5 ta’ Diċembru: San Saba

Verżjoni Vidjo: San Saba

“U meta titolbu, tkunux bħal dawk ta’ wiċċ b’ieħor, għax dawk iħobbu joqogħdu jitolbu bilwieqfa fis-sinagogi u f’salib it-toroq, biex jidhru quddiem in-nies. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh. Iżda int, meta titlob, idħol fil-kamra tiegħek ta’ ġewwa, agħlaq il-bieb warajk, u itlob lil Missierek li hu fil-moħbi; u Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu.” ~ Ġesu’ f’Mattew 6:5-6.

Agios SavvasSAN SABA
Eremita
439 – 532

Tagħrif: San Saba huwa wieħed mill-figuri kbar tal-monastiċiżmu tal-Lvant, Huwa twieled fil-Kappadoċja għall-ħabta tas-sena 439. Fi tfulitu ħarab minn taħt il-ħarsien ta’ zijuh u daħal f’monasteru f’Mutalaska, pajjiż twelidu, ħdejn Ċesarea, fit-Turkija.

Ta’ 18-il sena mar Ġerusalemm fejn kien taħt id-direzzjoni tar-raħeb San Ewtimju. Mar miegħu jgħix fid-deżert, qrib il-Baħar Mejjet, minn fejn hu ħa l-formazzjoni spiritwali tiegħu.

Wara l-mewt ta’ Ewtimju, Saba għażel li jidħol aktar ‘il ġewwa fid-deżert u mar jgħix ġewwa għar fi rdum. Hu waqqaf komunità ta’ dixxipli li nġabru madwaru f’Mar Saba. Din il-kolonja ta’ eremiti fi żmien qasir kellha 150 membru. F’din il-komunità tiegħu l-irħieb kienu jgħixu maqtugħin minn xulxin għal ħamest ijiem mill-ġimgħa jitolbu u jaħdmu xogħol manwali, u mbagħad jiltaqgħu s-Sibt u l-Ħadd flimkien biex jiċċelebraw l-Ewkaristija.

Il-patrijarka Elija ta’ Ġerusalemm talab lil Saba biex jaċċetta l-ordinazzjoni saċerdotali ħalli jkun jista’ jservi lill-komunità. Kien ordnat saċerdot fl-492 u kien ukoll maħtur arkimandrita tal-irħieb kollha tal-Palestina. Xejn ma kien ħafif dan ix-xogħol billi kien hemm bejniethom qasmiet kbar minħabba l-ereżija monofiżita mibdija minn Ewtike li kienet tiċħad in-natura umana ta’ Kristu.

Saba ddefenda bil-qawwa t-tagħlim taż-żewġ naturi fi Kristu kif kien definit fil-Konċilju ta’ Kalċedonja. Minħabba f’hekk il-qaddis ivjaġġa mal-Palestina biex jippriedka kontra l-ereżija u mar ukoll Kostantinopli biex jipprova jikkonvinċi lill-Imperatur Anastasju li kien miġbud lejn l-ereżija.

Darba Saba ma rahiex bi kbira li jitlaq minn udjenza mal-Imperatur Ġustinu f’Kostantinopli għax kien sarlu l-ħin biex jagħmel siegħa talb. Kien magħruf għall-imħabba tiegħu lejn il-fqar u l-batuti.

Xwejjaħ ta’ 90 sena mar għand l-Imperatur Ġustinjanu jinterċedi favur is-Samaritani ribelli u ġabilhom il-maħfra.

San Saba miet fil-5 ta’ Diċembru 532 ta’ 93 sena, ġa miqjum matul ħajtu bħala qaddis. L-għadam tiegħu nġarr f’Venezja iżda, fl-1965, il-Papa Pawlu VI bi ftehim mal-Patrijarka ta’ Venezja, ta dan il-fdal prezzjuż lill-Patrijarka Ortodoss Grieg ta’ Ġerusalemm li tah lill-komunità ta’ 15-il raħeb f’Mar Saba. San Saba hu miqjum bħala wieħed mill-fundaturi tal-monastiċiżmu tal-Lvant.

Ħsieb: San Saba huwa figura ewlenija fil-monastiċiżmu bikri, u l-monasteru li huwa waqqaf, magħruf bħala Mar Saba, għadu jeżisti bħala l-eqdem monasteru abitat fid-dinja. Bir li kien ħaffer il-qaddis, għadu hemm sal-lum. Numru ta’ qaddisin kbar għexu bħala patrijiet fil-komunitajiet tiegħu għas-snin li segwew.

