Qaddej ta’ Alla Fra Baskal Farrugia

Verżjoni Vidjo: Qaddej ta’ Alla Fra Baskal Farrugia

Fra BaskalFRA BASKAL FARRUGIA
Kapuċċin
1869 – 1937

Tagħrif: 

Ħamsin Sena ilu saret ir-Rikonjizzjoni
Kien eżattament fis-6 ta’ April 1953 meta fil-preżenza ta’ Mons Ġużeppi Pace, Isqof ta’ Għawdex u tar-Rev. Patri Pietru Mamo, Provinċjal tal-kappuċċini saret ir-rikonjizzjoni ta’ Fra Baskal Farrugia fil-Kripta tal-Knisja tal-Madonna tal-Grazzja fir-Rabat, Għawdex.

Fra Baskal twieled u ġie mgħammed iż-Żebbuġ ta’ Għawdex, nhar l-Erbgħa 10 ta’ Frar 1869. Il-ġenituri tiegħu kienu Ġużeppi Farrugia miż-Żebbuġ, Għawdex u Roża Spiteri imwielda x-Xagħra minn Ġużeppi u Marija neè Cini. Fil-magħmudija tawh l-isem ta’ Salvu, Mikiel u Ġużeppi, iċ-ċelebrant kien Dun Bartilmew Busuttil. Salvu kien ir-raba’ wieħed minn familja ta’ tlettax-il wild.

Vokazzjoni Reliġjuża
Salvu meta kien għadu ċkejken kien diġà beda jħoss li jixtieq isir reliġjuż. Meta kien jara xi Fratell Kapuċċin jiġbor iċ-ċirka (karità) fit-toroq taż-Żebbuġ kien jissaħħar warajh.

Meta kellu madwar wieħed u għoxrin sena eżattament fl-24 ta’ Diċembru 1890, Salvu ġie mlibbes iċ-ċoqqa kapuċċina minn idejn Patri Ġużeppi Marija mill-Birgu, fil-knisja tal-Madonna tal-Grazzja fil-Belt Victorja Għawdex. F’din iċ-ċerimonja isem Salvu ġie mibdul f’dak ta’ Fra Baskal minn Għawdex.

Reliġjuż eżemplari u ta’ penitenza
Fil-ħajja reliġjuża tiegħu, Fra Baskal wettaq diversi responsabbiltajiet, l-iktar dik ta’ sagristan u ċirkatur. Il-biċċa l-kbira ta’ ħajtu għaddieha fil-kunvent ta’ Għawdex. Kien reliġjuż eżemplari u ta’ penitenza, devot kbira ta’ Ġesù Ewkaristija u tal-Madonna tal-Grazzja. Il-gost tiegħu kien li jgħin lil dawk il-foqra li kuljum kienu jmorru jħabbtu l-bieb tal-kunvent għall-karità u l-ikel.

Fra Baskal miet b’fama ta’ qdusija nhar it-Tlieta 18 ta’ Mejju 1937, fl-isptar ġenerali ta’ Għawdex. Folla kbira ta’ nies imlew it-toroq li minnhom għadda l-funeral. Meta l-katavru wasal fil-knisja tal-Madonna tal-Grazzja saret quddiesa, imbagħad ġie midfun fil-kripta tal-istess knisja fil-qabar numru wieħed.

Jinġabar il-fdal tiegħu f’urna
Wara l-mewt ta’ Fra Baskal ħafna nies kienu jmorru kuljum fuq il-qabar tiegħu biex jitolbuh jidħol għalihom fil-bżonnijiet tagħhom tal-ġisem u tar-ruħ. Xi wħud kienu jistqarru li qalgħu grazzji bl-interċessjoni tiegħu. B’hekk il-fama ta’ qdusija li kien igawdi f’ħajtu kompliet tikber wara mewtu.

Kienu għaddew kważi sittax-il sena mill-mewt ta’ Fra Baskal meta fis-6 ta’ April 1953 saret ir-rikonjizzjoni legali tal-katavru tiegħu kif jitolbu l-liġijiet tal-knisja. Flimkien mal-isqof ta’ Għawdex u mal-Provinċjal tal-Kapuċċini kien hemm preżenti n-nutar Francesco Refalo, u bħala xhieda Dr Antonio Tabone, tabib prinċipali tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-Onor. Edgar Montanaro, kummissarju għal Għawdex.

