7 ta’ Lulju: Beati Roger Dickenson u Ralph Milner

Verżjoni Vidjo: Beati Roger Dickenson u Ralph Milner

“Jiġifieri inti tagħtini l-parir li għall-affarijiet li jgħaddu ta’ dil-ħajja tridni nitlef ’l Alla tiegħi? Le, Sire, ma naċċettax.” – Il-Beatu Ralph Milner lill-imħallef li rrakkomandalu li jkun biżżejjed għalih li jmur jagħmel viżta fi knisja parrokkjali protestanta u li jekk jagħmel dan, ikun meħlus mill-kundanna tiegħu.

5653346143_059a5d603b_bBEATI ROGER DICKENSON U RALPH MILNER
Martri
† 1591

Tagħrif: Fis-7 ta’ Lulju, 1591 ġew mgħallqin f’Winchester Roger Dickenson talli kien qassis u Ralph Milner talli kien jgħinu.

Milner kien jaħdem fir-raba’ u kien imtella’ bħala protestant. Beda jqabbel il-ħajja tal-ġirien kattoliċi u protestanti, u, b’sorpriża ta’ sħabu l-protestanti, beda jmur jitgħallem il-fidi kattolika u talab li jidħol fil-knisja tagħna.

Imma ftit wara, dakinhar stess li tqarben għall-ewwel darba, kien mitfugħ il-ħabs talli bidel ir-reliġjon. Hawnhekk inżamm għal diversi snin, imma l-priġunerija tiegħu ma kinitx stretta ħafna, u kemm-il darba seta’ joħroġ on parole, u f’dawn il-waqtiet kien jiġbor għajnuniet materjali u spiritwali għal sħabu priġunieri, u billi kien jaf sewwa l-pajjiż, kien anke jiffaċilita ċ-ċaqliq u l-ħidma tas-saċerdoti missjunarji li kienu jintbagħtu l-Ingilterra bil-moħbi.

B’dan il-mod sar jaf lill-ġiżwita Fr. Stanney u, permezz ta’ Fr. Stanney, li l-qassis djoċesan magħruf bħala Mr. Roger Dickenson ġie jgħix f’Winchester. Roger Dickenson kien minn Lincoln, studja f’Rheims, u għal ħafna snin ħadem fid-distrett ta’ Winchester, megħjun minn Milner.

L-ewwel darba li arrestaw lil Roger Dickenson, il-gwardji tiegħu tant sikru li hu rnexxielu jaħrab. Imma meta nqabad it-tieni darba, Milner kien miegħu, u t-tnejn tressqu għall-ġuri, Dickenson għax kien qassis, u Milner għax kien jgħinu.

Waqt il-ġuri, l-imħallef billi bħal speċi ta’ ħenn għal Ralph Milner għax kien xwejjaħ, kif ukoll għax kellu mara u tmien ulied, irrakkomandalu li jkun biżżejjed għalih li jmur jagħmel viżta fi knisja parrokkjali protestanta u jkun meħlus. Imma Milner wieġbu: “Jiġifieri inti tagħtini l-parir li għall-affarijiet li jgħaddu ta’ dil-ħajja tridni nitlef ’l Alla tiegħi? Le, Sire, ma naċċettax.” Iż-żewġt irġiel ġew maqtulin flimkien.

Diversi nisa kienu wkoll ikkundannati għall-mewt talli ħallew lill-Beatu Roger jiċċelebra l-quddiesa f’darhom, iżda s-sentenza tagħhom ġiet mibdula f’daqqa. Huma mbagħad talbu li jitħallew imutu mal-qassis, iżda ġew meħuda lura fil-ħabs.

Iż-żewġ martri Roger Dickenson u Ralph Milner ġew iddikjarati beati mill-Papa Piju XI fl-1929.

Ħsieb: Fl-introduzzjoni tad-Digriet dwar l-Ekumeniżmu “Unitatis Redintegratio” (21 ta’ Novembru, 1964) insibu dan li ġej:

“Wieħed mill-iskopijiet ewlenin tal-Konċilju Mqaddes Vatikan it-Tieni huwa dak illi terġa’ tkun stabbilita l-għaqda fost l-insara kollha. Għaliex Kristu l-Mulej waqqaf Knisja waħda u unika; iżda ħafna komunitajiet insara jippreżentaw irwieħhom quddiem il-bnedmin bħala werrieta tassew ta’ Ġesù Kristu; kollha jistqarru li huma dixxipli tal-Mulej iżda bejniethom ma jaqblux u jgħaddu minn mogħdijiet differenti bħallikieku Kristu nnifsu kien mifrud[1] .Żgur li din il-firda tmur ċar u tond kontra r-rieda ta’ Kristu, hija ta’ skandlu għad-dinja u tagħmel ħsara lill-kawża l-aktar qaddisa li l-Evanġelju jixxandar lill-ħolqien kollu.