Imma x’għamel lil dan l-eremita’ qaddis? Probabbli li s-sinjal DO NOT DISTURB għenu jsib il-qdusija u l-paċi. Infatti, Saba ma rahiex bi kbira li jitlaq minn udjenza mal-Imperatur Ġustinu f’Kostantinopli għax kien sarlu l-ħin biex jagħmel siegħa talb. Minn naħa l-oħra, minkejja li t-talb u l-għaqda tiegħu ma’ Alla fis-solitudni kienu l-għaxqa ta’ qalbu, huwa kien jilqa’ bil-qalb lil kull min kien ifittex l-għajnuna jew il-gwida tiegħu, tant li spiċċa jgħix f’komunita’. Infatti kien magħruf għall-imħabba tiegħu lejn il-fqar u l-batuti. Mhux biss, imma meta ħass il-bżonn li jinterċedi favur is-Samaritani ribelli, minkejja li issa kellu 90 sena, mar għand l-Imperatur Ġustinjanu u rnexxielu jġibilhom il-maħfra.

Ftit minna nixxenqu biex bħal Saba immorru fi grotta fid-deżert, iżda ħafna minna kultant jirreżistu għad-domanda tal-oħrajn fuq il-ħin li jkollna għad-diżpożizzjoni tagħna. Saba fehem dan. Meta fl-aħħar kiseb is-solitudni li għalih kien ħerqan, komunità immedjatament bdiet tinġabar madwaru, u kien imġiegħel jidħol għar-rwol ta’ tmexxija. Huwa qiegħed bħala mudell ta’ ġenerożità paċenzjuża għal kull min kellu bżonn il-ħin u l-enerġija tiegħu.

Dan kollu jurina li fil-ħajja tagħna bħala nsara, għandna nagħmlu preċiżament żewġ affarijiet:

NITOLBU …
(jekk hemm jkun bis-sinjal DO NOT DISTURB quddiem il-bieb ta’ qalbna): quddies, adorazzjoni Ewkaristika, Rużarju, talb ieħor tal-fomm, u talb ta’ ftuħ il-qalb mal-Mulej, eċċ…

NAĦDMU …
billi nkunu ta’ servizz għal kull min jeħtieġ l-għajnuna tagħna skont l-istat ta’ ħajjitna u skont dak li l-Mulej isejħilna biex nagħmlu, kemm fil-parroċċi tagħna u forsi anki f’postijiet oħra.

Is-sigriet tal-ħajja perfetta huwa li aħna rridu nfittxu dejjem dak il-BILANĊ meħtieġ bejn il-mumenti ta’ talb u dawk ta’ ħidma. Il-Mulej jitgħaxxaq b’qalb ġeneruża li lesta li tkun offerta sabiħa għaliH u għaliH fl-proxxmu.

  • Inti trid tkun din l-offerta tfuħ quddiem Alla bħalma kien San Saba?

Talba: O San Saba, li dehert bħala wieħed li għandu qawwa kbira quddiem il-Mulej, itlob lil Alla għalina ħalli jkompli juri ħniena magħna midinbin; iqawwi fina l-fidi, ikabbar fina l-għerf u l-imħabba, jagħtina spirtu ta’ paċi u ferħ fl-Ispirtu s-Santu, jeħlisna mit-tiġrib u jagħtina l-qawwa negħelbu t-tentazzjonijiet, ħalli b’hekk naslu għas-salvazzjoni ta’ ruħna. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/11/saint-sabbas-sanctified.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-sabas/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Sabbas_the_Sanctified

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

14 ta’ Novembru: San Nikola Tavelić u sħabu

Verżjoni Vidjo: San Nikola Tavelić u sħabu

“Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità. U kull min iħobb il-verità jisma’ leħni.” – Ġesù lil Pilatu fi Ġwanni 18:37

9761-n.jpgSAN NIKOLA TAVELIC U SĦABU MARTRI
Reliġjuż
1340 – 1391

Tagħrif: Twieled fil-belt ta’ Sibenik, fil-Kroazja, madwar l-1340. Daħal mal-Franġiskani Konventwali ta’ belt twelidu u sar saċerdot madwar l-1365.

Għal 20 sena ħadem fil-Bosnija kontra l-ereżija tal-Patareni u tal-Manikej. Imma meta t-Torok daħlu fis-Serbja u fil-Kroazja, San Nikola deherlu li l-aħjar ħaġa li kellu jagħmel kienet li jmur missjunarju fl-Art Imqaddsa, biex jikkonverti lill-Misilmin. Telaq għalhekk ma’ tliet patrijiet oħra, Dijodatu minn Rodez, Franċiż, Stiefnu minn Cuneo, Taljan, li dawn kienu Konventwali bħalu, u Pietru minn Norbonne, Franċiż ukoll, li dan kien dixxiplu tal-Beatu Pauluccio Trinci, il-Fundatur fl-1368, tar-Riforma Osservanti.

Għexu għal xi żmien fil-kunvent ta’ Sijon, ħdejn iċ-ċenaklu. Imma fil-11 ta’ Novembru 1391, marru fil-Moskea ta’ Omar, mibnija flok it-tempju ta’ Ġerusalemm, u b’kuraġġ li ma jitwemminx, qalu lill-Qadi, li jekk ma jsirx Nisrani, ma jistax isalva. Il-Qadi wieġeb li jekk huma ma jsirux Misilmin jieħdu l-mewt.

