21 ta’ Ġunju: San Alwiġi Gonzaga

Verżjoni Vidjo: San Alwiġi Gonzaga

“Mulej, lili inti żżommni, għax jien bla ħtija, u tqegħedni għal dejjem quddiemek. Aħjar noqgħod fuq l-għatba ta’ dar Alla tiegħi milli ngħammar fit-tined tal-ħżiena.” – Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Alwiġi Gonzaga (Salm 40(41):13; 83(84):11bċ).

23450FSAN ALWIĠI GONZAGA
Reliġjuż
1568 – 1591

Tagħrif: San Alwiġi twieled fil-kastell ta’ Castiglione qrib Mantova fil-Lombardija, l-Italja, fid-9 ta’ Marzu, 1568.

Missieru kien il-Markiż ta’ Castiglione qrib Mantova fil-Lombardija, l-Italja.

Darba waħda San Alwiġi, meta kien għadu daqsxejn ta’ tifel sema’ xi kliem ħażin, u innoċentament irrepetih id-dar. Meta ġie mċanfar mill-għalliem tiegħu, mill-ewwel iddispjaċih, u baqa’ jiddispjaċih għomru kollu. Minn dakinhar baqa’ jħoss abborriment kbir għall-kliem ħażin.

Fl-1577, Alwiġi u ħuh Ridolfo marru Firenze biex jitgħallmu l-Latin u t-Taljan. Wara sentejn marru Mantova għand id-Duka Gonzaga. Għal xi żmien Alwiġi kien marad bil-kliewi li baqgħu jinkwetawh sal-mewt. Ta’ tnax-il sena mar Brescia fejn kien iqerr għand San Karlu Borromeo, u għamel l-Ewwel Tqarbina.

Fl-1581, missieru kellu jmur jikkumpanja lill-Imperatriċi Marija tal-Awstrija fi Spanja, u ħa miegħu l-familja. Alwiġi u ħuh saru paġġi fil-Qorti tal-Prinċep Don Diego u sadanittant komplew l-istudji tagħhom. F’dan iż-żmien Alwiġi kien qara ktieb fuq il-Missjunarji Ġiżwiti fl-Indja, u tnisslet fih ix-xewqa li jsir Ġiżwita.

Fl-1584, il-familja Gona marret lura l-Italja, u fit-2 ta’ Novembru 1585, wara li ċaħad għall-jedd ereditarju tiegħu ta’ prinċep u ħallieh lil ħuh, daħal mal-Ġiżwiti f’Ruma. Dawn bagħtuh jistudja f’Milan fejn fil-25 ta’ Novembru beda n-Novizzjat. Sentejn wara ntrabat bil-voti u dlonk wara beda l-kors tat-Teoloġija.

Meta fl-1591, faqqgħet l-epidemija tal-pesta, il-Ġiżwiti fetħu sptar għall-morda, u mill-Ġeneral l-isfel, fosthom San Alwiġi, bdew iduru bil-morda. Bosta minnhom waqgħu vittmi tal-marda u mietu. Anke San Alwiġi ttieħed u kellu jintefa’ fis-sodda. Għaddew tliet xhur, meta fil-21 ta’ Ġunju, 1591, wara li San Roberto Bellarmino li kien il-konfessur tiegħu qarbnu u amministralu l-Aħħar Sagramenti, miet fl-età ta’ 23 sena.

Il-Papa Benedittu XIII ikkanonizzah fl-1726. Ir-relikwi tiegħu jinsabu fil-knisja ta’ San Injazju, f’Ruma.

Ħsieb: Ta’ età żgħira, San Alwiġi Gonzaga għamel vot ta’ kastità perpetwa quddiem ix-xbieha tal-Lunzjata. Kien determinat li jirbaħ il-karattru furjuż tiegħu u d-drawwa li jikkritika lill-oħrajn. Qabel ma’ daħal mal-Ġiżwiti, Alwiġi kien diġà żviluppa l-ħajja tiegħu ta’ talb u ta’ għaqda kontinwa ma’ Alla u kien qala’ l-grazzja li jagħmel siegħa meditazzjoni kuljum bla distrazzjoni ta’ xejn. Il-virtù li għaliha issa kien sar magħruf kienet l-ubbidjenza lejn is-superjuri tiegħu u dil-konformità mar-rieda ta’ Alla ġiebet f’ruħu paċi kbira li kienet dejjem tidher minn barra. Ta’ 22 sena kien mgħarraf li t-tmiem ta’ ħajtu ma kienx wisq il-bogħod. Dan imlieh bil-ferħ. Wara tliet xhur ta’ sofferenzi kbar li huwa ġarrab b’sabar kbir, huwa miet meta kellu ftit aktar minn 23 sena u huwa l-qaddis protettur taż-żgħażagħ insara.

Dan li ġej huwa qari minn Ittra ta’ San Alwiġi Gonzaga lil ommu ftit qabel ma miet:

“Sinjura, jiena dejjem nitlob biex qatt ma tonqsok il-grazzja u l-faraġ tal-Ispirtu s-Santu. Meta waslitli l-ittra tiegħek kont għadni f’din l-art tal-mejtin, għalkemm jaqbel li xi kultant nixtiequ li nkunu fis-sema fejn infaħħru ‘l Alla għal dejjem fl-art tal-ħajjin. Jien dan l-aħħar kont nittama li ntemm qabel dan iż-żmien il-vjaġġ tiegħi għas-sema. Jekk, kif jgħid San Pawl, l-imħabba hi li tibki ma’ min jibki u tifraħ ma’ min jifraħ, int, o ommi għażiża, għandu jkollok ferħ li ma bħalu għaliex Alla, fl-imħabba tiegħu għalik u fit-tjieba tiegħu miegħek, lili se jagħtini l-ferħ tassew u se jiżgurani li qatt ma jien se nitilfu.

Sinjura, nistqarrlek li meta naħseb fuq il-kobor tat-tjieba ta’ Alla, li qisha baħar bla qiegħ u bla xtut, moħħi jintilef f’kobor bħal dan; moħħi jintilef u ma jasalx biex jifhem kif Alla lili, għal ftit taħbit żgħir, se jagħtini l-mistrieħ ta’ dejjem, mis-sema qiegħed isejjaħli għal dik l-hena bla qjies li ma ħabriktx għaliha, qiegħed iwegħedni premju għal dmugħ li bilkemm xerridt.

