23 ta’ Mejju: Santa Ġovanna Antida Thouret

Verżjoni Vidjo: Santa Ġovanna Antida Thouret

“Alla huwa kullimkien, il-foqra huma kullimkien. Dan huwa biżżejjed għalina.” – Santa Ġovanna Antida Thouret

image062SANTA ĠOVANNA ANTIDA THOURET
Reliġjuża
1765 – 1826

Tagħrif: Dil-qaddisa twieldet qrib Besancon, fi Franza, minn familja ta’ bdiewa. Wara l-mewt ta’ ommha kellha tieħu ħsieb seba’ ħutha iżgħar minnha. Ta’ 22 sena daħlet mas-Sorijiet tal-Karità ta’ San Vinċenz de Paul f’Pariġi.

Meta r-Rivoluzzjoni Franċiża xoljiet u xerrdet ir-reliġjużi kollha, fosthom is-Sorijiet tal-Karità, Antida reġgħet sabet ruħha Besancon weħedha, bla ħadd minn sħabha u bla gwida.

Imma l-foqra u l-morda ssibhom dejjem u kullimkien. Il-voti tagħha ma setgħux jiġu kkanċellati mir-rivoluzzjoni u l-qaddisa baqgħet soru bil-moħbi. Kienet tikkura l-morda u tmexxi t-talb f’postijiet moħbija, u kienet ukoll tissogra ħajjitha tgħin lis-saċerdoti fil-ħabs. Imħallta fil-folla, kienet takkompanja sal-giljottina l-ikkundannati għall-mewt, u ssegwihom b’ħarsitha sal-aħħar mument biex tagħmlilhom kuraġġ.

Aktar tard il-vigarju tad-djoċesi ried iwaqqaf Istitut ġdid ta’ sorijiet fuq il-mudell ta’ San Vinċenz de Paul f’Besancon. Ġovanna meddet idejha għal din il-ħidma fil-11 ta’ April, 1797 billi waqqfet is-Sorijiet tal-Karità biex tifforma għalliema, infermieri u katekisti. Għall-ewwel kien hemm ħafna kontra tagħhom (osteġġjati), imbagħad bdew jiġu ttollerati, u fl-aħħar meta tela’ fil-poter Napuljun Bonaparte, is-sorijiet kienu msejħin biex jaħdmu fl-isptarijiet u fl-iskejjel.

Billi l-klima nbidlet, l-istitut żviluppa u fl-1810, il-Marixxal Ġwakkin Murat talab lis-sorijiet biex imorru fir-renju ta’ Napli. Ġovanna Antida marret hemm ma’ tmien sorijiet oħra, waqqfet il-monasteru ta’ Regina Coeli u minn hemm bdiet biex twaqqfu disat idjar oħra.

F’daqqa waħda faqqgħet kriżi fuq il-fondazzjoni min-naħa tal-isqof ta’ Besancon, u fl-1821 marret f’dik il-belt bit-tama li żżomm il-kongregazzjoni magħquda, imma l-isqof ma laqagħhiex, anzi rrifjuta li hija tidħol fl-istitut tagħha stess.

F’dawn iċ-ċirkustanzi dolorużi, Ġovanna Antida Thouret tat lezzjoni mill-aqwa u eżempju kollu dawl għal kulħadd: tbus fis-silenzju l-bieb li kien żbarrat għaliha, u titlaq minn hemm. Taċċetta kollox biex tibqa’ fidila għall-Knisja.

Santa Ġovanna Antida Thouret mietet f’Napli, ħames snin wara din il-ġrajja doloruża, meta kellha ftit inqas minn 61 sena. Kien l-24 ta’ Awwissu, 1826 u difnuha fil-knisja tar-Regina Coeli. Ġiet iddikjarata qaddisa mill-Papa Piju XI fl-1934 wara fejqan mirakoluż li kien seħħ f’Malta ftit snin qabel.

Ħsieb: Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna fl-Omelija tiegħu fid-Dar tal-Providenza nhar l-1 ta’ Jannar, 2018 qal li “50 sena ilu, is-Sorijiet tal-Karità bdew din l-avventura ta’ mħabba propju biex jgħixu l-kariżma tagħhom li jkunu s-sorijiet tal-karità, is-sorijiet li jwasslu l-imħabba ta’ Ġesù, l-imħabba ta’ Alla f’tant ambjenti differenti, kif għadhom jagħmlu sal-lum.”