Tabilħaqq is-Sid taż-żmien, li b’għerf u b’sabar ikompli jtemm il-pjan tal-grazzja tiegħu għalina midinbin, dan l-aħħar beda jnissel b’kotra akbar fl-insara mifrudin bejniethom is-sobgħa għal din il-qagħda u x-xewqa għall-għaqda. Għadd kbir ta’ bnedmin f’kull imkien tad-dinja ntlaqtu minn din il-grazzja u fost l-aħwa mifrudin minna ngħata bidu wkoll, bl-għajnuna tal-grazzja tal-Ispirtu s-Santu, għal Moviment, li kuljum qed jikber, biex terġa’ sseħħ l-għaqda ta’ l-insara kollha. F’dan il-Moviment għall-għaqda, li jissejjaħ ekumeniku, jieħdu sehem dawk li jsejħu lil Alla wieħed fi tliet Persuni u jistqarru li Ġesù huwa l-Mulej u s-Salvatur; f’dan il-Moviment jipparteċipaw mhux biss individwi għal rashom iżda wkoll persuni organizzati fi gruppi li fihom huma semgħu l-Evanġelju u li kull wieħed minnhom iqis bħala l-Knisja tiegħu u ta’ Alla. B’danakollu kważi kulħadd, min b’mod u min b’ieħor, jixtieq li jkun hemm knisja ta’ Alla waħda u viżibbli, li tkun tassew universali u li tkun mibgħuta lid-dinja kollha biex id-dinja tikkonverti għall-Evanġelju u ssalva għall-glorja ta’ Alla.

Għalhekk dan il-Konċilju Mqaddes iqis bil-ferħ dan kollu u, wara li diġà iddikjara d-dottrina dwar il-Knisja, imqanqal mix-xewqa li jerġa’ jġib l-għaqda fost id-dixxipli kollha ta’ Kristu, irid jipproponi lill-kattoliċi kollha l-mezzi, il-metodi u l-modi li bihom huma jistgħu jwieġbu għal din is-sejħa u l-grazzja divina.”

Aktar tard fl-istess Dokument, insibu dan:

F’din il-Knisja waħda u unika ta’ Alla, sa mil-bidu tagħha, qamu xi firdiet li l-Appostlu jiddeplora bil-qawwa u jgħid li hu ta’ min jikkundannahom; iżda fis-sekli li ġew wara qamu tilwimiet akbar u xi komunitajiet mhux żgħar infirdu mill-komunjoni sħiħa tal-Knisja kattolika, xi drabi mhux mingħajr ħtija ta’ xi bnedmin minn naħa u minn oħra. Iżda dawk li qegħdin jitwieldu issa f’dawn il-komunitajiet u li jimtlew fihom bil-fidi fi Kristu ma jistgħux ikunu mixlija bid-dnub tal-firda u l-Knisja kattolika tħaddanhom b’qima u bi mħabba tal-aħwa.

Illum, f’ħafna nħawi tad-dinja bl-ispirazzjoni tal-grazzja tal-Ispirtu s-Santu, qegħdin jittieħdu ħafna inizjattivi, bit-talb, bil-kelma u bil-ħidma, biex tintlaħaq dik il-milja tal-unità li Ġesù Kristu jrid. Għalhekk dan is-Sinodu Mqaddes iħeġġeġ lill-fidili kattoliċi kollha sabiex, fil-waqt li jagħrfu s-sinjali taż-żminijiet, jieħdu sehem bil-ħerqa fil-ħidma ekumenika.

B’moviment ekumeniku nifhmu dawk l-attivitajiet u dawk l-inizjattivi li, skont il-ħtiġiet differenti tal-knisja u l-opportunitajiet taż-żmien, jitqanqlu u huma maħsuba biex iġibu ‘l quddiem l-għaqda tal-insara bħalma huma:

  1. l-ewwel, l-isforzi kollha biex ikunu evitati dawk il-kliem, ġudizzji u għemejjel li ma jirriflettux skont il-ħaqq u s-sewwa l-qagħda tal-aħwa mifrudin u għalhekk jagħmlu iżjed diffiċli r-relazzjonijiet reċiproki.
  2. Imbagħad jiġi d-“djalogu” bejn esperti mħarrġin sewwa, f’laqgħat tal-insara minn diversi Knejjes jew Komunitajiet, li jsiru bi spirtu reliġjuż. F’dan id-djalogu kull wieħed minnhom ifisser iżjed fil-fond it-tagħlim tal-komunità tiegħu u jippreżenta b’mod ċar il-karatteristiċi tagħha. Għaliex b’dan id-djalogu kulħadd jista’ jikseb tagħrif aktar eżatt tat-tagħlim u tal-ħajja reliġjuża ta’ kull waħda mill-komunitajiet u jibda japprezzahom iżjed.
  3. Barra minn hekk dawn il-komunitajiet jaslu għal kollaborazzjoni akbar fil-qadi ta’ dawk id-dmirijiet kollha li titlob kull kuxjenza nisranija għall-ġid komuni; fejn dan huwa permess, huma jinġabru flimkien fit-talb.
  4. Fl-aħħarnett f’dan il-moviment ekumeniku kulħadd jitwassal biex jeżamina ruħu fuq il-fedeltà tiegħu lejn ir-rieda ta’ Kristu dwar il-Knisja u, fejn jenħtieġ, jidħol bl-enerġija kollha għall-ħidma ta’ tiġdid u ta’ riforma.

Din ix-xewqa qaddisa li l-insara kollha jingħaqdu fi Knisja waħda u unika ta’ Kristu jisbqu l-forzi u l-ħila tal-bnedmin. Għalhekk, ejjew inqiegħdu t-tama kollha fit-talb ta’ Kristu għall-Knisja, fl-imħabba tal-Missier għalina, fil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. “U din it-tama ma tqarraqx bina, għax l-imħabba ta’ Alla ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna.” (Rumani 5:5)

  • U int kemm timpenja ruħek f’talb għall-għaqda fost l-Insara?