Sinjura, aħsibha sewwa biex ma tistmax qisha xi ħaġa żgħira din it-tjieba bla qjies ta’ Alla; dan inti tkun tagħmlu jekk tibki bħala mejjet lil dak li jkun jgħix quddiem Alla, minn fejn bit-talb tiegħu jista’ jgħinek wisq aktar milli qatt jista’ f’din il-ħajja. Il-firda ma tkunx għal żmien twil; nerġgħu naraw ‘il xulxin fis-sema, u, ħaġa waħda flimkien għax ilkoll ksibna s-salvazzjoni, bil-qawwa kollha ta’ qalbna, infaħħru ‘l Alla, ngħannu l-ħniena tiegħu għal dejjem, u nithennew b’ferħ li ma jintemm qatt. Alla jeqred fina dak li fdalna biss biex iroddulna lura flimkien aktar żgur u ħieles minn kull tħassib, u jżejjinna bil-ġid kollu li dejjem xtaqna.

Dan kollu qiegħed ngħidulek, sinjura, għax għandi xewqa kbira li int u l-familja kollha tiegħi tqisu ‘l mewti bħala don mingħand Alla, ħalli inti tagħtini l-barka tiegħek ta’ omm jiena u sejjer naqsam għan-naħa l-oħra, fejn tinsab it-tama kollha tiegħi. Dan qiegħed nagħmlu aktar bil-qalb, għaliex ma baqagħlix mezz ieħor biex infissirlek aħjar ir-rispett u l-imħabba li għandi għalik bħala ommi.”

Ftit qabel mewtu, Alwiġi Gonzaga daħal f’estasi u għaraf li kellu jmut fl-ottava ta’ Corpus Christi. Huwa qal it-Te Deum b’radd il-ħajr. San Robertu Belarminu, il-konfessur tiegħu, jaħseb li matul it-23 sena ta’ ħajtu, Alwiġi qatt ma għamel dnub mejjet.

  • U int, bit-tip ta’ ħajja li qed tgħix, li kellu l-Mulej isejjaħlek għal għandu, tinsab ippreparat kif kien dan iż-żagħżugħ?

Talba: O Alla, li minnek ġej kull don tas-sema, int ridt li fil-ħajja ta’ San Alwiġi Gonzaga l-indiema tissieħeb ma’ safa tal-għaġeb, bil-merti u t-talb tiegħu, agħtina li jekk ma xbahniehx fis-safa, nixbhuh fl-indiema. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.ignatianspirituality.com/ignatian-voices/16th-and-17th-century-ignatian-voices/st-aloysius-gonzaga-sj

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-aloysius-gonzaga/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Aloysius_Gonzaga

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements

20 ta’ Marzu: Santa Marija Josefa Sancho de Guerra

Verżjoni Vidjo: Santa Marija Josefa Sancho de Guerra

“Temmnux, l-aħwa, li l-assistenza, tikkonsisti biss f’li tingħata mediċina u ikel lill-morda. Hemm tip ieħor ta’ assistenza … l-għajnuna tal-qalb li tempatixxi mal-persuna li ssofri”. ~ Santa Marija Josefa Sancho de Guerra

Maria-Josefa-Sancho-de-GuerraSANTA MARIJA JOSEFA SANCHO DE GUERRA
Reliġjuża
1842 – 1912

Tagħrif: Marija Josefa Sancho de Guerra, twieldet fis-7 ta’ Settembru, 1842, fil-belt ta’ Vitorja, fi Spanja, fir-reġjun Bask. Missierha kien Bernabe Sancho, u ommha Petra de Guerra, hija kienet l-ewwel wild tagħhom.

Ta’ 7 snin tilfet lil missierha u baqgħet tgħix ma’ ommha u ħutha, fejn ħadet formazzjoni reliġjuża tajba minn ommha li wasslitha biex tkun ippreparata tajjeb biex tagħmel l-ewwel tqarbina ta’ 10 snin.

Ta’ 15-il sena marret għal xi żmien tgħix ma’ xi qraba f’Madrid, biex tkompli l-edukazzjoni tagħha. Marija Josefa kienet devota ħafna tal-Ewkaristija u tal-Verġni Mqaddsa Marija. Kellha sensibbilità kbira għall-foqra, morda u dawk weħidhom.

Ta’ 18-il sena rritornat lura d-dar u bdiet ittarraf lil ommha bil-ħajra li kellha li tidħol reliġjuża. Ħadet diversi pariri iżda ma setgħetx tasal għal deċiżjoni ma’ liema ordni se tingħaqad. Meta kienet kważi ddeċidiet, fl-1860, mardet bit-tifu, u din ħaditha bħala l-id t’Alla għaliex kienet se tieħu għażla żbaljata.

Wara ftit żmien hija rnexxielha tidħol fl-istitut tas-Servi ta’ Marija. Bdiet tħoss li kienet imsejħa li twettaq iżjed xogħol minn dak li kienet qed tagħmel. Bil-pariri tal-konfessur tagħha San Soledad Torres Acosta, u l-Arċisqof Claret telqet mill-istitut tas-Servi ta’ Marija. Fir-Rebbiegħa tal-1871, meta kellha 29 sena, ġewwa Bilbao, waqqfet l-istitut tas-Servi ta’ Ġesù. Ingħaqdu magħhom tnejn oħra minn sħabha. Dan l-istitut ġdid ġie mwaqqaf bl-intenzjoni li jgħin lill-morda fl-isptarijiet u fi djarhom, l-anzjani, it-tfal u dawk bla dar.

Mietet fl-20 ta’ Marzu, 1912 wara marda qalila u snin twal ta’ tbatija kbira. Id-djar tagħha dakinhar kienu jġibu 43, u kellha iżjed minn 1000 soru. Indifnet ġewwa ċ-ċimiterju ta’ Bilbao, iżda fl-1926, billi l-fama tal-qdusija tagħha kibret ġiet trasferita għall-kappella tal-istitut. Ġiet ibbeatifikata fis-27 ta’ Settembru, 1992 mill-Qaddis Papa Ġwann Pawlu II u fl-1 ta’ Ottubru, 2000 l-istess Papa kkanonizzaha.