Wara tlett ijiem, dawn l-erba’ Franġiskani mietu martri għal Kristu. Il-metodu tagħhom illum ma nifhmuhx, imma huma fil-fatt ħadu l-mewt biex ixandru lil Kristu. Għalhekk il-Papa Pawlu VI mar jikkanonizzahom fil-21 ta’ Ġunju, 1970.

Ħsieb: Fil-11 ta’ Novembru 1391, San Nikola Tavelić u sħabu marru quddiem il-Qadi ta’ Ġerusalemm fil-preżenza ta’ ħafna Musulmani, u esponew ruħhom, billi ppreżentaw l-argumenti tagħhom b’kuraġġ kbir.

Filwaqt li dawk preżenti semgħuhom bir-reqqa, m’aċċettawx kliemhom, u fl-aħħar inkurlaw għalihom u talbuhom jirrepetu dak li kienu qalu; l-erba’ patrijiet irrifjutaw u għalhekk ġew ikkundannati għall-mewt fi tlett ijiem, tqiegħdu l-ħabs fejn sofrew abbużi.

Fl-14 ta’ Novembru ġew miġjuba lura fit-toroq, għal darb’oħra ntalbu jerġgħu jgħidu dak li kienu qalu kontra l-Islam, wara li ċaħdu din l-opportunità finali biex isalvaw ħajjithom billi jiċħdu lil Kristu, qatgħulhom rashom u ħarquhom sabiex il-fdalijiet tagħhom ma jkunux jistgħu jiġu venerati bħala martri mill-Insara.

Il-martirju tagħhom ġie deskritt fid-dettall f’rapport mill-Gwardjan tal-Art Imqaddsa, Fr. Gerald Calvet, OFM, xaharejn wara l-mewt tagħhom.

Il-Papa Ġwanni Pawlu II kien konxju ħafna dwar ix-xhieda tal-martri fil-Knisja tagħna. Kull kontinent ġie minsus bid-demm tal-martri. Huwa ddeskriva l-martirju bħala “l-prova l-aktar elokwenti tal-verità tal-fidi.” Skont hu, din il-“prova tal-fidi” hija evidenzjata fi tliet modi:

  • L-ewwel nett, il-martirju jafferma l-invjolabbiltà tal-ordni morali – kemm il-verità u l-qdusija tal-liġi ta’ Alla u d-dinjità tal-persuna umana.
  • It-tieni nett, il-martirju jikkonferma l-umanità u l-ħajja vera tal-bniedem.
  • U fl-aħħar, il-martirju jikkonferma l-qdusija tal-Knisja, bi preżentazzjoni ta’ xhieda impenjati għall-verità.

Fil-qosor, “bl-eżempju elokwenti u attraenti tagħhom ta’ ħajja kompletament trasformata mill-isplendur tal-Verità morali, il-martri u, b’mod ġenerali, il-qaddisin tal-Knisja kollha, jixegħlu kull perjodu ta’ Storja billi jqajmu s-sens morali tagħha” (L-Isplendur tal-Verità, # 93).

Għalhekk, irridu nkunu konxji tal-martri tal-Knisja tagħna, għax ix-xhieda tagħhom tagħmlilna kuraġġ u tagħtina tama kbira. Permezz tal-grazzja ta’ Alla, jalla aħna wkoll inkunu daqshekk impenjati lejn il-Mulej tagħna, lejn il-Knisja tiegħu, u lejn il-fidi kif kienu huma. Ejja nagħmlu tagħna l-kliem ta’ San Pawl:

“Ladarba aħna wkoll għandna madwarna sħaba hekk kbira ta’ xhieda, ejjew inwarrbu minna kull xkiel u kull dnub li malajr ifixkilna, u b’qalbna qawwija nibqgħu niġru t-triq tal-prova li għandna quddiemna; inżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù, li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna; hu li, flok l-hena li kellu quddiemu, qagħad għas-salib bla xejn ma qies l-għajb tiegħu, u issa qiegħed fuq in-naħa tal-lemin tat-tron ta’ Alla.” (Lhud 12:1-2)

Talba: O Alla, li gglorifikajt lill-konfessur tiegħek San Nikola Tavelić billi tajtu li jxerred l-Evanġelju u l-palma tal-martirju, agħtina li b’talbu, ikun jistħoqqilna li nimxu fuq il-passi tiegħu u permezz tal-interċessjoni tiegħu nirċievu l-premju tar-rebbieħa, il-ħajja eterna . Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/saint-nicholas-tavelic-and-companions/

Alternative Reading: https://daily-prayers.org/saints-library/nikola-tavelic-2/ or https://www.roman-catholic-saints.com/saint-nicholas-tavelich.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Nicholas_Tavelic

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

5 ta’ Novembru: Beata Franġiska t’Amboise

Verżjoni Vidjo: Beata Franġiska t’Amboise

“F’kull ma’ tagħmel, agħmel dak li jagħmel lil Alla maħbub l-aktar.” – Beata Franġiska t’Amboise

1200px-Fcse_d_amboiseIL-BEATA FRANĠISKA (FRANCOISE) D’AMBOISE (FRANZA)
Reliġjuża
†1485

Tagħrif: Fl-1431, Ġwanni V, Duka ta’ Brittanja (Franza), għamel alleanza bejn is-saltna tiegħu u dik ta’ Louis d’Amboise. Louis bagħat lil bintu ta’ 4 snin, Francoise, biex titrabba fil-familja tar-Re Ġwanni V.

