12 ta’ April: Santa Tereża de los Andes

Verżjoni Vidjo: Santa Tereża de los Andes

Għal soru Karmelitana l-mewt mhix tal-biża’. Mhijiex ħlief il-bidu tal-ħajja vera. Mhix ħlief tgħanniqa ma’ Alla li hu mħabba bla tmiem.” Kliem Santa Tereża de los Andes ftit qabel ma mietet.

47b6a9a0-6e06-4ac8-921f-6ad7db3478ca.jpgSANTA TEREŻA DE LOS ANDES
Reliġjuża Tereżjana
1900 – 1920

Tagħrif: Din hija l-ewwel beata u l-ewwel qaddisa miċ-Ċilì, pajjiż fl-Amerika Latina. Kien jisimha Juanita Fernàndez Solar u twieldet Santiago, il-belt kapitali taċ-Ċilì fit-13 ta’ Lulju, 1900. Ta’ 7 snin daħlet fil-Kulleġġ tal-Qalb ta’ Ġesù f’Santiago, fejn damet sakemm kellha 18-il sena. Ta’ 10 snin għamlet l-ewwel tqarbina. Ta’ 16-il sena, fil-festa tal-Kunċizzjoni Immakulata, wegħdet ’l Alla li tiddedika ħajjitha lilu.

Kellha devozzjoni speċjali lejn l-Ewkaristija. Bdiet tgħin lill-foqra u ’l-morda, tgħallem il-katekiżmu lit-tfal u żżur lill-familji fil-bżonn. Kienet dejjem ferrieħa u anke ċajtiera. Kienet tħobb l-isport u tirkeb iż-żiemel. Kienet tħobb il-passiġġati twal fil-kampanja, speċjalment qrib il-baħar.

Meta darba żaret il-monasteru tal-Karmelitani Skalzi ta’ Los Andes, iddeċidiet li ssir Karmelitana tal-Klawsura bħal Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, li dak iż-żmien kienet għadha ma ġietx iddikjarata qaddisa u lanqas beata. Fehmet li t-triq tal-Karmelu kienet it-triq tas-salib. Imma hi s-salib ħabbitu għax kien ta’ Ġesù.

Fis-7 ta’ Mejju tas-sena 1919, daħlet fil-monasteru u ħalliet lill-familja għal dejjem. Bħala reliġjuża tawha l-isem ta’ Swor Tereża ta’ Ġesù. Fil-Karmelu sabet ’l Alla, u sabet l-ogħla ferħ ta’ qalbha. Għażlet il-faqar, il-penitenza u s-silenzju biex tingħaqad unikament mal-Mulej, u ma damitx ma ngħaqdet għal kollox miegħu.

Matul ir-Randan tal-1920 sfat marida. Għall-ewwel deher li ma kien hemm xejn gravi, imma fil-fatt kien hemm. Kienet mardet bit-tifù u tifù tassew qawwi. Meta ndunat li t-tmiem ta’ ħajjitha kien qed joqrob, u rat li l-mewt kienet waslet, qalet: “Għal soru Karmelitana l-mewt mhix tal-biża’. Mhijiex ħlief il-bidu tal-ħajja vera. Mhix ħlief tgħannieqa ma’ Alla li hu mħabba bla tmiem.”

Mietet fit-12 ta’ April tas-sena 1920. Kellha biss 19-il sena u 9 xhur, u kienet ilha biss 11-il xahar fil-monasteru. Il-Papa San Ġwanni Pawlu II, fiż-żjara pastorali tiegħu fiċ-Ċilì fl-1987, ipproklamaha bħala l-ewwel Beata taċ-Ċilì, u fil-21 ta’ Marzu tas-sena 1993, l-istess Papa, ikkanonizzaha. Il-Karmelitani Skalzi jiċċelebraw it-tifkira tagħha fit-13 ta’ Lulju.