Ħsieb: Marija Josefa kienet l-ewwel superjura, u żammet din il-kariga għal 41 sena. Kienet tivvjaġġa minn komunità għal l-komunità, ħafna vjaġġi perikolużi u diffiċli, biex tkun tista’ tmexxi tajjeb id-djar tagħha, sakemm marda twila żammitha f’Bilbao. Minn dakinhar ’il quddiem kellha żżomm biss kuntatt permezz tal-korrispondenza. Dan ma fixkilhiex li tkun aġġornata b’kull ħaġa li kienet qed tiġri fid-djar tagħha.

Li nikkuraw u nieħdu ħsieb il-morda hija waħda mill-aqwa opri tal-ħniena li din il-qaddisa qdiet sew tul ħajjitha kollha u ħarġet lil ħafna oħrajn biex jagħmlu l-istess.

Dan li ġej huma xi siltiet mill-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna, fil-Kappella tal-Isptar Mater Dei, Tal-Qroqq (8 ta’ April, 2018), fil-festa tal-Ħniena Divina:

“Jeħtieġ naraw lill-Mulej f’xulxin, naraw ’l Mulej fil-pazjenti tagħna. Ejjew immiddu jdejna biex ngħinu lill-pazjent. Il-pazjenti li qegħdin hawnhekk għandhom pjagi fir-ruħ, fil-ġisem, fil-psike tagħhom. Il-Mulej qed isejħilna biex innewlu jdejna, l-id tal-faraġ, l-id tal-mediċina u tax-xjenza, tal-kura, anke dik palljattiva, meta dak li jkun ikollu bżonn dak it-tip ta’ intervent u mediċina. U hawnhekk fejn immissu l-pjagi ta’ Ġesù, hemm bżonn ukoll narawh fil-fidi u naraw ukoll l-irxoxt tiegħu.

F’dan il-post nirrealizzaw li l-ħajja ma jistax ikun tintemm b’dak li qed naraw hawnhekk. Ġo fina hemm istint qawwi li jipperswadina li ma jistax ikun li l-ħajja tispiċċa hawnhekk; li dan it-taħbit kollu u l-inkwiet għal dawn l-erbat ijiem. U dak li qal u wiegħed Ġesù jibda jagħmel ħafna u ħafna sens. Min hu dak li jegħleb lid-dinja jekk mhux min jemmen li Ġesù hu l-Iben ta’ Alla? L-ikbar rebħa tal-bniedem hija din: li jemmen u jafda f’Ġesù.

Illum nitolbu u ninvokaw il-ħniena tiegħu fuq kull persuna li għandha bżonn il-kura f’dan il-post, imma nitolbu ħafna wkoll għall-istaff, għall-istaff mediku, l-istaff anċillari ta’ dan l-isptar biex hawnhekk ikun dejjem ambjent ta’ fejqan, fejn il-ħarsa ta’ mħabba li nagħtu lil xulxin, anke jekk ma tfejjaqx il-ġisem, tagħti balzmu u faraġ lir-ruħ.

U din tkun tassew opra tal-ħniena. Ma nistgħux aħna ma nfakkrux l-opri tal-ħniena fil-jum tal-ħniena u li żżur lill-morda, li tikkurahom u tieħu ħsiebhom hija waħda mill-aqwa opri tal-ħniena. U għalhekk il-barka ta’ Alla tkun fuq dan il-post qaddis, imqaddes bit-tbatija, imma wkoll fuq kull min qed jagħti ħajtu b’mod professjonali biex dan il-post ikun tassew post ta’ fejqan”.

  • U int, iżżurhom lill-morda? Tipprova tfarraġhom?
  • Titlob għall-morda, għat-tobba, għall-infermiera u għal kull min għandu xogħol vokazzjonali f’dan is-settur?
  • Meta tkun marid/a int, kif tkun l-attitudni tiegħek lejn il-mard u min ikun qed jgħinek biex tfieq?
  • Toffri t-tbatijiet tiegħek, (il-pjagi tiegħek) tar-ruħ, tal-ġisem, u tal-psike tiegħek bi tpattija għal dnubietek u għal ġid ta’ ħafna erwieħ kif Ġesù offra tiegħu lill-Missier bi tpattija għal dnubietna u għas-salvazzjoni ta’ kull ruħ?

Ejjew inżommu f’moħħna wkoll li ladarba Kristu patta għad-dnubiet tagħna, il-veru marid hu:

  • dak li għadu mhux salvat bid-Demm ta’ Kristu,
  • dak li għadu jżomm qalbu magħluqa u ma jridx jirċievi l-Ħniena Divina li teħilsu mill-iskjavitu tad-dnub,
  • dak li qed iżomm ruħu ‘l bogħod mis-Sagrament tal-Qrar u jkompli jħalli lix-Xitan jagħfsu l-isfel fil-ħama tal-ħażen.

Dan hu l-mard serju u li jġib il-MEWT fina. Ejjew għalhekk nitolbu ħafna għall-konverżjoni tal-midinbin, ibda minn tagħna.

Talba: O Alla ta’ kull faraġ, Int għamilt lil Santa Marija Josefa Sancho de Guerra, ‘anġlu tat-tama’ għall-morda ta’ żmienha u bil-gwida li tat lis-sorijiet tagħha, hi baqgħet preżenti fil-persuna tagħhom biex tikkura bi mħabba qaddisa lill-għeżież morda, għallimna nkunu aħna wkoll ‘anġli ta’ faraġ’ ma’ kull min hu marid jew jeħtieġ xi forma ta’ attenzjoni u mħabba. Bi Kristu Sidna. Ammen.  

