12 ta’ Novembru: San Ġosafat

Verżjoni Vidjo: San Ġosafat

“Min jobgħod lil ħajtu f’din id-dinja jżommha sħiħa għall-ħajja ta’ dejjem.” – Ġesu’ fi Ġwanni 12:25

Josaphat-VestibuleSAN ĠOSAFAT
Isqof u Martri
1580? – 1623

Tagħrif: Ġwanni Kunsevich twieled fl-Ukrajna, għall-ħabta tal-1580, minn ġenituri Ortodossi. Missieru kien neguzjant. Meta kiber kellu jkun l-ewwel mexxej kbir tal-Kattoliċi Ruteni (Parti mill-Polonja u mir-Russja) li qabel ma ngħaqdu mal-Knisja ta’ Ruma fl-1595, kienu Xiżmatiċi.

Ma kellu l-ebda ħajra li jsir negozjant, anzi wara li ħaddan il-fidi Kattolika daħal reliġjuż fil-monasteru ta’ San Bażilju meta kellu madwar 24 sena, fl-1604.

Fl-1609, ordna saċerdot, u ħa l-isem ta’ Ġosafat. Sa mill-bidu tal-ordinazzjoni tiegħu beda jaħdem biex jgħaqqad il-Knisja Ortodossa ma’ ta’ Ruma. Fl-1614, sar Abbati. Fl-1617, sar Isqof ta’ Vitebsk, Russja, u ftit żmien wara, meta kellu 38 sena, inħatar Arċisqof ta’ Polotsk. Bil-ħidma ħabrieka tiegħu, l-Arċidjoċesi saret kważi kollha Kattolika.

Fl-1620, meta San Ġosafat kien f’Varsavja, il-Patrijarka Xiżmatiku tal-Palestina waqqaf Ġerarkija Xiżmatika f’Polotsk, b’Melezju bħala Arċisqof. Meta Ġosafat reġa’ lura fl-Arċidjoċesi sab taħwid kbir. Għad li Polotsk baqgħet sħiħa, inħawi oħra tal-Arċidjoċesi nħakmu minn tensjonijiet kbar, speċjalment Vitebsk li sar Ċentru ta’ ħafna nkwiet. Bil-ħsieb li jnaqqas it-tensjoni, Ġosafat mar Vitebsk. Iżda xi Xiżmatiċi fanatiċi armati, daħlu fid-dar fejn kien qed joqgħod, qabduh, sawtuh sa ma qatluh u tefgħu ġismu fix-xmara Dvina. Wara, ġismu ttieħed Polotsk.

Miet fit-12 ta’ Novembru, 1623. Huwa sar magħruf bħala l-Appostlu tal-għaqda bejn il-Knejjes Insara. Il-martirju tiegħu ġab l-Għaqda fost l-Insara, u saħansitra xi snin wara, Melezju għamel penitenza. L-Għaqda tar-Ruteni baqgħet sakemm l-Imperatriċi Katarina II tar-Russja u Nikola I għaqqdu bil-forza r-Ruteni Kattoliċi mal-Knisja Xiżmatika tar-Russja.

San Ġosafat kien l-ewwel wieħed mill-Lvant li ġie kkanonizzat formalment mill-Knisja, fl-1867.

Ħsieb: Dan li ġej huwa qari mill-Enċiklika “Il-Knisja ta’ Alla” tal-Papa Piju Ħdax:

“Il-Knisja ta’ Alla twaqqfet b’dehen tassew tal-għaġeb tant li fil-milja taż-żminijiet tkun qisha familja hekk kbira li tħaddan magħha l-bnedmin kollha. Barra dan, Alla ried iżejjinha bi kwalitajiet oħra tal-għaġeb, fosthom l-għaqda tal-Insara kollha flimkien.

Il-Mulej Ġesù mhux biss ta lill-Appostli, u lilhom biss, il-missjoni li rċieva mingħand il-Missier, meta qalilhom: Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha; ried ukoll li l-Appostli jkunu flimkien kulleġġ wieħed fuq kulħadd, marbutin bejniethom għal darbtejn b’rabta liema bħalha: minn ġewwa bir-rabta tal-fidi u tal-imħabba, li ssawwbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu, u minn barra b’setgħa waħda fuq kulħadd: dan seħħ meta lil San Pietru għażlu prinċep tal-Appostli biex ikun għal dejjem il-bidu tal-għaqda fil-Knisja u l-pedament tagħha li jidher. Biex tibqa’ sħiħa għal dejjem din l-għaqda fil-Knisja, Alla, fil-providenza tiegħu, wettaqha bil-qdusija u l-martirju, bħala s-sinjali tagħha.

