6 ta’ Ġunju: San Norbertu

Verżjoni Vidjo: San Norbertu

“X’jiswielu l-bniedem li jikseb id-dinja kollha u mbagħad jintilef jew jinqered?” – Ġesù f’Luqa 9:25.

6-San-Norberto-de-Magdeburgo-6

SAN NORBERTU
Isqof
1080 – 1134

Tagħrif: San Norbertu twieled minn familja nobbli u sinjura ħafna f’Xanten, fuq ix-xmara Rhine, il-Ġermanja. Ġie mrobbi fil-lussu, fil-kumdità, fil-ħela. Għalkemm ġie ordnat Suddjaknu u ġie mqabbad fil-qorti ta’ Enriku V, Imperatur tal-Ġermanja biex iqassam il-karità, kien ħsiebu biss li jiddeverti.

Darba waħda, waqt li kien fuq żiemel għaddej mill-kampanja nqabad f’maltempata, u minħabba sajjetta fil-qrib, iż-żiemel sfratta u Norbertu waqa’ minn fuqu u ntilef minn sensih. Meta ġie f’tiegħu għaraf kemm kien qrib tal-mewt, u li bil-ġid kollu li kellu, kien ser jidher quddiem Alla b’idu f’idu, u għalhekk iddeċieda li jbiddel ħajtu.

Minkejja l-ostakli li għamlulu niesu u ħbiebu, baqa’ determinat li jgħix ħajja tajba. Għadda sentejn iħejji ruħu biex isir qassis u kien ordnat f’Cologne fl-1115 meta kellu 35 sena. Ftit wara rriżenja għall-benefiċċji ekklesjastiċi, biegħ il-proprjetà u qassam dak li daħħal lill-fqar; żamm biss bagħal, 40 munita tal-fidda, missal, kalċi, patena u ftit abiti sagri. Imbagħad mar bil-mixi, ħafi, u bla sold, jiltaqa’ mal-Papa Ġelasju II, li kien f’St. Giles, fi Franza, u akkwista min għandu s-setgħa li jipprietka kull fejn kien iħoss il-bżonn. Sar predikatur kbir, u mar jipprietka wkoll fil-Belġju, u fi Franza.

L-isqof riedu jirriforma komunità ta’ kononiċi regolari iżda Norbertu kien strett wisq magħhom. Għalhekk huwa rtira fil-wied ta’ Prémontré ħdejn Laon fit-tramuntana ta’ Franza. Fl-1121, fuq talba tal-Papa Kallistu II, li kien fil-Konċilju ta’ Reims, il-Ġermanja, waqqaf l-Ordni tal-Premonstratensi jew Norbertini, kanoniċi regolari taħt ir-regola ta’ Santu Wistin, li jgħaqqdu ħajja ta’ għamla monastika ma’ ministeru attiv. L-ewwel 40 sieħeb li ngħaqdu miegħu fi ftit xhur, ipprofessaw il-voti fil-Milied tas-sena 1121. L-ordni kiber ħafna f’ħajtu.

Fl-1126, Norbertu ġie maħtur Isqof ta’ Magdeburg mill-Imperatur Lothair II, li ried jagħmlu wkoll kanċellier. Iżda minkejja l-kariga għolja, xorta baqa’ jgħix fiċ-ċaħda bħallikieku baqa’ fil-monasteru. Il-ħeġġa tiegħu ġiebet riformi kbar fid-djoċesi, imma kellu wkoll għedewwa li għalihom ħajtu kienet ċanfira. Flimkien ma’ San Bernard Abbati ħadem ħafna biex ineħħi d-diżordnijiet kawżati mix-xiżma tal-antipapa Anakletu II.

Meta kien f’Magdeburg, fir-ritorn minn Ruma flimkien mal-Imperatur Lothaire, San Norbertu ħassu ħażin, u wara erba’ xhur marid, radd ruħu ’l Alla fis-6 ta’ Ġunju, 1134 fl-għomor ta’ 54 sena. Iddikjarah qaddis il-Papa Girgor XIII fl-1582.

Ħsieb: Bħal ħafna persuni li bdew xi forma ta’ tiġdid, riforma ta’ movimenti jew ordnijiet ġodda fil-Knisja, San Norbertu kien devot kbir tal-Bibbja. Huwa nkoraġġixxa lill-membri tal-Ordni tiegħu biex jimmudellaw ħajjithom fuq l-Evanġelju, u dan kien ifisser li jkun familjari magħha. Forsi smajtu b’kanzunetta bil-lingwa Ingliża li tieħu l-ittri tal-kelma Bibbja (BIBLE) u tgħid li dawn ifissru: ‘Basic Instructions Before Leaving Earth.