Is-Sorijiet tal-Karità jew aħjar is-sorijiet ta’ Santa Ġovanna Antida Thouret ġew f’Malta fl-1868, u minnufih il-Gvern fdalhom f’idejhom l-orfanatrofji tiegħu, li dak iż-żmien kienu l-Belt Valletta. Biż-żmien il-Gvern fdalhom tliet skejjel żgħar, il-Baħrija, l-Imtaħleb u Birżebbuġa. Is-sorijiet bdew jieħdu ħsieb ukoll il-Konservatorju Vincenzo Bugeja f’Santa Venera u l-Konservatorju tal-Isqof fir-Rabat Għawdex. Fetħu wkoll skejjel f’Ħal Tarxien, San Ġiljan u l-Gudja. L-akbar ħidma tagħhom kienet fl-isptarijiet fejn fetħu skola għall-infermiera.

Fl-1965, meta Dun Mikiel Azzopardi beda l-ħidma biex jibni fis-Siġġiewi l-ewwel dar f’Malta għall-persuni b’diżabilità ħass li ma setax imexxi din id-Dar mingħajr l-esperjenza ta’ xi kongregazzjoni reliġjuża. Wara diversi tentattivi biex ikollu l-għajnuna li kien jeħtieġ, irrikorra għas-Sorijiet ta’ Karità li issa kienu stabbilew sew fil-ħidma karittatevoli tagħhom f’Malta. Fl-1967, Dun Mikiel kiteb lill-Madre Ġenerali f’Ruma Swor Maria Candida Torchino, jitlobha li tagħti l-barka tagħha lill-Provinċja Maltija biex tiftaħ komunità tal-Kongregazzjoni tagħha fid-Dar tal-Providenza. Il-Madre Ġenerali aċċettat din it-talba u tat il-kunsens tagħha lill-Provinċjali ta’ Malta, Swor Angela Maria Corbella.

Fil-bidu tas-sena 1968, il-bini tal-ewwel dar li Dun Mikiel semma Villa Monsinjur Gonzi bħala rikonoxximent lill-Arċisqof ta’ dak iż-żmien Sir Mikiel Gonzi li kien ta donazzjoni sostanzjali għal din l-opra kienet għoddha lesta biex tilqa’ l-ewwel residenti. Fit-12 ta’ Jannar 1968, xahar qabel daħlu l-ewwel residenti f’Villa Mons. Gonzi, il-Madre Provinċjali bagħtet komunità żgħira ta’ sorijiet li bdew jgħixu u jippreparaw għal din il-ħidma ġdida fid-Dar tal-Providenza. L-ewwel superjura ta’ din il-komunità kienet Swor Maria Assunta Mallia. Magħha kien hemm Swor Alexandra Delazzaio u Swor Agostina Cutajar. Bħala kunvent is-sorijiet ingħataw binja li sal-1962 kienet tintuża mill-fizzjali Ingliżi billi l-post fejn Dun Mikiel beda jibni Villa Monsinjur Gonzi kien Rest Camp tan-Navy Ingliża.

Nhar il-Ħadd 11 ta’ Frar, 1968, il-festa ta’ l-ewwel dehra tal-Madonna liċ-ċkejkna Bernardette ġewwa l-grotta ta’ Massabielle ġewwa Lourdes, Dun Mikiel u s-sorijiet laqgħu l-ewwel tlett residenti f’Villa Monsinjur Gonzi. Fl-24 ta’ Frar ta’ dik is-sena mbagħad, ġie iffirmat ftehim uffiċċjali bl-approvazzjoni tal-Arċisqof bejn l-Azzjoni Kattolika u l-Kongregazzjoni tas-Sorijiet ta’ Santa Ġovanna Antida Thouret biex il-Provinċja Maltija tagħti s-servizzi tagħha lid-Dar. Minn dak iż-żmien sal-lum, din il-komunità baqgħet tissapportja lir-residenti b’dedikazzjoni u imħabba kbira. 42 soru taw is-servizz tagħhom lir-residenti tul il-ħamsin sena tal-ħidma tagħhom f’din id-Dar. Tul dan iż-żmien is-superjuri ta’ din il-komunità kienu Swor Maria Assunta Mallia, Swor Annunziata Cortis, Swor Cecilia Frendo, Swor Maria Ersilia Mifsud, Swor Madalena Fava, Swor Maria Antida Mifsud, Swor Lorenza Borg.