English Version: http://www.therealpresence.org/eucharst/misc/Angels_Demons/ANGES_josefaheartjesus.pdf

Alternative Reading: https://catholicsaints.info/saint-maria-josefa-sancho-de-guerra/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Mar%C3%ADa_Josefa_Sancho_de_Guerra

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

12 ta’ Marzu: Beata Anġela Salawa

Verżjoni Vidjo: Beata Anġela Salawa

“Jien ngħix skont ir-rieda tiegħek, immut meta inti trid; salvani għaliex inti tista’!” ~ Beata Anġela Salawa

0312-24BEATA ANĠELA SALAWA
Lajka
1881 – 1922

Tagħrif: Anġela Salawa twieldet f’familja reliġjuża ġewwa Siepraw, qrib Krakovja, il-Polonja, fid-9 ta’ Settembru, 1881. Missierha kien jismu Bartlomiej u ommha kienet jisimha Ewa, u kienet il-ħdax-il wild tal-familja. Kienet debboli ħafna u ta’ saħħa dgħajfa.

Fl-1897, marret toqgħod ma’ oħtha ikbar minnha fi Krakovja u hemm bdiet taħdem ta’ seftura, fid-djar tas-sinjuri. Damet għal xi għoxrin sena f’dan ix-xogħol. Sadanittant kienet tiġbor it-tfajliet u tħarriġhom għal dan is-servizz.

Fl-1913, saret lajka tal-Ordni Franġiskan. Fl-ewwel Gwerra Dinjija, kienet tgħin lill-priġunieri kollha, mingħajr kas ta’ x’nazzjonalità huma jew x’reliġjon iħaddnu. Kienet wkoll tiġri fl-isptarijiet u ddur bis-suldati feruti u tqatta’ ħinijiet twal tikkurahom.

Fl-1917, is-saħħa dgħajfa tagħha ma ppermettitilhiex tagħmel iżjed dan l-appostolat. Qabditha marda u damet issofri, fi tbatija kbira, għal ħames snin. Fid-djarju tagħha kitbet “Jien ngħix skont ir-rieda tiegħek, immut meta inti trid; salvani għaliex inti tista’!” Darba oħra kitbet: “Għażiż Ġesù, nixtieqek tkun adorat kif inti kont distrutt.”

Hija mietet fit-12 ta’ Marzu, 1922. Mietet fil-faqar, iżda b’fama ta’ qaddisa. Il-Qaddis Papa Ġwann Pawlu II, ibbeatifikaha fl-1991, fi Krakovja.

Ħsieb: L-umiltà qatt m’għandha tiġi mifhuma bħala nuqqas ta’ konvinzjoni, perspettiva jew enerġija. Anġela ġabet l-Aħbar it-Tajba u l-assistenza materjali lil xi wħud miċ-ċkejknin tal-Mulej. Il-ħajja ta’ servizz u sagrifiċċji personali tagħha, ispiraw lill-oħrajn biex jagħmlu l-istess.

Insibu f’Mattew 25:34-36 40, li Ġesù jgħidilna hekk:

“Imbagħad is-Sultan jgħid lil dawk ta’ fuq il-lemin tiegħu, ‘Ejjew, mberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja. Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni.’ Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.”

Żgur li meta l-Beata Anġela Salawa għaddiet minn din il-ħajja għall-oħra, is-Sultan Divin qallha: “Ejja, imbierka minn Missieri, ħu b’wirt tiegħek is-Saltna, għax Jien kont marid u ġejt tarani …” Kemm hu nobbli x-xogħol tal-infermiera, tat-tobba, u ta’ dawk kollha li jaħdmu f’dan is-settur. Hija tassew vokazzjoni jew missjoni li wieħed idur bil-marid. Il-marid hu vulnerabbli, jeħtieġ il-kura mhux biss ta’ ġismu, mhux biss tal-istat psikoloġiku li jkun fih imma fuq kollox tar-ruħ għax mingħajr Alla, iċ-ċans hu li wieħed jiddispra.

Din li ġejja hija silta minn omelija tat-12 ta’ Frar, 2017, tal-Isqof t’Għawdex Mario Grech fl-okkażjoni ta’ Jum il-Morda:

“Meta llum qegħdin niċċelebraw Jum il-Morda, niftakru li l-marid qatt ma huwa piż, u l-familja u s-soċjetà huma fid-dmir li joffrulu l-kura ordinarja biex ma jbatix u jfiq. Tal-mistħija li hemm min bla kuxjenza jagħmel sfruttament finanzjarju mill-morda. Min-naħa l-oħra, nafu li ġieli jkun hemm pazjenti fl-isptarijiet li jkollhom qalbhom imtaqqla, mhux minħabba l-mard li jkollhom imma għax iħossuhom abbandunati jew sfruttati wkoll mill-familja u minn qrabathom. Fil-Vanġelu hemm diversi ġrajjiet li juruna kemm Ġesù kellu qalb li tħoss għall-marid u kien jaġixxi biex itaffi kull għamla ta’ tbatija. Illum ukoll Ġesù għadu qrib tal-marid. Ħafna drabi Alla jinqeda bina l-bnedmin, anki b’dawk li ma jemmnux jew għandhom id-dubji tal-fidi, biex idewwaq imħabbtu lill-morda. Dan jgħodd partikularment għal dawk li jaqdu fil-professjoni medika u b’ħidmiet oħra fl-isptarijiet”.

  • U inti, tmur iżżur lill-morda biex tagħmlilhom kuraġġ u turihom li qiegħed/qiegħda hemm għalihom?
  • Tara lil Ġesù fil-marid hekk li tasal biex iddur bih/biha bil-qalb akkost ta’ kull sagrifiċċju personali?
  • Titlob għall-morda, b’mod speċjali għal dawk li għadhom m’aċċettawx is-salib tal-mard tagħhom u għalhekk jinsabu konfużi u bla paċi f’qalbhom?
  • Jekk inti marid/a inti stess, tagħraf li din tiegħek hija rikkezza, hekk li jekk tgħaqqad tbatijietek ma’ dawk ta’ Ġesù fuq is-Salib, dawn iservu għas-salvazzjoni ta’ ruħek u ta’ erwieħ oħra?