Ta’ 15-il sena, iżżewġet lil Peter – it-tifel tad-Duka, u ftit wara ntebħet kemm kien supperv, għajjur u vjolenti. Ħadet ħafna paċenzja bih, u kienet kaġun li kkalmat l-inkwiet li kien jinqala’ bejn il-familji. Ma kellhiex ulied. Pietru sar id-Duka u Francoise approfittat ruħha biex tagħmel opri ta’ karità. Bniet kunvent fil-belt ta’ Nantes (Franza), għall-Klarissi.

Fl-1457, Pietru miet u s-suċċessuri tiegħu ma riedu li jkollhom xejn x’jaqsmu ma’ Francoise. Inqatgħet mill-ħajja pubblika u rreżistiet l-avvanzi tar-Re Louis XI ta’ Franza, biex tiżżewġu. Kienet tgħaddi ħafna żmien fil-kunvent tal-Karmelitani ta’ Nantes, u għenithom ħafna, permezz tal-inkoraġġiment li kien jagħtiha l-Beatu John Soreth, is-Superjur Ġenerali tal-Karmelitani.

Kienet mara ta’ viżjoni u ta’ kalibru ta’ waħda Fundatriċi, tant li kienet ipprovdiet is-servizz ta’ konfessur straordinarju għas-sorijiet. Fl-1468, daħlet mas-sorijiet Karmelitani ta’ Vannes. Il-Beatu John Soreth taha l-libsa ta’ soru. Kienet tieħu ħsieb il-morda tal-kunvent. Wara 4 snin saret il-prijura tal-kunvent ta’ Vannes. Fetħet kunvent ieħor, qrib Vannes, fejn mietet fl-1485. Kienet hi li għenet lill-Beatu John Soreth idaħħal is-sorijiet Karmelitani fi Franza.

Ħsieb: Dawn li ġejjin huma Eżortazzjonijiet tal-Beata Franġiska t’Amboise:

“Huma x’inhuma l-problemi u d-diffikultajiet li qed itaqqluk, ġorrhom kollha bil-paċenzja u ftakar li dawn huma dawk li jikkostitwixxu s-salib tiegħek. Itlob l-għajnuna mingħand il-Mulej u ġorr is-salib miegħu bil-ferħ f’qalbek. Dejjem se jkollok xi forma ta’ tiġrib, u jekk tirrifjuta salib wieħed, kun żgur/a li ser tiltaqa’ ma’ ieħor, u forsi wieħed itqal. Jekk b’fiduċja f’Alla, niddependu fuq l-għajnuna tiegħu, aħna negħlbu l-vizzji. Aħna qatt ma għandna nħallu l-isforzi tagħna jidgħajfu u lanqas għandna nintelqu fil-mixi tagħna, iżda nżommu qlubna ddixxiplinati sew.

Ikkunsidra t-tiġrib u l-provi kbar li l-Missirijiet qaddisa ġarrbu fid-deżert. Il-provi interni li sofrew kienu ħafna iktar intensi mill-penitenzi fiżiċi li kienu jipprattikaw. Wieħed li qatt ma jgħaddi mill-provi, ftit jikseb saħħa. Aċċetta dak kollu li Alla jixtieq jibgħatlek, għax kwalunkwe tbatija li jippermetti, hi kompletament għall-ġid tiegħek. Fil-Vanġelu, Kristu jassigurana, ‘Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha, imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha.’ (Mattew 16:24-25)

Din l-attitudni ġejja mill-kmand tal-Mulej li għandna nerfgħu salibna u nimxu warajh. Għandna naċċettaw t-tbatijiet tal-moħħ u tal-ġisem għall-imħabba ta’ Alla, hekk kif huwa ġarrab t-tbatijiet tiegħu għall-imħabba tagħna. Huwa veru li l-Lhud neħħew is-salib minn fuq spallejn is-Salvatur tagħna, iżda dan ma kienx għax tħassruh imma biex ma jmutilhomx b’eżawriment totali qabel ma jilħaq il-post fejn kellu jiġi msallab.