Talba: Beati Roger Dickenson u Ralph Milner, intom immaturajtu u kbirtu fil-fidi Kattolika; itolbu għaż-żgħażagħ insara kollha, ħalli jżommu l-fidi li jkunu rċevew fit-tfulija tagħhom u jservu lill-Mulej fil-ħajja adulta. Għalkemm intom sofrejtu ħafna, saħansitra l-martirju, bqajtu paċenzjużi, imqawwija mill-grazzja ta’ Alla sal-aħħar; itolbu għalina biex fi żminijietna nkomplu nirsistu għall-għaqda fost l-Insara kollha biex il-poplu ta’ Alla jkun ħaġa waħda fi Kristu u sseħħ l-għaqda tal-knejjes kollha taħt Ragħaj wieħed. Ammen.

English Version: https://catholicexchange.com/blessed-ralph-milner-and-roger-dickenson

Alternative Reading: http://www.divine-redeemer-sisters.org/saint-of-the-day/july/7-blessed-ralph-milner-and-roger-dickenson-martyrs

Wikipedia about Ralph Milner: https://en.wikipedia.org/wiki/Ralph_Milner

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

1 ta’ Lulju: Beatu Nazju Falzon

Verżjoni Vidjo: Beatu Nazju Falzon

Fl-imġiba tiegħu magħhom (in-nies tas-Servizzi Ingliżi), li ftit biss minnhom kienu Kattoliċi, għex minn qabel l-ispirtu ekumeniku ta’ rispett u djalogu, li llum aħna midħla tiegħu imma li dak iż-żmien ma kienx daqshekk mifrux.” – Il-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Beatu Nazju Falzon f’Jum il-Beatifikazzjoni tiegħu.

bienheureux-ignace-nazju-falzon-1813-1865BEATU NAZJU FALZON
Kjeriku
1813 – 1865

Nazju Falzon twieled fl-1 ta’ Lulju, 1813 fil-belt Valletta, minn ġenituri magħrufa għall-onestà u t-tjubija tagħhom. Missieru kien l-Avukat Ġużeppi Falzon li wara laħaq imħallef; u ommu, is-Sinjura Marija Tereża Debono. Nazju ġie mgħammed l-għada li twieled, fil-Knisja ta’ San Duminku tal-Belt.

Kien tifel intelliġenti u mexa ħafna ’l quddiem fl-iskola, mhux biss fi grad elementari u sekondarju, iżda wkoll fl-università fejn studja kemm il-liġi kif ukoll it-teoloġija. Meta kellu 21 sena kien diġà kiseb lawrja ta’ avukat u oħra fit-teoloġija.

Minħabba l-umiltà tiegħu, Nazju ma riedx isir saċerdot u ħa biss l-ordnijiet minuri fl-1831. Kellu żewġ ħutu saċerdoti Mons. Kalċidon u Mons. Franġisk, kamrier sigriet tal-Papa.

Il-fidi kbira tiegħu kienet tidher fil-qima li kellu lejn Ġesù fl-Ewkaristija. Anke meta kellu l-istudju u l-eżamijiet qatt ma ħalla l-quddiesa u t-tqarbina ta’ kuljum. Kien iżur diversi knejjes fl-istess jum biex jinviżta lil Ġesù Sagramentat u skont ix-xhieda ta’ Patri Franġiskan, Nazju ġieli dam tliet sigħat għarkupptejh quddiem it-tabernaklu.

Nazju Falzon f’ħajtu għamel ħafna karità moħbija; ġieli bagħat il-flus lil xi familji u foqra u dejjem iwissihom biex ma jgħidu lil ħadd. Iżda wara mewtu xandru ma’ kullimkien il-ġenerożità tiegħu.

Il-karità spiritwali li kellu l-Beatu Falzon dehret fuq kollox fit-tagħlim tad-duttrina li kien jagħti mhux biss lit-tfal, iżda wkoll lill-kbar: mas-suldati u mal-baħrin Ingliżi, Nazju wettaq appostolat ta’ konverżjonijiet, wassalhom biex jaċċettaw il-Fidi Nisranija. Flimkien ma’ ħuh Mons. Kalċidon, wassal għall-konverżjoni iktar minn 600 żagħżugħ u raġel, kemm Protestanti kif ukoll xi Lhud u Għarab.

Ħadem ħafna wkoll għall-vokazzjonijiet, kien devot kbir tal-Imqaddsa Verġni Marija u sa mewtu, minn mindu kellu 7 snin ħa d-drawwa li jirreċita 15-il posta tar-Rużarju ta’ kuljum. Kien jitkellem bl-ikbar ħeġġa fuq il-qawwa tar-Rużarju Mqaddes. Kellu wkoll devozzjoni tal-ħames salmi, barra milli kien jgħid kuljum l-uffiċċju ż-żgħir tal-Madonna.