Il-Fdal ta’ Fra Baskal tqiegħed f’tebut taż-żingu. Wara li ġie ssiġillat mill-isqof u mill-provinċjal, tqiegħed f’urna tal-injam li tinsab fil-kripta tal-knisja tal-Kapuċċini ta’ Għawdex.

Nhar il-Ħadd 6 ta’ April 2003, ġiet iċċelebrata Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fis-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja fir-Rabat, Għawdex fejn hemm il-kripta ta’ Fra Baskal.

Kuntratt tar-Rikonizzjoni tal-Kadavru ta’ Fra Baskal (illum, is-6 ta’ April 1953)
Quddiem Nutar Francesco Refalo u quddiem ix-xhieda legalment kapaċi deher hawn personalment, il-Wisq Rev. Patri Provinċjal tar-Reverendu Patrijiet tal-Kappuċċini Pietro Mamo, bin il-mejtin Francesco u Emmanuela neè Galea imwieled u residenti l-Furjana, Malta.

Minni Nutar magħruf; bis-saħħa ta’ dan il-Kuntratt jiena Nutar sottoscritt Francesco Refalo ġejt imsejjaħ mill-Wisq Reverendu Patri Provinċjal Pietru mill-Furjana tal-Ordni tal-Patrijiet Minuri Kappuċċini tal-Provinċja ta’ Malta. Fis-sotterran tal-Knisja taħt it-titlu tal-Madonna tal-Grazzja tal-Kunvent tal-Patrijiet Kappuċċini ta’ Għawdex sabiex nagħti legalment ix-xhieda tiegħi u nestendi dan l-att pubbliku u legali skont ma’ huwa preskritt mil-liġijiet tal-Knisja.

Iġifieri li quddiemi u quddiem ix-xhieda kompetenti ġie miftuħ il-qabar numru wieħed C (1.c.) fejn ġie u sa issa kien jinsab midfun l-Ajk Profess Kappċċin Fra Baskal miż-Żebbuġ ta’ Għawdex li miet fit-tmintax (18) ta’ Mejju tas-sena elf disa’ mija u sebgħa u tletin (1937) miżmum minn kulħadd b’fama ta’ qdusija.

Li flimkien mal-imsemmi Fra Baskal minn Għawdex instab midfun ukoll il-ġisem ta’ reliġjuż ieħor Fra Paċifku minn Bormla Malta. Imma Fra Franġisk minn Għawdex Ajk Kappuċċin li jinsab hawn preżenti għal dan l-att sollenni u legali jistqarr taħt ġurament illi l-ewwel katavru li nstab fil-miftuħ qabar numru wieħed C (1.c.) huwa tal-mejjet Fra Baskal miż-Żebbuġ ta’ Għawdex għaliex meta miet dan l-Ajk Fra Baskal hu ġie midfun fil-wiċċ tal-qabar numru wieħed C.(1.c.) kien preżenti u jista’ jiddikjara li minn dak inhar dak il-qabar ma nfetaħx aktar u b’hekk jista’ jiġi dikjarat b’ċertezza billi dan l-imsemmi Fra Franġisk minn Għawdex kien u baqa’ fil-familja reliġjuża Kappuċċina ta’ fuq imsemmi Kunvent tal-Kappuċċini.

Għalhekk billi l-imsemmi Fra Baskal minn Għawdex miet b’fama ta’ qdusija u skont ma jingħad qegħdin jinqalgħu bosta grazzji mingħand Alla bl-interċessjoni tiegħu, l-Eċċellenza tiegħu Reverendissima Monsinjur Giuseppe Pace Isqof ta’ Għawdex ried u ndenja ruħu li jkun preżenti għal din ir-Rikonjizzjoni solenni u legali tal-ġisem tal-imsemmi Fra Baskal u quddiemi stess u quddiem xhieda oħra bħalma huma preżenti Dr. Antonio Tabone Tabib prinċipali ta’ l-Isptar governattiv tal-Belt Victoria Għawdex; l-onor. Edgar Montanaro, Kummissarju ta’ Għawdex; il-Wisq Rev. Patri Provinċjal tal-Kappuċċini tal-Provinċja ta’ Malta Pietru mill-Furjana; ir-Rev. Patri Anġeliku minn Għawdex Gwardjan tal-Kunvent tal-Kappuċċini ta’ Għawdex dan il-ġisem ta’ Fra Baskal mill-qabar numru wieħed C (1.c.) tas-sotterran tal-Knisja tal-Madonna tal-Grazzja tal-Patrijiet Minuri Kappuċċini ta’ Għawdex ġie midfun u mqiegħed u ssaldat ġo kaxxa taż-żingu u dina ġo oħra tal-injam u ġie ssiġillat b’żewġ siġilli minn wieħed tal-Eċċellenza Tiegħu Mons. Giuseppe Pace Isqof ta’ Għawdex u l-ieħor tal-Provinċja tal-Patrijiet Kappuċċini. Fuq sider il-kadavru ta’ Fra Baskal ġie mqiegħed ukoll stoċċ tal-ħġieġ bil-ħajja tiegħu fil-qosor u miktuba fuq il-pergamena.

