25 ta’ Lulju: San Ġakbu l-Kbir

Verżjoni Vidjo: San Ġakbu l-Kbir

“Dawn, meta kienu fostna, ħawwlu l-Knisja u saqqewha b’demmhom. Huma xorbu l-kalċi tal-Mulej u saru ħbieb ta’ Alla. Mal-art kollha jasal leħinhom, mad-dinja kollha jinxtered kliemhom.” – Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Ġakbu l-Kbir (Salm 18 (19):5).

jamesSAN ĠAKBU L-KBIR
Appostlu
L-ewwel Seklu

Tagħrif: San Ġakbu, li jiġi ħu San Ġwann l-Appostlu, kien magħruf bħala Ġakbu l-Kbir biex jingħaraf mill-Appostlu Ġakbu l-ieħor li x’aktarx kien iżgħar fl-età.

Kien sajjied minn Betsajda, fil-Galilija. Ġurnata waħda, hu u ħuħ Ġwanni kienu qed jistadu flimkien ma’ missierhom Żebedew meta Ġesù kien għaddej mill-inħawi u sejħilhom biex ikunu dixxipli tiegħu. It-tnejn ħallew lil missierhom, ix-xbiek u kollox, u marru miegħu.

Lil dawn iż-żewġ aħwa, Ġesù tahom l-isem ta’ Boanerges, jiġifieri “ulied ir-ragħad” (Mark 3:17) x’aktarx għax kienu fuq tagħhom, bħal meta darba qalu lil Ġesù: “Mgħallem, irridu li dak li nitolbuk tagħmilhulna” (Mark 10: 35-41). Darb’oħra meta s-Samaritani ma laqgħux lil Ġesù, dawn it-tnejn staqsewh: “Mulej, tridx ngħidu lin-nar jinżel mis-sema u jeqridhom?” (Luqa 9:54).

San Ġakbu kien ma’ San Pietru u San Ġwann meta Ġesù qajjem lit-tifla ta’ Ġajru mill-mewt; kien magħhom ukoll fit-Trasfigurazzjoni ta’ Ġesù fuq l-għolja Tabor; u wkoll fl-agunija ta’ Ġesù fil-ġnien taż-Żebbuġ.

Tradizzjoni tgħid li wara t-tlugħ tal-Mulej Ġesù fis-sema, San Ġakbu mar Spanja jipprieTka l-Vanġelu. F’Compostella hemm knisja famuża ddedikata f’ismu, u hemm jingħatalu ġieħ mill-ikbar.

Kien l-ewwel wieħed fost l-appostli li miet għal Ġesù, bil-qtugħ ir-ras, fil-Palestina, fis-sena 43, fi żmien is-Sultan Agrippa I. Sa mis-seklu 9 Spanja tiftaħar li l-fdal tal-qaddis (li huma jsejħulu Sant Jago) jinsabu f’Compostella, u l-pellegrinaġġi lejn SantIago ta’ Compostella kienu saru famużi ħafna fiż-żminijiet tan-nofs.

Fil-gżejjer tagħna għandna diversi knejjes iddedikati lil dan l-appostlu, fosthom dik tal-belt Valletta, dik ta’ Ħaż-Żabbar, u dik tar-Rabat Għawdex.

Ħsieb: Qari mill-Omiliji tal-isqof San Ġwann Kriżostmu fuq l-Evanġelju ta’ San Mattew bit-titlu ‘Issieħbu ma’ Kristu fit-tbatijiet’:

“Ulied Żebedew talbu bil-ħerqa lil Kristu u qalulu: ‘Ħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fix-xellug fil-glorja tiegħek.’ Ġesù ried jurihom li ma kienu qegħdin jitolbu xejn spiritwali, u li dik it-talba qatt ma kienu jissugraw jagħmluhielu kieku kienu jafu x’inhuma jgħidu. Għalhekk qalilhom: ‘Ma tafux x’intom titolbu;’ jiġifieri, kemm hi ħaġa kbira u tal-għaġeb li tisboq saħansitra l-istess qawwiet tas-sema. U żied jgħidilhom: ‘Għandkom ħila tixorbu l-kalċi li se nixrob jien, u titgħammdu bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien?’ Qalilhom: ‘Intom ġejtu tkellmuni fuq ġieħ u glorja, u jien qed inkellimkom fuq taqbid u għaraq. Għax issa għadu m’hux żmien il-premju, u dik il-glorja tiegħi m’hijiex se tidher issa; il-ħajja ta’ issa hi ħajja ta’ taqtigħat, ta’ gwerer u perikli.’

Iżda araw kif staqsiehom biex iwissihom u jħajjarhom. Ma qalilhomx: ‘Għandkom ħila tidħlu għat-taqtigħa? Għandkom ħila xxerdu demmkom?’ Mela kif staqsiehom? ‘Għandkom ħila tixorbu l-kalċi?’ Imbagħad, biex jagħtihielhom aktar bil-ħlewwa, żied jgħidilhom: ‘Li se nixrob jien,’ biex jekk jissieħbu miegħu jitħejjew aħjar. Il-kalċi sejjaħlu magħmudija, biex jurihom x’tindif kbir kien se jsir fid-dinja. Imbagħad qalulu: ‘Għandna ħila.’ Qalbhom tħeġġet u minnufih wegħduh, mhux għax kienu jafu x’inhuma jgħidu, iżda għax stennew li se jaqilgħu dak li talbu.

U x’weġibhom Ġesù? Il-kalċi li se nixrob jien tixorbuh, iva, u titgħammdu wkoll bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien. Ħabbrilhom ġid kbir, fi kliem ieħor qalilhom: ‘Il-martirju jkun jistħoqqilkom, u għad issofru t-tbatijiet li se nbati jien, għax ittemmu ħajjitkom b’mewt qalila, u f’dan tissieħbu miegħi. Imma li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew ix-xellug tiegħi, din m’hix ħaġa tiegħi li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom kienet imħejjija minn Missieri.’ L-ewwel refgħalhom qlubhom ‘il fuq, u mbagħad kompla jgħollihom, wettaqhom biex jegħlbu d-dwejjaq kollha, sakemm fl-aħħar wissiehom fuq it-talba tagħhom.

L-għaxra l-oħra, meta semgħu dan, inkurlaw għaż-żewġt aħwa. Qegħdin taraw? Kollha kienu għadhom imperfetti, kemm dawk it-tnejn li riedu jaqbżu l-għaxra l-oħra, kemm l-għaxra li ġiethom l-għira għal dawk it-tnejn. Imma, kif diġà għedtilkom, ħarsu lejhom wara li għaddew dawn il-ġrajja, u taraw kif warrbu għalkollox dawn il-frugħat minnhom. Dan l-istess Ġwanni, li issa xtaq post minn ta’ quddiem, aktar tard jibda jħalli dan il-post dejjem lil Pietru biex dan jitkellem u jagħmel il-mirakli, kif naqraw fl-Atti tal-Appostli. U Ġakbu ma damx wisq jgħix, għax minnufih imtela b’ħeġġa kbira, warrab minnu kull ma hu tal-art, u ssieħeb ma’ Kristu hekk mill-qrib li malajr ħa l-mewt għalih.”

Mhux minnu li wieħed ikun qaddis irid jitwieled qaddis jew irid ikun mingħajr nuqqasijiet. L-Appostlu San Ġakbu huwa eżempju l-iktar ċar ta’ dan. Kien ta’ karattru li malajr jixgħel; kellu demmu spont. Minkejja dan, meta Ġesù sejjaħlu ħalla kollox u mar warajh; inbidel u sar Qaddis.

  • U int, qed tħalli lill-Mulej jagħmlek qaddis/a?
  • Qiegħed/qiegħda tgħin fil-ħidma tal-evanġelizazzjoni?
  • Titlob biex aktar qlub jinfetħu biex jilqgħu l-Kelma tal-ħajja bil-ferħ?