Talba: O Mulej Alla, li tfejjaq u li tfarraġ, Int żejjint lill-Beata Anġela Salawa bi spirtu ta’ qadi lejn il-morda u s-suldati feruti u minkejja n-nuqqas ta’ saħħa personali tagħha, hija tat servizz kollu mħabba lil ħafna pazjenti; agħtina l-kuraġġ biex induru bil-morda ta’ żminijietna u qatt ma narawhom bħala piż, anzi nifhmu li Int tinsab moħbi fil-persuna ta’ kull wieħed u waħda minnhom, għalhekk kull ma nagħmlu magħhom, inkunu qed nagħmluh miegħeK. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/blessed-angela-salawa.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/blessed-angela-salawa/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Angela_Salawa

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

9 ta’ Marzu: Santa Franġiska Rumana

Verżjoni Vidjo: Santa Franġiska Rumana

“Il-Mulej jgħid: Kull min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri, dak hu ħija u oħti u ommi.”  ~ Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ Santa Franġiska Rumana

Baciccio-Saint_Francesca_Romana_Giving_AlmsSANTA FRANĠISKA RUMANA
Armla u Reliġjuża
1384 – 1440

Tagħrif: Santa Franġiska twieldet fl-1384, fi Trastevere f’Ruma, għand familja sinjura.

Kellha ħajra li ssir soru, iżda biex tobdi lill-ġenituri tagħha żżewġet ta’ tlettax-il sena lil Lorenzo Ponziano, nobbli Ruman. Kien żwieġ feliċi li dam għal 40 sena, u kellhom żewġ subien u tifla.

Franġiska, li minn dejjem kellha x-xewqa li tgħin lill-foqra, iltaqgħet mal-mara ta’ ħu żewġha, Vannozza, li kellha l-istess ħajra, u flimkien, bil-barka ta’ żwieġhom, bdew ħidma għal dawk li kienu fil-bżonn. Kienu ta’ għajnuna kbira għal dawk li ġew milquta mill-epidemija tal-pesta li xterdet f’Ruma.

Fl-1408, il-familja ta’ żewġha ġiet ippersegwitata u mfaqqra mit-truppi ta’ Ladislaw ta’ Napli li kien qed jappoġġa lill-Antipapa Ġwanni XXIII. Fl-1410, Ladislaw raġa’ invada Ruma, u mhux biss għamel straġi mill-propjetà tal-familja ta’ Ponzjano, imma saħansitra immaltratta lil Lorenzo li baqa’ jbati tul il-kumplament ta’ ħajtu.

Fl-1413, binha ż-żgħir miet kawża tal-pesta li kienet reġgħet ħakmet Ruma. Ftit wara bintha mietet ukoll. Fl-1414, binha l-kbir iżżewweġ, u l-mara li ħa kienet tiddisprezza lil Franġiska, iżda ma baqgħetx wara li mardet serjament u ġiet ikkurata minn Franġiska nnifisha.

Franġiska fetħet parti minn darha bħala sptar. U fl-1426, billi xi nisa ngħaqdu magħha biex jgħinuha fix-xogħol li kienet qed tagħmel mal-morda, waqfet l-Oblati ta’ Marija, komunità għan-nisa li ma kienu marbuta bl-ebda voti ħlief li joffru ruħhom għas-servizz ta’ Alla u tal-foqra..

Franġiska ma kinetx tgħix fil-komunita’, iżda fid-dar tagħha ma’ żewġha. Kienet tgħid: “Il-mara miżżewġa għandha tħalli anki l-artal biex tħobb ’l Alla fil-qadi tad-dar.” Wara l-mewt ta’ żewġha (1436), marret bil-mixi titlob biex tidħol fil-monasteru ta’ Tor di Specchi, imwaqqaf minnha. Laqgħuha bħala superjura, iżda dejjem fittxet is-servizzi l-aktar baxxi tad-dar.

Meta binha marad marret tagħmillu żjara, iżda ħassha ħażin u mietet fil-jum li kienet ħabbret, id-9 ta’ Marzu, 1440. Sa minn mewtha ġiet meqjuma mill-poplu ruman bħala qaddisa, u wara tliet proċessi (1440, 1443, 1451), il-Papa Pawlu V iddikjaraha uffiċjalment qaddisa fl-1608. Ġisimha difnuh fil-knisja ta’ Santa Maria Nuova, fil-Foro Romano. Għaliha l-knisja l-lum tissejjaħ ta’ Santa Francesca Romana.

Ħsieb: Minkejja li għażlet li tiżżewweġ b’rispett lejn il-ġenituri tagħha, Franġiska Rumana baqgħet tħobb il-ġabra u tistmerr il-festi u l-laqgħat soċjali. Iż-żwieġ ħaditu bħala dmir, mhux bħala pjaċir jew sport. Għas-sejħa ta’ żewġha kienet tħalli kollox, għax dik kienet il-prijorità ta’ ħajjitha. Alla wrieha kemm togħġbu: darba kellha tħalli erba’ darbiet il-bidu ta’ Salm, u wara l-ħames darba sabet l-ewwel ittri miktubin bid-deheb.

Il-mortifikazzjoni u l-penitenza tagħha kienu tabilħaqq straordinarji, kemm fl-ikel kemm fl-ilbies u bl-eżempju tagħha ġibdet warajha bosta sinjuri rumani minn ħajja ta’ frugħa u ta’ lussu u għaqqdithom f’assoċjazzjoni taħt it-tmexxija tal-patrijiet Benedettini ta’ Santa Maria Nuova. Aktar tard iffurmaw il-kongregazzjoni tal-Oblati Benedittini ta’ Tor di Specchi, approvata minn Ewġenju IV fl-1433. Il-membri kienu jgħixu ta’ reliġjużi, iżda bla klawsura u bla voti, mogħtijin għat-talb u għall-opri tajba. Bil-kunsens ta’ żewġha għamlet il-vot tal-kontinenza, u għamlet hekk progressi fil-ħajja kontemplattiva li saret waħda mill-mistiċi l-kbar tas-seklu ħmistax.

Id-dehriet li kellha kienu spiss jieħdu għamla ta’ drammi li fihom kienu jieħdu sehem persunaġġi tas-sema. Kienet ta’ sikwit tara l-anġlu kustodju tagħha u titkellem miegħu. Kellha d-don tal-mirakli u tal-estasi, rivelazzjonijiet dwar il-purgatorju u l-infern, kif ukoll id-don li taqra l-qlub u li tara l-ġejjieni.