Magħmul u ppubblikat dan il-kuntratt magħmula l-previa u debita ċerziorazioni lil probi kontraenti fis-sotterran tal-Knisja tal-Kappuċċini li tinsab triq Kappuċċini Victoria Għawdex mingħajr numru quddiem ix-xhieda legalment kapaċi Edgar Montanaro Kumissarju ta’ Għawdex bin il-mejjet Guglielmo mwieled il-Furjana, Malta u residenti Victoria Għawdex u s-sinjur Cavalier Dottor in Medicina Antonio Tabone bin il-mejjet Nicolo mwieled u joqgħod Victoria Għawdex. Xhieda hawn taħt iffirmati li għandhom il-kwalitajiet kollha rikjesti mil-Liġi Attwali kif huma stess jistqarru u jiddikjaraw.

P. Pietru mill-Furjana O.F.M. Kap. Min. Provinċjal.
Edgar G. Montanaro Kumissarju ta’ Għawdex – xhud.
Antonio Tabone M.D., – xhud
Francesco Refalo Nutar – Pubbliku Malti.
Ikkolazzjonat mal-oriġinal
Francesco Refalo Nutar Pubbliku Malti.
A true copy from my deeds. Quod attestor. Given on this the 14th April 1953:
FRANCESCO REFALO (Notary Public of Malta).

Links about Fra Baskal Farrugia:  

  1. https://www.findagrave.com/memorial/29578527/baskal-farrugia
  2. http://www.laikos.org/FraBaskalFarrugia.htm
  3. http://www.sanfrangisk.com/09Ordni/of-22-Fra%20Baskal.htm
  4. https://books.google.com.mt/books/about/is_Serv_ta%CA%BE_Alla.html?id=x82augEACAAJ&redir_esc=y
  5. https://www.facebook.com/events/341029166279120
  6. http://www.laikos.org/FraBaskalFarrugia.htm#Sigra
  7. https://laikosblog.org/2016/09/13/il-fra-li-jnissillek-tbissima/
  8. https://www.facebook.com/480098058805038/posts/qatt-smajt-bi-fra-baskal-farrugia-aghti-titwila-dan-il-video-saint-capuchin-brot/688373137977528/

Nota: It-Tagħrif dwar il-Qaddej ta’ Alla Fra Baskal Farrugia meħud minn artiklu li deher fil-Leħen is-Sewwa, Is-Sibt 5 ta’ April, 2003, p.10. Il-Kuntratt tar-Rikonjizzoni huwa meħud mill-ktejjeb ta’ Patri Anġlu (Mizzi) mill-Belt, Tagħlim meqjus u Qasir fuq il-Ħajja u l-Mewt ta’ Fra Baskal minn Għawdex, Kappuċċin, Malta 1953.

Venerabbli Margerita De Brincat

Verżjoni Vidjo: Venerabbli Margerita De Brincat

mmargeritaMARGERITA MARIJA DE BRINCAT
Konfundatriċi
1862 – 1952

Tagħrif: Madre Margerita De Brincat twieldet fit-28 ta’ Novembru 1862 fir-raħal Għawdxi ta’ Kerċem. Fl-1877 daħlet f’assoċjazzjoni li kienet tissejjaħ it-Tnax-il Stilla tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù u fl-1880 din l-assoċjazzjoni nbidlet f’kongregazzjoni.

Hija laħqet is-Segretarja Ġenerali tal-kongregazzjoni li ntant kienet ngħatat l-approvazzjoni tad-Djoċesi Maltija biex tibdel isimha għal dik ta’ Sorijiet Franġiskani tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù.

Hija damet madwar 50 sena taħdem mas-Sorjiet Franġiskani li fihom fetħet skejjel u djar għaż-żgħażagħ. Kien bis-saħħa tagħha li ħidma simili saret f’Corfu, Sqallija, Ruma u l-Etijopja.