Talba: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int qaddist l-ewwel ħidmiet ta’ l-Appostli tiegħek bil-martirju ta’ San Ġakbu; wettaq u għin lill-Knisja tiegħek bl-istqarrija u l-ħarsien tiegħu. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholic.org/saints/saint.php?saint_id=59

Alternative Reading: http://saintsresource.com/james-the-greater

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/James,_son_of_Zebedee

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

25 ta’ April: San Mark

Verżjoni Vidjo: San Mark

“Kristu bagħatni nxandar il-bxara t-tajba, mhux bi kliem il-għerf, sabiex ma jiġix fix-xejn is-salib ta’ Kristu. Il-predikazzjoni tas-salib hija bluha għal dawk li jintilfu; imma għal dawk li jsalvaw hi l-qawwa ta’ Alla. Billi, fl-għerf ta’ Alla, id-dinja b’għerfha ma għarfitx lil Alla, Alla għoġbu jsalva lil min jemmen bil-bluha tal-predikazzjoni.” – Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Mark.

St.-Mark-Icon-WEB-327x420SAN MARK
Evanġelista
L-Ewwel Seklu

Tagħrif: San Mark aktarx li kien it-tifel ta’ Marija, dik il-mara armla prominenti fil-komunità Nisranija ta’ Ġerusalemm, li kienet iżżomm laqgħat tal-Insara fid-dar tagħha: u li San Pietru meta ġie meħlus mill-ħabs mar dritt għandha (Atti 12:13).

Probabbilment San Mark ġie mgħammed minn San Pietru stess.

Meta San Pawl u San Barnaba, li kien kuġin ta’ Mark, ġew Ġerusalemm bil-karità li kienu ġabru minn Antjokja, Mark issieħeb magħhom u mar magħhom fl-ewwel vjaġġ missjunarju ta’ San Pawl, iżda għal xi raġuni meta kienu f’Perge tal-Pamfilja telaqhom u rritorna Ġerusalemm (Atti 13:13). Minħabba f’hekk San Pawl ma riedx lil Mark jakkompanjah fit-tieni vjaġġ tiegħu, u floku ħa lil Silas. Fuq hekk San Barnaba ma marx ma’ San Pawl, iżda flimkien ma’ Mark mar Ċipru, art twelidu. Imma ftit żmien wara Mark u Pawlu rranġaw id-differenzi ta’ bejniethom u saru ħbieb. Għall-ħabta tas-sena 60, lil Mark insibuh Ruma ma’ dan l-appostlu kbir u kien qed jaħseb biex jirritorna fil-knejjes tal-Asja ż-Żgħira, fejn kien diġà sar magħruf ħafna għall-ħidmiet appostoliċi tiegħu.

Minn Ruma x’aktarx li mar Kolossi, fl-Asja ż-Żgħira. Dan nafuh mill-ittra ta’ San Pawl lill-Kolossin fejn talabhom jagħtuh merħba (Kolossin 4:10). Meta San Mark reġa’ mar Ruma, ħadem ma’ San Pietru. Jidher li San Mark xandar l-evanġelju wkoll f’Aquilea, fit-tarf tat-tramuntana tal-Adrijatiku. Minn hemm telaq lejn l-Eġittu u jingħad li hu kien l-ewwel isqof ta’ Lixandra. Mar Efesu. Dan nafuh mill-ittra ta’ San Pawl lil San Timotju fejn talbu jġib lil Mark miegħu (2 Timotju 4:11). Fis-sena 61, San Pawl kiteb lil Timotju f’Efesu, u talbu li jieħu miegħu lil Marku f’Ruma.

F’Ruma, bejn is-snin 60 u 70 w.K., San Mark kiteb l-evanġelju tiegħu, li hu ġabar mit-tagħlim ta’ San Pietru, li tiegħu jidher li kien jagħmilha ta’ segretarju u interpretu – hi kitba għall-pagani konvertiti. San Pietru jsejjaħ lil Marku “ibni”. Dan it-titlu ma jfissirx bilfors li kien għammdu hu; jista’ jkun titlu ta’ mħabba lejn wieħed li għal bosta snin kien miegħu u bin ħabiba antika tiegħu. Il-vanġelju tiegħu hu l-eqdem mill-erba’ vanġelji li għandna. Hu l-iqsar vanġelu, u kitbu bil-Grieg, għax x’aktarx li kien għall-Ġentili kkonvertiti ta’ Ruma. L-iljun bil-ġwienaħ hu s-simbolu tal-Vanġelu tiegħu għax fih iddeskriva ’l San Ġwann Battista bħala “vuċi tgħajjat fid-deżert,” vuċi ta’ ljun; u l-ġwienaħ għax Eżekjel kien ra viżjoni ta’ erba’ annimali bil-ġwienaħ.

Tradizzjoni tgħid li x’aktarx San Mark miet martri f’Lixandra. San Mark hu l-patrun ta’ Venezja; hu l-qaddis protettur wkoll tan-nutara.

Illum hu kważi ċert li dak iż-żagħżugħ li ħarab għarwien mill-Ġetsemani meta arrestaw lil Ġesù , li hu jsemmi fil-Vanġelju tiegħu, kien hu nnifsu.

Ħsieb: San Mark kiteb l-Evanġelju tiegħu ġewwa Ruma, fi żmien il-persekuzzjoni li l-Imperatur Neruni għamel kontra l-Insara. Din il-persekuzzjoni bdiet fis-sena 64, u San Pietru kien wieħed minn tal-ewwel li ħa l-martirju. Wara l-mewt ta’ Pietru, Alla qanqal lil Marku biex jikteb l-Evanġelju, mhux biex sempliċiment jirrakkonta l-ħajja ta’ Ġesù fuq din l-art, imma biex jagħmel kuraġġ lill-Insara ħalli jkunu lesti jagħtu ħajjithom għalih jekk Alla jitlob minnhom dak is-sagrifiċċju.

Għalhekk Marku qagħad jaħseb biex jara x’se jagħżel minn dak kollu li kien tgħallem fuq Ġesù, u fehem li kellu jinsisti fuq żewġ veritajiet, jiġifieri li Ġesù huwa tassew Alla, u li Ġesù kien tassew il-Messija, Messija li bata għall-fidwa tagħna. Hekk in-Nisrani jkun aktar lest li jmut għal Ġesù meta jifhem li Ġesù nnifsu, l-istess Alla li sar bniedem, kien miet għalih.

Lill-ktieb tiegħu Marku sejjaħlu: “Bidu ta’ l-Vanġelju ta’ Ġesù, Messija, Bin Alla” (Mk 1: 1). Il-kelma “Vanġelju” tfisser ‘Aħbar Tajba’, u tassew, ma hemmx aħbar isbaħ minn dik li tgħidilna li Alla l-Missier tant ħabbna li bagħtilna lil Ibnu fostna biex ikun is-Salvatur tagħna. Imma qabel il-kelma “vanġelju”, Marku kiteb il-kelma “Bidu”, biex jgħidilna: “Mhux biżżejjed li taqraw u tistudjaw il-ktieb tiegħi. Il-qari ta’ dan il-ktieb hu biss il-bidu; wara li taqrawh, jeħtieġ li tgħixuh, biex tkunu tistgħu tgawdu l-frott tal-fidwa li ġabilna Ġesù.”

Mark wettaq f’ħajtu dak li kull Nisrani huwa msejjaħ li jagħmel: jipproklama lin-nies kollha l-Aħbar Tajba tal-Vanġelu li huwa s-sors tas-salvazzjoni. Dan Mark għamlu b’mod partikolari bil-kitba. Oħrajn jistgħu jipproklamaw l-Aħbar Tajba permezz tal-mużika, tad-drama, tal-poeżija, jew billi jgħallmu lit-tfal madwar il-mejda tal-familja.

