12 ta’ Awwissu: Beatu Innoċenz XI

Verżjoni Vidjo: Beatu Innoċenz XI

“Min jiekol ġismi u jixrob demmi, jibqa’ fija u jiena fih.” – Ġesù fi Ġwanni 6:56.

Innocent-XI-bBEATU INNOĊENZ XI
Papa
1611 – 1689

Tagħrif: Kien jismu Benedittu. Twieled f’Como fl-1611 u kien ġej mill-familja magħrufa Odescalchi. Wara li studja għand il-Ġiżwiti, minn mindu kellu 15-il sena, hu kien imħarreġ fil-bank tal-familja tiegħu f’Ġenova. Iżda wara sar avukat u sar magħruf għall-onestà, kuraġġ u mħabba kbira lejn il-foqra.

Wara li qabad il-karriera ekklesjastika, il-Papa Innoċenz X li kien iġibu ħafna minħabba l-kwalitajiet sbieħ fih għażlu kardinal meta kellu 33 sena, minkejja li kien għadu mhux saċerdot.

Ordna qassis u kien maħtur isqof ta’ Novara meta kellu 49 sena. Kien elett Papa fl-1676 meta kellu 65 sena. Qabel ma aċċetta li jkun Papa huwa talab li l-kardinali jiftehmu li jtemmu r-riforma tal-Konċilju ta’ Trentu, jiddefendu l-libertà tal-Knisja fil-kontroversja li kien hemm fil-Knisja ta’ Franza msejħa l-Gallikaniżmu u jipproteġu r-reliġjon Nisranija kontra t-Torok.

Il-Papa Innoċenz XI ikkundanna l-kwetiżmu ta’ Miguel de Molinos u ħeġġeġ għat-tqarbin spiss.

Dan il-Papa kkundanna 65 propożizzjoni laxki mxerrda minn xi moralisti. Hu ta direttiva lill-Ġeneral tal-Ġiżwiti biex iqanqal lill-universitajiet tal-ordni biex isostnu l-opinjonijiet l-aktar probabbli fit-teoloġija morali.

Il-Papa Innoċenz XI miet fit-12 ta’ Awwissu 1689, ta’ 78 sena, wara li kien ilu Papa 13-il sena. Papa Piju XII iddikjarah Beatu fl-1956.

Ħsieb: Innoċenz XI kien bniedem ta’ drawwiet sempliċi u ta’ natural ġeneruż, imma sod ħafna fil-ħidma tiegħu kontra l-ħażen u fejn jidħlu ambizzjonijiet jew stravaganzi ekklesjastiċi.

Meta miet dan il-Papa, il-poplu, speċjalment il-foqra li fih sabu veru missier, iffolla lejn il-kadavru tiegħu biex jagħtih l-aħħar tislima, u billi ħafna xtaqu jżommu xi biċċa mil-libsa tiegħu, kellha tiżdied il-gwardja miegħu mejjet.

Il-Papa Innoċenz XI tassew li ħeġġeġ għat-tqarbin ta’ spiss, anke ta’ kuljum, imma basta mhux biex wieħed jagħmel bħal ħaddieħor u basta wieħed joqgħod attent għat-tħejjija u l-qima lejn is-Sagrament. U aħna llum, kemm nagħtuh importanza lil dan is-Sagrament tat-Tqarbin? Kemm qed ninqdew bil-Qrar qabel nitqarbnu? Kemm qed ninbidlu f’Dak li nirċievu?

Il-Papa Franġisku, fl-Udjenza li għamel dwar it-Tqarbin nhar l-Erbgħa 21 ta’ Marzu 2018, qal dan li ġej:

“Wasalna biex nitkellmu fuq it-Tqarbin, jiġifieri biex aħna ningħaqdu ma’ Ġesù. Qed nirreferi għat-tqarbin sagramentali: mhux it-tqarbin spiritwali, li int tista’ tagħmlu mid-dar tiegħek billi tgħid: ‘Ġesù, nixtieq nirċevik spiritwalment.’ Le, it-tqarbin sagramentali, bil-ġisem u d-demm ta’ Kristu. Niċċelebraw l-Ewkaristija biex nitrejqu bi Kristu, li jagħtina lilu nnifsu kemm fil-Kelma u kemm fis-Sagrament tal-Altar, biex iwaħħadna miegħu. Dan jgħidu l-Mulej stess: ‘Min jiekol ġismi u jixrob demmi, jibqa’ fija u jiena fih’ (Ġwanni 6:56). Fil-fatt, il-ġest ta’ Ġesù li ta lid-dixxipli tiegħu Ġismu u Demmu fl-Aħħar Ċena, jissokta llum ukoll permezz tal-ministeru tas-saċerdot u tad-djaknu, ministri ordinarji tat-tqassim tal-Ħobż tal-ħajja u tal-Kalċi tas-salvazzjoni lill-aħwa.