Kienet magħrufa għall-umiltà u għad-distakk mid-dinja, għall-ubbidjenza u għall-paċenzja li biha sofriet it-turufnament ta’ żewġha, il-priġunerija ta’ binha Ġanpatist, il-mewt ta’ wliedha u t-telfa tal-ġid li kellha. Kalma fost dawn id-diżgrazzji kienet ittenni l-kliem ta Ġob: “Alla tani u Alla ħadli. Ikun dejjem imfaħħar l-isem t’Alla.”

  • U int, tagħraf li kull ma għandek huwa rigal mingħand Alla u li jekk dan ma jibqax tiegħek, m’għandekx toħodha bi kbira imma tkompli tafda f’Alla u jieħu ħsiebek Hu?
  • Taqdi d-dmirijiet tiegħek sew skont l-istat tiegħek billi tpoġġi lill-membri tal-familja tiegħek u lil dawk taħt il-kura tiegħek fl-ewwel post qabel ma tinvolvi ruħek f’impenji oħra?
  • Kemm tfittex li tgħix b’tali mod li dak li tgħid u tagħmel jiġbed l-attenzjoni ta’ nies bħalek li forsi jsibu fik u fil-fidi tiegħek għajn għal ħajjithom hekk li forsi jibdew jimxu fuq l-eżempji tiegħek?

Talba: O Alla, inti li tajtna lil Santa Franġiska Rumana bħala xempju tal-għaġeb, sew bħala mara miżżewġa, sew bħala reliġjuża; agħmel li aħna naqduk sa l-aħħar, billi, f’dak kollu li nsibu ruħna fih f’din il-ħajja, inżommu lilek quddiem għajnejna u nimxu warajK. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/03/st-frances-of-rome.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-frances-of-rome-415

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Frances_of_Rome

Nota: It-Tagħrif u l-Ħsieb dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

15 ta’ Dicembru: Santa Pawla Marija Di Rosa

Verżjoni Vidjo: Santa Pawla Marija Di Rosa

“Ma nistax immur norqod b’kuxjenza kwieta jekk matul il-ġurnata nkun tlift ċans, żgħir kemm hu żgħir, li nipprevjeni l-imġiba ħażina jew li ngħin biex noħroġ xi ħaġa tajba”. ~ Santa Pawla Marija Di Rosa

MARIA CROCIFISSA DI ROSA - FONDATRICE - (1954)SANTA PAWLA MARIJA DI ROSA
Fundatriċi
1813 – 1855

Tagħrif: Kien jisimha Pawla Francesca Marija, u kienet ġejja minn familja tat-tajjeb minn Brescia. Ommha mietet meta hi kellha 11-il sena, u kienet edukata fl-iskola tas-sorijiet tal-Viżitazzjoni.

Meta ħalliet l-iskola ta’ 17-il sena, hi bdiet tieħu ħsieb ix-xogħol ta’ missierha, u billi kienet inklinata għall-ħajja reliġjuża, hi rruftat l-proposta ta’ missierha biex tieħu l-istat taż-żwieġ.

Bdiet tiddedika ruħha għal xogħol soċjali u ta’ apostolat fost ix-xebbiet li kienu jaħdmu fil-fabbrika tat-tessuti ta’ missierha. Kienet taħdem fi sptar fi Brescia, iddur bil-vittmi tal-kolera fl-1836, saret direttriċi ta’ dar għall-bniet abbandunati s-sena ta’ wara; waqqfet dar oħra hi nfisha għall-bniet u anki fetħet skola għall-bniet torox u muti.

Bdiet tifforma lil dawk li kienu jaħdmu magħha, f’komunità reliġjuża biex jieħdu ħsieb il-morda fl-isptarijiet. Fl-1840, ta’ 27 sena, id-direttur spiritwali tagħha Mons. Faustino Pinzoni ħatarha superjura tal-grupp tan-nisa, u ħadet l-isem ta’ Maria Crocifissa. Hekk twaqqfet is-soċjetà tal-Qaddejja tal-Karità ta’ Brescia.

L-istitut irċieva l-approvazzjoni tal-isqof ta’ Brescia fl-1843, u tul il-gwerer li xxukkjaw l-Ewropa fl-1848 kienu jduru bil-feruti fil-battalji fl-Italja ta’ Fuq u fl-isptarijiet ta’ Brescia. Fl-1850 kisbet l-approvazzjoni għall-kongregazzjoni tagħha mill-Papa.

Wara li ħliet saħħitha dgħajfa fis-servizz tal-proxxmu, hi mietet fi Brescia fil-15 ta’ Diċembru 1855 u kellha 42 sena. Kienet iddikjarata qaddisa minn San Piju XII fl-1954.

Ħsieb: Il-ħajja ta’ Santa Pawla Marija Di Rosa kienet waħda ta’ disponibbiltà għal kull persuna fil-bżonn. Kienet tmur tgħin lil xi ħadd f’kull siegħa tal-ġurnata, kemm jekk kienet kura ta’ xi ħadd marid jew assistenza ta’ xi ħadd qed imut, kemm biex iġġib il-paċi fi djar li kien ikollhom kwestjonijiet, jew biex tikkonforta lil xi ħadd f’diffikultà kbira. Kienet x’kienet il-ħtieġa, hija kienet iġġib l-imħabba u l-fejqan ta’ Alla lil kulħadd u kullimkien. Hija pprattikat b’devozzjoni u paċenzja kbira, il-virtu’ tal-karità fix-xogħol tagħha ta’ kuljum u l-imħabba tagħha lejn Kristu Kurċifiss urietha mill-mod kif ħabbet lill-membri tal-Ġisem Mistiku Tiegħu. Kienet qaddisa li tassew għexet l-Opri tal-Ħniena li kull nisrani hu msejjaħ biex jgħix. Imma liema huma eżatt?

