20 ta’ Awwissu: San Bernard

Verżjoni Vidjo: San Bernard

Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar insiru nixbhu lil dak li nħobbu.San Bernard

09

SAN BERNARD
Abbati u Duttur tal-Knisja
1090 – 1153

Tagħrif: San Bernard twieled ħdejn Dijon, Franza, fl-1090, għand familja nobbli u sinjura. Kien it-tielet fost seba’ aħwa, waħda minnhom tifla. Kellu trobbija tajba.

Ta’ dsatax-il sena, Bernard tilef ‘l ommu, u bejn għax impressjona ruħu ħafna bil-mewt tagħha u bejn għax kien imqanqal minn imħabba qawwija lejn Alla, beda jaħseb biex iħalli d-dinja. Fl-1112, daħal maċ-Ċisterċensi fil-monasteru ta’ Citeaux. Fl-istess waqt li daħal hu, daħlu miegħu wieħed u tletin żagħżugħ ieħor, fosthom erbgħa minn ħutu, u ziju. Ftit snin wara, ħuh iż-żgħir ingħaqad miegħu, u wara missieru wkoll.

Meta Bernard kien ilu tliet snin f’Citeaux, l-Abbati, l-Ingliż San Stiefnu Harding, bagħtu ma’ tnax oħra sħabu, fosthom ħutu, biex jiftħu monasteru ieħor; kien il-bidu taċ-ċelebri monasteru ta’ Clairvaux (Wied id-Dawl). Hawn Bernard kellu jkun l-Abbati għal 38 sena, u bil-ħidma u bl-eżempju mexxa tassew tajjeb. Fi żmienu, minn Clairvaux infetħu 165 monasteru mxerrdin mal-Ewropa kollha, 68 minnhom imwaqqfin minnu nnifsu.

Huwa waqqaf ukoll monasteru għas-Sorijiet, u fih daħlet oħtu Humberline li wara hi wkoll saret Qaddisa. B’hekk il-familja kollha, barra ommu, ħaddnet il-ħajja monastika.

Fl-1130, miet il-Papa Onorju II, u floku laħaq il-Papa Innoċenzu II. Fl-istess waqt inħoloq l-Antipapa bl-isem ta’ Anakletu II. San Bernard ħadem bis-sħiħ favur il-Papa Innoċenzu II, sakemm fis-sena 1138, Anakletu miet u floku laħaq Viktor IV li malajr issottometta ruħu għall-Papa Innoċenzu II.

Fl-1145, il-Papa Ewġenju III li qabel kien wieħed mill-patrijiet dixxipli ta’ San Bernard, xtaq iwaqqaf kruċjata biex jeħles l-Art Imqaddsa, u nkariga lil San Bernard biex jorganizzaha. San Bernard intefa’ b’ruħu u b’ġismu f’kampanja kollha ħeġġa, u rnexxielu jwaqqaf it-tieni kruċjata li sfortunatament, fis-siegħa tal-prova, intemmet f’diżastru.

San Bernard miet f’Clairvaux, fl-20 ta’ Awissu 1153, ta’ 63 sena, u tniżżel fil-lista tal-Qaddisin mill-Papa Alessandru III, fl-1174.

San Bernard kiteb ħafna fuq it-Teoloġija u l-axxetika, tant li l-Papa Piju VIII, fl-1830 daħħlu fil-lista tad-Dutturi tal-Knisja bit-titolu ta’ “Doctor Mellifluus”, li jfisser “Duttur Ħelu Għasel”; waqt li l-kitba tiegħu fuq il-Madonna kisbitlu t-titlu ta’ “Kitarrista tal-Madonna.”

Ħsieb: Żgur li kulħadd sema’ b’Papa Ġwanni Pawlu II u t-Teorija tal-Ġisem – it-tagħlim tiegħu dwar is-sesswalità u ż-żwieġ. Dan mhux tagħlim ġdid għax Alla ma nbidilx u l-anqas bidel il-pjan tiegħu għall-umanità. Alla huwa mħabba u aħna maħluqa fuq ix-xebh u x-xbieha tiegħu. Għalhekk aħna maħluqa bl-Imħabba u għall-Imħabba – għaqda ta’ mħabba ma’ Alla Mħabba, li turi ruħha fl-imħabba lejn dawk kollha li huma maħluqa fuq ix-xebh u x-xbieha tiegħu – il-proxxmu tagħna.