Fil-Quddiesa, wara li jkun qasam il-Ħobż ikkonsagrat, jiġifieri l-ġisem ta’ Ġesù, is-saċerdot jurih lill-fidili, u jistedinhom jieħdu sehem fl-ikla Ewkaristika. Nafuhom il-kelmiet li jidwu minn fuq l-altar imqaddes: ‘Dan huwa l-Ħaruf ta’ Alla, dan hu li jneħħi d-dnubiet tad-dinja: henjin dawk li huma mistiedna għall-Ikla tal-Ħaruf.’ Imnebbħa minn silta mill-Apokalissi – ‘hienja dawk li kienu mistiedna għall-mejda tat-tieġ tal-Ħaruf’ (Apokalissi 19:9): jgħid ‘tieġ’ għax Ġesù hu l-għarus tal-Knisja – b’din l-istedina qed isejħilna biex ngħixu l-għaqda intima tagħna ma’ Kristu, għajn ta’ ferħ u ta’ qdusija.

Hi stedina li thenni u fl-istess ħin twassalna għall-eżami tal-kuxjenza għad-dawl tal-fidi. Jekk minn naħa, fil-fatt, naraw id-distanza li hemm tifridna mill-qdusija ta’ Kristu, mill-oħra nemmnu li d-Demm tiegħu hu ‘mxerred għall-maħfra tad-dnubiet.’ Ilkoll kemm aħna ġejna maħfura fil-Magħmudija, u lkoll kemm aħna maħfura u se niġu maħfura kull darba li nersqu lejn is-Sagrament tal-Penitenza. U tinsewx: Ġesù dejjem jaħfer. Ġesù ma jegħja qatt jaħfer. Aħna li negħjew nitolbu maħfra.

Meta jaħseb sewwasew fuq il-valur salfiviku ta’ dan id-Demm, Sant’Ambroġ jesklama: ‘Jien li dejjem nidneb, irrid dejjem nagħmel użu mill-mediċina’ (De sacramentis, 4, 28: PL 16, 446A). B’din l-istess fidi, aħna wkoll indawru ħarsitna fuq il-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja u nsejħulu: ‘Mulej, ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi: imma għid kelma waħda u ruħi tkun imfejqa.’ Dan ngħiduh f’kull Quddiesa.

Jekk aħna niċċaqilqu minn postna biex nersqu għat-Tqarbin, aħna nimxu lejn l-altar f’purċissjoni biex nitqarbnu, fir-realtà hu Kristu li jiġi jiltaqa’ magħna biex iwaħħadna miegħu. Hemm laqgħa ma’ Ġesù! Li nitrejqu bl-Ewkaristija jfisser li ninbidlu f’dak li nirċievu. Dan jgħinna nifhmuh Santu Wistin, meta jirrakkonta fuq id-dawl li rċieva meta sema’ lil Kristu jgħidlu: ‘Jiena l-ikel tal-kbar: ikber, u tibda tiekol lili, mhux biex tibdel lili fik, bħall-ikel tal-ġisem, iżda biex int tinbidel fija’ (L-Istqarrijiet VII, 10, 16: PL 32, 742).

Kull darba li aħna nitqarbnu, insiru nixbhu iktar lil Ġesù, ninbidlu iżjed f’Ġesù. Kif il-ħobż u l-inbid jinbidlu fil-Ġisem u d-Demm tal-Mulej, hekk dawk li jirċevuhom bil-fidi jinbidlu f’Ewkaristija ħajja. Lis-saċerdot li, hu u jqarbnek, jgħidlek: ‘Il-Ġisem ta’ Kristu,’ int twieġbu: ‘Ammen,’ jiġifieri tagħraf il-grazzja u l-impenn li jitlob li ssir Ġisem ta’ Kristu. Għax meta int tirċievi l-Ewkaristija, int issir Ġisem ta’ Kristu. Kemm hi ħaġa sabiħa din; hi sabiħa ħafna. Waqt li jgħaqqadna ma’ Kristu, u jneżżagħna mill-egoiżmi tagħna, it-Tqarbin jiftħilna qalbna u jgħaqqadna ma’ dawk kollha li huma ħaġa waħda miegħu. Dan hu l-għaġeb kbir tat-Tqarbin: insiru dak li nirċievu!

Il-Knisja tixtieq tassew li anki l-fidili jirċievu l-Ġisem ta’ Kristu b’ostji kkonsagrati fl-istess Quddiesa; u s-sinjal tal-mejda Ewkaristika joħroġ b’mod iżjed sħiħ jekk it-Tqarbin imqaddes isir biż-żewġ speċi, imqar jekk nafu li t-tagħlim Kattoliku jgħidilna li taħt speċi waħda nkunu diġà qed nirċievu lil Kristu sħiħ (ara Ordni ġenerali tal-Missal Ruman, 85; 281-282). Skont il-prassi ekkleżjali, il-fidili normalment jersqu lejn l-Ewkaristija f’forma proċessjonali, kif semmejna, u jitqarbnu bilwieqfa b’devozzjoni, inkella għarkupptejhom, kif stabbilit mill-Konferenza Episkopali, u jirċievu dan is-sagrament fuq l-ilsien jew, fejn hu permess, fuq l-id, kif jippreferu (ara OGMR, 160-161). Wara t-Tqarbin, biex ngħożżu fil-qalb tagħna d-don li rċivejna, jista’ jgħinna s-skiet, it-talb fis-skiet. Ikun ta’ għajnuna kbira jekk intawlu xi ftit dan il-mument ta’ skiet, fejn noqogħdu nitkellmu ma’ Ġesù fil-qalb tagħna, kif ukoll jekk inkantaw xi salm jew innu ta’ tifħir (ara OGMR, 88) li jgħinna noqogħdu mal-Mulej.