U meta poġġew il-piż tas-salib fuq spallejn Xmun, huwa ssottometta ruħu għalih għax kien imġiegħel, anki jekk kien jaf li hu ma kienx destinat li jmut fuq is-salib li kien se jġorr. Kristu, min-naħa l-oħra, ġarr is-salib tiegħu (jew aħjar tagħna) volontarjament u bil-ferħ u lejn l-aħħar telaq ruħu f’idejn Missieru u miet fuqu. Ejja nimxu warajh u nimitaw dak kollu li għamel għalina.

Int għandek diversi tbatijiet u dawn jiffurmaw is-salib tiegħek. Aċċettahom volontarjament u sal-aħħar, meta finalment trodd ruħek lil Alla. Agħtih tifħir u rringrazzjah talli għażlek fis-servizz tiegħu. Tiġġieled ma’ ħadd, għax hija r-rieda t’Alla li tħobb lil kull wieħed u waħda mill-proxxmu tiegħek bħalma tagħmel ma’ dawk ta’ ġewwa. Tħabat biex trażżan l-istinti tiegħek. Għal dan il-għan, ipprova rimedju llum u ieħor għada, sabiex gradwalment int jirnexxielek tikseb kontroll fuq l-impulsi diżordinati tiegħek, u meta l-Mulej jara r-rieda tajba u l-perseveranza tiegħek, jagħtik l-appoġġ tal-grazzja tiegħu, li issostnik sal-aħħar. Permezz ta’ mħabbtu, xejn mhu se jkun diffiċli wisq li ġġarrab.”

  • U int, aċċettajthom is-slaleb li trid iġġorr kuljum, kif Kristu ġarr is-salib li suppost ġarrejna aħna minħabba dnubietna?
  • Qed tfittex lill-Mulej għall-kenn u l-grazzji kollha li għandek bżonn biex tippersevera fil-mixja tiegħek bis-salib sal-aħħar?
  • Tifhem li l-Mulej se joħroġ ġid kbir mill-paċenzja u s-sabar tiegħek biex iġġorr is-salib għal imħabbtu?
  • Tagħraf li m’hemmx glorja mingħajr is-salib u li hemm glorja kbira tistenniek jekk iġġorru fedelment u b’perseveranza?
  • Toffri tbatijietek bħala talba biex magħquda ma’ dawk ta’ Kristu, jissarrfu fi grazzji kbar għall-ġid tiegħek u tal-oħrajn?

Talba: Alla Missierna, int sejjaħt lill-Beata Franġiska t’Amboise biex tfittex is-saltna tiegħek f’din id-dinja billi sservi lil Ġesù Kristu u l-Omm Imbierka tiegħu. Bit-talb tagħha li jagħtina kuraġġ, għinna biex nimxu ‘l quddiem bi qlub ferrieħa fil-triq tal-imħabba. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://www.carmelites.net/news/blessed-frances-damboise/ 

Alternative Reading: http://www.ocarm.org/en/content/liturgy/bl-frances-d-amboise-religious-m

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Fran%C3%A7oise_d%27Amboise

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

5 ta’ Ottubru: Santa Marija Fawstina Kowalska

Verżjoni Vidjo: Santa Marija Fawstina Kowalska

“Jiena qiegħed nibgħatek bil-ħniena Tiegħi għand in-nies tad-dinja kollha. Jiena ma rridx nikkastiga lill-umanità li qiegħda tbati, imma nixtieq infejjaqha u nrossha mal-Qalb Tiegħi mimlija Ħniena. (Djarju, 1588) Inti s-segretarja tal-ħniena Tiegħi. Jiena għażiltek għal din il-missjoni f’din il-ħajja u fil-ħajja l-oħra. (Djarju, 1605) … sabiex inti tgħarraf lill-erwieħ bil-ħniena kbira Tiegħi għalihom, u sabiex inti tħeġġiġhom biex ikollhom fiduċja fil-ħniena Tiegħi bla tarf. (Djarju, 1567)” – Ġesù lil Santa Marija Fawstina Kowalska

1448753362SANTA MARIJA FAWSTINA KOWALSKA
Verġni u Appostlu tal-Ħniena Divina
1905 – 1938

Tagħrif: Santa Marija Fawstina Kowalska, magħrufa llum fid-dinja kollha bħala ‘l-Appostlu tal-Ħniena Divina,’ hija meqjusa mit-teoloġi bħala waħda mill-mistiċi kbar tal-Knisja.

Hija kienet it-tielet wild minn għaxra mweldin ġo familja kampanjola, fqira u reliġjuża fi Glogowiec, raħal fil-qalba tal-Polonja. Fawstina ġiet mgħammda fil-Knisja parrokkjali qrib Swinice, Warckie, u ngħatat l-isem ta’ Helena. Sa minn tfulitha fiha spikkaw it-tjubija, l-imħabba għat-talb, il-bżulija u l-ubbidjenza; kif ukoll is-sensittività kbira li hi kellha għall-miżerja umana. Bilkemm laħqet għamlet tliet snin ta’ skola, għax fl-età ta’ erbatax-il sena telqet mid-dar sabiex tgħin lill-ġenituri tagħha u taqla’ l-għejxien tagħha bħala qaddejja fil-bliet ta’ Aleksandrow u Lodz li jinsabu fil-qrib.