Fl-2003, is-sorijiet tewmin Swor Madalena Fava u Swor Fortunata Fava li servew lid-Dar bejn l-1982 sal-1994 ingħataw il-Premju Dun Mikiel Azzopardi bħala rikonoxximent għall-ħidma tagħhom f’din id-Dar. Dan il-premju beda jingħata kull sena mill-1995 bħala rikonoxximent pubbliku lil dawk il-persuni li jkunu taw kontribut fil-qasam tal-persuni b’diżabiltà jew fid-Dar tal-Providenza. Fl-1 ta’ Diċembru, 2017 waqt Kunċert annwali mtella’ mill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann b’risq id-Dar tal-Providenza dan il-Premju ingħata wkoll lill-Kongregazzjoni tas-Sorijiet ta’ Santa Ġovanna Antida Thouret bħal rikonoxximent għall-50 sena ta’ ħidma fid-Dar tal-Providenza.

Nhar il-Ġimgħa 12 ta’ Jannar, 2018 Monsinjur Joe Galea Curmi Vigarju Ġenerali qaddes quddiesa ta’ ringrazzjament fid-Dar tal-Providenza fl-okkażjoni tal-50 anniversarju minn meta s-Sorijiet tal-Karità ta’ Santa Ġovanna Antida Thouret bdew il-ħidma tagħhom fid-Dar tal-Providenza, is-Siġġiewi, Malta.

Fl-omelija tiegħu Monsinjur Galea Curmi kkwota lill-Papa Franġisku li f’Evangelii gaudium, jgħid: “Jekk jirnexxieli ngħin imqar persuna waħda tgħix aħjar, dan hu diġà biżżejjed biex jiġġustifika d-don ta’ ħajti.” Huwa rringrazzja lis-Sorijiet tal-Karità li 50 sena ilu aċċettaw l-istedina ta’ Monsinjur Mikiel Azzopardi u għarfu s-servizz fid-Dar tal-Providenza bħala mod mill-isbaħ kif jgħixu l-vokazzjoni tagħhom fuq l-eżempju tal-fundatriċi tagħhom Santa Ġovanna Antida Thouret. Huwa rringrazzja wkoll lit-42 soru li taw is-servizz tagħhom hawn tul dawn il-ħamsin sena u qal li “kull soru hi ġrajja għaliha, ġrajja ta’ ġenerożità, u ta’ dan nuru gratitudni kbira.”

Għal din l-okkażjoni kienet preżenti l-Provinċjali tas-Sorijiet tal-Karità għal Malta u l-Italja Swor Mary Stephanos li ġiet tirrapreżenta s-Superjura Ġeneral Swor Nunzia De Gori. Fid-diskors tagħha hija fost oħrajn qalet li tista’ biss timmaġina kemm għas-sorijiet fil-bidu din il-missjoni dehret diffiċli għalihom, imma Santa Ġovanna Antida kienet tgħidilhom: “Alla huwa kullimkien, il-foqra huma kullimkien. Dan huwa biżżejjed għalina.” Il-kliem ta’ Santa Ġovanna Antida qawwielhom qalbhom u saħħaħhom fl-għan tagħhom li jkomplu jservu lil Alla fil-persuna ta’ dawk li huma fil-bżonn bl-istess spirtu u imħabba li San Vinċenz De Paule u Santa Ġovanna Antida wrew matul ħajjithom kollha. Illum qegħdin hawn biex fuq kollox infakkru l-fedeltà u l-ħniena li Alla wera magħhom u ma’ kull min daħal f’dan il-post sagru fejn raw biss imħabba u dedikazzjoni bla qies. Hija biss l-imħabba infinita tiegħu li tagħtina l-kapaċità li ningħataw kompletament għall-oħrajn u nuruhom id-dinjità u r-rispett, li kull persuna maħluqa xbieha t’Alla jistħoqqilha.

Fr Martin Direttur tad-Dar tal-Providenza qal li żgur li r-residenti tad-Dar tal-Providenza u jistgħu jgħidu lis-Sorijiet tal-Karità l-kliem sabiħ li bih San Luqa fl-Atti tal-Appostli ddeskriva l-akkoljenza tal-Maltin wara n-nawfraġju tagħhom f’Malta: “Ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa li ma bħalha.” (Atti 28:2). F’isem ir-residenti huwa rringrazzja lis-sorijiet għad-dedikazzjoni tagħhom f’għotja sħiħa u disinteressata jiġifieri bla ebda interessi, biex il-persuni b’diżabilità li jgħixu fid-Dar isibu ambjent li jirrispetta d-dinjità u d-drittijiet tagħhom.

Agħfas hawn għal aktar informazzjoni dwar is-Sorijiet tal-Karità f’Malta.

