17 ta’ Novembru: Santa Eliżabetta tal-Ungerija

Verżjoni Vidjo: Santa Eliżabetta tal-Ungerija

“Tassew, ngħidilkom, kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.” – Ġesù f’Mattew 25:40

St Elizabeth of Hungary 3SANTA ELIŻABETTA TAL-UNGERIJA
1207 – 1231

Tagħrif: Fil-ħajja qasira tagħha, Santa Eliżabetta spikkat fl-imħabba kbira li kellha lejn il-foqra u lejn il-morda.

Aktarx li twieldet fl-1207, f’Sarospatak, fl-Ungerija. Missierha kien ir-Re Indri II tal-Ungerija, u ommha kienet ir-Reġina Ġertrude ta’ Merano, għalhekk trabbiet f’ħafna kumdità.

Fl-1221, meta kellha biss 14-il sena, iżżewġet lil Ludoviku IV, Landgraf tat-Turinġja, fil-Ġermanja. Żewġha kellu 21 sena , 7 snin akbar minnha. Kien żwieġ qasir, imma kien tassew hieni għax kienu jinħabbu ħafna. Kellhom tlitt itfal.

Sa minn ċkunitha kellha qalbha tajba mal-fqar u l-morda. Meta żżewġet sabet l-għajnuna ta’ żewġha għax hu wkoll kien karitattiv. Bl-għajnuna ta’ żewġha, bniet sptar ħdejn il-palazz tagħha, u hi stess kienet tmur iddur bil-morda. Ġieli ġara li meta l-isptar kien ikun mimli bil-pazjenti, kienet tieħu l-morda fil-palazz tagħha.

Fil-knisja qatt ma daħlet bil-kuruna fuq rasha, kienet tgħid: “Kif nista’ jien nidher bil-kuruna tad-deheb u l-ħaġar prezzjuż fuq rasi, meta Ġesù hu nkurunat bix-xewk?”

Wara sitt snin ta’ ħajja l-iktar kuntenta fiż-żwieġ, żewġha miet fl-Italja minn marda li ħakmitu waqt li kien qed jieħu sehem fil-Kruċjata tal-Imperatur Frederiku II, fl-1227, 18-il ġurnata wara t-twelid tat-tielet tarbija tagħha Ġertrude.

L-għedewwa politiċi ta’ żewġha keċċewha mill-palazz, u eżiljawha. Eliżabetta, li issa kellha 20 sena, waqgħet f’faqar kbir għax il-qraba tagħha (min-naħa ta’ żewġha) ċaħħdu lil din l-armla żagħżugħa minn kull kenn u mezzi għaliha u għal uliedha. Hi kellha tmur minn post għal ieħor tittallab il-karità, imma l-virtujiet tagħha kienu akbar mill-isfortuni tagħha. Irrifjutat li terġa’ tiżżewweġ. Minflok, hija ritirat ġewwa Eisenak, imbagħad fil-kastell ta’ Pottenstin. Iżda wara, għażlet li tgħix ġo dar modesta, ġewwa Marburgo.

Inkitbet mat-terz’ordni tal-franġiskani u kienet iżżur il-morda darbtejn matul il-jum u tgħinhom fil-ħtiġijiet tagħhom, tant li ftaqret hi stess. Kienet tmur titlob il-karità u tagħmel l-aktar xogħlijiet umli fejn kien meħtieġ. Din l-għażla ta’ ħajja qajmet rabja kbira fost il-kunjati tagħha, tant, li waslu biex ħadulha l-kustodja ta’ wliedha. Imma xejn ma seta’ jtellef jew inaqqas il-ġentilezza jew it-tjubija tagħha, lanqas is-severità eċċessiva tas-saċerdot li għażlet bħala direttur spiritwali tagħha.

Fl-aħħar, kisbet lura xi ftit mill-ġid li kellha u permezz tiegħu ħasbet għall-futur ta’ wliedha imma qassmet il-bqija tas-sehem tagħha f’opri ta’ karità.

Mietet fis-16 ta’ Novembru 1231, meta kellha 24 sena. Il-Papa Girgor IX iddikjaraha Qaddisa fl-1235, erba’ snin biss wara mewtha. Hija l-Patruna tal-Istituzzjonijiet tal-Karità tal-Knisja u tat-Terzjarji Franġiskani.