Tassew li l-qaddis tal-lum, Bernard, għex ħafna żmien ilu, u kellu għarfien dwar dan kollu. Araw x’kiteb darba f’waħda mill-omeliji tiegħu:

“Inħobb għax inħobb. Inħobb li nista’ nħobb. L-imħabba hi ħaġa kbira, diment li kontinwament tmur lura lejn is-Sors li minnu bdiet, tmur lura għas-Sors minn fejn tieħu minnu l-ilma li jmantniha. Mill-movimenti, sensazzjonijiet u emozzjonijiet tar-ruħ, l-imħabba hi l-unika waħda li biha l-ħlejqa tista’ twieġeb lill-Ħallieq u tirritornalu b’mod simili, minkejja li mhux ugwali, l-istess imħabba li rċeviet. Għax meta Alla jħobb, kull ma jixtieq hu, li nwieġbu għal imħabbtu billi nħobbuh lura. L-għan ta’ mħabbtu huwa dak li jkun maħbub, bl-iskop li dawk li jħobbuh, jiksbu l-ferħ ta’ din l-imħabba. L-Imħabba tal-Maħbub, jew aħjar l-Imħabba li hi l-Maħbub, tixtieq lura biss imħabba leali.”

U hawn nistaqsi:

  • Jista’ jkun li l-Imħabba mhix qed tkun maħbuba?
  • Kif qed tħobbu lil Alla-Mħabba u kif qed turi dan fi mħabbtek lejn il-proxxmu?

L-imħabba u d-Devozzjoni vera li Bernard kellu lejn il-Verġni Marija tispikka anki fil-mod dinamiku li bih kien jitkellem fuqha u t-titli li kien jagħtiha. Fuq kollox, Marija għalih kienet dik l-Omm li ma twarrab l-ebda talba li wliedha jagħmlulha. Ir-rużarju hi l-arma li tkisser l-armata tal-għadu ta’ ruħna.

  • Kemm jien devot tassew ta’ din l-Omm tiegħi tas-Sema? Min jaf li kieku nikkonsagra lili nnifsi lilha u nħalliha ddawwalli t-triq li twassalni għal għand Binha fil-ġenna?
  • Min jaf li kieku nfittex nitgħallem dwar kif nista’ ngħix ta’ binha/bintha, hekk li jkun tassew jixraqli Omm bħal din?

Jekk tixtieq tkun taf kif tista’ tħejji ruħek biex tgħix hekk tassew, nistiednek iżżur is-sit Malti, li fih it-Trattat ta’ San Alwiġi De Montfort fuq id-Devozzjoni vera lejn Marija u kif wieħed jista’ jagħmel l-att ta’ konsagrazzjoni u l-benefiċċji tagħha, Talb, l-Uffiċċju tal-Madonna, Vidjows u ħafna aktar … Tista’ tmur għalih billi tagħfas fuq din il-link: https://devozzjonilejnmarija.wordpress.com/

Talba: ‘Ftakar, ja l-iżjed ħanina, Omm u verġni Marija, li qatt ma nstama’ fid-dinja li xi ħadd intefa’ taħt il-ħarsien tiegħek, talbek l-għajnuna jew fittex li tidħol għalih, u inti ma smajtux.  Imqanqal minn dan il-ħsieb, għal għandek niġri, ja verġni u Omm tiegħi; għandek niġi, quddiemek noqgħod, midneb u niedem, ja Omm l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem.  La tistmerrx it-talb tiegħi, iżda ismagħni u weġibni. Ammen.’ (Memorare – Talba ta’ San Bernard ta’ Clairvaux)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2015/08/st-bernard-of-clairvaux.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-bernard-of-clairvaux/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Bernard_of_Clairvaux

San Bernard u l-Verġni Marija:

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Design a site like this with WordPress.com
Get started