  • U int, kemm tiddedika ħin biex tiskopri min hu Ġesù u kif iridna ngħixu billi taqra l-Vanġeli?
  • Qed tagħmel ħiltek kollha biex ixxandar lil Kristu bil-kliem u b’mod speċjali bil-mod kif tgħix it-tagħlim tiegħu u tal-Knisja mwaqqfa minnu?
  • Kemm int lest/a li tieħu riskji biex tgħix ta’ xhud vera ta’ Kristu anki meta jkollok tħabbat wiċċek ma’ kull xorta ta’ kuntrarju?

Għall-Vanġelju ta’ San Mark moqri bil-Malti f’forma ta’ vidjo wmur: http://www.laikos.org/San_Mark_AV1.htm

Talba: O Alla, int imlejt b’ġieħ kbir lill-evanġelista tiegħek San Mark billi tajtu l-grazzja li jxandar l-Evanġelju: agħmel li nfittxu t-triq li hu għallimna, biex nimxu bil-fedeltà wara Ibnek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/05/st-mark.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-mark/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Mark_the_Evangelist

Playlist tal-Vaġelju ta’ San Mark moqri bil-Malti f’forma ta’ vidjo:

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

23 ta’ Jannar: Santa Marija Cope

Verżjoni Vidjo: Santa Marija Cope

“F’kull marid, Madre Marija kienet tara l-wiċċ ta’ Kristu batut”. ~ ll-Kardinal Martins fuq Santa Marija Cope waqt il-beatifikazzjoni tagħha.

DGFDSANTA MARIJA COPE
Reliġjuża
1838 – 1918

Tagħrif: Twieldet f’Hessen Darmstadt, il-Ġermanja, fit-23 ta’ Jannar 1838, bint Barbara u Pietru Cope. Semmewha Barbara. Sentejn wara li twieldet il-familja emigrat għall-Istati Uniti u ssetiljaw fi New York.

Meta saret daqsxejn ta’ tfajla, Barbara bdiet taħdem f’fabbrika u damet sa Awwissu tal-1862, fejn imbagħad ingħaqdet mas-sorijiet tat-terz’ordni ta’ San Franġisk ta’ Sirakuża, ġewwa New York stess. F’Novembru tas-sena ta’ wara hija pprofessat u marret tgħallem fl-iskola parrokkjali tal-Assunzzjoni.

Suor Marija kienet superjura tal-kongregazzjoni diversi drabi, u darbtejn majjistra tan-novizzi. Għal tliet darbiet kienet tmexxi l-isptar ta’ San Ġużepp f’Sirakuża, fejn tgħallmet ħafna, u kellha ssibu utli ħafna aktar ’il quddiem.

Fl-1877, hija kienet eletta provinċjal kif ukoll fl-1881. Sentejn wara, il-gvern tal-Hawaj talab biex xi reliġjużi mill-Istati Uniti u l-Kanada jmorru jmexxu berġa biex tilqa’ nies suspettati bil-marda tal-ġdiem. Il-kongregazzjoni tas-sorijiet ta’ Sirakuża mal-ewwel aċċettat. Għalhekk fit-22 ta’ Ottubru 1883, Madre Marija, u sitt sorijiet oħra telqu lejn il-Hawaj, fejn ħadu ħsieb klinika ftit ’il barra minn Hanolulu. Fuq il-gżira ta’ Maui, huma fetħu wkoll sptar u skola tal-bniet.

Fl-1988, Madre Marija, flimkien ma’ 2 sorijiet marru l-Malokai, fejn fetħu dar għal nisa u tfajliet abbandunati. Għenet ukoll biex titmexxa dar tal-irġiel u l-ġuvintur, li kienet ġa teżisti. Din il-Madre kienet strument biex tbiddel l-istil ta’ ħajja tal-poplu tal-Malokai, billi introduċiet l-iġene u li jħarsu lejn il-kolonja tagħhom bħala l-għeżeż ħaġa li għandhom.

Hija baqgħet taħdem b’ħerqa kbira ġo Malokai u nibtu ħafna vokazzjonijiet mill-post. “F’kull marid, Madre Marija kienet tara l-wiċċ ta’ Kristu batut.” Hekk intqal mill-Kardinal Martins waqt il-beatifikazzjoni tagħha.

Hija mietet fid-9 ta’ Awwissu tal-1918. Ġiet ibbeatifikata fl-14 ta’ Mejju, 2005 u kkanonizzata 7 snin wara.

Ħsieb: Dan li ġej hu parti mid-diskors li l-Kardinal José Saraiva Martins qal dwar Santa Marija Cope f’jum il-beatifikazzjoni tagħha:

“Il-ħajja tal-Beata Marija Cope hija ħidma mill-isbaħ tal-grazzja divina. Hija wriet is-sbuħija tal-ħajja Franġiskana. Il-laqgħa ta’ Madre Marija ma’ dawk li kienu jsofru mill-lebbra seħħet meta marret fuq il-vjaġġ tagħha lejn Kristu. Għal 20 sena kienet membru tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tat-Tielet Ordni ta’ San Franġisku ta’ Sirakuża fi New York. Hi kienet diġà mara ta’ esperjenza vasta u kienet spiritwalment matura. Imma f’daqqa waħda Alla sejħilha għal ħajja aktar radikali, għal servizz missjunarju iktar diffiċli.

Il-Beata Marija, li kienet is-Superjura Provinċjali ta’ dak iż-żmien, semgħet il-vuċi ta’ Kristu fl-istedina tal-Isqof ta’ Honolulu. Huwa kien qiegħed ifittex sorijiet biex jgħinu lil dawk li jsofru mill-lebbra fuq il-gżira ta’ Molokai. Bħal Isaija, hi ma qagħditx titratieni milli twieġeb: “Hawn jiena. Ibgħat lili!” (Iżaija 6: 8). Hi telqet kollox u abbandunat ruħha kompletament fir-rieda ta’ Alla, għas-sejħa tal-Knisja u għall-ħtieġa ta’ dawn l-aħwa ġodda. Hija qegħdet saħħitha u ħajjitha f’riskju.

Għal 35 sena għexet bis-sħiħ, il-kmand li tħobb lil Alla u lill-proxxmu u volontarjament ħadmet ma’ Damjan de Veuster (ara Damjan de Veuster), li kien fl-aħħar tal-apostolat straordinarju tiegħu. Kienet tħobb lil-lebbrużi aktar milli kien iħobb lilha nnifisha stess. Hija serviethom, edukathom u ggwidathom bl-għerf, bl-imħabba u b’saħħitha kollha. Rat fihom il-wiċċ ta’ Kristu batut.

Bħas-Samaritan it-Tajjeb, hija saret ommhom. Il-qawwa tagħha kienet tinsab fil-fidi li kellha fl-Ewkaristija, fid-devozzjoni tagħha lejn il-Verġni Marija, u fit-talb. Hija ma fittxitx l-unuri jew l-approvazzjoni ta’ din id-dinja. Kitbet hekk: “Ma nistenniex xi post għoli fis-sema. Inkun grata ħafna li kienu jkolli kantuniera żgħira minn fejn inkun nista’ nħobb lil Alla għall-eternità”.