Hemm l-Opri tal-Ħniena li jmissu l-ġisem:

  • 1. itma’ lil min hu bil-ġuħ
  • 2. isqi lil min hu bil-għatx.
  • 3. libbes lil min hu għarwien.
  • 4. ilqa’ lil min hu bla dar (frustier).
  • 5. żur il-morda.
  • 6. żur il-ħabsin.
  • 7. idfen il-mejtin.

u dawk li jmissu r-ruħ:

  • 1. agħti parir tajjeb lill-ħosbien.
  • 2. għallem lil min ma jafx.
  • 3. widdeb lill-midinbin.
  • 4. farraġ lill-imnikktin.
  • 5. aħfer il-ħtijiet.
  • 6. ħu sabar b’min idejqek.
  • 7. itlob ‘l Alla għall-ħajjin u għall-mejtin.

Il-Papa Franġisku qal dan dwar l-Opri tal-Ħniena fil-5 ta’ Ġunju, 2017 f’Quddiesa f’Dar Santa Marta:

“Opra tal-ħniena mhix li tagħmel xi ħaġa biex isserraħ il-kuxjenza: nagħmel opra tajba u b’hekk inħossni kalm, qiesni neħħejt xi piż minn fuq spallejja….. Le! L-opra tal-ħniena tfisser li jien inbati t-tbatija ta’ ħaddieħor. Il-qsim u l-kumpassjoni jmorru flimkien. Il-bniedem ħanin hu dak li jaf jaqsam u jitħassar il-problemi tal-ieħor.

Minn hawn joħorġu l-mistoqsijiet:

  • Jiena naf naqsam?
  • Jien ġeneruż/ġeneruża?
  • Meta nara lil ħaddieħor qed isofri, jinsab f’diffikultà, insofri jiena wkoll?
  • Naf inqiegħed lili nnifsi minflok l-ieħor?

Min jagħmel opri tal-ħniena jaf isib min jiddieħak bih. Ma jimpurtax. L-opra tal-ħniena trid tiskomoda: eżempju, jien għandi ħabib, ħabiba, morda, nixtieq immur narahom imma m’għandix aptit… nippreferi noqgħod nara t-televixin, nistrieħ… noqgħod bi kwieti. L-opra tal-ħniena hi minnha nfisha skomda. Iżda l-Mulej skomda ruħu għalina bis-salib. Skomda ruħu biex jagħtina l-ħniena.

Min għandu ħila jagħmel opra tal-ħniena jaf li ħaddiehor kien ħanin miegħu qabel. Dan kien il-Mulej li wera ħnientu magħna. U jekk aħna nagħmlu dawn l-opri nafu li l-Mulej għamilhom magħna qabel. Naħsbu ftit fi dnubietna, fl-iżbalji tagħna, u kif il-Mulej ħafrilna: ħafrilna kollox, kellu dil-ħniena magħna, u aħna għandna nagħmlu l-istess ma’ ħutna.

L-opri tal-ħniena huma dawk li jneħħu l-egoiżmu minna u jagħmluna xbieha ta’ Ġesù għax inkunu qed nimitawh aktar mill-qrib”.

Talba: Mulej, isma’ t-talb ta’ dawk li jfakkru l-ħajja devota tal-Verġni Santa Pawla Marija Di Rosa. Igwidana tul it-triq u għinna nikbru fl-imħabba u l-qadi lejn ħutna l-bnedmin hekk li naslu nixbħu lil Kristu li fil-ħniena tiegħu lejna, qal li Hu ma ġiex (fid-dinja) biex ikun moqdi imma biex jaqdi u jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra. Nitolbuk dan bl-istess Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://www.newmanconnection.com/faith/saint/saint-maria-crocifissa-di-rosa

Alternative Reading: https://vitaesanctorum.wordpress.com/2012/12/15/st-maria-crocifissa-di-rosa/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Maria_Crocifissa_di_Rosa

Film bit-Taljan ta’ Santa Pawla Marija Di Rosa:

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

17 ta’ Novembru: Santa Eliżabetta tal-Ungerija

Verżjoni Vidjo: Santa Eliżabetta tal-Ungerija

“Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi”. ~ Ġesu’ f’Mattew 25:40

St Elizabeth of Hungary 3SANTA ELIŻABETTA TAL-UNGERIJA
1207 – 1231

Tagħrif: Fil-ħajja qasira tagħha, Santa Eliżabetta spikkat fl-imħabba kbira li kellha lejn il-foqra u lejn il-morda.

Aktarx li twieldet fl-1207, f’Sarospatak, fl-Ungerija. Missierha kien ir-Re Indri II tal-Ungerija, u ommha kienet ir-Reġina Ġertrude ta’ Merano, għalhekk trabbiet f’ħafna kumdita’.

Fl-1221, meta kellha biss 14-il sena, iżżewġet lil Ludoviku IV, Landgraf tat-Turinġja, fil-Ġermanja. Żewġha kellu 21 sena , 7 snin akbar minnha. Kien żwieġ qasir, imma kien tassew hieni għax kienu jinħabbu ħafna. Kellhom tlitt itfal.

Sa minn ċkunitha kellha qalbha tajba mal-fqar u l-morda. Meta żżewġet sabet l-għajnuna ta’ żewġha għax hu wkoll kien karitattiv. Bl-għajnuna ta’ żewġha, bniet sptar ħdejn il-palazz tagħha, u hi stess kienet tmur iddur bil-morda. Ġieli ġara li meta l-isptar kien ikun mimli bil-pazjenti, kienet tieħu l-morda fil-palazz tagħha.

Fil-knisja qatt ma daħlet bil-kuruna fuq rasha, kienet tgħid: “Kif nista’ jien nidher bil-kuruna tad-deheb u l-ħaġar prezzjuż fuq rasi, meta Ġesù hu nkurunat bix-xewk?”

Wara sitt snin ta’ ħajja l-iktar kuntenta fiż-żwieġ, żewġha miet fl-Italja minn marda li ħakmitu waqt li kien qed jieħu sehem fil-Kruċjata tal-Imperatur Frederiku II, fl-1227, 18-il ġurnata wara t-twelid tat-tielet tarbija tagħha Ġertrude.