Il-Liturġija tal-Ewkaristija tagħlaq bit-Talba wara t-Tqarbin. Fiha, f’isem kulħadd, is-saċerdot idur lejn Alla biex iroddlu ħajr li tana sehem miegħu fl-istess mejda u jitolbu li dak li rċivejna jibdel lil ħajjitna. L-Ewkaristija tagħtina s-saħħa biex nagħtu frott ta’ opri tajba ħalli ngħixu ta’ Nsara. Fiha tifsira qawwija t-talba tal-lum, li fiha nitolbu lill-Mulej li ‘l-misteri qaddisa li rċivejna jkunu għalina duwa tas-sema, biex ifejqu lill-qlub tagħna mill-ġibdiet ħżiena, u jwettquna u jħarsuna dejjem’ (Missal Ruman, l-Erbgħa wara l-V Ħadd tar-Randan). Ejjew nersqu lejn l-Ewkaristija: nirċievu lil Ġesù li jibdilna fih, isaħħaħna iżjed. Kemm hu twajjeb u kbir il-Mulej!”

  • U int, qed qed tħejji ruħek sew biex titqarben b’safa, devozzjoni u gratitudni?

Talba: Mulej, Inti tajtna fil-Beatu Papa Innoċenz XI missier ħanin li jieħu ħsieb il-merħla b’impenn u ġenerożità qaddisa, l-aktar lejn il-foqra, u b’karattru sod ħafna fejn kienet tidħol il-ħidma tiegħu kontra l-ħażen; agħtina li b’talbu aħna naħarbu kull okkażjoni ta’ ħażen u nissaħħu dejjem iżjed bl-Ikel tas-Sema fis-Sagrament tal-Ewkaristija. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/blessed-pope-innocent-xi-330

Alternative Reading: https://catholicsaints.info/blessed-pope-innocent-xi/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Pope_Innocent_XI

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements

28 ta’ Jannar: San Tumas ta’ Aquino

Verżjoni Vidjo: San Tumas ta’ Aquino

“Jiena tlabt, u sirt għaqli; sejjaħt lil Alla, u mtlejt bl-għerf. U dan l-għerf qistu aqwa mix-xettri u t-tronijiet, u ntbaħt li l-għana m’hu xejn ħdejh. Mulej, min qatt għaraf x’inhi r-rieda tiegħek jekk inti nnifsek ma tajtux l-għerf u ma bgħattx fuqu mill-għoli l-Ispirtu qaddis tiegħek”. ~ Għerf 7:7-8; 9:17

220px-Thomas_Aquinas_in_Stained_GlassSAN TUMAS TA’ AQUINO
Saċerdot u Duttur tal-Knisja
1225 – 1274

Tagħrif: San Tumas, magħruf bħala d-“Duttur Anġeliku” u l-“Prinċep tat-Teoloġi Kattoliċi”, għadda ħajja f’atmosfera ta’ talb u studju.

San Tumas twieled fil-Belt ta’ Aquino qrib Monte Cassino, fl-1225, minn familja nobbli. Hu kien is-seba’ wieħed fost ħames subien u ħames bniet. Ta’ ħames snin beda jmur għand il-Patrijiet Benedittini ta’ Monte Cassino biex jitgħallem l-iskola.

Fl-1239, meta kellu erbatax-il sena, daħal l-Universita’ ta’ Napli. Hemm iltaqa’ mal-Patrijiet Dumnikani, u daħal magħhom – ordni ddedikata prinċipalment għat-tagħlim u l-predikazzjoni..

Tal-familja ma riduhx isir patri Dumnikan. Fl-1224, ħutu, fuq ordni tal-ġenituri, qabduh u ġabuh lura d-dar bil-fors, u żammewh qisu priġunier f’wieħed mill-kastelli tal-familja, u għamlu minn kollox biex idawrulu fehmtu, bla ma rnexxielhom. Bil-għajnuna ta’ oħtu li kienet iġġiblu l-kotba, studja sew il-Bibbja u l-Filosofija.