Mietet fit-22 ta’ Jannar 1952 fid-dar tas-Sorijiet Franġiskani fir-Rabat, Għawdex. Illum il-kongregazzjoni li waqqfet taħdem f’diversi pajjiżi fosthom fl-Afrika, il-Brażil u l-Pakistan.

Kuruna ta’ tnax-il kewkba
II-Kongregazzjoni kellha l-bidu tagħha fir-Rabat Għawdex fl-4 ta’ Jannar 1874 meta lis-Sinjorina Karmela Xerri, mir-Rabat, ġieha f’idejha ktieb ta’ Don Olmi li hi stess tat lil sħabha biex jaqrawh, Dan il-ktieb jismu: “Kuruna ta’ tnax-il kewkba” ad unur tat-tnax-il kewkba li jdawwru l-Qalb Santissma ta’ Ġesù. Dan il-ktieb jistieden lill-verġni biex jagħtu ruħhom b’riparazzjcni għall-offiżi li jsiru lil din il-Qalb.

Il-qari ta’ dan il-ktieb kellu effett kbir fuq xi xebbiet li bdew jinġabru fid-dar tal-imsemmija Sinjorina Xerri, biex jagħtu bidu għal dan x-xogħol ta’ riparazzjoni. Billi ma setgħux ikomplu dawn il laqgħat weħidhom talbu lil Arċipriet ta’ San Ġorġ, Dun Feliċ Refalo, biex jaħseb jinforma Assoċjazzjoni. Bil-permess tal-Isqof Pietru Pace ġie mogħti lilhom bħala Direttur tat-“Tnax-il kewkba”, il-Viċi Parroku Dun Ġużepp Diacono, magħruf għat-tjubija u għaż-żelu mhux komuni tiegħu. Dan it-twajjeb Saċerdot twieled ix-Xagħra, Għawdex, fit-15 ta’ Awwissu 1866 u miet fit-22 ta’ Ġunju 1924. Il-laqgħat ta’ kull xahar baqgħu jsiru fid-dar tas-Sinjorina Xerri, sakemm inkriet dar fi Strada “Għajn Qatet” u ġie mogħti l-isem “Dar tal-Karità”.

Il-Għan Qaddis
Il-fini ta’ l-Assoċjazzjoni f’din id-dar kien li jagħmlu ġid liż-żgħażagħ speċjalment lit-tfal l-iżjed fqar. Għaldaqstant l-Assoċjati taw bidu għall-programm tal-ħajja tagħhom. Wara li kienu jispiċċaw il-prattiki tagħhom ta’ pieta’, kienu jiġbru t-tfal, bi preferenza l-iktar fqar, u kienu jagħtuhom lezzjonijiet ta’ Katekiżmu, ta’ skola u ta’ xogħol tad-dar. Filgħaxija, kienu jieħdu t-tfal fil-knisja ta’ San Franġisk biex jagħmlu vista lil Ġesù Sagramentat u wara kienu jwassluhom sad-dar tagħhom.

Fit-18 ta’ Ottubru 1880, dawn il-Kongregati ħadu l-abitu tat-Terz Ordni ta’ San Franġisk minn idejn il-Fundatur tagħhom Dun Ġużepp Diacono.

L-Isqof Pietru Pace, fit-13 ta’ Ottubru 1883 aċċetta l-Kongregazzjoni l-ġdida bħala Istitut Djoċesan u ta lill-Ewwel Sorijiet ir-Regola tat-Terz Ordni ta’ San Franġisk biex josservawha.

Dawn l-ewwel Terzjarji Franġiskani kienu jgħixu fl-ikbar faqar. Biex ikollhom in-neċessarju għall-ħajja kienu jaħdmu minn filgħodu sa filgħaxija, jgħallmu l-bizzilla, u jżommu skola ta’ tfal żgħar subien u bniet. Hekk kienu utli għall-proxxmu, mhux biss bl-eżempju ta’ ħajja qaddisa u fervoruża li kienu jgħaddu, iżda anki bl-opri, għall-vantaġġ tax-xbejbiet speċjalment fqar. Meta xi waħda minn dawn kienet tmut jew toħroġ, il-post tagħha kien jiġi okkupat biex in-numru ta’ din l-Assoċjazzjoni jibqa’ dejjem tnax.