Imma għaliex in-nisrani huwa msejjaħ biex iservi lil kulħadd bla ebda diskriminazzjoni? Qrib it-tmiem ta’ ħajtu fuq din l-art, Ġesù talab lid-dixxipli tiegħu (jiġifieri lilna lkoll) biex iħobbu lil xulxin. Hu għalhekk li aħna msejħa biex inservu lil xulxin bil-qalb u b’imħabba kbira. Fl-istess waqt, mill-Vanġeli, naraw li Ġesù qatt ma talab lill-oħrajn biex iservuh. Kien Hu li serva lill-oħrajn biex jagħtina eżempju:

  • qeda billi fejjaq lill-morda,
  • ta widen lil dawk li kienu fil-bżonn,
  • u ħa ħsieb ta’ dawk li kienu l-emarġinati mis-soċjetà, fosthom in-nies morda bil-ġdiem.

Mela aħna u inservu lill-ħutna, ejjew nagħmlu din il-mistoqsija lilna nfusna: “Jiena qed nagħmel dan is-servizz bħala reazzjoni għall-eżempju umli ta’ Ġesù u skont il-mandat tiegħu tal-imħabba?” 

L-eżempju ta’ Santa Marija Cope:

  • l-ottimiżmu tagħha li qatt ma ġie nieqes,
  • is-serenità,
  • l-għożża u l-kura tagħha lejn dawk fil-bżonn u
  • l-abbiltajiet konsiderevoli l-oħra,

taw qawwa lil ħutha s-sorijiet. Flimkien, permezz tad-dedikazzjoni u s-sagrifiċċji tagħhom, dawn is-Sorijiet Franġiskani taw servizz notevoli lill-umanità fil-gżejjer ta’ Ħawaj. U aħna? U jien? U int?

Talba: O Mulej, Santa Marija Cope ġabet fid-dinja l-frott u s-sinjali tal-Ispirtu s-Santu li nsibu f’Galatin 5:22-23 “l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan”, u tkellmet il-lingwa tal-verità u l-imħabba, li waħedha hija kapaċi tneħħi l-ostakli tal-kultura u tar-razza, u tibni l-unità tal-familja umana. Agħtina, nitolbuk din l-istess attitudni li kellha ħa nservu lil kulħadd bla distinzjoni. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.nps.gov/kala/learn/historyculture/marianne.htm

Alternative Reading: https://www.smp.org/resourcecenter/resource/7785/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Marianne_Cope

Vatican Biography: http://www.vatican.va/news_services/liturgy/saints/ns_lit_doc_20050514_molokai_en.html

Film on Saint Damien de Veuster of Moloka and Saint Marianne Cope:

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

16 ta’ Jannar: San Berardu u sħabu

Verżjoni Vidjo: San Berardu u sħabu

“Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu. Min jemmen u jitgħammed, isalva; iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat”. ~Ġesu’ f’Mark 16:15-16

LicinioMartiriSAN BERARDU U SĦABU
Martri tal-Marokk
†1220

Tagħrif: San Franġisk t’Assisi kien iħoss li Alla ried minnu mhux biss il-perfezzjoni tiegħu u tal-patrijiet tiegħu, imma wkoll is-salvazzjoni tal-bnedmin l-oħra. Kien iħoss xewqa kbira li jikkonverti lill-Musulmani, li l-avvanz tagħhom fil-pajjiżi ewropej kien ukoll qed jhedded ir-reliġjon nisranija.

Waqt li flimkien ma’ kumpann mar lejn l-Orjent biex ikellem lis-sultan Musulman, Franġisk bagħat sitt patrijiet biex jippriedkaw lill-Musulmani tal-Punent. Dawn kienu: Vitale, Berardu, Pietru, Akkursju, Adjutu u Ottone. Fi triqthom, Vitale, li kien is-superjur tal-grupp, marad serjament fi Spanja, u sħabu komplew triqthom taħt il-gwida ta’ Berardu.

F’Sivilja, fin-naħa t’isfel ta’ Spanja, li kienet maħkuma mill-Misilmin, il-patrijiet bdew jippriedkaw bla biża’ fil-moskea, li s-salvazzjoni tinsab biss fil-fidi fi Kristu. Il-mexxej musulman, inkurlat għall-aħħar, ordna li jaqtgħulhom rashom dak il-ħin stess. Imma wara tħallew jaqsmu l-baħar u jmorru l-Marokk. Il-patrijiet laqgħu b’ferħ din id-deċiżjoni għax issa kienu se jkunu fost poplu kollu kemm hu musulman.

Hekk kif waslu, Berardu, li kien jitkellem tajjeb l-ilsien Għarbi, beda mill-ewwel jitkellem man-nies fuq Kristu. Jum minnhom, meta raw lir-re Miramolin imdawwar bin-nies tiegħu, Berardu reġa’ beda jitkellem fuq it-tagħlim ta’ Kristu u sejjaħ lil Mawmettu bħala impustur. Ir-re ordna li Bernardu u sħabu jitkeċċew mill-pajjiż, imma rnexxielhom jiżgiċċaw lill-gwardji u reġgħu lura jxandru l-istess tagħlim.

Berardu u sħabu ttieħdu quddiem ir-re, li wegħedhom ħafna ġid u postijiet ta’ ġieħ jekk isiru musulmani. Imma Berardu f’isem sħabu qallu li ma kinux lesti jiċħdu lil Kristu, anzi beda jħeġġeġ lir-re jikkonverti għall-vera fidi. Meta ra li kollox kien għalxejn, ir-re nnifsu qabad ix-xabla u qatel lil kull wieħed mill-patrijiet. Kien is-16 ta’ Jannar 1220. Kienu l-ewwel martri Franġiskani.

Meta San Franġisk sema’ bil-mewt ta’ dawn il-patrijiet, bierek lil Alla u qal: “Issa naf li tassew għandi Patrijiet Minuri.” Għall-għadd kbir ta’ mirakli li saru bl-interċessjoni tagħhom, il-Papa Sistu IV ddikjara lil Berardu u sħabu bħala qaddisin fl-1481.

Ħsieb: Kien fil-kapitlu ġenerali ta’ Pentekoste li sar fil-Porzjunkola fl-1217 li San Franġisk iddeċieda li jibgħat lill-patrijiet minuri jevanġelizzaw barra mill-Italja. Il-missjunarji Franġiskani marru lejn Spanja u l-Portugal, li kienu parzjalment maħkuma mill-Misilmin. Il-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni wasslet xi wħud minnhom għall-martirju. Fis-16 ta’ Jannar Fra Berardu u erba’ Franġiskani sħabu ġew immartirizzati fil-belt ta’ Marrakesh fil-Marokk. Il-Franġiskani qasmu l-Alpi lejn Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija u l-Bosnia. Aktar tard, fl-1224, qasmu wkoll il-kanal tal-Ingilterra u waslu Dover.

Dan li ġej huwa l-Messaġġ tal-Qdusija tiegħu Papa Franġisku għall-Ġurnata Missjunarja Dinjija 2018, bit-titlu ‘Flimkien maż-Żgħażagħ inwasslu l-Evanġelju lil kulħadd’:

“Ħafna rġiel u nisa, ħafna żgħażagħ taw lilhom infushom b’ġenerożità – xi drabi anki sal-martirju – għall-imħabba tal-Evanġelju, fil-qadi ta’ ħuthom il-bnedmin. Mis-salib ta’ Ġesù nitgħallmu l-loġika divina li twassalna biex noffru lilna nfusna (1Korintin 1:17-25) bħala tħabbira tal-Evanġelju għall-ħajja tad-dinja (Ġwanni 3:16). Meta nitkebbsu bl-imħabba għal Kristu, nikkunsmaw lilna nfusna f’dan in-nar, u dan ikabbarna, jdawwalna u jsaħħan lil qlubna (2Korintin 5:14). Nistedinkom għall-iskola tal-qaddisin li jiftħulna orizzonti kbar li jwasslu għand Alla, u f’kull ċirkustanza staqsu lilkom infuskom: “X’kien jagħmel Kristu kieku kien minfloki?”