Meta tawh il-liberta’ fl-1245, reġa’ ngħaqad mad-Dumnikani. F’Pariġi u f’Cologne huwa studja taħt San Albertu Manju. San Tumas għallem u ppriedka f’Pariġi, Orvieto, Ruma, Viterbo u Napli. Fl-1266, beda jikteb il-famuża Summa Theologiæ, iżda waqaf ħesrem fis-6 ta’ Diċembru 1273, meta kellu esperjenza profonda waqt li kien qed jitlob wara li qaddes. Meta xi ħadd staqsieh għaliex kien waqaf, wieġeb: “Dak kollu li ktibt jidher qisu tiben ħdejn dak li ġie rrelevat lili”. Hu ħalla ħafna kitbiet oħra li jixhdu l-kobor tal-għerf li bih kien imżejjen.

Qabel ma kien jibda xi studju, huwa kien l-ewwel isejjaħ l-għajnuna ta’ Alla fil-kontemplazzjoni u t-talb. Is-sintesi ta’ San Tumas taqbel ħafna mar-rivelazzjoni divina u mar-raġuni umana.

Huwa kien bniedem ta’ ħajja sempliċi, lest li jaqdi, silenzjuż u miġbur, b’mod li kien maħbub minn kulħadd. Aktar minn ħaddieħor hu kien jifhem l-istudju u x-xjenza bħala mezzi ta’ qdusija. Maħbub mill-poplu, kien jippreferi li jippriedka lin-nies foqra, bis-sempliċità u bonarjetà, anke aktar minn darba kuljum, kif jixhed l-ewwel kittieb tal-ħajja tiegħu.

San Tumas t’Aquino kien devot kbir tal-Ewkaristija. Lil dan il-qaddis nafu l-offiċjatura ta’ nhar il-festa ta’ Corpus Christi fejn insibu fost l-oħrajn il-famuż innu Lauda Sion, kif ukoll Pange Lingua, it-Tantum Ergo, O Salutaris Hostia, Adoro te devote u oħrajn.

Darba kien qed jitlob quddiem il-kurċifiss u sama’: “Ktibt tajjeb fuqi, Tumas. Xi trid bħala rigal?” San Tumas wieġeb: “Xejn ħlief lilek, Mulej!”

Il-qaddis miet ta’ 49 jew 50 sena fis-7 ta’ Marzu 1274, wara li rċieva l-vjatku, meta kien fi triqtu biex fuq talba tal-Papa Girgor X jieħu sehem fil-Konċilju ta’ Lyons.

Il-festa tiegħu ssir fit-28 ta’ Jannar b’tifkira ta’ meta fl-1368 il-fdalijiet tiegħu ttieħdu f’Toloża, fi Franza, b’ordni tal-Papa Urbanu V. Kien iddikjarat qaddis minn Ġwanni XXII fl-1323 u ddikjarat duttur tal-Knisja minn Piju V. Mis-snin li għaddew mill-kanonizazzjoni tiegħu, ebda għalliem ma kien hekk approvat minn Papiet u konċilji daqsu u huwa l-uniku duttur li l-Konċilju Vatikan II ppropona speċifikament bħala gwida intellettwali għas-saċerdoti u għall-istudenti universitarji. San Tumas huwa Patrun tal-iskejjel Kattoliċi.

Ħsieb: Nixtieq nibda b’talba mill-isbaħ ta’ San Tumas ta’ Aquino:

O Mulej Alla tiegħi, agħtini
moħħ biex nagħarfek,
qalb biex infittxek,
għerf biex insibek,
imġiba biex nogħġob lilek,
perseveranza determinata fl-istennija tiegħek,
u tama li fl-aħħar inħaddnek miegħi.
Ammen. 

Peress li San Tumas ta’ Aquino kien devot kbir ta’ Ġesu’ fl-Ewkaristija, xtaqt ninkludi parti minn taħdita ta’ Dun Hector Scerri dwar strofa minn innu li kiteb hu, li saret fil-Knisja Arċipretali tal-Mosta fl-Akkademja fil-100 Sena mill-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali (27 ta’ April 2013):

“F’telfa ta’ mħabba qawwija, tabilħaqq magħġuna ma’ kontemplazzjoni taħraq, mill-qalb saċerdotali u l-moħħ għaref ta’ San Tumas ta’ Aquino ħarġet l-għanja-talba magħrufa mill-kliem tal-ewwel vers tagħha, Adoro te devote – Jien nadurak bil-qima. Innu Ewkaristiku li ilu jitkanta minn ġenerazzjonijiet ta’ Nsara tul is-sekli. Innu li jesprimi fidi ħajja fil-Ġisem Veru u d-Demm Veru ta’ Ġesu’ Kristu Rxoxt, tassew preżenti sagramentalment għalina taħt ix-xbihat ta’ ħobż umli u nbid iħammar. Fis-sitt strofa, minn sebgħa, li fiha l-għanja, inkantaw:

Pie pellicane Iesu Domine,
O Ġesu’ hekk twajjeb, Pellikan qaddis
Me immundum munda tuo Sanguine:
Saffi Int lil qalbi b’demmek il-għażiż
Cuius una stilla salvum facere
Li b’qatra biss minnu, O Ġesu’ maħbub
Totum mundum quit ab omni scelere
Tista’ d-dinja kollha tnaddaf minn kull dnub.