Huwa miet fl-1 ta’ Lulju, 1865 proprju dakinhar li għalaq 52 sena. Xħin qam filgħodu, ħassu ma jiflaħx, għalhekk qal lil ħuh, “Għażiż ħija, ser nitolbok, li llum ma tħallinix.” Wara li għamel xi ħin jitlob, assistit minn ħuh, ħalla din d-dinja u ngħaqad m’Alla għal dejjem.

Ġie bbeatifikat f’Malta nhar id-9 ta’ Mejju tas-sena 2001, mill- Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II fl-għeluq tal-pellegrinaġġ ġubilari tiegħu fuq il-passi ta’ San Pawl, li ħadu wkoll fil-Greċja u s-Sirja.

Ħsieb: Dan hu kliem il-Papa San Ġwanni Pawlu II dwar il-Beatu Nazju Falzon:

“Il-Qaddej ta’ Alla Nazju Falzon ukoll kellu ħerqa biex jipprietka l-Evanġelju u jgħallem il-fidi Kattolika. Huwa wkoll uża t-talenti u t-taħriġ intellettwali tiegħu għas-servizz tal-ħidma kateketika. L-Appostlu Pawlu kiteb li ‘kull wieħed għandu jagħti skont ma jidhirlu hu minn rajh, mhux fuq il-qalb jew bilfors; għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ.’ (2 Korintin 9:7) Il-Beatu Nazju kien wieħed li ta bil-bosta u bil-qalb; u n-nies raw fih mhux biss enerġija bla tarf imma wkoll paċi profonda u mħabba. Ċaħad is-suċċess tad-dinja li kien imħejji għalih mit-trobbija tiegħu biex jaqdi l-ġid spiritwali ta’ oħrajn, inklużi l-ħafna suldati u baħrin Ingliżi li kienu stazzjonati Malta dak iż-żmien. Fl-imġiba tiegħu magħhom, li ftit biss minnhom kienu Kattoliċi, għex minn qabel l-ispirtu ekumeniku ta’ rispett u djalogu, li llum aħna midħla tiegħu imma li dak iż-żmien ma kienx daqshekk mifrux.

Nazju Falzon ħa l-qawwa u l-ispirazzjoni mill-Ewkaristija, mit-talb quddiem it-Tabernaklu, mid-devozzjoni lejn Marija u lejn ir-Rużarju, u mill-imitazzjoni ta’ San Ġużepp. Dawn huma għejun ta’ grazzja minn fejn l-insara kollha jistgħu jixorbu. Il-qdusija u l-ħeġġa għas-saltna ta’ Alla jitkattru speċjalment fejn il-parroċċi u l-komunitajiet iħeġġu t-talb u d-devozzjoni lejn is-Sagrament Imqaddes. Inħeġġiġkom, mela, biex tgħożżu t-tradizzjonijiet tagħkom Maltin ta’ qima, filwaqt li ssaffuhom fejn meħtieġ u ssaħħuhom b’tagħlim u katekeżi sodi. M’hemmx triq oħra aħjar biex tqimu l-memorja tal-Beatu Nazju Falzon.”

Fil-Volum “Positio Super Virtutibus” li fih inġabru d-dokumenti kollha fuq il-ħajja tal-Beatu Nazju Falzon biex beda l-proċess tal-Kanonizzazzjoni, insibu fatt ħelu dwar vokazzjoni ta’ Patri Franġiskan Konventwal. Fi żmien Nazju, pajjiżna kien kolonja Ingliża u għalhekk il-portijiet Maltin kienu mimlija suldati u baħrin Ingliżi. Fi żmien il-Gwerra tal-Krimea (1853-1856) ħafna reġimenti, kienu stazzjonati f’Malta. Fil-Port il-Kbir kont tara ankrati vapuri tal-flotta Ingliża, bid-duħħan ħiereġ miċ-ċmieni sofor tagħhom dejjem lesti biex isalpaw għal xi destinazzjoni ġdida.

Il-Beatu Nazju Falzon li kien imdawwar minn mijiet ta’ suldati u baħrin Ingliżi li ta’ kuljum kienu jimlew it-toroq tal-Belt xtaq li jkun ta’ ġid għalihom. Kellu bħal don speċjali kif kien jitħabbeb magħhom u kien jistidinhom għal-laqgħat tad-duttrina. Għall-ewwel kien jiġborhom fid-dar tiegħu fi Triq id-Dejqa l-Belt. Dawn kienu jkunu fil-maġġoranza tagħhom Kattoliċi Irlandiżi. Magħhom kien ikun hemm oħrajn li kienu jitħajru jitgħammdu. Oħrajn kienu jmorru biex jiftħu qalbhom miegħu. Mhux biss, iżda ħafna drabi kien isir jaf personalment il-familja tagħhom, b’mod speċjali ta’ dawk li kienu stazzjonati f’Malta u kien jieħu ħsiebhom spiritwalment.

Il-familja Doyle ta’ nazzjonalità Irlandiża kienet għadha kemm waslet Malta minn Korfu u ġiet togħqod f’Tas-Sliema. Mill-ewwel saret midħla tal-Beatu Falzon u flimkien ma’ wliedhom kienu jmorru l-Belt biex jgħidu r-rużarju fil-laqgħat li l-Beatu kien jagħmel fil-Knisja tal-Ġiżwiti.