L-għedewwa politiċi ta’ żewġha keċċewha mill-palazz, u eżiljawha. Eliżabetta, li issa kellha 20 sena, waqgħet f’faqar kbir għax il-qraba tagħha (min-naħa ta’ żewġha) ċaħħdu lil din l-armla żagħżugħa minn kull kenn u mezzi għaliha u għal uliedha. Hi kellha tmur minn post għal ieħor tittallab il-karità, imma l-virtujiet tagħha kienu akbar mill-isfortuni tagħha. Irrifjutat li terġa’ tiżżewweġ. Minflok, hija ritirat ġewwa Eisenak, imbagħad fil-kastell ta’ Pottenstin. Iżda wara, għażlet li tgħix ġo dar modesta, ġewwa Marburgo.

Inkitbet mat-terz’ordni tal-franġiskani u kienet iżżur il-morda darbtejn matul il-jum u tgħinhom fil-ħtiġijiet tagħhom, tant li ftaqret hi stess. Kienet tmur titlob il-karita’ u tagħmel l-aktar xogħlijiet umli fejn kien meħtieġ. Din l-għażla ta’ ħajja qajmet rabja kbira fost il-kunjati tagħha, tant, li waslu biex ħadulha l-kustodja ta’ wliedha. Imma xejn ma seta’ jtellef jew inaqqas il-ġentilezza jew it-tjubija tagħha, lanqas is-severità eċċessiva tas-saċerdot li għażlet bħala direttur spiritwali tagħha.

Fl-aħħar, kisbet lura xi ftit mill-ġid li kellha u permezz tiegħu ħasbet għall-futur ta’ wliedha imma qassmet il-bqija tas-sehem tagħha f’opri ta’ karità.

Mietet fis-16 ta’ Novembru 1231, meta kellha 24 sena. Il-Papa Girgor IX iddikjaraha Qaddisa fl-1235, erba’ snin biss wara mewtha. Hija l-Patruna tal-Istituzzjonijiet tal-Karita’ tal-Knisja u tat-Terzjarji Franġiskani.

Ħsieb: Eliżabetta tal-Ungerija fehmet tajjeb il-lezzjoni li Ġesù għallimna meta ħasel saqajn id-dixxipli tiegħu fl-aħħar Ċena: Il-Kristjan għandu jkun wieħed li jservi l-bżonnijiet l-aktar umli ta’ ħaddieħor, anke jekk wieħed iservi minn pożizzjoni għolja. Ta’ demm irjali li kienet, Eliżabetta setgħet tirrenja fuq is-suġġetti tagħha, imma minflok hija serviethom b’qalb tant kbira u umli li l-ħajja qasira tagħha rebħet għaliha post speċjali fil-qlub ta’ ħafna.

Insibu din l-affermazzjoni li ġejja dwar is-servizz u d-dedikazzjoni ta’ Eliżabetta lejn il-foqra u l-morda f’din l-ittra:

“Hija kellha d-drawwa li żżur personalment il-morda kollha darbtejn kuljum, filgħodu u filgħaxija, Hija ħadet ħsieb b’mod personali lil dawk li l-aktar kienu jimbuttawk minħabba l-mard tagħhom. Hija tat jieklu li xi wħud, akkwistat soddod lil xi oħrajn, ġarret xi wħud fuq spallejha stess u kienet tinvolvi ruħha f’bosta servizzi oħra għall-ġid tagħhom”.

U jekk se nitkellmu dwar il-ħajja tat-talb ta’ Santa Eliżabetta, il-konfessur tagħha Fr. Konrad ħallielna tassew xhieda eżemplari:

“Jiena nikkonferma quddiem Alla li, għalkemm kienet iddedika għal xogħlijiet bħal dawn tal-ħajja attiva, rari rajt mara kontemplattiva bħala Eliżabetta. Xi nisa u rġiel reliġjużi nnutaw ħafna drabi li, meta hija kienet tkun lestiet it-talb privat tagħha, kien ikollha dawl emanenti f’wiċċha u, bħar-raġġi tax-xemx, kienu jiddu minn għajnejha”.

Barra minn hekk, Santa Eliżabetta turina l-ħtieġa li għandu jkollna, fil-vjaġġ tal-fidi tagħna, gwida spiritwali kwalifikata li takkumpanjana lejn il-qdusija. Eliżabetta segwiet bir-reqqa l-istruzzjonijiet tad-direttur spiritwali tagħna u dan hu ta’ eżempju għalina lkoll. Li wieħed jikber fil-ħajja spiritwali huwa proċess diffiċli. Huwa faċli li naqgħu f’ħafna żbalji jekk ma jkollniex lil xi ħadd li jiddixxiplinana.

Santa Eliżabetta saret qaddisa mhux għax iżżewġet meta kellha 14-il sena, lanqas għax kellha tlitt itfal qabel ma għalqet għoxrin, lanqas għax romlot ta’ għoxrin, lanqas għax mietet ta’ 24 u ħalliet warajha tlitt itfal żgħar, iżda għax uriet imħabbitha lejn Alla fil-proxxmu, billi saret fqira biex tgħin il-foqra, ħliet saħħitha ddur bil-morda.

  • U int, għażilt lil xi saċerdot tajjeb u għaref bħala d-direttur spiritwali tiegħek, biex jigwidak u jakkumpanjak fil-vjaġġ tal-ħajja tiegħek?
  • Inti kemm tarah lil Alla f’ħutek il-bnedmin hekk li tasal tiftaqar u taħli saħħtek għalihom?
  • Sa fejn tasal imħabbtek għal Alla fl-oħrajn?

Talba: Missier Ħanin, nitolbuk biex tferra’ r-raġġi kollhom dawl tal-grazzji tiegħek fil-qlub tagħna: ħalli bit-talb glorjuż ta’ San Eliżabetta, nistgħu nitgħallmu npoġġu fil-ġenb il-ġid ta’ din id-dinja mudlama, biex dejjem iżjed nifirħu bil-konsolazzjonijiet tiegħek tas-Sema. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-elizabeth-of-hungary-56

Alternative Reading: https://ccdocle.org/about-us/our-patron-saint-st-elizabeth-of-hungary

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Elizabeth_of_Hungary

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.