Il-kelmtejn tal-bidu, li jiddu b’tifsir għoli: pie pellicane – O Pellikan qaddis, iqanqlu devozzjoni u mħabba ġewwa fina… imma, mhux biss! Kif se naraw, dan il-kliem għandu jqanqalna biex infasslu ħajjitna fuq l-eżempju li tana l-Pellikan qaddis.

Dan in-nom u l-aġġettiv – O Pellikan qaddis, pie pellicane – jeħtieġu ftit ta’ spjegazzjoni. Mijiet ta’ snin ilu, u anke fiż-żmien klassiku tal-Greċja u tal-Imperu Ruman, kienu jemmnu li dan l-għasfur, il-pellikan, kellu mġieba għal kollox partikulari. Meta ma kienx jirnexxilha ssib ikel għall-friegħ tagħha, il-pellikan omm kienet tqatta’ minn ġisimha stess biex huma jkollhom almenu dak il-ftit biex jitrejqu bih. Għalkemm ir-riċerka tax-xjenzjati u tal-ornitoloġi (i.e. dawk li jistudjaw bir-reqqa d-dinja tal-għasafar) tgħid, bla tlaqliq, li dan fil-fatt mhuwiex minnu, fl-istess ħin dan il-ħsieb, bir-raġun, ifakkar lill-Insara f’Ġesu’ Kristu. Ġesu’ tassew tana lilu nnifsu. Tana lilu nnifsu biex niekluh. Tana kollox!

O Ġesu’ hekk twajjeb, Pellikan qaddis, ikun l-eżempju tiegħek li jispirana. Ikun l-eżempju tal-għotja tiegħek li jagħtina l-qawwa biex kuljum aħna nitgħallmu ningħataw bħalek. Inti, fiċ-Ċenaklu, fuq il-Golgota, wara l-Qawmien, ħallejthom iqattgħu u jieklu minnek. U tħalli lilna nagħmlu l-istess. Meta nkunu fl-iskola tiegħek, aħna u nqattgħu u nieklu minnek, nimtlew bil-qawwa biex aħna wkoll insiru “ġisem li jingħata” u “demm li jixxerred”. Dik skola! O Ġesu’ hekk twajjeb, Pellikan qaddis, agħmel li l-Ewkaristija ssir il-ħajja tagħna, u l-ħajja tagħna Ewkaristija.

Aħna l-Maltin għandna idjoma mill-isbaħ. Dwar persuna ġeneruża li ma toqgħodx tkejjel miegħek, aħna ngħidu: “Dak, taqta’ u tiekol minnu”. Għal min, jekk mhux għal Ġesu’, joqgħod l-aktar dan il-kliem?! Iva, Ġesu’, l-Iben t’Alla li sar bniedem, li għallem in-nies, għamel il-mirakli, li sejjaħ in-nies biex ikunu dixxipli tiegħu billi jiċħdu lilhom infushom, jerfgħu salibhom u jimxu warajh, li bata passjoni ħarxa, miet u qam mill-imwiet… huwa tassew il-Pellikan qaddis.

Nistgħu naqtgħu u nieklu minnu mhux biex nieqfu hemm u npoġġu idejna fuq żaqqna. Naqtgħu u nieklu minnu biex hu jagħmel minnek persuna li ħaddieħor jista’ jaqta’ u jiekol minnek. Aħna nqimu lil Ġesu’ fl-Ewkaristija waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa”.

ĠESU’: TQATTA’ U TIEKOL MINNU! Imma attenti! Jeħtieġ inkunu preparati sew biex nirċievu dan is-Sagrament hekk kbir! San Pawl jgħidilna b’mod ċar:

“Mela kull min jiekol il-ħobż jew jixrob il-kalċi tal-Mulej bla ma jixraqlu, ikun ħati tal-ġisem u d-demm tal-Mulej. Ħa jgħarbel il-bniedem lilu nnifsu, mbagħad jiekol il-ħobż u jixrob il-kalċi. Min jiekol u jixrob bla ma jagħżel minn ikel ieħor il-ġisem tal-Mulej, ikun jiekol u jixrob il-kundanna tiegħu stess”. (1Korintin 11:27-29)

TKUN QED TITQARBEN ĦAŻIN: jekk int fid-dnub il-mejjet jew għandek ħsieb ĊAR li tidneb jew tmur kontra l-Vanġelu jew it-tagħlim tal-Knisja. F’dan il-każ, TITQARBINX qabel ma tindem b’sinċerita’ minn dnubietek kollha u tmur tirċievi l-maħfra tal-Mulej permezz tas-Sagrament tal-Ħniena (tal-Qrar). Din taplika għalija, għalik u għal kulħadd. Kulħadd inkluż u ħadd eskluż.

Fis-Sekwenza tas-Solennita’ ta’ Corpus Christi nsibu dan li ġej:

“Jieklu t-tajba, jieklu l-ħżiena;
imma ‘l dawk iġib il-ħajja,
lil dawn jixħet fit-telfien.