Darba wieħed mit-tfal tal-Familja Doyle, li kien jismu Frederick, kellem lill-Beatu Falzon biex jieħu parir dwar il-vokazzjoni reliġjuża tiegħu. Hu xtaq isir Franġiskan. Nazju Falzon kien ilu jsegwi liż-żagħżugħ b’interess kbir. Jum fost l-oħrajn ħadu fil-kunvent ta’ San Franġisk fi Triq Irjali (illum Triq ir-Repubblika), il-Belt Valletta. Hemm sab lill-Majjistru Patri Pawl Anton Sillato (1803-1877), Superjur tal-Franġiskani Konventwali ta’ Malta, saċerdot bravu u ta’ ħajja qaddisa. Patri Sillato kien magħruf sew fost il-Kleru kollu ta’ Malta, minħabba li f’dak iż-żmien kien id-Direttur Spiritwali tas-¬Seminarju tal-Isqof, fi Triq San Kalċidon, il-Furjana. Il-Beatu Nazju Falzon ħalla liż-żagħżugħ f’idejh u Patri Sillato bi mħabba kbira laqa’ lil Frederick Doyle fil-kunvent.

Kien is-sajf tas-sena 1853. Patri Sillato avviċina lill-ġenituri taż-żagħżugħ, Patrick u Jane Doyle, u wara ftit taż-żmien it-tifel tagħhom Frederick daħal mal-Patrijiet ta’ San Franġisk ta’ Putirjal il-Belt. Frederick Doyle twieled Longford, fl-Irlanda, fl-4 ta’ Frar 1641. Fit-30 ta’ Diċembru, 1853 libes l-abitu Franġiskan għall-ewwel darba fil-knisja ta’ San Franġisk il-Belt. Tawh l-isem ta’ Fra Frederick Bonaventure. Ftit wara mar Sqallija u beda l-istudju tal-Letteratura fis-Seminarju tal-Franġiskani f’Messina. Imbagħad wara sentejn is-Superjuri bagħtuh fil-Kunvent ta’ Santi Appostoli f’Ruma fejn għamel is-sena tan-Novizzjat. Fis-17 ta’ Settembru 1857, festa tal-Pjagi ta’ San Franġisk għamel il-Professjoni Solenni.

Fra Frederick Bonaventure kompla l-istudju tal-filosofija f’Recanati fil-Provinċja tal-Marche fl-Italja. Kien żmien meta l-Ordni tal-Franġiskani Konventwali kien qiegħed ifittex jiftaħ dar ġdida fl-Istati Uniti tal-Amerika. Għalhekk fis-sena 1858, Fra Frederick Bonaventure ntgħażel biex imur l-Amerika mal-ewwel grupp ta’ patrijiet. Kien għadu student. Fl-Istati Uniti studja t-teoloġija u kien ordnat Saċerdot.

Patri Frederick Bonaventure Doyle ħadem fost l-emigranti Irlandiżi fi New York. Fis-sena 1865 reġa’ lura fl-Italja u kien konfessur għal-lingwa Ingliża fis-Santwarju ta’ Loreto. U mbagħad fis-sena 1870 sar penitenzier appostoliku fil-Bażilka ta’ San Pietru fil-Vatikan. Fis-sena 1876 irċieva l-Lawrja fit-Teoloġija.

Matul dan iż-żmien kien qiegħed iħossu muġugħ u marid ħafna. Is-saħħa baqgħet dejjem tonqsu u għalhekk fuq il-parir tat-tobba reġa’ lura lejn l-Amerika fil-25 ta’ Ottubru, 1878. Patri Doyle waqt il-marda twila tiegħu kien ta’ eżempju għal kulħadd. Il-bidu tal-vokazzjoni reliġjuża kienet ir-reċita tar-rużarju ta’ kuljum fil-¬knisja tal-Ġiżwiti flimkien mas-suldati u sa l-aħħar nifs ta’ ħajtu baqa’ devot tal-Madonna, kif għallmu jagħmel dejjem il-Beatu Nazju Falzon.

Patri Frederick Bonaventure Doyle miet fil-Kunvent ta’ St. Joseph, 702 Columbia Street, Utica, New York, fis-sena 1885.

Ejjew inroddu ħajr minn qalbna lil Alla l-Missier, li fil-ħniena kbira tiegħu, għoġbu jagħżel lil dan ħuna, Malti bħalna u Belti, biex ikun eżempju ta’ qdusija u ta’ impenn fit-tixrid tat-tagħlim tal-Bxara t-Tajba lil ħutu Maltin u lill-barranin.

U int, issib il-qawwa u l-ispirazzjoni tiegħek:

  • mill-Ewkaristija, mit-talb quddiem it-Tabernaklu?
  • mid-devozzjoni lejn Marija u lejn ir-Rużarju?
  • u mill-imitazzjoni ta’ San Ġużepp?

Talba: Mulej, Alla tagħna, int fil-kobor tal-ħniena tiegħek, tagħżel minn fostna bnedmin bħalna biex iservuna u jgħinuna niksbu u nżommu d-don tal-fidi u tal-paċi tiegħek. Aħna niżżukħajr għall-grazzja li għoġbok tagħżel minn fostna lil ħuna l-Beatu Nazju Falzon, li bit-tagħlim u l-ħidma tiegħu kien ta’ għajnuna għall-Maltin u s-suldati ta’ żmienu; bit-talb tiegħu, ħa jkun illum ta’ konfort għalina u għal kull min jersaq lejh. Nitolbuk li jekk hi r-rieda tiegħek, jiġi magħdud fost il-qaddisin tiegħek. Ammen.  