Bi ħsibijiet bħal dawn naslu biex naraw x’tifħir jistħoqqlu l-Arċisqof ta’ Polotsk, Ġosofat, tar-rit Slavoniku orjentali, li

  • aħna nqisuh bħala bniedem ta’ ġieħ mill-aqwa u protettur tal-poplu Slavoniku orjentali;
  • ħadd daqsu ma għamlilhom ġieħ,
  • ħadd bħalu ma ħabrek għas-salvazzjoni tagħhom,
  • bħala r-ragħaj u l-appostlu tagħhom,
  • u l-aktar meta xerred demmu biex isseħħ l-għaqda bejn l-Insara kollha fil-Knisja.

Fit-tħabrik tiegħu għall-għaqda tal-Insara kollha bejniethom, qisu mqanqal minn ħsieb mis-sema, fehem tajjeb li jkun ta’ siwi tassew kbir għall-għaqda tal-Insara, jekk jibqa’ bla mittiefes ir-rit Slavoniku orjentali u l-ħajja monastika skont ir-regola ta’ San Bażilju.

Kollu ħerqa biex jara l-poplu tiegħu magħqud mal-kattedra ta’ San Pietru, kien iħabrek biex f’kullimkien ifittex mezzi ħa jġib ‘il quddiem din l-għaqda u jsaħħaħha b’argumenti mill-aqwa: dan kien jagħmlu l-aktar billi kien iqalleb il-kotba tal-liturġija li, skont l-ordnijiet ta’ Missirijiet qaddisa, minn dejjem intużaw fil-knejjes orjentali, ukoll minn dawk li huma mifrudin mill-Knisja Kattolika. Imħejji b’dan il-mod għal ħidma bħal din, beda jħabrek ħa sseħħ l-għaqda tal-Insara kollha fil-Knisja, u wera tant ħeġġa u tant ħlewwa f’din il-ħidma tiegħu li l-istess avversarji tiegħu kienu jsejħulu: “Dak li jaħtaf l-erwieħ.”

Kull min jidħol għal xi kariga ma jaċċettax biss l-awtorità, l-unur u l-benefiċċji, imma wkoll il-qadi sewwa u bla biża’ ta’ dmirijietu akkost li b’hekk iġib fuqu xi inkonvenjenzi kbar.

  • U int, qed taqdi d-dmirijiet tal-istat tiegħek billi tingħata kompletament għall-ħidma li hemm bżonn li ssir, b’mod speċjali biex dawk fdati f’idejk isalvaw ruħhom?
  • Kemm int determinat/a li tkompli tkun xhud ta’ Kristu billi ġġib l-għaqda fejn hu possibli filwaqt li tibqa’ sod/a fit-twemmin Kattoliku tiegħek?
  • Jekk illum, il-Mulej isejjaħlek għal għandu, tħossok preparat/a biex tiltaqa’ mal-Ħallieq li lest jagħtik il-premju tal-isforzi kollha tiegħek biex titqabad it-taqbida t-tajba favur is-saltna tiegħu?

Hawn ma nistax ma nsemmix lil Beata Marija Columba Gabriella Sagheddu, Reliġjuża li għexet bejn l-1914 u l-1939, li minkejja li ma ħaditx il-martirju bħal San Ġosafat, hija wkoll offriet ruħha vittma għall-istess għan – jiġifieri għall-għaqda fost l-Insara. Wieħed jista’ jaqra l-istorja tagħha minn hawn: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com/2018/09/12/24-ta-settembru-beata-marija-columba-gabriella-sagheddu/

Talba: Qanqal, Mulej, fil-Knisja tiegħek dak l-ispirtu li bih imlejt lil San Ġosafat biex ta ħajtu għall-merħla tiegħek, u, bit-talb tiegħu, qawwina bl-istess spirtu ħalli ma nsibuhiex bi tqila li aħna wkoll nagħtu ħajjitna għal ħutna. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://thebasilica.org/josaphat

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-josaphat-653 or http://saintscatholic.blogspot.com/2012/11/st-josaphat.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Josaphat_Kuntsevych

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Design a site like this with WordPress.com
Get started