Nittrażmettu l-fidi sa trufijiet l-art
It-tixrid tal-fidi permezz tal-attrazzjoni jitlob qlub miftuħa, imfawra bl-imħabba. L-imħabba ma tistax tpoġġilha limitu: għaliex l-imħabba hi qawwija bħall-mewt (ara Għanja tal-Għanjiet 8:6). Dan it-tixrid tal-fidi jiġġenera ‘encounter’, xhieda, tħabbira; jiġġenera l-qsim fil-karità ma’ dawk kollha li huma ‘l bogħod mill-fidi, li huma indifferenti u xi drabi forsi anki ostili u kontra l-fidi. Ambjenti umani, kulturali u reliġjużi li huma barranija għall-Evanġelju ta’ Ġesù u għall-preżenza sagramentali tal-Knisja jirrappreżentaw il-periferiji estremi. Dawn huma “t-trufijiet tal-art” fejn Ġesù bagħat lid-dixxipli missjunarji tiegħu sa minn meta qam mill-mewt, filwaqt li żgurhom li l-Mulej ser jibqa’ dejjem magħhom (Mattew 28:20; Atti 1:8). Dan hu dak li aħna nsejħulu missio ad gentes. Il-periferija l-aktar deżolata tal-umanità, li tant għandha bżonn ta’ Kristu, hija dik fejn hemm l-indifferenza lejn il-fidi, u jekk mhux ukoll il-mibegħda kontra il-milja divina tal-ħajja. Kull faqar materjali u spiritwali, kull diskriminazzjoni lejn ħutna hi dejjem konsegwenza taċ-ċaħda t’Alla u tal-imħabba tiegħu.

It-trufijiet tal-art kollha llum saru għalikom xi ħaġa relattiva u faċli taslu biex “tinnavigaw” fiha. Id-dinja diġitali – in-networks soċjali li faċli ssibhom u li xterdu ma’ kullimkien – xejnu l-fruntieri, eliminaw id-distanzi u naqqsu d-differenzi. Kollox jidher li tista’ tasal għalih malajr, kollox qrib u immedjat. Iżda mingħajr ir-rigal sinċier tal-ħajja jista’ jkollna eluf u eluf ta’ kuntatti, iżda qatt ma naslu għal vera komunjoni tal-ħajja. Fil-vokazzjoni mogħtija lilna minn Dak li poġġiena fuq din l-art, il-missjoni sa trufijiet l-art titlob minna r-rigal tagħna nfusna (Luqa 9:23-25). Nazzarda ngħid li għal żagħżugħ li jrid jimxi wara Kristu, l-aktar ħaġa essenzjali hi li fittex xinhi il-vokazzjoni tiegħu u jippersevera fiha.

Xhieda tal-imħabba
L-Opri Missjunarji Pontifiċji twieldu minn qlub żagħżugħa biex jgħinu ħalli t-tħabbira tal-Evanġelju tasal għand il-bnedmin kollha filwaqt li jagħtu sehemhom għall-iżvilupp uman u kulturali ta’ tant ġnus bil-għatx għall-Verità. It-talb u l-għajnuna materjali, mogħtija b’tant ġenerożità u mqassmin mill-OMP, jgħinu lis-Santa Sede biex filwaqt li twassal l-għajnuna lil dawk li jeħtieġuha, tara li dawn ukoll ikunu kapaċi jagħtu xhieda fl-ambjenti fejn jgħixu. Ħadd mhu daqshekk fqir li ma jista’ jagħti xejn minn dak li għandu, u qabel kollox minn dak li hu. Nixtieq nerġa’ ntenni l-kliem li għidt liż-żgħażagħ taċ-Ċili: “Qatt m’għandek taħseb li m’għandek xejn x’tagħti jew li m’għandek bżonn ħadd. Kun af li ħafna nies għandhom bżonnok. Kull wieħed jgħid f’qalbu: ħafna nies għandhom bżonni.” (Laqgħa maż-żgħażagħ fis-Santwarju ta’ Maipu, 17/01/2018)

  • U int, qed ixxandar lil Kristu bi kliemek imma l-aktar mill-mod kif tgħix?
  • Qed tgħix il-missjoni li Alla sejjaħlek għaliha u li ħadd ħliefek ma jista’ jwettaq għax hi s-sejħa personali tiegħek?
  • Taf li ma tistax issalva waħdek u li hemm persuni li Alla ħalla f’idejk biex tressaqhom lejh ħalli hu jsalvahom?
  • Kemm qed tkun ġeneruż/a fis-sejħa tiegħek bħala nisrani/ja li twassal lil Kristu lill-oħrajn? Lest/a li tirriskja u tiġi mżeblaħ/mżebilħa, imwarrab/a jew maqtul/a għall-fidi tiegħek bħal Berard u sħabu?

Talba: Nitolbu lil Marija Sultana tal-Appostli, lil San Franġisk Saverju, lil Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, lill-Beatu Paolo Manna u b’mod speċjali llum lil San Berardu u sħabu f’jum it-tifkira tagħhom, biex jidħlu għalina lkoll u jakkumpanjawna fil-vjaġġ missjunarju tagħna ħalli aħna wkoll inkunu xhieda awtentiċi ta’ Kristu akkost ta’ kull saġrifiċċju. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/02/saint-berard-and-companions.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-berard-and-companions/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Berard_of_Carbio

 

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

15 ta’ Jannar: San Arnold Janssens

Verżjoni Vidjo: San Arnold Janssens

“Ix-Xandir tal-Aħbar it-Tajba hija l-ewwel u l-iktar espressjoni sinifikanti ta’ mħabba lejn il-proxxmu”. ~ San Arnold Janssens

4191730905_4b53abf82e.jpgSAN ARNOLD JANSSEN
Saċerdot
1837 – 1909

Tagħrif: Arnold Janssens ġie msejjaħ “il-missjunarju modern skont il-qalb ta’ San Pawl”. Twieled f’Goch, fid-djoċesi ta’ Münster, fil-Ġermanja. Ordna saċerdot f’Münster ta’ 24 sena (1862). Għallem ix-xjenza għal 12-il sena, u fl-istess ħin l-aħħar tmien snin minn dawn kien id-direttur djoċesan tal-Appostolat tat-Talb.

Fl-1873, Dun Arnold sar l-editur ta’ ġurnal dwar il-missjonijiet, u fl-1875 beda jippubblika revista missjunarja bit-Tedesk jisimha “Il-Missjunarju Żgħir tal-Qalb ta’ Ġesù”.

Fis-sena 1875 fi Steyl, l-Olanda, waqqaf l-ewwel dar Ġermaniża biex fiha jħarreġ lill-membri ta’ dik li, fl-1886, saret is-Soċjetà Missjunarja tal-Verb Divin (“Verbiti”).

Kien maħtur superjur ġenerali fl-1885. Kien mar l-Olanda, kemm biex jaħdem f’dan il-pajjiż, kif ukoll fil-Ġermanja u fl-Awstrija. Il-membri tagħha saċerdoti kienu jieħdu l-voti sempliċi u kisbu l-approvazzjoni mill-Papa Ljun XIII fl-1901. L-ewwel missjunarji ntbagħtu fl-1897 għal Togo, New Guinea, l-Amerka ta’ Fuq, il-Ġappun u l-Paragwaj. Is-soċjetà xterdet ħafna fl-Istati Uniti.

Fl-1889 (ta’ 52 sena) dan is-saċerdot mimli ħeġġa, waqqaf is-Sorijiet Missjunarji tal-Ispirtu s-Santu biex jedukaw il-bniet fil-pajjiżi tal-missjoni. Waqqaf ukoll is-sorijiet klawstrali (=magħluqin), imsejħin is-Sorijiet Qaddejja tal-Ispirtu s-Santu, għall-Adorazzjoni Perpetwa bl-iskop li jitolbu għas-suċċess tal-ħidma missjunarja.