Meta kellha biss seba’ snin (sentejn qabel l-ewwel Tqarbina tagħha) Helena kienet diġà qiegħda tħoss ġewwa ruħha s-sejħa għall-ħajja reliġjuża.

Meta iktar tard qalet lill-ġenituri tagħha b’din ix-xewqa, bil-qawwa kollha huma ma ridux iħalluha tingħalaq f’kunvent. Minħabba din is-sitwazzjoni, Helena għamlet li setgħet biex twarrab din is-sejħa divina. Imma wara dehra ta’ Kristu jbati, Hu ċanfarha b’dal-kliem: Kemm ser indum nissaportik u kemm ser iddum tgħidli le? (Djarju, 9) u bdiet tfittex kunvent fejn setgħet tidħol.

Ħabbtet ħafna bibien ta’ kunventi, imma ħadd ma laqgħaha. Fl-aħħar nhar l-1 ta’ Awwissu 1925, Helena daħlet fil-kunvent tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena fi Triq Zytnia ġo Varsavja. Fid-Djarju tagħha, hija kitbet: “Deherli li kont dħalt fil-ħajja tal-Ġenna. Kien hemm talba waħda ħierġa bil-qawwa kollha minn qalbi, talba ta’ radd il-ħajr.” (Djarju, 17)

Madanakollu, wara ftit ġimgħat kellha tentazzjoni kbira li tmur f’kongregazzjoni oħra fejn ikollhom iktar ħin għat-talb. Kien f’dan il-waqt li l-Mulej Ġesù wrieha wiċċu midrub mimli tbatija u qalilha: ‘Ser tkun int li tikkaġunali dan l-uġigħ jekk inti tħalli dan il-kunvent. Jiena għal hawn sejjaħtlek u għal imkien iżjed; u Jiena ħejjejt ħafna grazzji għalik. ‘(Djarju, 19)

Meta daħlet fil-Kongregazzjoni, Helena irċeviet l-isem ta’ Swor Fawstina. Hija għamlet in-novizzjat tagħha fi Krakovja, u hemmhekk fil-preżenza tal-Isqof Stanislaus Rospond, ħadet l-ewwel voti reliġjużi tagħha. Ħames snin wara għamlet il-professjoni tal-voti perpetwi tal-kastità, faqar u ubbidjenza. Għalkemm ingħatat xogħol f’xi wħud mid-djar tal-Kongregazzjoni tagħha, għaddiet żmien itwal fid-djar ta’ Krakovja, Plock u Vilnius, fejn wettqet id-dmirijiet ta’ koka, ġardinara u purtinara.

Minn barra ma kien hemm xejn x’juri l-ħajja mistika tagħha tal-għaġeb u mimlija għana. Hija kienet twettaq id-dmirijiet tagħha b’ħeġġa kbira, kienet tosserva bil-fedeltà r-regoli kollha tal-ħajja reliġjuża, kienet iżżomm il-ġabra u s-skiet, fil-waqt li l-ħin kollu kienet iġġib ruħha b’mod naturali, dejjem burdata tajba, ta’ qalbha tajba u mimlija mħabba li ma tfittixx li hu tagħha mal-proxxmu.

Ħajjitha kollha kienet mibnija fuq sforz kontinwu għal għaqda dejjem iktar sħiħa ma’ Alla waqt li tikkopera ma’ Ġesù b’għadd ta’ sagrifiċċji fil-ħidma tas-salvazzjoni tal-erwieħ. Hija stqarret fid-Djarju tagħha, ‘Ġesù tiegħi, Inti taf li, sa minn ċkuniti, jiena ridt insir qaddisa kbira, jiġifieri, jiena ridt inħobbok bi mħabba hekk kbira li ma jkun hemm ħadd iżjed li jkun ħabbek daqshekk s’issa.’ (Djarju, 1372)

Huwa d-Djarju tagħha li jikxfilna l-profondità tal-ħajja spiritwali tagħha. Jekk naqraw dawn il-pitazzi b’attenzjoni, ikollna stampa tal-ogħla grad tal-għaqda tar-ruħ tagħha ma’ Alla: kemm Alla fittex li jżomm kumpanija lir-ruħ tagħha, kif ukoll l-isforzi u t-taqbid tagħha fit-triq lejn il-perfezzjoni Nisranija. Il-Mulej taha grazzji kbar: id-don tal-kontemplazzjoni, b’għerf profond tal-misteru tal-ħniena ta’ Alla; dehriet; rivelazzjonijiet; il-pjagi moħbijin; id-don tal-profezija u li taqra l-erwieħ, kif ukoll id-don mhux komuni taż-żwieġ mistiku. Għalkemm kellha din l-abbundanza ta’ doni, kitbet hekk: ‘La grazzji, la rivelazzjonijiet, la estasi, lanqas id-doni mogħtija lir-ruħ ma jagħmluha perfetta, imma aktar il-għaqda intima tar-ruħ ma’ Alla … Il-qdusija u l-perfezzjoni tiegħi huma bbażati fuq l-għaqda intima tar-rieda tiegħi mar-rieda ta’ Alla.’ (Djarju, 1107)

