Alla, qieset il-parroċċa tagħha bħala Ommha fil-fidi u fil-grazzja, u bħala tali ħabbitha u servitha bl-umiltà u bi spirtu ta’ sagrifiċċju. U għal din ir-raġuni wriet lill-kappillan tagħha venerazzjoni sinċiera u fdat ruħha fid-direzzjoni spiritwali tiegħu. Kienet tara li l-għamara li tintuża għal-liturġija kienet fi stat tajjeb, li tinżamm nadifa u kkurata. L-istess l-altari. Kuljum kienet tmur fil-knisja parrokkjali biex tieħu sehem fis-sagrifiċċju Ewkaristiku. Imma kienet partikolarment notevoli għall-appostolat intelliġenti u produttiv tagħha, li hija dejjem wettqet bil-kunsens tal-qassisin tagħha, li lejhom kellha rispett assolut u ubbidjenza.

Konvinta kif kienet li l-Kristjani għandhom ikunu l-melħ tal-art u d-dawl tad-dinja, hija ma kinitx kuntenta li tipprattika l-virtujiet fid-dar. Pjuttost riedet twettaq kompletament il-kmand tal-Mulej li qal, ‘Ħalli d-dawl tiegħek jiddi quddiem il-bnedmin sabiex ikunu jistgħu jaraw l-għemejjel tajba tiegħek u jagħtu glorja lil Missierek tas-sema.’ U hekk hija fittxet kull opportunità biex ixxandar lil Kristu bil-kelma u bl-għemil kemm lil dawk li ma jemmnux, sabiex tiġbidhom għall-fidi, kif ukoll lil dawk li kienu jemmnu, sabiex tagħtihom istruzzjonijiet li jikkonfermawhom u jinkoraġġuhom biex jgħixu b’qawwa akbar il-fidi tagħhom.

B’dawn il-ħsibijiet f’moħħha, hija għallmet lill-foqra u lil dawk kollha li kienu jmorru għandha. Hija rrestawrat il-paċi fil-familji miksura. Hi organizzat laqgħat għall-ommijiet fid-dar tagħha biex tgħinhom fil-formazzjoni Nisranija tagħhom. Hi ressqet lura lejn it-triq tal-virtù lin-nisa li kienu ħarġu ‘l barra minnha, u wissiet b’mod prudenti lill-midinbin. Madankollu, il-ħidma li fuqha ffokat l-attenzjoni u l-enerġija tagħha kienet dik ta’ istruzzjonijiet liż-żgħażagħ f’dak li kellu x’jaqsam mal-ħajja tal-fidi. Għall-fini tagħhom hi fetħet fid-dar tagħha skola tar-rakkmu b’xejn li għaliha kien hemm attendenza numeruża. Il-kamra fejn kienu jaħdmu, saret il-post ta’ laqgħat fraterni u ċentru ta’ talb, fejn Alla ġie mfaħħar u fejn ġiet spjegata u żviluppata l-Iskrittura Mqaddsa u l-veritajiet eterni.

Bħala omm kollha mħabba, din il-qaddejja ta’ Alla ħadet ħsieb lis-segwaċi tagħha u ħejjithom għall-ħajja. Hija kienet mudell ta’ mħabba ferventi għal Alla. Kienet fanal li minnu ħareġ dawl u sħana, u eżempju li jleqq b’diversi modi ta’ fidi ħajja u kuntaġġuża, ta’ mħabba li ma titkabbarx, u ta’ sottomissjoni ferrieħa għar-rieda ta’ Alla u tas-superjuri tagħha. Ġużeppa hi mfakkra għall-kura bla limiti tagħha għas-salvazzjoni tal-erwieħ. Hi spikkat għall-prudenza partikolari tagħha, u għall-umiltà, il-faqar, is-silenzju u l-paċenzja li hija dejjem ipprattikat, minkejja numru ta’ ostakli u diffikultajiet. Il-fervur li hija kkultivat fil-ħajja ta’ ġewwa tat-talb u l-meditazzjoni, u l-paċenzja tagħha waqt il-provi, kienu magħrufa sew, kif kienet ukoll l-imħabba tagħha lejn l-Ewkaristija u lejn il-Verġni Marija u l-qaddisin. B’dan il-mod, il-qaddejja ta’ Alla għenet biex tinbena l-komunità parrokkjali tagħha.”