English Version: https://catholicsaints.info/blessed-nazju-falzon/

Alternative Reading: http://ginadwithsaints.blogspot.com/2011/07/day-300-blessed-nazju-falzon.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Nazju_Falzon

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Parti mill-Ħsieb huwa kitba ta’ P. Arthur Joseph Saliba OFMConv.

27 ta’ Mejju: Santu Wistin ta’ Canterbury

Verżjoni Vidjo: Santu Wistin ta’ Canterbury

“Min irid jitla’ fil-għoli ħafna, irid jagħmel hekk tarġa tarġa.” – San Girgor il-Kbir f’ittra li kiteb lil Santu Wistin ta’ Canterbury.

SOD-0527-SaintAugustineofCanterbury-790x480

SANTU WISTIN TA’ CANTERBURY
Isqof
? – 605

Tagħrif: Santu Wistin kien Pirjol tal-Patrijiet Benedittini fil-monasteru ġdid ta’ San Andrea f’Monte Celio, Ruma.

Fis-sena 596, il-Papa Girgor il-Kbir, li għal xi żmien qabel kien kumpann tiegħu fl-istess monasteru, bagħtu ma’ xi erbgħin oħra sħabu biex jevanġelizzaw l-Ingilterra.

Ir-Re ta’ Kent, Ethelbert (ara San Ethelbert), laqagħhom tajjeb u stedinhom joqogħdu f’Canterbury, il-belt ewlenija tar-renju tiegħu.

F’qasir żmien, Ethelbert, li kien miżżewweġ lil Berta, Kattolika Franċiża, tgħammed u miegħu tgħammdu eluf oħra.

Ftit żmien wara, Santu Wistin mar Franza fejn ġie kkonsagrat Isqof. Lura fl-Ingilterra waqqaf is-Sede tiegħu f’Canterbury u fforma d-Djoċesijiet ta’ Londra u ta’ Rochester.

Ħadem ħafna biex il-Fidi Nisranija tinfirex mal-Ingilterra kollha, u pprova bla suċċess jgħaqqad miegħu gruppi antiki ta’ Nsara li mħabba l-gwerriera Anglo-Sassi kienu xterdu ‘l hawn u ‘l hemm mal-Ingilterra.

Miet fis-26 ta’ Mejju 605, f’inqas minn sena wara l-mewt tal-ħabib kbir tiegħu, il-Papa San Girgor il-Kbir, u wara ħidma intensa ta’ 7 jew 8 snin fl-Ingilterra. Ġeneralment Santu Wistin u sħabu huma miżmuma bħala Benedittini bħall- Papa San Girgor li bagħathom missjunarji. U bħal San Girgor, Santu Wistin ta’ Canterbury huwa msejjaħ u bir-raġun l-“Appostlu tal-Ingilterra”.

Ħsieb: Interessanti mmens id-diskors li għamel il-Papa Franġisku fiċ-ċelebrazzjoni tal-Għasar, bis-sehem tal-Eċċellenza tiegħu Dr Justin Welby, Arċisqof ta’ Canterbury u Primat tal-Komunjoni Anglikana, fit-Tifkira tal-Ħamsin Anniversarju mil-Laqgħa bejn Pawlu VI u l-Arċisqof Michael Ramsey u mit-Twaqqif taċ-Ċentru Anglikan ta’ Ruma, fil-Knisja ta’ Sant’Andrija u San Girgor Al Celio, l-Erbgħa 5 ta’ Ottubru, 2016. Jgħid hekk:

“Nixtieq nirriferi għall-mixja komuni tagħna wara Kristu r-Ragħaj it-Tajjeb, billi nieħu spunt mill-baklu ta’ San Girgor il-Kbir, li jista’ jissimbolizza tajjeb it-tifsira ekumenika qawwija ta’ din il-laqgħa tagħna. Il-Papa Girgor minn dan il-post għajn ta’ missjoni għażel u bagħat lil Santu Wistin ta’ Canterbury u l-irħieb tiegħu għand il-popli Anglo-Sassoni, u hekk inawgura paġna ġdida ta’ evanġelizzazzjoni, li hi l-istorja komuni tagħna u torbotna b’rabta li ma tinħallx. Għalhekk jixraq li dan il-baklu jkun simbolu komuni tal-mixja tagħna ta’ għaqda u missjoni.

Fiċ-ċentru tal-parti tonda tal-baklu jidher il-Ħaruf Irxoxt. L-imħabba tal-Ħaruf rebbieħ fuq id-dnub u fuq il-mewt hi l-messaġġ veru u ġdid li flimkien irridu nwasslu lill-mitlufa ta’ żmienna u lil dawk li għand m’għandhomx il-ferħ tal-għarfien tal-wiċċ kollu mogħdrija u t-tgħanniqa ħanina tar-Ragħaj it-Tajjeb. Il-ministeru tagħna jikkonsisti f’li ndawlu d-dlamijiet b’dan id-dawl ħelu, bil-qawwa sempliċi tal-imħabba li tirbaħ fuq id-dnub u tegħleb il-mewt. Għandna l-ferħ li nagħrfu u niċċelebraw flimkien il-qalba tal-fidi. Ejjew nerġgħu nsibu postna fiha, mingħajr ma nħallu jtellifna dak li jħajjarna nimxu wara l-ispirtu tad-dinja u jrid ibegħidna mill-freskezza oriġinarja tal-Vanġelu. Minn hemm toħroġ ir-responsabbiltà komuni tagħna, il-missjoni waħdanija li naqdu lill-Mulej u lill-bnedmin.