Talba: Mulej, fuq l-eżempju tal-Fundatriċi tagħhom Santa Ġovanna Antida li kellha fiduċja għamja Fik, is-sorijiet tagħha daħlu b’ruħhom u ġisimhom għall-qadi tal-proxxmu fil-bżonn, konvinti li Inti, li sejaħtilhom, ma kont ser tabbandunahom qatt. Agħtina li aħna wkoll ma naqtgħux qalbna aħna u nagħmlu mill-aħjar biex inservuk f’ħutna l-bnedmin. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.stjeanneantidecollege.com/our-patron/

Alternative Reading: http://www.suoredellacarita.org/index.php?option=com_content&view=article&id=103&Itemid=140&lang=en

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Jeanne-Antide_Thouret

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Il-Ħsieb hu meħud mis-sit tad-Dar tal-Providenza.

15 ta’ Marzu: Santa Lwiża de Marillac

Verżjoni Vidjo: Santa Lwiża de Marillac

“Ħudu ħsieb aqduhom lill-fqar. Ħobbuhom lill-fqar; weġġhuhom, uliedi, kif kontu tweġġhu lil Kristu nnifsu.” – Santa Lwiża de Marillac

Luisa-marillacSANTA LWIŻA DE MARILLAC
1591 – 1660

Tagħrif: Twieldet fi Franza nhar Santa Marija tal-1591, minn familja magħrufa ħafna f’Pariġi. Ommha mititilha meta kienet għadha żgħira u rabbitha zija li kienet reliġjuża f’Poissy. Ta’ 16-il sena ħasset sejħa qawwija biex tidħol soru Kapuċċina, imma l-konfessur ma kienx tal-idea.

Fl-1613, iżżewġet lil Antoine Le Gras li kien segretarju tal-familji de’ Medici u minnu kellha iben. Bil-kunsens ta’ żewġha, hi kienet tgħaddi l-ħin liberu tagħha f’ħidma ta’ karità fost il-fqar ta’ Pariġi.

Fl-1619, iltaqgħet ma’ San Franġisk de Sales u San Vinċenz de Paule. Meta miet żewġha, fl-1625, u ħallieha b’tifel li nikkitha ħafna, il-qaddisa poġġiet lilha nnifisha totalment taħt id-direzzjoni ta’ San Vinċenz de Paule, u ddedikat l-enerġija kollha tagħha biex tieħu ħsieb id-diversi konfraternitajiet tal-karità mwaqqfin mill-qaddis, bħala għajnuna għall-foqra ta’ Pariġi. Hi bdiet ukoll torganizza korsijiet regulari għat-tfajliet żgħażagħ tal-kampanja fil-kura personali tal-fqar morda. Dan jista’ jitqies bħala l-bidu tas-Sorijiet tal-Karità.

Ix-xogħol dedikat tagħhom ħalla frott abbundanti kif jidhru mill-fatt li fl-ewwel sena biss tal-ħidma tagħhom kellhom 760 konverżjoni minn fost il-Luterani u l-Kalvanisti.

Is-sorijiet bdew jieħdu ħsieb it-tagħlim reliġjuż u sekulari tat-tfal foqra, bdew djar għall-anzjani, il-morda u n-nies b’diżabbiltajiet, fiżiċi u mentali.

Fuq talba tar-reġina ta’ hemm, li qabel kienet Dama tal-Karità, xi sorijiet marru l-Polonja u hemm ħadu ħsieb itaffu t-tbatijiet tas-suldati feruti, u bdew jissejħu “l-anġli tal-kamp tal-battalja.”

Qabel ma mietu San Vinċenz de Paule u Santa Lwiża de Marillac, kien hemm diġà 40 dar fi Franza. Illum ilaħħqu aktar minn 4,000 dar u xi 40,000 soru mxerrdin mad-dinja kollha.

Santa Lwiża de Marillac mietet fil-15 ta’ Marzu tal-1660, ta’ 69 sena. Fuq is-sodda tal-mewt qalet lis-sorijiet tagħha: “Ħudu ħsieb aqduhom lill-fqar. Ħobbuhom lill-fqar; weġġhuhom, uliedi, kif kontu tweġġhu lil Kristu nnifsu.

Santa Lwiża de Marrillac iddikjaraha qaddisa Piju XI, fl-1934.

Ħsieb: Meta Santa Lwiża de Marillac bdiet torganizza korsijiet regulari għat-tfajliet, fil-kura personali tal-fqar morda, dan jista’ jitqies bħala l-bidu tas-Sorijiet tal-Karità. Il-ħidma tas-sorijiet kienet meħtieġa ħafna fil-kerrejja u l-isptarijiet, imma f’dak iż-żmien kienet ħaġa li qatt ma nstemgħet li s-sorijiet ma jkunux magħluqin fil-klawsura.