Skont l-eżempju mill-isbaħ ta’ din il-beata tal-lum, nitgħallmu li fir-rigward tal-parroċċi tagħna, għandna nagħmlu l-għażla li ma nkunux kuntenti nduru magħna nfusna, mehdijin bina nfusna, nieħdu gost għax tagħna f’tagħna; imma għandna noħorġu nwasslu l-Aħbar it-Tajba. Noħorġu niltaqgħu man-nies fejn qegħdin, noħorġu nfittxu lil min tbiegħed mill-Knisja, min b’xi mod inqata’ minn mal-komunità, min m’għadux jemmen; kif ukoll min qed ibati waħdu u forsi t-tbatija tiegħu ħadd ma jaf biha. Dawn ukoll għandhom ikunu għeżież ħafna għalina.

Hekk għamel Ġesù meta ltaqa’ ma’ Mattew – ma ltaqax miegħu fit-tempju, imma fuq il-mejda tat-taxxi. Hekk għallem Ġesù meta kien hemm min skandalizza ruħu għax kien jiekol mal-pubblikani u mal-midinbin. Qalilhom: “It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma b’saħħithom, iżda l-morda … mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin.” Nitolbu lill-Mulej biex ikollna dejjem mhux biss qalb miftuħa għal kulħadd, imma ħeġġa biex inwasslu l-imħabba ta’ Alla wkoll fejn bniedem ikun qata’ qalbu minnha.

  • U jien, qed nilqa’ l-isfidi li titlob minni l-missjoni li nxandar lil Kristu fil-komunità  fejn ngħix?
  • Qed nipprova nagħti servizz kif nista’ lill-komunità parrokkjali tiegħi?
  • Nuri rispett u sottomissjoni lejn is-saċerdoti li b’xi mod Alla ried jagħtini f’ħajti?
  • Nipprova nressaq lura lejn Alla lin-nies li tbiegħedu minnu?
  • Kemm ngħożż u nitlob għall-parroċċa u għall-parruċċani tiegħi b’impenn u b’fervur?

Talba: O Alla, permezz tal-ħmira l-ġdida tal-Vanġelju, inti ssejjaħ irġiel u nisa u tagħtihom is-setgħa li jservuk fedelment fil-ħajja sekulari. Agħtina li jistgħu fedelment jimitaw l-eżempju tal-Beata Ġużeppa Naval Girbes, u, bl-interċessjoni tagħha, naħdmu bla heda bħala Nsara veri biex nibnu s-saltna tiegħek billi naqdu sewwa d-doveri tagħna fid-dinja. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://www.carmelite.com/saints/default.cfm?loadref=114

Alternative Reading: http://ocds-carmelite.blogspot.com/2008/11/bl-josepha-naval-girbes-virgin.html?m=0

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Josefa_Naval_Girb%C3%A9s

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Parti mill-Ħsieb huwa meħud minn omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi (21 ta’ Settembru 2018)

6 ta’ Ottubru: San Bruno

Verżjoni Vidjo: San Bruno

Dawk biss li esperjenzaw is-solitudni u s-silenzju jafu l-benefiċċju u l-ferħ divin li jġibu lil dawk li jħobbuhom.” – San Bruno

saint-bruno-philippe-de-champaigneSAN BRUNO
Fundatur tal-Kartużjani
ċ1030 – 1101

Tagħrif: Twieled f’Kolonja, fil-Ġermanja. Meta kien għadu żgħir mar jistudja fl-iskola tal-Katidral ta’ Reims, waħda mill-aħjar fl-Ewropa. Għamel passi kbar fl-istudji klassiċi u sagri.