Dikjarazzjoni Komuni tal-qdusija tiegħu l-Papa Franġisku u l-Eċċellenza tiegħu Justin Welby, Arċisqof ta’ Canterbury

Ħamsin sena ilu l-predeċessuri tagħna, il-Papa Pawlu VI u l-Arċisqof Michael Ramsey, iltaqgħu f’din il-belt, imqaddsa mill-ministeru u d-demm tal-Appostli Pietru u Pawlu. Iktar tard, il-Papa Ġwanni Pawlu II u l-Arċisqfijiet Robert Runcie u George Carey, il-Papa Benedittu XVI u l-Arċisqof Rowan Williams talbu flimkien f’din il-knisja ta’ San Girgor al Celio, mnejn il-Papa Girgor bagħat lil Wistin jevanġelizza lill-popli Anglo-Sassoni. F’pellegrinaġġ fuq l-oqbra ta’ dawn l-Appostli u Missirijiet imqaddsa, il-Kattoliċi u l-Anglikani jagħrfu li huma werrieta tat-teżor tal-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu u tas-sejħa li jaqsmuh mad-dinja kollha. Irċivejna l-Bxara t-Tajba ta’ Ġesù Kristu permezz tal-ħajjiet qaddisa ta’ rġiel u nisa, li pprietkaw il-Vanġelu bil-kliem u bl-opri, u ġejna maħtura, u mmexxija mill-Ispirtu s-Santu, biex inkunu xhieda ta’ Kristu “sa truf l-art” (Atti 1:8).

Seħħ progress kbir f’ħafna oqsma li kienu żammewna mbiegħda minn xulxin. Madankollu, ċirkustanzi ġodda qalgħu nuqqas ta’ ftehim ġdid bejnietna, partikularment dwar l-ordinazzjoni tan-nisa u dwar kwistjonijiet iktar riċenti marbuta mas-sesswalità umana. Wara dawn id-diverġenzi tibqa’ l-kwistjoni dejjiema dwar il-mod kif titħaddem l-awtorità fil-komunità Nisranija. Dawn huma llum xi aspetti problematiċi li huma xkiel serju għall-għaqda sħiħa bejnietna. Waqt li aħna, bħall-predeċessuri tagħna, ukoll għadna m’aħniex naraw soluzzjonijiet għax-xkiel li għandna quddiemna, qalbna mhix maqtugħa. B’fiduċja u ferħ fl-Ispirtu s-Santu, nemmnu li d-djalogu u l-impenn reċiproku jkabbru l-ftehim ta’ bejnietna u jgħinuna ngħarblu x’inhi r-rieda ta’ Kristu għall-Knisja tiegħu. Aħna fiduċjużi fil-grazzja ta’ Alla u fil-Providenza, għax nafu li l-Ispirtu s-Santu sa jiftaħ bibien ġodda u jmexxina lejn is-sewwa kollu (ara Ġwanni 16:13).

Il-missjoni ekumenika tagħna ma’ dawk li jinsabu fit-truf tas-soċjetà tkun xhieda għalina lkoll, u minn dan il-post imqaddes, bħall-Bxara t-Tajba ta’ tant sekli ilu, ħa joħroġ il-messaġġ li l-Kattoliċi u l-Anglikani huma impenjati li jaħdmu flimkien biex jagħtu leħen lill-fidi komuni fil-Mulej Ġesù Kristu, biex iġibu s-serħan fejn hemm it-tbatija, il-paċi fejn hemm il-ġlied, id-dinjità fejn din hi mċaħħda u mogħtija bis-sieq.

F’din il-Knisja ta’ San Girgor il-Kbir, bil-ħrara kollha nsejħu l-barka tat-Trinità Qaddisa fuq l-andament tal-ħidma kollha tal-ARCIC u tal-IARCCUM, u fuq dawk kollha li jitolbu u jagħtu sehemhom biex terġa’ mill-ġdid l-għaqda bejnietna.”

  • U inti, tiftakar titlob għall-għaqda mill-ġdid fost l-insara kollha?
  • Jista’ jkun li forsi l-Mulej qed isejjaħlek biex toffri wkoll is-sofferenzi personali tiegħek, huma ta’ liema għamla huma, biex magħqudin ma’ dawk ta’ Ġesù jservu bħala talba għall-għaqda fost l-Insara?

Aqraw x’għamlet tfajla żagħżugħa bl-isem ta’ Marija Columba biex tgħin bis-serjetà      ħalli sseħħ l-għaqda fost l-insara: Beata Marija Columba Gabriella Sagheddu.