L-istil awster ta’ ħajjitha flimkien mas-sawm li kien jgħejjiha, li hi kienet ħadet fuqha nnifisha wkoll qabel ma ngħaqdet mal-Kongregazzjoni, tant neħħewlha s-saħħa minn ġisimha li meta kienet għadha postulanta kien meħtieġ li jibagħtuha Skolimow qrib Varsavja sabiex tkun tista’ terġa’ tieħu saħħitha. Qrib it-tmiem tal-ewwel sena tan-novizzjat tagħha, kellha esperjenzi mistiċi li ġabulha uġigħ mhux tas-soltu ta’ dak li jsejħulu l-lejl mudlam (tar-ruħ), u iktar tard kellha tbatijiet spiritwali u morali li kellhom x’jaqsmu mat-twettiq tal-missjoni li hija kienet qiegħda tirċievi mingħand il-Mulej Ġesù. Swor Fawstina offriet ħajjitha bħala sagrifiċċju għall-midinbin u minħabba dan kellha tbati wkoll diversi tbatijiet, sabiex permezz tagħhom setgħet tgħin lil ruħhom. Fl-aħħar snin ta’ ħajjitha t-tbatijiet interni ta’ dak li jsejħulu l-lejl passiv tar-ruħ u mard tal-ġisem żdiedu fl-intensità. It-tuberkolożi li xterditilha attakkatilha l-pulmuni u l-kanal tal-ikel. Minħabba f’hekk darbtejn kellha toqgħod għall-kura ta’ diversi xhur fl-isptar ta’ Triq Pradnik fi Krakovja.

Bla saħħa f’ġisimha imma matura għal kollox spiritwalment, hija mietet b’fama ta’ qaddisa, f’għaqda mistika ma’ Alla, nhar il-5 ta’ Ottubru, 1938. Bil-kemm kellha 33 sena, li tlettax-il sena minnhom għexithom bħala reliġjuża. Il-fdalijiet tagħha tpoġġew fil-qabar komuni fiċ-ċimiterju tal-kunvent fi Krakovja – Lagiewniki. Fl-1966, waqt il-proċess ta’ ġbir ta’ informazzjoni għall-beatifikazzjoni ta’ Swor Fawstina, il-fdalijiet tagħha ġew trasferiti għall-kappella tal-kunvent.

Ħsieb: Mid-Djarju ta’ Santa Fawstina Paragrafu numru 635:

“25 ta’ Marzu. Filgħodu waqt il-meditazzjoni l-preżenza ta’ Alla daret miegħi b’mod speċjali, għax rajt il-kobor, li ma tistax tkejlu, ta’ Alla, u fl-istess ħin, kif Hu jindenja jitbaxxa lejn il-ħlejjaq Tiegħu. Imbagħad rajt lil Omm Alla, li qaltli: O, kemm togħġob lil Alla dik ir-ruħ li timxi bil-fedeltà fuq l-ispirazzjonijiet tal-grazzja Tiegħu! Jiena tajt il-Feddej lid-dinja; inti għandek tkellem lid-dinja dwar il-ħniena kbira Tiegħu u tħejjijha għat-Tieni Miġja ta’ Dak li għad irid jiġi, mhux bħala Salvatur ħanin, imma bħala Mħallef ġust. O, kemm tkun terribbli dik il-ġurnata! Il-jum tal-ġustizzja, il-jum tal-korla divina huwa fiss. L-anġli jirtogħdu quddiemu. Kellem lill-erwieħ dwar din il-ħniena kbira sakemm għad hemm żmien li (tingħata) il-ħniena. Jekk inti ma titkellimx issa, inti jkollok twieġeb għal għadd kbir ta’ erwieħ f’dak il-jum terribbli. Tibża’ minn xejn. Ibqa’ fidila sal-aħħar. Jiena nissimpatizza miegħek.