Ħsieb: Eliżabetta tal-Ungerija fehmet tajjeb il-lezzjoni li Ġesù għallimna meta ħasel saqajn id-dixxipli tiegħu fl-aħħar Ċena: Il-Kristjan għandu jkun wieħed li jservi l-bżonnijiet l-aktar umli ta’ ħaddieħor, anke jekk wieħed iservi minn pożizzjoni għolja. Ta’ demm irjali li kienet, Eliżabetta setgħet tirrenja fuq is-suġġetti tagħha, imma minflok hija servithom b’qalb tant kbira u umli li l-ħajja qasira tagħha rebħet għaliha post speċjali fil-qlub ta’ ħafna.

Insibu din l-affermazzjoni li ġejja dwar is-servizz u d-dedikazzjoni ta’ Eliżabetta lejn il-foqra u l-morda f’din l-ittra:

“Hija kellha d-drawwa li żżur personalment il-morda kollha darbtejn kuljum, filgħodu u filgħaxija, Hija ħadet ħsieb b’mod personali lil dawk li l-aktar kienu jimbuttawk minħabba l-mard tagħhom. Hija tat jieklu li xi wħud, akkwistat sodod lil xi oħrajn, ġarret xi wħud fuq spallejha stess u kienet tinvolvi ruħha f’bosta servizzi oħra għall-ġid tagħhom.”

U jekk se nitkellmu dwar il-ħajja tat-talb ta’ Santa Eliżabetta, il-konfessur tagħha Fr. Konrad ħallielna tassew xhieda eżemplari:

“Jiena nikkonferma quddiem Alla li, għalkemm kienet iddedikatha għal xogħlijiet bħal dawn tal-ħajja attiva, rari rajt mara kontemplattiva bħal Eliżabetta. Xi nisa u rġiel reliġjużi nnutaw ħafna drabi li, meta hija kienet tkun lestiet it-talb privat tagħha, kien ikollha dawl emanenti f’wiċċha u, bħar-raġġi tax-xemx, kienu jiddu minn għajnejha.”

Barra minn hekk, Santa Eliżabetta turina l-ħtieġa li għandu jkollna, fil-vjaġġ tal-fidi tagħna, gwida spiritwali kwalifikata li takkumpanjana lejn il-qdusija. Eliżabetta segwiet bir-reqqa l-istruzzjonijiet tad-direttur spiritwali tagħna u dan hu ta’ eżempju għalina lkoll. Li wieħed jikber fil-ħajja spiritwali huwa proċess diffiċli. Huwa faċli li naqgħu f’ħafna żbalji jekk ma jkollniex lil xi ħadd li jiddixxiplinana.

Santa Eliżabetta saret qaddisa mhux għax iżżewġet meta kellha 14-il sena, lanqas għax kellha tlitt itfal qabel ma għalqet għoxrin, lanqas għax romlot ta’ għoxrin, lanqas għax mietet ta’ 24 u ħalliet warajha tlitt itfal żgħar, iżda għax uriet imħabbitha lejn Alla fil-proxxmu, billi saret fqira biex tgħin il-foqra, ħliet saħħitha ddur bil-morda.

  • U int, għażilt lil xi saċerdot tajjeb u għaref bħala d-direttur spiritwali tiegħek, biex jigwidak u jakkumpanjak fil-vjaġġ tal-ħajja tiegħek?
  • Inti kemm tarah lil Alla f’ħutek il-bnedmin hekk li tasal tiftaqar u taħli saħħtek għalihom?
  • Sa fejn tasal imħabbtek għal Alla fl-oħrajn?

Talba: Missier Ħanin, nitolbuk biex tferra’ r-raġġi kollhom dawl tal-grazzji tiegħek fil-qlub tagħna: ħalli bit-talb glorjuż ta’ Santa Eliżabetta, nistgħu nitgħallmu npoġġu fil-ġenb il-ġid ta’ din id-dinja mudlama, biex dejjem iżjed nifirħu bil-konsolazzjonijiet tiegħek tas-Sema. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-elizabeth-of-hungary-56

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-elizabeth-of-hungary

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Elizabeth_of_Hungary

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started