Dan is-saċerdot, li donnu ma kien jgħejja qatt biex ixerred is-saltna ta’ Alla fuq l-art, miet fil-15 ta’ Jannar 1909 ta’ ftit aktar minn 61 sena. Arnold Janssens kien iddikjarat Beatu minn Pawlu VI f’Ħadd il-Missjoni nhar id-19 ta’ Ottubru 1975, u kkanonizzat mill-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II fl-4 ta’ Ottubru 2003.

Ħsieb: Dan li ġej hu parti mid-diskors tal-omelija li l-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II qal fil-jum tal-Kanonizzazzjoni ta’ San Arnold Janssens (5 ta’ Ottubru 2003):

“Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu” (Mark 16:15). B’dawn il-kliem qabel ma tela’ s-Sema, Dak li kien għadu kemm qam mill-mewt, ta mandat missjunarju universali lill-Appostli. Immedjatament wara, assigurahom li f’din il-missjoni eżiġenti huma jistgħu jiddependu dejjem mill-għajnuna tiegħu (Mark 16:20).

Il-ħajja tagħhom turi b’mod ċar li l-proklamazzjoni tal-Vanġelu “huwa s-servizz primarju li l-Knisja tista’ tagħti lil kull individwu u lill-umanità kollha” (Redemptoris Missio, n.2). L-evanġelizzazzjoni dejjem tinvolvi proklamazzjoni espliċita ta’ Kristu, flimkien ma’ kontribuzzjonijiet għall-avvanz tal-bniedem li xi drabi wriet kemm hi perikolużi, kif turi l-esperjenza ta’ tant missjunarji. Il-qaddisin tawna l-eżempju, huma l-wirt prezzjuż, speċjalment għall-familji reliġjużi tagħhom. Il-prijorità ta’ istituti missjunarji hija l-missjoni “ad gentes”, li għandha tiġi qabel kwalunkwe impenn soċjali jew umanitarju ieħor, neċessarju kemm hu neċessarju.

“Il-ġnus għad jimxu fid-dawl tiegħek,” (Iżaija 60:3). L-immaġni profetika ta’ Ġerusalemm il-ġdida li tifrex dawl divin fuq il-popli kollha, turi biċ-ċar il-ħajja u l-appostolat bla qatigħ ta’ San Arnold Janssen. Huwa wettaq b’żelu l-ħidma saċerdotali tiegħu, xerred il-Kelma ta’ Alla permezz tal-midja moderna, speċjalment l-istampa.

L-ostakoli ma qatgħulux qalbu. Huwa kien jirrepeti spiss: “Ix-Xandir tal-Aħbar it-Tajba hija l-ewwel u l-iktar espressjoni sinifikanti ta’ mħabba lejn il-proxxmu”. Illum huwa jgħin lill-familja reliġjuża tiegħu mill-Ġenna, biex tkompli fedelment tul il-binarji li huwa mmarka li jagħtu xhieda għall-valur permanenti tal-missjoni evanġelika tal-Knisja”.

  • U int, intbaħt kemm tista’ tagħmel ġid li kieku kellek tuża l-mezzi soċjali tal-lum biex ixxandar l-Aħbar it-Tajba li ġabilna Kristu?

Tista’ tuża l-kitba, gazzetti, radju, telefon, TV, mobajl, tablet, internet, facebook, youtube, twitter, instagram eċċ …

  • imqar biex taqsam ħsieb ta’ xi ħadd f’fama tajba fil-Knisja, eżempju ta’ xi qaddis/qaddisa.
  • imqar issib xi ħaġa li għamel ħaddieħor u tgħaddiha lil ħaddieħor,
  • imqar tfakkar lill-oħrajn fi kliem Kristu jew fit-tagħlim tal-Knisja,
  • imqar tgħaddi kelma tajba lil xi ħadd, jew forsi xi parir li tak xi ħadd ieħor …
  • imqar titlob b’impenn u toffri xi sagrifiċċji għall-bżonnijiet tal-missjunarji madwar id-dinja, kif għamlet Santa Tereża tal-Bambin Ġesu’ tant li l-Knisja għamlitha Patruna tal-Missjonijiet.

O li kieku kellna noqgħodu naħsbu ftit u nitolbu dwar dan, kemm insibu modi biex nistgħu nagħmlu l-ġid, biex nevanġelizzaw … jekk irridu. Ejjew nieħdu l-eżempju ta’ dan il-qaddis tal-lum San Arnold Janssens. Inti trid tagħmel il-ġid? Ġesu’ qed jistenniek. Hu lesta ġenna għalik … jistenna li toħloq ġenna għalih, billi ttih l-erwieħ!

Talba: O Alla tiegħi, jien nemmen Fik, għaliex Int il-Verità Eterna.
O Alla tiegħi, jien nitma Fik, għax int infinitament ħanin, fidil u tista’ kollox.
O Alla tiegħi, jien inħobbok b’qalbi kollha u jiddispjaċini li offendejtek.
B’imħabba għalija Int tinsab preżenti fis-Sagrament Imqaddes,
għalhekk jien nixxennaq għalik, għażiż Ġesu’.
Ibgħatli l-Ispirtu s-Santu bis-seba’ doni tiegħu mingħand il-Missier,
biex inkun nista’ nagħti glorja lil Alla f’kollox. Ammen.
(Talba ta’ San Arnold Janssens)

English Version: http://www.svdvocations.org/about-divine-word/founder

Alternative Reading: https://adorationsisters.org/about/history/saint-arnold-janssen/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Arnold_Janssen

Vatican Biography: http://www.vatican.va/news_services/liturgy/saints/ns_lit_doc_20031005_janssen_en.html

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

3 ta’ Diċembru: San Franġisk Saverju

Verżjoni Vidjo: San Franġisk Saverju

“Il-ħsad kbir, imma l-ħaddiema ftit; itolbu mela lil Sid il-ħsad, biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu. Intom tiksbu qawwa, meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, u tkunu xhud tiegħi sa truf l-art”. ~ Ġesu’ f’Mattew 9:38 u f’Atti 1:8

St. Francis Xavier (2)SAN FRANĠISK SAVERJU
Saċerdot
1506 – 1552

Tagħrif: Dan il-qaddis jista’ jitqies bħala wieħed mill-akbar missjunarji tal-Knisja, uħud iqabbluh mal-appostlu San Pawl. Minħabba f’hekk ġie maħtur Patrun tal-Missjonijiet. Bħall-missier spiritwali tiegħu Sant’Injazju minn Loyola, Franġisk kien Spanjol ta’ razza Baska. Kellu f’moħħu li jagħmel isem bħala studjuż magħruf u duttur tal-filosofija.

San Franġisk Saverju twieled ħdejn Pamplona, Spanja, fil-Kastell Xavier, fis-7 ta’ April 1506. Fl-1524, daħal l-Universita’ ta’ Pariġi biex jistudja l-filosofija, u ħa l-Grad mill-Kulleġġ ta’ Santa Barbara. Hawn iltaqa’ u sar ħabib ma’ San Injazu ta’ Loyola.

Ta’ 28 sena ċeda għall-ideali għoljin t’Injazju, wara li kien ilu jgħix fl-istess kamra miegħu u mal-Beatu Pietru Favre fl-Università ta’ Pariġi għal erba’ snin. Fl-1537, San Franġisk flimkien ma’ San Injazju u erba’ Ġiżwiti oħra kien ordnat saċerdot f’Venezja. Hu sar wieħed mill-ewwel sitt kumpanni ta’ San Injazju li ħadu l-voti f’Montmartre, fl-1534. San Injazju kien jgħidlu: “Franġisk, x’jiswielek li tirbaħ id-dinja kollha, imbagħad titlef ruħek?”

