10 ta’ Jannar: Santa Leonie Aviat

Verżjoni Vidjo: Santa Leonie Aviat

“Ejjew naħdmu għall-kuntentizza tal-oħrajn.” Santa Leonie Aviat

leonie-aviat-71605423-79e8-41b0-85f7-36407167b80-resize-750SANTA LEONIE AVIAT
(Franġiska de Sales Aviat )
1844 – 1914

Tagħrif: Twieldet fis-16 ta’ Settembru 1844, fil-belt ta’ Sezanne (Franza). Missierha kien Theodore Aviat u ommha kien jisimha Emilie. Huma kellhom ħanut tal-merċa.

Ta’ 11-il sena, daħlet boarder, mas-Sorijiet tal-Viżitandini mwaqqfin minn Santa Ġiovanna de Chantal. Kellha żewġ gwidi spiritwali. Hija damet għal 5 snin fl-iskola ta’ dawn is-sorijiet.

Kellha sens kbir tal-evoluzzjoni soċjali li kienet għaddejja minnha Franza – imma fl-istess ħin ħarġet mill-iskola konvinta li Alla qed isejħilha għall-ħajja reliġjuża. Missierha talabha biex tħalli d-deċiżjoni għal meta jkollha 20 sena.

Darba minnhom, ommha bagħtitha qadja f’fabbrika tan-nuċċalijiet, Sezanne. Hemmhekk rat ħafna xebbiet jaħdmu, u din id-dehra aktar ikkonvinċietha biex tgħin u tiggwida lil dawn ix-xebbiet. Xi snin wara, fl-1858, is-saċerdot Brisson, induna li ħafna xebbiet kienu qed jiġu minn bliet oħra biex jaħdmu fil-fabbrika u qed jiġu sfruttati u abbandunati. Huwa waqqaf l-opra ta’ San Franġisk de Sales, li tieħu ħsieb dawn ix-xebbiet.

Leonie kienet addattata għal dan ix-xogħol. Fl-1866 marret tagħmel irtir u fis-16 ta’ April ħadet f’idejha r-responsabbilità tal-opra. Biddlet isimha u saret Sour Franġiska de Sales Aviat – b’rispett lejn San Franġisk de Sales. Fetħet hostels, fejn ix-xebbiet kienu jirċievu t-taħriġ, edukazzjoni u formazzjoni soċjali. Kienet tinsisti ħafna magħhom fuq – id-dinjità tagħhom bħala nisa – u fuq id-dinjità tax-xogħol. Kienet tinkuraġġihom ifaddlu l-flus, u jimxu fuq l-eżempju ta’ Marija u Ġużeppi. Din kienet tema wisq għal qalb Dun Brisson. Din l-organizzazzjoni ta’ Dun Brisson u Leonie, ħadet l-isem ta’ Obbati tal-Opra ta’ San Franġisk de Sales. L-opra żviluppat ruħha f’pajjiżi oħra madwar id-dinja.

Darba waqt laqgħa ma’ Dun Brisson, hu għarrafha li l-isqof kellu suspetti fuq is-siwi ta’ din l-opra li jieħdu ħsieb in-nisa, għalhekk għal xi żmien it-tnejn li huma kellhom jieqfu mix-xogħol li kienu qed iwettqu. Iżda fl-1893, l-isqof reġa’ poġġieha superjura tal-opra.

Fl-1903, il-Gvern Franċiż keċċa lir-reliġjużi kollha, kemm irġiel u kemm nisa minn Franza, u ħadilhom il-propjetà kollha tagħhom. Lis-sorijiet, l-isqof tahom ordni li jneħħu l-abitu tagħhom u jilbsu pajżana biex ikunu jistgħu jkomplu l-opra. Leonie, ġiet sfurzata biex titlaq minn Franza u marret f’Perugia, l-Italja. F’Perugia, Leonie tant għamlet isem, li t-Taljani bdew isejħulha l-Qaddisa.

Suor Franġiska De Sales Aviat, mietet fl-10 ta’ Jannar 1914. Hi ġiet ibbeatifikata fl-1992 u kanonizzat fil-25 ta’ Novembru, 2001.

Ħsieb: Taħt il-gwida ta’ Santa Leonie Aviat, il-komunità kibret fin-numru, l-apostolat soċjali ffjorixxa u nfetħu skejjel. F’Pariġi, inbdiet l-ewwel residenza għall-bniet, b’direzzjoni għal tmien snin. L-appostolat tas-Sorijiet Oblati ġie estiż għall-klassijiet differenti tas-soċjetà u għal forom diversi ta’ edukazzjoni.