Lura Kolonja tawh kanonikat u sar saċerdot. Fl-1056, mar lura Reims bħala professur u s-sena ta’ wara, meta l-magħruf Herimanus, rettur tal-iskola, irtira u sar reliġjuż, Ġervasju, isqof ta’ Reims, ħatru rettur. Għal kważi għoxrin sena (1057-1075) żamm għoli l-isem tal-iskola, li kienet saret hekk magħrufa taħt Gerbert u Heriman, predeċessuri tiegħu.

Imbagħad Bruno, flimkien ma’ sitta oħra, ħalla warajh kulma kellu u nġabar fis-solitudni. Għall-ewwel marru taħt it-treġija ta’ San Robertu, abbati ta’ Molesmes; iżda fl-aħħar qatgħuha li jmorru jitolbu l-parir ta’ Sant’Ugo, isqof ta’ Grenoble. L-isqof ħadhom f’post deżert, imsejjaħ Chartreuse, fuq l-Alpi tad-Delfinat, xi erba’ mili ’l bogħod minn Grenoble, f’nofs preċipizzji u muntanji.

San Bruno, ma’ sitta minn sħabu, bnew monasteru (1084), fejn għexu fis-solitudni u l-faqar, jitolbu, jistudjaw, jaħdmu, jikkupjaw opri prezzjużi, u josservaw fejn jistgħu r-regola ta’ San Benedittu. Infatti San Bruno ma kellu l-ebda ħsieb jistitwixxi ordni ġdid. Dan twettaq meta l-Providenza sejħitlu barra mid-Delfinat sitt snin wara. Il-Papa Urbanu II, dixxiplu tiegħu, sejjaħlu Ruma (1098) biex jgħinu bil-pariri tiegħu fit-tmexxija tal-Knisja.

Il-qaddis talab li jerġa’ lura biex jgħix fis-solitudni. Sa fl-aħħar il-Papa semgħu, iżda bil-patt li ma jirritornax Chartreuse. Il-Konti Ruġġieru tah il-wied ta’ La Torre, fid-djoċesi ta’ Skwillace, fejn mar jgħammar ma’ xi dixxipli li kien ġabar miegħu Ruma. Bit-twaqqif tat-tieni Certosa (S. Stiefnu) fil-Kalabrija (1095), u bil-ġenerożità tal-Konti Ruġġieru, il-ħajja Kartużjana ħarġet mill-muntanji tad-Delfinat.

F’Settembru tal-1101 ħass li s-siegħa tiegħu kienet waslet. Qabel ma miet ġabar ’l uliedu madwaru u għamel quddiemhom professjoni tal-Fidi Kattolika fuq il-misteri tat-Trinità u tal-Ewkaristija li kienu attakkati dik il-ħabta minn Roxxellinu (tri-teiżmu) u minn Berengarju. Miet fil-5 jew fis-6 ta’ Ottubru, 1101. Il-mewt tiegħu ġiet imħabbra fil-knejjes u l-monasteri prinċipali tal-Ewropa tal-Punent.

Ħsieb: San Bruno li tiegħu qegħdin niċċelebraw il-festa llum, kien il-fundatur tal-Kartużjani – ordni reliġjuża li għandha l-unur li qatt ma għaddiet minn perjodu ta’ riforma. Papa Piju XI qal dan dwar din l-Ordni:

“Il-Kartużjani tant żammew l-ispirtu tal-fundatur, missierhom u dak li tahom ir-Regola, li b’differenza minn Ordnijiet reliġjużi oħra, l-Ordni tagħhom qatt ma kellha bżonn xi emenda, jew, kif jgħidu, “riforma.” Fil-fatt qatt ma kienet meħtieġa, għax minkejja li hija kkunsidrata bħala l-Ordni reliġjuża l-aktar stretta fil-Knisja, baqgħet fidila lejn l-ideal ewlieni ta’ Bruno, ta’ talb u penitenza fis-silenzju u s-solitudni.”