Mewt għall-ħżiena, ħajja għat-tajba
ara kif jinbidel fihom,
għalkemm jieħdu l-istess ikel”.

Talba: O Alla, inti tajtna f’San Tumas ta’ Aquino sinjal ċar ta’ ħeġġa għall-qdusija u ta’ ħerqa għat-tagħlim imqaddes; agħmel li nifhmu sewwa kull ma għallem u li nsiru nixbħuh fl-imġiba ta’ ħajtu. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://mycatholic.life/saints/saints-of-the-liturgical-year/january-28-saint-thomas-aquinas-priest-and-doctor/

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-thomas-aquinas/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Thomas_Aquinas

 

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

19 ta’ Jannar: San Makarju l-Eġizzjan

Verżjoni Vidjo: San Makarju l-Eġizzjan

“Tgħallem tinġibidx la bit-tifħir u lanqas bit-tmaqdir”. ~ San Makarju l-Eġizzjan

www.difa3iat.com_-169SAN MAKARJU L-EĠIZZJAN
Eremita
† C.389

Tagħrif: Dan il-qaddis jgħidulu wkoll “l-Anzjan” biex jintagħżel minn Makarju ta’ Lixandra, axxeta wkoll li kien jgħix fl-istess żmien. Huwa kien l-organizzatur prinċipali tal-monaċi fl-art ramlija ta’ Sketis, fil-punent tan-Nil fejn mar jgħix meta kellu 30 sena. Hemmhekk huwa għadda sittin sena u kien imsemmi għall-kontemplazzjoni, axxetiżmu u direzzjoni spiritwali. Huwa ġibed għal warajh ħafna dixxipli bħala eremiti.

L-għidut tiegħu kien jgħaddi minn fomm għal fomm, u ħafna minnu jinsab fil-ġabra li saret wara ta’ Għidut tal-Padri. Kien tant stmat, li diversi kitbiet, speċjalment priedki, bdew jinxterdu taħt ismu.

Lil żagħżugħ li ried jibda jgħix ħajja tajba qallu: “Mur fiċ-ċimiterju u ċanfar lill-mejtin u mbagħad faħħarhom.” Meta d-dixxiplu reġa’ lura, Makarju staqsieh xi tweġiba kellu mill-oqbra. “Ebda tweġiba” wieġbu dak. “Mela mur” qallu Makarju, “u tgħallem tinġibidx la bit-tifħir u lanqas bit-tmaqdir.”

Ħsieb: Il-patrijiet tal-monasteru kopt ta’ San Makarju fl-Eġittu, isostnu li għandhom relikwi ta’ San Ġwann il-Battista, li għex ukoll fid-deżert, f’talb, penitenza u istruzzjonijiet lin-nies li kienu jmorru għandu biex jitgħammdu. Għaliex bosta qaddisin għażlu d-deżert bħala post fejn fih jiltaqgħu ma’ Alla?

Ħa nieħdu l-eżempju ta’ Ġwanni l-Battista. Meta dan kellu tletin sena bħalma kienu jagħmlu s-saċerdoti u r-rejiet (ara Numri 4:34-35 u 2Samwel 5:4), Ġwanni kellu jilħaq qassis tat-tempju bħal missieru Żakkarija, imma huwa għażel li jitwarrab fid-deżert, fil-post tat-talb sabiex iħejji it-triq ta’ Ġesù: “Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert, wittu t-triq tal-Mulej” (Ġwanni 1:23). Illum fid-deżert kbir tal-Ġudea u tal-Perea jeżisti l-għar tal-Battista li jingħad li kien jgħix fih Ġwanni fid-deżert.

Makarju u ħafna oħrajn qablu u warajh, b’fama ta’ ħajja ta’ qdusija kbira fid-deżert, kienu jgħixu fil-faqar, fil-penitenza u fis-solitudni sabiex huwa stess ikun jista’ jgħallmu dawn il-virtujiet lill-oħrajn. Fuq kollox id-deżert huwa l-post tar-riflessjoni u kontemplazzjoni u kif ukoll ta’ preparazzjoni, kif intuża minn Ġesù nnifsu u minn San Pawl.

Ġwanni jmur fid-deżert sabiex jippriedka l-indiema tal-poplu ta’ Alla u wara kien jgħammed il-poplu fix-xmara Ġordan. Il-ħajja axxetika u spiritwali ta’ Ġwanni nebbħet lil diversi missirijiet tal-Knisja speċjament ‘il-Missirijiet tad-Deżert’ sabiex jgħixu fid-deżert bħal San Anton Abbati u San Makarju.

Id-deżert hu wkoll il-post tal-prova, tat-tbatijiet u ta’ qtigħ il-qalb u jżomm il-bniedem imdendel minn xagħru, mitluf bejn sema u art. Il-kobor tad-deżert jidfen iċ-ċokon tal-bniedem, meta ma jidfnux litteralment waqt xi tempesta tar-ramel. Kull suppervja tinbala’ taħt il-ħakma tan-natura salvaġġa. Fid-deżert il-bniedem m’għandux għażla oħra ħlief li jdur lejn Alla.