Ħsieb: Il-grazzji speċjali mogħtija lil Santa Tereża de los Andes jirriflettu l-għerf misterjuż ta’ Alla fejn tidħol il-ħidma tiegħu f’individwi kemm ta’ età żgħira kif ukoll dawk t’età akbar. Jidher li Alla għandu l-loġika unika tiegħu fir-rigward ta’ min, meta u kemm wieħed għandu jinkiseb fil-qasam tal-grazzja. Kull ma nistgħu ngħidu hu; “Ikun imfaħħar Alla.” Hu kollox jagħmel sew! Kollox! Anki meta ma nifhmux il-pjan misterjuż tiegħu, irridu nżommu dejjem quddiem l-għajnejn tal-fidi tagħna li Alla qed jara l-istampa kollha u aħna, bil-moħħ ċkejken tagħna, ma nistgħux nilmħu l-proġett sħiħ li Alla, fl-imħabba tiegħu għalina, ħejja. Għalhekk, it-tweġiba tagħna għal imħabbtu, għandha dejjem tkun il-fiduċja murija permezz tal-fidi, tat-tama, u b’mod speċjali tal-imħabba. Il-kontra ta’ dawn hija l-biża’, id-disperazzjoni u t-telfien!

Kemm-il darba aħna jiġrilna bħall-appostli meta Ġesù kien fl-istess dgħajsa magħhom f’nofs maltempata, imma aħna jidhrilna li mhux qiegħed jagħti kasna. Għalkemm nemmnu li qiegħed hemm aħna nimtlew bil-beżgħat tagħna. L-Appostli kienu jafuh ħafna imma xorta waħda ddubitaw mill-Messija, minn Ġesù. Ġesù imma, dar fuqhom u staqsiehom għaliex qegħdin jibżgħu.

Il-biżà hija ingredjent mill-ħajja tagħna, minn meta konna żgħar kellna ħafna beżgħat li biż-żmien inbidlu u mhux spiċċaw. Ilkoll kemm aħna ngħaddu minnhom u konxji wkoll li hemm il-Mulej lest biex jgħinna, però xorta waħda niddubitaw. Min-naħa l-oħra importanti li jkollna ftit riskju u sens ta’ avventura fil-ħajja tagħna. F’parti oħra tal-Evanġelju Ġesù jgħidilna: “Ejjew għandi intom li tinsabu mtaqqlin u mħabbtin u jiena nserraħkom.” X’inhi dik il-ħaġa li ttaqqalna u tħabbatna? Huma l-problemi tal-ħajja.

Kull ma nagħmlu fih il-problemi u r-riskju. F’dawn iċ-ċirkustanzi rridu nemmnu, nemmnu bħalma jemmnu t-tfal; mingħajr ma jistaqsu għaliex. Il-fidi tagħna hija misteru imma rrid nafda u nemmen li l-Mulej qiegħed hemm lest biex jgħinni. Hu jaf x’inhu jiġri imma qiegħed jistenniena biex nitolbuh l-għajnuna. San Tumas kien qal li ħajjitna qisha bħal meta aħna qegħdin tilgħajn ma’ muntanja imma Alla qiegħed fil-quċċata u minn hemm jista’ jara t-triq li aħna qegħdin naqbdu. Aħna ma nistgħux inkunu ċerti mit-triq tagħna għaliex m’aħniex naraw eżatt x’hemm wara l-kantuniera imma Alla qiegħed jara kollox minn fuq.

Il-Mulej qiegħed mimdud fid-dgħajsa tagħna imma huwa jimpurtah minna.

Ġesù qiegħed jgħidilna kif qal lid-dixxipli: “Jiena Hu, afdaw fija.” Ma jfissirx li l-problemi se nsolvuhom kollha jew b’mod sħiħ imma l-fatt li npoġġuhom f’riġlejn il-Mulej se jgħinna naffrontawhom. Int temmnu dan? Kemm qed tirsisti biex tkabbar il-fiduċja tiegħek fil-Mulej kif għamlet Santa Tereża de los Andes u b’hekk mietet fil-paċi b’moħħha mistrieħ li Alla se jsalvaha? 

