27 ta’ Frar: San Gabrijel tal-Addolorata

Verżjoni Vidjo: San Gabrijel tal-Addolorata

“Meta Alla tani l-vokazzjoni tiegħi, Hu sawwab fuqi waħda mill-aqwa grazzji tiegħu. Jiena rrid inpattilu billi nagħtih l-aqwa ħaġa li għandi – l-imħabba kollha ta’ qalbi.” – San Gabrijel tal-Addolorata

gabriel8SAN GABRIJEL TAL-ADDOLORATA
Reliġjuż
1838 – 1862

Tagħrif: Twieled f’Assisi fl-1 ta’ Marzu 1838 u għammduh fl-istess jum u semmewh għal San Franġisk. Missieru, Sante Possenti, li bħala gvernatur tal-Istati Pontifiċji ħtieġlu jiċċaqlaq minn post għall-ieħor, fl-aħħar mar joqgħod għal kollox fi Spoleto.

Fil-kulleġġ ta’ Spoleto, Franġisk kien maħbub ħafna minn sħabu. L-ewwel f’ħafna suġġetti, jinteressa ruħu fit-teatru u fil-kaċċa u kien iħobb ukoll il-ballijiet.

Iżda b’għaġeb kbir għan-nies ta’ Spoleto, fil-21 ta’ Settembru 1856, l-għada tal-gradwazzjoni tiegħu, ta’ 18-il sena, telaq biex jibda n-novizzjat mal-Patrijiet Passjonisti f’Morrovalle, u għażel l-isem ta’ Gabrijel tal-Addolorata. Sena wara għamel il-professjoni reliġjuża. Fin-novizzjat, sar mudell tal-osservanza u tal-perfezzjoni għal kulħadd.

Imma l-qaddis miet fis-27 ta’ Frar 1862 bil-marda tat-tiżi, f’Isola del Gran Sasso, fl-Italja, tlett ijiem qabel ma għalaq erbgħa u għoxrin sena, meta kien għadu rċieva biss l-ordnijiet minuri u kien kważi lest għas-saċerdozju.

San Gabrijel tal-Addolorata ġie ddikjarat Beatu minn San Piju X fl-1908 u fost dawk preżenti għall-okkażjoni, kien hemm dik li darba kienet in-namrata tiegħu. Il-Papa Benedittu XV ikkanonizzah fit-13 ta’ Mejju, 1920.

Il-fdal tiegħu jinsab meqjum fil-Bażilika ddedikata lilu f’Isola del Gran Sasso, tal-Patrijiet Passjonisti. Huwa ġie msejjaħ San Alwiġi ta’ żmienna u mudell taż-żgħażagħ.

Ħsieb: Hu bena l-qdusija tiegħu prinċipalment fuq żewġ pilastri: id-devozzjoni lejn il-Madonna u r-rebħa totali tiegħu nnifsu permezz ta’ attenzjoni għall-ħwejjeġ żgħar. Huwa kiteb:

“Meta Alla tani l-vokazzjoni tiegħi, Hu sawwab fuqi waħda mill-aqwa grazzji tiegħu. Jiena rrid inpattilu billi nagħtih l-aqwa ħaġa li għandi – l-imħabba kollha ta’ qalbi.”

F’waħda mill-ittri tiegħu kiteb:

“Il-ġenna tiegħi huma d-duluri tal-maħbuba ommi Marija.”

F’ittra oħra stqarr kemm kien iħossu hieni fil-ħajja reliġjuża tiegħu u jgħid li, kieku ż-żgħażagħ kellhom ikunu jafuh dan, żgur li kienu jagħżlu lilha u mhux il-pjaċiri tad-dinja li jgħaddu f’tebqa ta’ għajn.

Huwa kellu tentazzjonijiet kbar biex iżeblaħ ‘l Alla u biex ma jemminx. Fl-aħħar lejl qabel miet hu ġarrab id-dlam tas-Salib, iżda l-aħħar siegħa kienet waħda ta’ paċi kbira hekk kif hu qabad ix-xbieha favorita ta’ Marija Addolorata u sejjaħ isimha.

San Gabrijel huwa notevoli għaliex wasal hekk malajr għall-perfezzjoni minn ħajja ta’ eċċess, iddedikata għall-pjaċiri ta’ din id-dinja, għal ħajja marbuta mal-Passjoni ta’ Sidna.

U ladarba, San Gabrijel kellu devozzjoni kbira lejn Ommna Marija Addolorata, tajjeb li ninkludi xi talb u riflessjonijiet dwarha, għall-meditazzjoni u l-użu tagħkom:

TALB U RIFLESSJONIJIET DWAR ID-DULURI TA’ MARIJA

Talba: O Alla Missier, aħna lkoll bħal San Gabrijel tal-Addolorata nistgħu nħobbu lil Ġesù tant li nżommuh bħala l-Maħbub Divin tar-ruħ tagħna u norbtu qalbna miegħu biss, hekk li nibqgħu fidili lejH sal-aħħar ta’ ħajjitna, twila kemm tkun twila. Nitolbuk dan bl-istess Ibnek u Sidna Ġesù. Ammen.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-gabriel-of-our-lady-of-sorrows

Alternative Reading: https://www.findagrave.com/memorial/138877055/gabriel_of_our_lady_of_sorrows-possenti

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Gabriel_of_Our_Lady_of_Sorrows

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started