Madre Margerita: Konfundatriċi
Hawn l-istorja hija mżejna bid-dehra tax-xbejba Virginja Debrincat li twieldet f’Kerċem fit-28 ta’ Novembru 1862. Din ix-xebba kienet mogħtija għat-tjieba u għall-ħajja moħbija u kienet għamlet vot tal-verġinità ta’ 14-il sena. Ġiet aċċettata bħala postulanta fil-5 ta’ Frar 1881. Fil-20 ta’ Frar 1881 libset il-libsa ta’ San Franġisk minn idejn il-Fundatur, Dun Ġużepp Diacono u ħadet l-isem ta’ Maestra Virġinja: ‘il quddiem Swor Marija Margerita tal-Qalb ta’ Ġesu’.

Sentejn wara il-fundazzjoni, il-Fundatur Diacono ħalla t-tmexxija tal-Kongregazzjoni li kienet għadha fil-bidu tagħha minħabba xogħol gravi ieħor li afdalu l-Isqof, u Madre Margerita b’ispirazzjoni divina, ħadet f’idejha t-tmexxija tal-Kongregazzjoni. L-Isqof Pietru Pace għenha ħafna u ta lill-Istitut l-ewwel Kostituzzjoni skont ir-Regola tas-Sorijiet Terzjarji Regolari ta’ San Franġisk.

Din il-Madre, membru tal-Komunità li qegħdin insemmu, bħala soru professa, bħala Superjura Lokali, bħala Madre Ġenerali, u bħala Konfundatriċi mexxiet għal snin twal il-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Franġiskani ta’ Malta. Illum dan l-isem tas-Sorijiet Franġiskani ta’ Malta, b’lndult tas-Sagra Kongregazzjoni tar-Reliġjużi, ġie mibdul f’dak tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù.

L-iskop tal-Kongregazzjoni hu l-qdusija tal-membri permezz tal-osservanza fidila tal-voti tal-Ubbidjenza, Kastità u Povertà skont ir-Regola tat-Terz Ordni ta’ San Franġisk u tal-Kostituzzjonijiet Propri.

L-iskop speċjali ta’ din il-Kongregazzjoni hu l-qdusija tal-proxxmu permezz tat-tagħlim u tal-edukazzjoni nisranija u ċivili tat-tfal bniet u subien u tax-xebbiet speċjalment fqar, kif ukoll l-eżerċizzju tal-karità lejn il-morda. Għalhekk, is-Sorijiet jeżerċitaw l-attività tagħhom fi skejjel primarji, sekondarji, u f’oħrajn għat-tfal żgħar, f’orfanatrofji, ospizji, sptarijiet, ambulatorji u f’opri oħra bħal dawn. Kull fejn ikunu, jagħtu mportanza kbira lill-Katekiżmu.

Il-Konfundatriċi waqqfet l-ispirtu tal-Istitut fuq il-faqar, fuq l-umiltà, u fuq is-sempliċità Franġiskana. L-abitu ta’ kulur qastni, il-kurdun tas-suf abjad, u l-velu li jilbsu s-Sorijiet ifissru s-sempliċità Franġiskana. Il-ferħ Franġiskan hu d-distintiv tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesu’.

Jinfirxu mad-dinja
Ta’ min isemmi l-ewwel fondazzjoni li Madre Margerita tal-Qalb ta’ Ġesù, għat-talb tal-Isqof Pietru Pace, li waqqfet f’Korfù 1907. L-iskop kien li jassistu kolonja Maltija ta’ emigranti li kienu marru hemm minn żmien qabel. Il-missjoni tas-Sorijiet kienet li jieħdu kura tat-tagħlim tal-Katekiżmu, jiġbru l-Maltin għall-Quddiesa tal-Ħadd, għall-Qrar u għat-Tqarbin billi javżawhom ġurnata qabel. Barra dan, l-unika skola kattolika f’Korfù hija f’idejn l-istess Sorijiet. Għandhom ukoll ospizju għax-xjuħ nisa, li hu wkoll l-uniku ospizju kattoliku.

Hi ta’ mportanza kbira d-dar li nfetfiet f’Ruma fl-10 ta’ Mejju 1927. F’din id-dar, imkabbra u miżjuda, hemm skola materna, skola elementari, orfanatrofju tal-bniet u subien, ospizju għax-xjuħ nisa, tagħlim tal-Katekiżmu tal-Parroċċa kollha.