Talba: O Alla ta’ min jafdak u jintelaq għal kollox f’idejk, int urejt il-valur tal-fiduċja sħiħa li tistenna minn għandna l-bnedmin lil Santa Tereża de los Andes u din kibret f’din il-virtù bi mħabba kbira lejk, agħtina li fuq l-eżempju tagħha, aħna ngħixu hienja u b’moħħna mistrieħ li Int għax tħobbna, ser tippermetti dak u dak biss li hu ta’ ġid għalina. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/04/st-teresa-of-los-andes.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-teresa-of-los-andes/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Teresa_of_the_Andes

Vatican Biography: http://www.vatican.va/news_services/liturgy/saints/ns_lit_doc_19930321_teresa-de-jesus_en.html

Film on Gloria TV about the life of  Saint Teresa of the Andes (with English subtitles):
https://gloria.tv/video/3fuupKgcCyjo3RSneXfCJ9CFk

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Parti mill-Ħsieb huwa meħud mis-sit tal-Moviment Kerygma.

5 ta’ Settembru: Santa Tereża ta’ Kalkutta

Verżjoni Vidjo: Santa Tereża ta’ Kalkutta

“Il-paċi tibda bi tbissima.” Santa Tereża ta’ Kalkutta

madreteresacalcutagrandeSANTA TEREŻA TA’ KALKUTTA
1910 – 1997

Tagħrif: Madre Tereża ta’ Kalkutta (Skopje, 26 ta’ Awwissu, 1910 – Kalkutta, Indja, 5 ta’ Settembru, 1997) twieldet f’familja Kattolika Albaniża fi Skopje, illum parti mill-Maċedonja. Ta’ 18-il sena ddeċidiet li tidħol fil-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Missjunarji tal-Madonna ta’ Loreto. Fl-1928, telqet lejn l-Irlanda, u sena wara kienet l-Indja. Fl-1931, iż-żagħżugħa Ines ħadet l-ewwel voti u l-isem ġdid ta’ Swor Marija Tereża tal-Bambin Ġesù (għad-devozzjoni tagħha lejn il-qaddisa ta’ Lisieux), u ta’ 20 sena kienet tgħallem l-istorja u l-ġografija lil studenti bniet sinjuri fil-kulleġġ tas-sorijiet ta’ Loreto f’Entally, żona fil-lvant ta’ Kalkutta.

Wara l-ħajt tal-kunvent kien hemm il-kwartier ta’ Motti bl-intiena soffokanti tiegħu, wieħed mill-ifqar slums ta’ Kalkutta, il-miżbla tad-dinja. Mill-bogħod Swor Tereża setgħet tisma’ l-ħsejjes li kienu jaslu sal-kulleġġ lussuż, iżda ma kinitx taf x’kienu. Kienu l-wiċċ l-ieħor tal-Indja, dinja oħra ‘l bogħod minnha, għallinqas sa dik il-lejla tal-10 ta’ Settembru, 1946, meta kienet f’ferrovija diretta lejn Darjeeling għall-eżerċizzji spiritwali u hemm ġietha t-“tieni sejħa”: matul dak il-lejl frażi baqgħet imwaħħla f’moħħha tul il-vjaġġ kollu, l-għajta muġugħa ta’ Ġesù msallab: “Għandi l-għatx!” Hija kellha tħalli l-kunvent biex tiddedika ruħha għall-ifqar fost il-fqar: dawk li huma x-xejn, l-emarġinati f’kollox, l-abbandunati li kuljum kienu jmutu fuq il-bankini ta’ Kalkutta, mingħajr lanqas id-dinjità li jistgħu jmutu fil-paċi ta’ dejjem.

Swor Tereża ħalliet il-kunvent ta’ Entally b’ħames rupiji fil-but u s-sari abjad bit-tarf ikħal tal-ifqar Indjani, wara kważi 20 sena mas-sorijiet ta’ Loreto. Kien is-16 t’Awwissu, 1948. Iċ-ċkejkna Ines saret Madre Tereża. Fl-1950, id-djoċesi approvat il-kongregazzjoni ġdida tagħha tal-Missjunarji tal-Karità. Kien is-7 ta’ Ottubru, il-festa tar-Rużarju, u mhux b’kumbinazzjoni għax din il-kongregazzjoni ġdida ġiet ddedikata lil Marija. L-imħabba profonda ta’ Madre Tereża lejn il-Madonna kellha għeruq fit-tfulija tagħha, meta ommha kienet tieħu lilha u lil ħutha Lazar u Age l-knisja, iżuru l-foqra u jitolbu flimkien ir-rużarju.