Fl-1540, San Injazju talab lil Franġisku biex imur ma’ Patri Simon Rodriguez bħala l-ewwel missjunarji Ġiżwiti fl-Indja. Seba’ Ġiżwiti ntagħżlu għall-missjoni, iżda fl-aħħar minuta Franġisk kellu jieħu post wieħed minnhom li ma setax jagħmel il-vjaġġ. “Ix-xogħol f’idejk!”, qallu Injazju. Franġisk kellu jħalli Ruma għall-Portugall fi żmien 24 siegħa. Hu aċċetta bil-ferħ u beda jraqqa’ qalziet qadim u suttana biex jeħodhom miegħu. F’dan kollu wera faqar, sempliċità u tfittxija għar-rieda ta’ Alla fl-ubbidjenza u t-talb li kkaratterizzaw il-ħidma tiegħu fil-missjoni.

Fl-1541, maħtur bħala Nunzju Appostoliku tal-Lvant, Franġisku telaq lejn l-Indja. Wara vjaġġ twil u diffikultuż li dam tlettax-il xahar wasal Goa li kienet kolonja Portugiża, f’Mejju tal-1542. Ħadem bla heda matul il-kosta tal-Indja u għammed numru kbir ta’ Indjani. Huwa żar Cape Camorin, Malabar, Travancor, Malakka, Molukkas ħdejn New Guinea u Montai ħdejn il-Filippini. Matul l-għaxar snin ta’ xogħol fil-missjonijiet hu vvjaġġa fil-biċċa l-kbira tal-Lvant imbiegħed bħala nunzju papali u superjur Ġiżwita. Hu ħalla warajh f’kull post li għadda knejjes jiffjorixxu, li diversi minnhom komplew sa żminijietna.

Meta kien fil-Malakka ltaqa’ ma’ Ġappuniż maħrub li tah l-idea li jmur il-Ġappun. Fil-15 ta’ Awwissu 1548 daħal il-Ġappun u bil-għajnuna ta’ Ġappuniżi kkonvertiti huwa qaleb fil-Ġappuniż xi tagħlim nisrani u kien jippriedka kif jista’. Dam sentejn fil-Ġappun. Għamel madwar 2000 Ġappuniż nisrani li kellhom ikunu l-pedament tal-Knisja fil-Ġappun. Ħalliehom fil-kura ta’ Patri Cosmas u Fratell Fernandez, u rritorna fl-Indja fl-1551, meta nħatar l-ewwel Provinċjal tal-Ġiżwiti fl-Indja u fil-Lvant.

B’xewqa kbira li jwassal il-Vanġelu fiċ-Ċina li dak iż-żmien kienet magħluqa għall-barranin, Franġisku mar f’Sancian, gżira żgħira ħdejn Hong Kong, ftit ‘il bogħod miċ-Ċina. Imma Franġisk marad u miet bla ma laħaq irċieva s-sagramenti u mingħajr difna nisranija, waqt li kien fuq il-gżira ta’ Sancian, ħdejn Hong Kong, jistenna lil wieħed negozjant li wegħdu li kellu jdaħħlu bil-moħbi fiċ-Ċina. Kien fit-3 ta’ Diċembru 1552, fl-eta’ ta’ 46 sena.

Għaxar ġimgħat wara, fetħu t-tebut u sabu li ġismu kien għadu talekwale. Wara ħaduh fil-Malakka, u minn hemm lejn Goa kważi sena wara mewtu, fejn it-tobba ċċertifikaw li ġismu kien għadu bla mittiefes. U hemm għadu miżmum fil-knisja ta’ Ġesù.

San Franġisk Saverju kien iddikjarat qaddis, flimkien ma’ Sant’Injazju ta’ Loyola fl-1662 mill-Papa Girgor XV. Flimkien ma’ Santa Tereża ta’ Lisieux hu l-Patrun tal-Missjonijiet.

Ħsieb: Dan li ġej huwa qari mill-Ittra tas-saċerdot San Franġisk Saverju lil San Injazju:

“Morna nduru l-irħula fejn joqogħdu xi nsara ġodda li f’dawn l-aħħar snin ħadu s-Sagramenti Mqaddsa. F’din l-art ma ssibx Portugiżi, għax hi art ħawlija u fqira mill-iżjed; l-insara tal-post huma nieqsa mis-saċerdoti, u ma jafux ħaġ’oħra ħlief li huma nsara. Ma għandhomx min jaqdihom fit-triq ta’ Alla; ma għandhomx min jgħallimhom il-Kredu, il-Missierna, is-Sliema u l-Kmandamenti ta’ Alla.

Għalhekk minn x’ħin wasalt hawn ma waqaft xejn: dort dawra sewwa mal-irħula, u għammidt it-tfal kollha li kienu għadhom bla magħmudija. Għammidt għadd kbir ta’ trabi li, kif jgħidu, ma jafux x’għandha x’taqsam idhom il-leminija max-xellugija. It-tfal ma kinux jitilquni qabel ma nkun għallimthom xi talba: u la kienu jħalluni ngħid l-uffiċċju divin, la niekol u lanqas nistrieħ. Kont inħoss tassew li ta’ min hu bħalhom hija s-saltna tas-smewwiet.

Għalhekk rajt li kien ikun nuqqas kbir tiegħi kieku kelli niċħdilhom ħaġa tajba bħal din li kienu jitolbuni; bdejtilhom mill-istqarrija tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u ħeġġiġthom jgħidu l-Kredu, il-Missierna, u s-Sliema. Intbaħt x’dehen kbir għandhom; ma għandi ebda dubju li kienu jkunu nsara mill-aħjar kieku kellhom min jgħallimhom sewwa l-katekiżmu.

F’ħafna minn dawn il-postijiet, in-nies waħda żżommhom li ma jsirux insara: għax ma hawnx min jagħmilhom insara. Sikwit jiġini f’moħħi li mmur indur mal-universitajiet tal-Ewropa, l-aktar ta’ Pariġi, niġri ġirja magħhom u naqbad ngħajjat qisni wieħed iblah, biex inqanqal lil dawk li għandhom iktar għerf milli mħabba, u ngħidilhom: “Jaħasra, kemm erwieħ minħabba n-nuqqas tagħkom qegħdin jibqgħu barra mis-sema u jimlew l-infern!” Daqskemm huma moħħhom fl-għerf, daqshekk ieħor kellhom bżonn iżommu din il-ħaġa quddiem għajnejhom ħalli jkunu jistgħu jagħtu lil Alla kont tajjeb tal-għerf u t-talenti li ħadu.

Imma tabilħaqq, kien hemm ħafna fosthom li tqanqlu b’dan il-ħsieb; immeditaw fuq il-ħwejjeġ ta’ Alla, ħabirku biex jisimgħu x’kien qiegħed jgħidilhom il-Mulej ġewwa fihom, tefgħu wara spallejhom il-ġid tad-dinja u l-ġibdiet tagħha, u ngħataw kollhom kemm huma biex jagħmlu r-rieda ta’ Alla u dak li jogħġob lilu. Mhux li kienu jgħajjtu wkoll minn qiegħ ruħhom: Hawn jien, Mulej; xi tridni nagħmel? Ibgħatni kull fejn jogħġbok, mqar fl-Indja”.

Kristu bagħatna u qalilna: “Morru għallmu ‘l ġnus kollha.” Mhux bil-fors irridu nħallu x-xtut tagħna. Nistgħu nagħmlu hekk fid-dar tagħna, mal-mara, mar-raġel, mat-tfal, fuq il-post tax-xogħol jew tad-divertiment. Ngħallmu mhux biss b’fommna iżda wkoll bil-kitba, bl-imġiba tagħna, b’daqxejn ta’ għajnuna, nisimgħu bis-sabar, nuru li qed nagħtu kas, nagħtu ftit mill-ħin tagħna għal ħaddieħor. San Franġisk ta ħinu kollu. Int kemm ser tagħti minnek innifsek?