L-attivita’ tas-Sorijiet Franġiskani titnissel u tissaħħaħ mill-imħabba dedikata. Mis-sigħat ta’ talb fil-Kappella, is-soru ġġorr lil Kristu magħha fix-xogħol u fl-appostolat tagħha.

Fl-aħħar 40 sena, il-Kongregazzjoni ħadet żvilupp kbir u barra djar f’Għawdex u f’Malta għandha wkoll djar fl-Italja, fil-Greċja, fl-Ingilterra, fl-Etjopja, fil-Pakistan, fil-Brażil, fl-Awstralja, fl-Amerka u f’Ġerusalemm.

Iż-żerriegħa ċkejkna mixħuta mill-Fundatur Dun Ġużepp Diacono u kkultivata mill-Konfundatriċi qaddisa Madre Margerita tal-Qalb ta’ Ġesù, kibret u tat frott viżibbli u ta’ ġid kbir lill-Knisja. Kollox ikun għall-ikbar glorja t’Alla.

Venerabbli
Nhar it-Tlieta 21 ta’ Jannar 2014, kummissjoni ta’ Kardinali u Isqfijiet fi ħdan il-Kongregazzjoni tal-Kawżi tal-Qaddisin iltaqgħet f’sessjoni ordinarja biex tat ġudizzju dwar jekk il-Papa għandux jiddikjara lill-Qaddejja ta’ Alla Madre Margerita De Brincat, bint id-Djoċesi ta’ Għawdex, bħala Venerabbli.  Din is-sessjoni tmexxiet mill-Kardinal James M. Harvey u għaliha kien preżenti l-Postulatur tal-Kawża, Patri Gianni Califano OFM.

Il-vot tal-lum dwar il-virtujiet erojċi ta’ Madre Margerita sar fuq il-proposti mogħtija minn kummissjoni ta’ disa’ konsulturi teologi f’April li għadda.  L-eżitu tal-vot kien wieħed pożittiv, u għalhekk il-pass li jmiss issa hu li l-Kongregazzjoni tressaq ir-riżultat tal-vot tagħha quddiem il-Papa Franġisku biex, fuq parir tal-istess Kongregazzjoni, jiffirma d-Digriet uffiċjali li bih jiddikjara lil Madre Margerita De Brincat bħala Venerabbli.  F’dak l-istadju, ikun jonqos biss l-approvazzjoni ta’ miraklu bl-interċessjoni tal-Venerabbli De Brincat biex hi tiġi ddikjarata Beata.

F’Velja ta’ Talb li nżammet fit-21 ta’ Jannar 2014 fil-Knisja tas-Sorijiet fi Triq Palma, il-Belt Victoria, fejn hemm il-Casa Madre li fiha għexet għal tant snin u mietet Madre Margerita, u fejn tinsab midfuna, l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech sejħilha “vulkan li jarmi enerġija umana u evanġelika”.  Hu żied jgħid li dan hu “jum storiku għall-Knisja f’Għawdex” għaliex għall-ewwel darba fl-istorja, bint id-Djoċesi ta’ Għawdex tinsab daqshekk qrib il-glorja tal-altari.

Links about Margerita De Brincat:

  1. https://www.findagrave.com/memorial/29612709/margherita-de_brincat
  2. https://mt.wikipedia.org/wiki/Madre_Maria_Debrincat
  3. http://www.sanfrangisk.com/09Ordni/of-17-M.Margerita.htm
  4. http://gozodiocese.org/2013/08/28/madre-margherita-de-brincat-taghrif-mill-kongregazzjoni-tal-kawzi-tal-qaddisin/
  5. http://fcjmalta.org/?page_id=61
  6. https://www.timesofmalta.com/articles/view/20120129/life-features/Mother-Margherita-Debrincat-in-love-with-love-as-a-way-of-life.404592
  7. http://gozonews.com/43437/madre-margerita-de-brincat-to-be-proclaimed-venerable/
  8. https://medjugorjemalta.blogspot.com/2014/01/papa-frangisku-jagraf-il-virtujiet.html
  9. http://www.franccj.com/franccj/en/2016/07/16/la-nostra-storia/
  10. http://www.franccj.com/franccj/blog/2016/05/14/malta-4-luglio-2014-madre-margherita-de-brincat-e-venerabile/
  11. https://www.velar.it/libro/madre-margherita-de-brincat/

Nota: It-Tagħrif dwar il-Venerabbli Margerita De Brincat huwa meħud mis-sit tal-MUSEUM ta’ San Ġiljan u mis-sit tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.