Barra t-tliet voti tal-faqar, kastità u ubbidjenza, kull Missjunarju tal-Karità jieħu ieħor, dak ta’ “servizz gratwit lejn l-ifqar fost il-fqar.” Enfasi fuq l-imitazzjoni tal-virtujiet tal-Madonna, speċjalment l-umiltà, is-silenzju, u l-karità. “I thirst” (għandi l-għatx), hemm miktub fuq il-kurċifiss tal-Casa Madre u f’kull kappella – f’kull parti tad-dinja – f’kull dar tal-kongregazzjoni ta’ Madre Tereża. Din il-frażi tat-“tieni sejħa tagħha,” tiġbor f’żewġ kelmiet l-ispiritwalità tagħha.

Illum il-figura rqiqa ta’ Madre Tereża, il-ġisem fraġli tagħha mgħawweġ bl-għejja tax-xogħol, u wiċċha mkemmex saru magħrufin mad-dinja kollha. Kull min iltaqa’ magħha, anke darba, ma jistax jinsieha: id-dija tat-tbissima tagħha kienet tirrifletti l-imħabba immensa tagħha. Meta hi tħares lejk, b’dawk għajnejha profondi, amorevoli, limpidi, kont tħoss li qed iħarsu lejk l-istess għajnejn ta’ Alla l-Imbierek.

Attiva u kontemplattiva fl-istess ħin, fiha kien hemm idealiżmu u konkretezza, pragmatiżmu u utopja. Kienet tħobb tiddefinixxi lilha nnifisha bħala “l-lapes żgħir ta’ Alla”, strument żgħir u sempliċi f’idejh. Kienet tagħraf b’umiltà li meta l-lapes jispiċċa, il-Mulej jarmih u jafda lil ħaddieħor il-missjoni appostolika tagħha: “Min jemmen fija jagħmel hu ukoll l-għemejjel li qed nagħmel jien, u ikbar minnhom ukoll” (Ġwanni 14, 12).

Madre Tereża mietet f’Kalkutta filgħaxija tal-Ġimgħa 5 ta’ Settembru, 1997, fid-9.30. Kellha 87 sena. Fis-26 ta’ Lulju, 1999 infetaħ il-proċess tagħha ta’ beatifikazzjoni, 3 snin qabel suppost; għalkemm għall-poplu Madre Tereża kienet diġà qaddisa. Nhar id-19 ta’ Ottubru 2003, il-Papa Ġwanni Pawlu II iddikjaraha Beata. Madre Tereża ta’ Kalkutta kienet ġiet iddikjarata qaddisa fl-4 ta’ Settembru 2016, mill-Papa Franġisku.

L-ulied spiritwali tagħha għadhom jaqdu lill-“ifqar fost il-fqar” fl-orfanatrofji, fil-lebbrożarji, fid-djar tal-anzjani, f’ommijiet xebbiet, u l-moribondi. B’kollox qegħdin 5000 f’madwar 600 dar imferrxin madwar id-dinja. “Meta mmut” – kienet tgħid hi – “inkun nista’ ngħinkom iktar…”

Ħsieb: Fil-pjan terren tal-Mother House, fil-Lower Circular Road ta’ Kalkutta, wieħed isib il-kappella sempliċi u mneżża’ minn kollox, fejn mit-13 Settembru ta’ l-1997, wara l-funeral statali li ngħatalha, jinsab midfun il-ġisem ta’ Madre Tereża. Barra, l-istorbju li jtarrax tal-metropoli Indjana, mimli faqar u miżerja. Ġewwa, iżda l-ħin bħal jieqaf quddiem qabar fqir: blokka siment abjad u fuqu l-Bibbja personali ta’ Madre Tereża u statwa tal-Madonna b’kuruna ta’ fjuri m’għonqha. Ħdejha lapida tal-irħam b’versett bl-Ingliż mill-Vanġelu ta’ San Ġwann: “Ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien.” (15: 12)