Din hija verità. Il-Bibbja hi l-Ktieb tal-istruzzjoni tagħna ta’ kif ngħixu ħajja tajba u dan hu dak li jgħidilna San Norbertu: “Qatt tgħejjew tistudjaw dawn il-kitbiet, fejn issibu eżortazzjoni qasira biex tibqgħu fidili fis-servizz tagħhom lejn Alla. Għax il-Kelma ta’ Alla hi nar li jħeġġeġ. Hija mimlija bin-nar tal-Ispirtu s-Santu. Hija tikkonsma l-vizzji u tippromwovi l-virtujiet. Hija tagħti l-għerf lil dawk li lesti jilqgħuh u tipprovdilhom l-ikel tas-sema. Għalhekk Kristu qal: “Hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jħarsuha!” (Luqa 11:28)

L-għan tal-Mulej Alla huwa li aħna nsiru tassew nafuh b’mod personali fil-ħajja tagħna. Lil Alla nistgħu nitgħallmu fuqu permezz tan-natura u l-ħolqien tiegħu jew minn xi esperjenzi li nistgħu ngħaddu minnhom.(ara Rumani 1:20-23) Imma l-aktar ħaġa li tinfurmana hija żgur Il-Bibbja – Il-Kelma Mqaddsa. Fiha Alla rrevelalna lilu nnifsu bl-aktar mod ċar biex aħna nkunu nistgħu nsiru nafuh b’mod personali u niskopru l-pjan tiegħu għalina.

“Ġesù qal lil-Lhud li emmnu fih: ‘Jekk iżżommu fil-kelma tiegħi, tkunu tassew dixxipli tiegħi, u tagħrfu l-verità u l-verità teħliskom.’ (Ġwanni 8:31-32).

“Wieġbu Ġesù: ‘Jiena hu t-Triq, Jien Hu il-Verità u Jien Hu l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.’ Ġwanni 14:6

Jidher ċar li Ġesù  Hu l-Verità u Hu l-Kelma. Huwa pjuttost impossibli li wieħed jiskopri tassew lil Ġesù jekk ma jkunx jaqra, jisma’ u jimxi mal-Kelma. Meta aħna nimxu mal-Kelma nkunu qegħdin nimxu mal-Verità, meta rridu tassew niskopru il-verità (Il-Verità) irridu bilfors ma nduru u nħarsu mkien iktar ħlief lejn il-Kelma. Meta niskopru il-verità (Il-Verità) mill-Kelma, niskopru lil Ġesù! Niskopru li l-Verità hi l-Persuna ta’ Ġesù stess.

Ġesù jgħidilna ċar li ‘Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.’ (ara Mattew 4:4)

Infatti skont il-Kelma t’Alla dak li jqis lilu nnifsu bħala wieħed li jimxi wara Kristu tassew, irid jikber billi jiġi mitmuh il-Kelma t’Alla. Mhux ta’ b’xejn li ħafna nies li anke jattendu ‘knejjes’ jew xi ‘gruppi’ ta’ talb, jibqgħu trabi spiritwalment u ‘karnali’ – jgħixu skont il-ġibdiet tal-ġisem, għax m’humiex jimxu mal-Kelma t’Alla, li hija dik li ssostnihom spiritwalment. Għalhekk jibqgħu ‘telliefa’ fil-mixja tagħhom bħala Nsara, milli jikbru u jimmaturaw u jitgħallmu jkunu tassew rebbieħa permezz ta’ Kristu u l-Kelma tiegħu.

U fl-aħħar nett, San Pawl iwissina: “Qisu li ħadd ma jassarkom b’filosofija u kliem qarrieq u fieragħ skont dak li hu ġej mill-bnedmin, skont il-prinċipji tad-dinja u mhux ta’ Kristu.” (Kolossin 2:8)

  • U int, kemm int familjari mal-Bibbja u kemm tfittex li tiskopri lil Alla u l-pjan tiegħu għalik permezz tal-Kelma tiegħu fiha?
  • Qed tibni ħajtek fuq il-Kelma ta’ Alla fil-Bibbja kif għamlu San Norbertu u oħrajn, fuq il-Verità li hija tgħallem, fuq Kristu li qal li Hu stess huwa l-Verità?

Talba: O Alla, int għażilt lill-isqof San Norbertu biex jamministra b’mod tal-għaġeb il-Knisja tiegħek, u żejjintu bl-ispirtu tat-talb u b’ħeġġa kbira bħala ragħaj spiritwali; agħmel li, bil-għajnuna tat-talb tiegħu, il-merħla tal-fidili jkollha rgħajja skont qalbek u ssib dejjem mergħa tajba tas-salvazzjoni. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/saint-norbert-of-xanten.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-norbert/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Norbert_of_Xanten

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started