Imma Makarju u l-oħrajn marru fid-deżert, fejn emmnu li se jsibu l-inqas distrazzjonijiet possibli biex ikunu jistgħu jgħixu ħajja ta’ talb u b’konsegwenza ta’ dan, jagħmlu minn qalbhom oasi li tiffjorixxi mill-kuntatt kontinwu tagħhom ma’ Alla fit-talb. Il-problema li għandna llum fi żminijietna, f’pajjiżna, hi li nsibu deżert spiritwali fil-qlub ta’ ħafna rġiel u n-nisa li jinsabu f’riskju kbir li jgħaddu ħajja mdejqa minkejja li mdawrin bi kwantita’ kbira ta’ nies u oġġetti li jkunu xtraw, imma qalbhom hi deżert għax tinsab ‘il bogħod minn Alla, ‘il bogħod mill-Għajn tal-Ħajja. Id-dwejjaq li jħossu hu riżultat ta’ nixfa spiritwali.

  • Alla huwa bħall-ilma tax-xita, jew tax-xmara li tnibbet u tkabbar kull forma ta’ ħajja.
  • Il-Qrar dak li jżomm lil ruħna safja mingħajr il-‘ħurrieq u ħaxix ħażin’ tad-dnub.
  • It-Talb hu l-fertilizzant tar-ruħ li b’effett tiegħu, hija tissebbaħ bil-prattika tal-virtu’,
  • u l-Ewkaristija hi l-preżenza reali ta’ Alla nnifsu, li jiżra’ fina l-Ħajja li tibqa’ għal dejjem.

Inti konxju/a tal-bżonn li ssaqqi lir-ruħek bit-Talb, bil-Qrar u bit-Tqarbin biex tkun bħal oasi spiritwali għalik innifsek u għall-oħrajn u biex tibqa’ tħaddar għall-eternita’? Huwa b’dan biss, li qalbek umbagħad timtela b’dik il-paċi li ħadd u xejn fid-dinja ma jista’ tagħtik. Id-deżert u n-nies li għexu fih b’imħabba għal Alla, jgħallmuna propju dan.

Talba: O Alla Missierna, Int tajt lil San Makarju l-Eġizzjan il-kuraġġ li jgħix f’ħajja ta’ faqar u solitudni, għamilt minnu organizzatur prinċipali ta’ bosta monaċi biex permezz tiegħu, ħafna oħrajn jgħixu b’dan il-mod mill-aktar qaddis. Għinna nimitaw b’ħeġġa l-virtujiet tiegħu u nsegwu fuq il-passi tiegħu, li huma l-passi tal-istess Sidna Ġesù Kristu. Ammen.

English Version: https://orthodoxwiki.org/Macarius_the_Great

Alternative Reading: https://en.wikipedia.org/wiki/Monastery_of_Saint_Macarius_the_Great

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Macarius_of_Egypt

Movie of Saint Makarios the Great:

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

10 ta’ Diċembru: San Ġwann Roberts

Verżjoni Vidjo: San Ġwann Roberts

“Kieku kelli ngħix aktar, kont inkompli nagħmel dak li qed nagħmel”. ~ San Ġwann Roberts

_46854971_john_roberts282SAN ĠWANN ROBERTS
Saċerdot u Martri
1577 – 1610

Tagħrif: Ġwanni Roberts kien minn Wales. Huwa ħalla Oxford biex jistudja l-liġi, sar Kattoliku f’Pariġi. Hu sar qassis fi Spanja u kien Benedittin tal-Kongregazzjoni ta’ Valladolid. Hu reġa’ lura lejn l-Ingilterra ta’ 26 sena. Ħames darbiet ġie arrestat matul is-seba’ snin li dam ħaj wara. Hu kien ta’ karattru ferrieħi u xi ftit ġelliedi wkoll. Ġwanni baqa’ magħruf għad-dedikazzjoni tiegħu lejn dawk li ntlaqtu bl-epidemja ta’ Londra u għall-konverżjonijiet li għamel.

Ġwanni Roberts kien wieħed mill-fundaturi ewlenin tal-komunità oriġinali f’Douai, fi Franza, il-kulleġġ li kien iħejji żgħażagħ Ingliżi biex isiru saċerdoti u jmorru lura jaħdmu fl-Ingilterra waqt il-persekuzzjoni protestanta.

Hu ġie arrestat u ngħata s-sentenza tal-mewt. Lejlet mewtu, sinjura Spanjola xaħħmet lill-kalzrier u għamlet ċena kbira fil-ħabs li fiha ħadu sehem 20 ħabsi Kattoliku. Fr. Roberts ħaseb li ma kienx qed jedifika bil-ferħ kbir li kien qed juri. Iżda s-sinjura Spanjola qaltlu li kien qed jagħmel tajjeb għax b’hekk wera lil kulħadd b’liema ferħ u kuraġġ kien ser imut għal Kristu.