Forsi wħud minnkom iltaqgħu mal-film: Into Great Silence (Film provdut aktar ‘l isfel f’din il-paġna) fejn filmatur segwa r-rutina ta’ monasteru tal-Kartużjani u ra l-ħajja tagħhom ta’ silenzju, talb, xogħol u penitenza. Ovvjament, ma kienx xi triller b’ritmu mgħaġġel u eċitanti, imma fl-istess ħin kien ta’ tribut għal dak li wieħed jiddefinixxi bħala l-veru eċċitament il-kbir għal kulħadd – li tkun taf li int maħbub minn Alla u li tagħti lilek innifsek totalment biex tħobb lil Alla.

F’Ottubru tas-sena 2011, il-Papa Benedittu XVI żar monasteru tal-Kartużjani fl-Italja u tkellem dwar il-ħtieġa tas-silenzju f’dinja mimlija ħsejjes. Dan ma jfissirx li inti msejjaħ/a li tkun patri jew soru tal-klawsura, iżda jfisser li int u jiena għandna bżonn insibu ħin kwiet kuljum għat-talb. Dan huwa dak li qal il-Papa:

“Il-progress tekniku, b’mod partikolari fil-qasam tat-trasport u tal-komunikazzjoni, għamel il-ħajja tal-bniedem aktar komda, iżda wkoll inqas kwieta u xi drabi anke b’żieda ta’ ansjetà. L-ibliet kważi dejjem storbjużi u l-ħsejjes fl-isfond, f’ċerti żoni, jibqa’ sejjer anke matul il-lejl.

Fl-aħħar deċennji, barra minn hekk, l-iżvilupp tal-midja inbidel u estenda fenomenu li diġà ġie spjegat fis-sittinijiet: dak li hu virtwali jirriskja li jirbaħ fuq dak li hu reali. In-nies qed isiru aktar immersi f’dimensjoni virtwali minħabba l-messaġġi awdjoviżivi li jakkumpanjaw il-ħajja tagħhom minn filgħodu sa filgħaxija.

Iż-żgħar tagħna, li diġà twieldu f’dawn il-kundizzjonijiet, jidhru li jixtiequ jimlew kull mument vojt bil-mużika u l-istampi, għax jibżgħu li jħossu vojt akbar jekk ma jagħmlux dan. Xi nies m’għadhomx kapaċi jibqgħu għal perjodi twal fis-silenzju u s-solitudni.

Meta l-bnedmin jirtiraw fis-silenzju u s-solitudni, ikunu qed “jesponu,” biex ngħidu hekk, lilhom infushom għar-realtà għarwiena tagħhom, għal dak “il-vojt” apparenti, sabiex minfloku jibdew jesperjenzaw sens ta’ milja fil-preżenza ta’ Alla – ir-Realtà l-aktar reali li teżisti u li tinsab lil hinn mid-dimensjoni tanġibbli.”

  • U int qed tagħmel ħiltek biex telimina dak l-istorbju żejjed li hemm f’ħajtek biex fis-skiet tidħol fil-preżenza t’Alla u quddiemu tagħraf x’jeħtieġ li tagħmel biex ħajtek tinbidel għall-aħjar?
  • Qed toħloq spazju u ħin ta’ kwalità tajjeb għat-talb, u talb fis-silenzju, biex tkun tista’ tħalli lil Alla jkellmek, forsi b’xi passaġġ mill-Iskrittura?

Talba: Missier, Int sejjaħt lil San Bruno biex iservik fil-solitudni. Bi tweġiba għat-talb tiegħu għalina, għinna nibqgħu fidili lejk f’nofs il-bidliet storbjużi ta’ din id-dinja. Nitolbuk dan bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2011/12/saint-bruno.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-bruno/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Bruno_of_Cologne

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.