San Vinċenz de Paule ried li:

  • l-klawsura tagħhom tkun il-biża’ ta’ Alla,
  • il-velu tagħhom il-modestja,
  • il-kappella tagħhom il-knisja parrokjali,
  • kamra mikrija ċ-ċella tagħhom, u
  • l-opri ta’ karità l-uffiċċju divin tagħhom.

Bħala libsa, is-sorijiet addottaw libsa kaħla/griża u b’kappell wiesa’ tal-għażel abjad.

Illum, din l-ordni, qed tkompli tgħin lill-morda u l-anzjani u tipprovdi kenn għall-orfni. Ħafna mill-membri tagħha huma ħaddiema soċjali li jaħdmu taħt il-patroċinju ta’ Santa Lwiża de Marillac. Mill-bqija, aħna lkoll għandna nkunu konċernati dwar il-bżonnijiet ta’ dawk l-aktar żvantaġġati. Imma kemm qed nagħtu kas tan-nies foqra, b’nuqqas ta’ saħħa, nies b’diżabbiltà, fiżika kif ukoll mentali? Kemm qed nirsistu biex dawn jgħixu bid-dinjità li tixraq lil kull bniedem?

Fl-Omelija tal-Arċisqof Mons. Charles J. Scicluna fid-Dar tal-Providenza (1 ta’ Marzu, 2015) is-Siġġiewi, jgħid hekk:

“Id-diżabbilità tista’ taraha bħala limitu, tista’ taraha wkoll bħala xi ħaġa li ma jistax ikollha s-sbuħija tagħha, xi ħaġa li tbegħdek, xi ħaġa li tinkwetak. F’din id-Dar, bl-ispirazzjoni tal-fundatur Dun Mikiel Azzopardi, bil-ġenerożità ta’ ġenerazzjonijiet ta’ Maltin u Għawdxin, id-diżabbilità ġiet trasfigurata u mibdula. Hawnhekk id-diżabbilità ma naħbuhiex, imma bil-karità, bl-għajnuna, bil-paċenzja, bl-imħabba, sitwazzjonjiet diffiċli jiġu trasfigurati u mibdula. Dawn jiġu mibdula b’xhieda tad-dinjità tal-bniedem li ma tistrieħx fuq l-intelliġenza tiegħu jew il-kapaċità li juża s-sensi kollha tiegħu, u lanqas ma tiċċaħħad minħabba l-limiti tiegħu. Id-dinjità tal-bniedem hija don ta’ Alla li ħalaqna lkoll uliedu.

Din id-Dar hija dar il-wens, dar il-kenn. Bl-isforzi ta’ tant Maltin u Għawdxin, din id-Dar hija trasfigurata, hija mibdula kuljum f’art San Pawl, b’att ta’ karità. Meta nkunu f’din id-Dar, nixtiequ nagħrfu li deħlin fid-dar fejn dak li hu mistkerrah għad-dinja, jiġi ttrasfigurat f’innu ta’ mħabba u ta’ karità.”

Ejjew ma nieqfux inkunu ta’ providenza lejn dawk l-aktar fil-bżonn ta’ aktar dinjità u mħabba. Jekk ma nistgħux inkunu hemm għalihom fiżikament, f’għajnuna konkreta u viżibbli, almenu ngħinhom bi flusna. Dawn id-djar jeħtieġu eluf ta’ flus biex jitmexxew u jaqdu d-doveri tagħhom lejn ir-residenti. Ejjew nibqgħu nkunu ġens karitattiv, ulied veri ta’ San Pawl li bil-fidi li għaddielna, wrienha kif insibu lil Kristu f’kull bniedem u naqduh minn qalbna u mill-aħjar li nistgħu.

Talba: Għażiż Mulej, Santa Lwiża de Marillac għarfet lilek fil-batut, qdietek b’fedeltà u kienet ta’ eżempju għal tant u tant persuni li għadhom sal-lum jimxu fuq il-passi tagħha. Għallimna nagħrfuk f’kull persuna li int tlaqqgħana magħha, ħalli aħna wkoll naqduk u nħobbuk kif jixraqlek tul ħajjitna kollha. Bi Kristu Sidna. Ammen.  

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/way-of-life-wife-mother-widow-foundress.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-louise-de-marillac/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Louise_de_Marillac

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started