“Tassew ngħidilkom; kull m’għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.” (Ġesu’ f’Mattew 25:40) Ħafna drabi l-Mulej kellimna bil-ġrajjiet ta’ mħabbtu qabel ma kellimna bi kliemu. San Ġwann, fit-Tieni Qari mill-Ewwel Ittra tiegħu, itenni li għandna nħobbu lil xulxin għax l-imħabba ġejja minn Alla. Iżda meta tisma’ stejjer dwar abbużi tat-tfal, tifrik u ġlied fil-familji wara ftit snin ta’ ħajja miżżewġa, meta tisma’ nies li jiġġakbinaw lil xulxin fuq il-post tax-xogħol, meta tara stejjer ta’ aħwa mifruda għal snin sħaħ minn xulxin minħabba xi ġlieda jew nuqqas ta’ qbil… dan kollu jindika li għadna lanqas bdejna nifhmu xi jrid il-Mulej minna, xi jrid jgħidilna l-Mulej meta jtenni li għandna nħobbu kif ħabbna hu.

Huwa ferm importanti li fil-ħajja tagħna nagħmlu deċiżjonijiet ċari meta ngħidu li nħobbu lil xi ħadd. Tħobb ma jfissirx li tibgħat xi kartolina, iżda jfisser li int tagħmel minn kollox għal dik il-persuna, saħansitra tkun lest li titlef ħajtek. Madre Tereża ta’ Kalkutta tgħidilna li tħobb ifisser li tibqa’ toffri lilek innifsek sakemm tbati. Iżda l-Vanġelu falz li qed tipprietka d-dinja huwa Vanġelu li jedifika l-egoiżmu tal-persuna umana, huwa mmirat biex tikber inti u ċċekken lil ta’ madwarek. Għalhekk, anki llum, is-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu għadu skandlu għal-Lhud u bluha għall-pagani. Alla huwa mħabba. Din l-imħabba tahielna bħala wirt, imma …

  • Taf tassew x’inhi l-imħabba?
  • Kemm qed tgħix l-imħabba vera mal-proxxmu tiegħek fil-ħajja ta’ kuljum?
  • Kemm inti lest biex tkompli tħobb?
  • “Sejjaħtilkom ħbieb,” jgħid il-Mulej. Tħoss li l-Mulej tassew huwa l-ħabib tiegħek?
  • “Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi tibqgħu fi mħabbti.” Hekk qal il-Mulej. Kemm qed tipprova tgħix dan il-kmand?

Jekk fl-imħabba ma jkunx hemm tbatija, din m’hi mħabba xejn. Ħares lejn Kristu Msallab!

Il-messaġġ ta’ Madre Tereża huwa dejjem attwali: li kulħadd ifittex il-Kalkutta tiegħu, li tinsab ukoll fit-toroq tal-Oċċident sinjur, fir-ritmu frenetiku tal-ibliet tagħna. Tista’ ssib Kalkutta fid-dinja kollha jekk għandek għajnejn biex tara … kull fejn hemm persuni mhux maħbuba, li ma jridhom ħadd, imwarrbin u minsijin minn kulħadd.

Talba: Marija, agħtina l-Qalb tiegħek, hekk sabiħa, hekk safja, hekk Immakulata, il-Qalb tiegħek hekk mimlija bl-imħabba u bl-umiltà sabiex anke aħna nistgħu nirċievu u nwasslu ‘l Ġesù bħalma inti rċivejtu u wassaltu lill-oħrajn. Ammen. (Talba lil Marija ta’ Santa Tereża ta’ Kalkutta)

English Version: https://www.biography.com/people/mother-teresa-9504160

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-teresa-of-calcutta/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Mother_Teresa

Filmati ta’ Santa Tereża fuq Gloria TV: https://gloria.tv/video/gDFxjpvG1zBU1kP7SnC9tNf1y

Nota: It-Tagħrif u l-ħsieb dwar din il-qaddisa huwa meħuda w addattati mill-Wikipedia u minn riflessjoni ppublikata fis-sit tal-Moviment Kerygma.