Lil din ir-reliġjuża sempliċi, bla skola imma kuraġġuża, li afdat lill-Mulej Ġesù għal kollox bla ebda limitu, Huwa taha l-missjoni kbira li xxandar il-messaġġ Tiegħu ta’ ħniena indirizzat lid-dinja kollha: ‘Illum, Huwa qalilha, Jiena qiegħed nibgħatek bil-ħniena Tiegħi għand in-nies tad-dinja kollha. Jiena ma rridx nikkastiga lill-umanità li qiegħda tbati, imma nixtieq infejjaqha u nrossha mal-Qalb Tiegħi mimlija Ħniena. (Djarju, 1588) Inti s-segretarja tal-ħniena Tiegħi. Jiena għażiltek għal din il-missjoni f’din il-ħajja u fil-ħajja l-oħra. (Djarju, 1605) … sabiex inti tgħarraf lill-erwieħ bil-ħniena kbira Tiegħi għalihom, u sabiex inti tħeġġiġhom biex ikollhom fiduċja fil-ħniena Tiegħi bla tarf.’ (Djarju, 1567)

Fi ftit kliem, il-missjoni tagħha tikkonsisti filli tfakkarna fil-veritajiet tal-fidi tagħna, li kienu sa minn dejjem imma li qisna nsejniehom, dwar l-imħabba ta’ Alla mimlija ħniena għall-bnedmin, u filli twasslilna suriet ġodda ta’ devozzjoni lejn il-Ħniena Divina, li meta aħna nipprattikawha tmexxina sabiex aħna niġġeddu fil-ħajja spiritwali fl-ispirtu Nisrani ta’ fiduċja u ħniena.

Id-Djarju li Ġesù kkmanda lil Swor Fawstina biex iżżommu fl-aħħar erba’ snin ta’ ħajjitha, huwa speċi ta’ ġurnal fejn l-awtriċi kitbet ġrajjiet li kienu qegħdin iseħħu, jew li kienu diġà seħħew, u li kellhom x’jaqsmu l-aktar mal-‘laqgħat’ li r-ruħ tagħha kellha ma’ Alla. Analiżi dettaljata u magħmula bis-sengħa tal-pitazzi tagħha kienet meħtieġa sabiex seta’ jittieħed minnhom dak kollu li ġie meqjus li hu essenzjali għall-missjoni tagħha.

Issa d-Djarju ta’ Santa Fawstina Kowalska, flimkien ma’ tagħrif ieħor dwar id-Devozzjoni li xtaq il-Mulej, jinsabu online wkoll hawnhekk: https://djarjutasantafawstina.wordpress.com u mis-sit stess jista’ jitniżżel bħala dokument sħiħ PDF jew WORD flimkien ma’ dokumenti oħra relevanti ma’ din id-Devozzjoni. L-istess bħalma hemm bil-Malti, hemm ukoll is-sit bil-lingwa Ingliża hawnhekk: https://diaryofstfaustina.wordpress.com/.

Jeżisti wkoll grupp li jxerred id-Devozzjoni lejn il-Ħniena Divina fuq Facebook. bl-isem ta’ ‘Devozzjoni lejn il-Ħniena Divina (Malta). Għal siltiet mid-Djarju ta’ kuljum, Vidjow bit-talba tat-3 p,m., Stampi, Posters, Riflessjonijiet, Attivitajiet u aktar, dwar id-Devozzjoni lejn il-Ħniena Divina, min irid jista’ jingħaqad ma’ dan il-Grupp billi jagħfas din il-link https://www.facebook.com/groups/212658735419300/

Għandna bżonn inxandru l-Messaġġ tal-Ħniena Divina mad-dinja kollha. Ejjew ilkoll ngħinu billi ngħaddu din l-informazzjoni lill-ħbieb tagħna fuq Facebook f’kull fejn hu possibli. Din kienet ix-xewqa ta’ Ġesù espressa lil Sr. Fawstina. Hu wiegħed li jagħti grazzji speċjali f’din il-ħajja u fil-ħajja eterna, lil kull min ikun appostlu ta’ din il-Ħniena billi jxandarHa kull fejn jista’. Ħa tkun il-ħarsa ħanina t’Alla fuqkom u fuq l-għeżież tagħkom issa u għal dejjem.

Talba: Santa Fawstina, Inti għedtilna li l-missjoni tiegħek kellha tibqa’ sejra anke wara mewtek u li inti ma kontx se tinsiena. Il-Mulej Ġesù tak ukoll privileġġ kbir meta qallek li inti strument f’idejH u li għalhekk tkun tista’ “tqassam il-grazzji kif trid, lil min trid u meta trid.” B’fiduċja sħiħa f’dan il-kliem, jiena nitlob l-interċessjoni tiegħek biex naqla’ l-grazzji li għandi bżonn. Għinni fuq kollox biex jiena nafda f’Ġesù bħalma kont tagħmel int u b’dan il-mod nigglorifika l-Ħniena Tiegħu f’kull mument ta’ ħajti. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2011/12/st-faustina-kowalska.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-maria-faustina-kowalska/ 

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Faustina_Kowalska

Film of Saint Faustina Kowalska:

Film of Saint Faustina Kowalska on Gloria TV: https://gloria.tv/video/Uksp2sweS6Fi2KUk7tf1MtRtR

Nota: It-Tagħrif u parti mill-ħsieb dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħuda mis-sit bil-Malti ‘Djarju ta’ Santa Fawstina‘: https://djarjutasantafawstina.wordpress.com/.