L-għada huwa ġie maqtul f’Tyburn flimkien ma’ qassis ieħor il-Beatu Tumas Somers. Kien nhar l-10 ta’ Diċembru, 1610, fl-età ta’ 35 sena. San Ġwann Roberts kien iddikjarat qaddis flimkien ma’ 39 martri oħra Ingliżi fl-1970 mill-Papa Pawlu VI.

Ħsieb: Id-determinazzjoni ta’ San Ġwann Roberts kif ukoll it-twettiq tas-sagrifiċċju straordinarju li għamel biex jibqa’ leali lejn l-obbligi tal-vokazzjoni saċerdotali tiegħu se jibqgħu jirriflettu l-konvinzjoni li kellu dwar il-fidi Kattolika Rumana. U aħna x’valur qed nagħtu lill-fidi tagħna, u b’mod speċjali lill-akbar Talba li għandna, li hi l-Quddiesa? Qabel xejn, x’inhi l-Quddiesa?

Il-quddiesa hija l-ogħla talba fit-talb kollu Nisrani. Għaliex? Qabel ma nwieġbu għal din il-mistoqsija ikun tajjeb jekk naraw x’jgħidu t-teoloġi u l-qaddisin fuq il-Quddiesa. Jekk il-liturġija hija r-ruħ ta’ kull tiġdid ekkleżjali kemm hu importanti li niskopru mill-ġdid iċ-ċentralità tal-Ewkaristija!

San Ġwann Marija Vianney, il-famuż Kurat ta’ Ars u l-qaddis Padrun tas-Saċerdoti, qal hekk fuq il-Quddiesa:

“Ix-xogħol tajjeb kollu fid-dinja mhuwiex daqs is-Sagrifiċċju Qaddis tal-Quddiesa. Għaliex ix-xogħol huwa ġej mill-bnedmin filwaqt li l-quddiesa hija x-xogħol ta’ Alla. Il-martirju lanqas joqgħod ħdejha għaliex huwa is-sagrifiċċju tal-bniedem lil Alla. Għall-kuntrarju l-Quddiesa hija s-sagrifiċċju ta’ Alla lill-bniedem“.

San Massimiljanu Kolbe jgħid:

“Jekk l-Anġli jistgħu jgħiru għall-bnedmin huma jistgħu jkunu hekk għal raġuni waħda: It-Tqarbin”.

Waqt li l-Papa Pawlu VI qal:

“Il-Quddiesa hija l-iktar forma perfetta ta’ talb!”

Taqblu miegħi li minn dawn il-kwotazzjoni joħroġ biċ-ċar kemm il-quddiesa m’hijiex biss importanti imma essenzjali. Hija dik iċ-ċelebrazzjoni li mingħajrha ħajja spiritwali ta’ veru tkun fjakka, zoppa, u, f’ċertu sens, bla saħħa quddiem l-attakki tal-għadu! Jekk il-quddiesa hija daqshekk prezzjuża mela huwa għaqli li napprezzawha bil-għan li nsiru nħobbuha aktar ħalli niċċelebrawha b’iktar ferħ, żelu u fidi li jwassluna biex ngħixuha!

San Piju ta’ Pietrelcina kien jgħid illi kieku n-nies jifhmu xi tfisser il-quddiesa, żgur li kienu jkunu jiffullaw wara l-bieb tal-knisja biex jieħdu sehem fil-quddiesa. Darba qal ukoll:

“Id-Dinja kienet b’mod aktar faċli teżisti mingħajr ix-xemx milli mingħajr is-Sagrifiċċju tal-Quddiesa”.

  • U int, x’post ta’ valur qed tagħti lill-Quddiesa li hi l-Akbar Talba tagħna l-Insara?
  • Kemm tħejji ruħek spiritwalment għaliha, b’mod speċjali bis-Sagrament tal-Qrar?
  • Titqarben spiss bid-dispożizzjoni u d-devozzjoni kollha meħtieġa?
  • Kemm tinġabar wara t-Tqarbin biex tirringrazzja u toqgħod titkellem ftit mal-Iben t’Alla li jkun għadu kemm ġie ġo fik?

Talba: O Alla, li fik m’hemm l-ebda tibdil jew dell ta’ alterazzjoni, Inti li mlejt bil-kuraġġ lill-martri tiegħek San Ġwann Roberts. Agħtina, nitolbuk, li bl-interċessjoni tiegħu, aħna wkoll nagħrfu l-valur kbir tal-Quddiesa hekk li naslu napprezzawha iżjed u ngħożżuha. Agħtina wkoll il-qawwa biex inservuk f’kull ċirkustanza u sal-aħħar fuq l-eżempju tal-martri qaddisa tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/12/saint-john-roberts-martyr.html

Alternative Reading: http://saintsandrelics.co.uk/onewebmedia/St.%20John%20Roberts.pdf

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/John_Roberts_(martyr)

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Il-Ħsieb meħud minn kitba ta’ Patri Mario Attard OFM Cap.