Wara perjodu ta’ diffikultà li diversi fundaturi jgħaddu minnu, Santa Leonie Aviat iggwidat lis-sorijiet tagħha matul il-persekuzzjoni reliġjuża fi Franza u fl-istess waqt, żviluppat il-ħidma tal-kongregazzjoni fl-Ewropa, l-Amerika t’Isfel u l-Afrika. Meta l-gvern Franċiż anti-klerikali ried iġib fix-xejn il-kongregazzjoni, Madre Leonie Aviat u s-sorijiet ħadmu biex iżommu stabbli il-kongregazzjoni ħalli tkun tista’ titkompla fi Franza, waqt li Madre Leonie Aviat trasferixxiet ruħha f’Perugia, l-Italja, fejn iggarantit il-futur tagħha.

Mietet f’Perugia, wara li fdat lilha nfisha totalment lil Alla. Sal-aħħar nifs ta’ ħajjitha, hi baqgħet fidila għar-riżoluzzjoni li kienet ħadet fil-professjoni tagħha: “Li ninsa lili nnifsi kompletament.” Lil uliedha u lil dawk kollha li kienu ser isiru jafu biha, hija ħalliet din il-ħidma bil-kliem ta’ tħeġġiġ: “Ejjew naħdmu għall-kuntentizza tal-oħrajn.”

Wara l-mewt tagħha, il-kongregazzjoni fetaħ fundazzjoni fl-Istati Uniti fejn seħħ il-miraklu meħtieġ għall-kanonizzazzjoni tagħha. Is-sorijiet imexxu żewġ skejjel fl-Amerika: Mount Aviat Academy fi Childs, Md., u Holy Cross Akkademja f’B Fredericksburg, Va. Wara 100 sena, dan l-eżempju li Santa Leonie Aviat ħallitilna, ta’ mħabba awtonoma, baqa’ jifjorixxi. Jalla aħna wkoll, bħalha, nagħrfu nindunaw bil-ħtiġijiet tan-nies ta’ madwarna u noħorġu minna nfusna biex “naħdmu għall-kuntentizza ta’ ħaddieħor.”

L-imħabba mhijiex emozzjoni, mhijiex simpatija, mhijiex attrazzjoni tal-ġisem, mhijiex stint, mhijiex attività sesswali per se… imma deċiżjoni kuraġġuża u responsabbli li tinsa ħafna lilek innifsek biex tingħata lill-oħrajn. Kien għoġobni ħafna ħsieb qasir minn ittra li Mons Isqof Ġużeppi Mercieca kien bagħat liż- żgħażagħ fl-1992, għadha tgħodd għal kulħadd. Kien qal liż-żgħażagħ: “Nixtieq inħeġġiġkom minn qalbi biex ikollkom il-kuraġġ tħobbu bis-serjetà. Tħobbux bil-biċċiet. Is-sentimenti li nħossu għal xulxin huma rifless ċkejken ta’ dak li Alla jħoss għal kull wieħed u waħda minn uliedu…”

  • U int, qed tħalli lil Alla jimliek bi mħabbtu hekk li din tfawwar lil qalbek b’tali mod li tkun trid tferra’ din l-imħabba fuq l-oħrajn?
  • Kemm lest/lesta tinsa lilek innifsek biex tkun ta’ rigal għall-ħaddieħor?
  • Min jaf li kieku li “Taħdem għall-kuntentizza ta’ ħaddieħor” tagħmlu l-motto għal ħajtek ukoll u fuq l-eżempju ta’ Santa Leonie Aviat, tasal għall-qdusija b’umiltà konkreta, mibnija fuq il-Messaġġ tal-Vanġelu?

Talba: Alla ta’ kull tjubija, inti tpoġġi fil-qalb ta’ Santa Leonie Aviat xewqa tħeġġeġ biex tgħix umilment bħal Ġesù, Ibnek. Inti għallimtha biex tabbanduna r-rieda tagħha biex twettaq ir-rieda tiegħek b’karità kostanti lejn kulħadd. Ispirati mill-eżempju tagħha, għallimna biex aħna wkoll nistgħu ninsew lilna nfusna għal kollox biex inkunu nistgħu nservu aħjar u naħdmu għall-kuntentizza ta’ ħaddieħor. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://www.oblates.org/st-leonie-aviat-osfs/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Leonie_Aviat

Vatican Biography: http://www.vatican.va/news_services/liturgy/saints/ns_lit_doc_20011125_de-sales-aviat_en.html

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started