Talba: O kbir Alla ta’ dejjem, nirringrazzjawk għall-qaddej tiegħek San Franġisk Saverju, li int sejjaħt biex ixandar l-Evanġelju lin-nies tal-Asja. Qajjem nitolbuk, f’din u fuq kull art, ħabbara u evanġelisti ta’ saltnatek biex il-knisja tiegħek tipproklama il-ġid bla qies tas-Sinjur tagħna Ġesù Kristu. Bl-istess Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/11/stfrancis-xavier.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-francis-xavier/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Francis_Xavier

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis/a huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

30 ta’ Novembru: San Andrija

Verżjoni Vidjo: San Andrija

“Huwa u jdur ma’ xatt il-baħar tal-Galilija lemaħ żewġt aħwa, Xmun jgħidulu Pietru, u ħuh Indrì, qegħdin jixħtu x-xbiek fil-baħar, għax kienu sajjieda. U qalilhom: “Ejjew warajja, u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin.” U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh”. ~ Ġesu’ f’Mattew 4:18-20

img-Saint-Andrew-the-Apostle2SAN ANDRIJA
Appostlu
L-ewwel Seklu

Tagħrif: San Andrija, bħal missieru Ġona, u ħuh San Pietru, kien sajjied, minn Betsajda. Il-familja tiegħu kellha dar f’Kafarnahum, fejn Ġesù ġieli mar.

Għall-ewwel kien dixxiplu ta’ San Ġwann il-Battista, u l-ewwel darba li ra ‘l Ġesù kien f’Bedsajda, meta kien ma’ San Ġwann li kien qiegħed jgħammed. Dak il-ħin li kien għaddej Ġesù, San Ġwann qal: “Hekk hu l-Ħaruf t’Alla”.

San Andrija flimkien ma’ dixxiplu ieħor, mar ħdejn Ġesù, u Ġesù staqsieh x’kellu bżonn. Hu wieġbu li xtaq ikun jaf fejn joqgħod, u Ġesù qallu: “Ejja, u ara”. Imbagħad, San Andrija u sieħbu qattgħu l-kumplament tal-jum ma’ Ġesù.

L-għada mar sab lil ħuh, Xmun, u qallu: “Sibna l-Messija”, u ġabu għand Ġesù li bidillu ismu f’Pietru.

Hekk iż-żewġ aħwa saru dixxipli ta’ Ġesù, iżda ma qagħdux kontinwament miegħu, għax ġieli marru d-dar.

Darba waħda Ġesù ltaqa’ magħhom it-tnejn waqt li kienu qed jistadu u qalilhom: “Ejjew, u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin”. Marru, u minn dakinhar baqgħu dejjem ma’ Ġesù.

Ftit qabel il-Passjoni, meta Ġesù kien f’Betanja fid-dar ta’ Lażżru, xi Griegi ltaqgħu ma’ Filippu u qalulu li xtaqu jaraw lil Ġesù. Filippu qal b’dan lil Indri u flimkien marru jgħidu lil Ġesù. (Ġwanni 12:20)

Darb’oħra meta Ġesù xabba’ bl-ikel ħamest elef ruħ, kien San Andrija li qal lil Ġesù li kien hemm tifel li kellu ħames ħobżiet u żewġ ħutiet. (Ġwanni 6:9)

Wara l-mewt ta’ Ġesù, San Andrija mar jippriedka l-Vanġelu fil-Ġreċja, u fit-Turkija, u x’aktarx fil-Polonja u fir-Russja.

Sofra l-martirju f’Akajja, fiż-żmien il-persekuzzjoni ta’ Neruni. Ġie marbut ma’ salib forma ta’ X biex idum iktar ma jmut. Infatti miet wara jumejn.

Ġismu ttieħed f’Kostantinopli fis-sena 357, u mqiegħed fil-knisja tal-Appostli, mibnija minn Kostantinu l-Kbir.

Ħsieb: Dan li ġej hu qari mill-Omeliji tal-Isqof San Ġwann Kriżostmu dwar San Andrija:

“Indrì baqa’ ma’ Ġesù u tgħallem ħafna ħwejjeġ mingħandu. Huwa ma marx jaħbi dan it-teżor, iżda ħaffef u ġera lejn ħuh biex dan jaqsam miegħu fil-ġid. Qisu tajjeb x’qallu lil ħuh: Sibna l-Messija, jiġifieri ‘l Kristu. Qegħdin taraw kif urieh dak li laħaq tgħallem f’qasir żmien? B’hekk l-Evanġelista ried ifissrilna x’qawwa kellu l-Imgħallem biex ġagħalhom jifhmu min kien, u x’ħerqa u ħrara kellhom huma biex minnufih taw widen għal li kien qalilhom. Il-kliem ta’ Indrì jixhed ix-xewqa kbira tiegħu biex ifittex ixandar ġrajja bħal din. Jurina wkoll kemm kien iridlu ġid lil ħuh, x’rabta ta’ mħabba u ġibda mill-qalb kellu għalih, u kemm kienu jfittxu jgħinu lil xulxin fil-ħajja tar-ruħ.

Innutaw ukoll kif Pietru mill-ewwel jurina kemm kien jadatta ruħu u joqgħod malajr għal dak li jisma’. Ma qagħadx jitnikker, iżda mar minnufih ma’ ħuh. Dan ħadu għand Ġesù, qalilna l-Evanġelista. B’danakollu ma għandniex nikkundannawh talli qagħad hekk malajr għall-kliem ta’ ħuh bħallikieku bela’ kollox bla ma qagħad jistħarreġ xejn. Għax jista’ jkun li ħuh bosta drabi kien qagħad ifissirlu kollox bir-reqqa; tabilħaqq, l-Evanġelisti dejjem jiġbru fil-qosor ir-rakkonti tagħhom kollha. Terġa’ mbagħad Ġwanni ma qalx li Pietru emmen minnufih, iżda li Indrì ħadu għand Ġesù biex jitilqu f’idejh ħalli jikseb it-tagħrif kollu mingħandu stess. U għandu mnejn li Indrì kellu wkoll min jgħinu f’din il-ħaġa, għax diġa’ kien hemm dixxiplu ieħor miegħu.

Meta Ġwanni l-Battista qal Dan hu l-Ħaruf, u, Dan hu li jgħammed bl-Ispirtu, huwa ħalla f’idejn Kristu biex ifisser dan it-tagħlim b’mod aktar ċar. Iżjed u iżjed għamel hekk Indrì, għax ra li l-ħila dgħajfa tiegħu ma kinitx biżżejjed biex ifisser kollox lil ħuh, u għalhekk ħadu għand l-istess għajn tad-dawl, u Pietru tant feraħ u ħaffef biex imur miegħu li anqas minuta waħda ma qagħad jitnikker.

Wara li San Andrija kien iltaqa’ ma’ Ġesù, mar ġab lil ħuh ukoll, (u wara, min jaf kemm nies saru jafu, u jħobbu lil Ġesù permezz tiegħu).

  • X’qed nagħmlu aħna biex l-ewwelnett aħna stess insiru nafu aħjar u nħobbu iktar lil Ġesù, u biex ukoll narawh iktar magħruf u maħbub mill-oħrajn?”

Talba: Miċ-ċokon tagħna, Mulej, nitolbu l-kobor tiegħek biex l-appostlu Sant’Andrija, li fil-Knisja tiegħek kien predikatur u mexxej, jidħol dejjem għalina quddiemek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/11/saint-andrew-apostle.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-andrew-apostle-403

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Andrew_the_Apostle

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis/a huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.