Talba: O Alla, int wassalt il-poplu ingliż għall-Evanġelju bil-predikazzjoni tal-isqof Santu Wistin; agħmel li l-Knisja tiegħek tibqa’ dejjem tistagħna bil-frott tal-ħidma u t-tħabrik tiegħu. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/saint-augustine-of-canterbury.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-augustine-of-canterbury/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Augustine_of_Canterbury

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

12 ta’ Novembru: San Ġosafat

Verżjoni Vidjo: San Ġosafat

“Min jobgħod lil ħajtu f’din id-dinja jżommha sħiħa għall-ħajja ta’ dejjem.” – Ġesu’ fi Ġwanni 12:25

Josaphat-VestibuleSAN ĠOSAFAT
Isqof u Martri
1580? – 1623

Tagħrif: Ġwanni Kunsevich twieled fl-Ukrajna, għall-ħabta tal-1580, minn ġenituri Ortodossi. Missieru kien neguzjant. Meta kiber kellu jkun l-ewwel mexxej kbir tal-Kattoliċi Ruteni (Parti mill-Polonja u mir-Russja) li qabel ma ngħaqdu mal-Knisja ta’ Ruma fl-1595, kienu Xiżmatiċi.

Ma kellu l-ebda ħajra li jsir negozjant, anzi wara li ħaddan il-fidi Kattolika daħal reliġjuż fil-monasteru ta’ San Bażilju meta kellu madwar 24 sena, fl-1604.

Fl-1609, ordna saċerdot, u ħa l-isem ta’ Ġosafat. Sa mill-bidu tal-ordinazzjoni tiegħu beda jaħdem biex jgħaqqad il-Knisja Ortodossa ma’ ta’ Ruma. Fl-1614, sar Abbati. Fl-1617, sar Isqof ta’ Vitebsk, Russja, u ftit żmien wara, meta kellu 38 sena, inħatar Arċisqof ta’ Polotsk. Bil-ħidma ħabrieka tiegħu, l-Arċidjoċesi saret kważi kollha Kattolika.

Fl-1620, meta San Ġosafat kien f’Varsavja, il-Patrijarka Xiżmatiku tal-Palestina waqqaf Ġerarkija Xiżmatika f’Polotsk, b’Melezju bħala Arċisqof. Meta Ġosafat reġa’ lura fl-Arċidjoċesi sab taħwid kbir. Għad li Polotsk baqgħet sħiħa, inħawi oħra tal-Arċidjoċesi nħakmu minn tensjonijiet kbar, speċjalment Vitebsk li sar Ċentru ta’ ħafna nkwiet. Bil-ħsieb li jnaqqas it-tensjoni, Ġosafat mar Vitebsk. Iżda xi Xiżmatiċi fanatiċi armati, daħlu fid-dar fejn kien qed joqgħod, qabduh, sawtuh sa ma qatluh u tefgħu ġismu fix-xmara Dvina. Wara, ġismu ttieħed Polotsk.

Miet fit-12 ta’ Novembru, 1623. Huwa sar magħruf bħala l-Appostlu tal-għaqda bejn il-Knejjes Insara. Il-martirju tiegħu ġab l-Għaqda fost l-Insara, u saħansitra xi snin wara, Melezju għamel penitenza. L-Għaqda tar-Ruteni baqgħet sakemm l-Imperatriċi Katarina II tar-Russja u Nikola I għaqqdu bil-forza r-Ruteni Kattoliċi mal-Knisja Xiżmatika tar-Russja.

San Ġosafat kien l-ewwel wieħed mill-Lvant li ġie kkanonizzat formalment mill-Knisja, fl-1867.

Ħsieb: Dan li ġej huwa qari mill-Enċiklika “Il-Knisja ta’ Alla” tal-Papa Piju Ħdax:

“Il-Knisja ta’ Alla twaqqfet b’dehen tassew tal-għaġeb tant li fil-milja taż-żminijiet tkun qisha familja hekk kbira li tħaddan magħha l-bnedmin kollha. Barra dan, Alla ried iżejjinha bi kwalitajiet oħra tal-għaġeb, fosthom l-għaqda tal-Insara kollha flimkien.

Il-Mulej Ġesù mhux biss ta lill-Appostli, u lilhom biss, il-missjoni li rċieva mingħand il-Missier, meta qalilhom: Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha; ried ukoll li l-Appostli jkunu flimkien kulleġġ wieħed fuq kulħadd, marbutin bejniethom għal darbtejn b’rabta liema bħalha: minn ġewwa bir-rabta tal-fidi u tal-imħabba, li ssawwbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu, u minn barra b’setgħa waħda fuq kulħadd: dan seħħ meta lil San Pietru għażlu prinċep tal-Appostli biex ikun għal dejjem il-bidu tal-għaqda fil-Knisja u l-pedament tagħha li jidher. Biex tibqa’ sħiħa għal dejjem din l-għaqda fil-Knisja, Alla, fil-providenza tiegħu, wettaqha bil-qdusija u l-martirju, bħala s-sinjali tagħha.

Bi ħsibijiet bħal dawn naslu biex naraw x’tifħir jistħoqqlu l-Arċisqof ta’ Polotsk, Ġosofat, tar-rit Slavoniku orjentali, li

  • aħna nqisuh bħala bniedem ta’ ġieħ mill-aqwa u protettur tal-poplu Slavoniku orjentali;
  • ħadd daqsu ma għamlilhom ġieħ,
  • ħadd bħalu ma ħabrek għas-salvazzjoni tagħhom,
  • bħala r-ragħaj u l-appostlu tagħhom,
  • u l-aktar meta xerred demmu biex isseħħ l-għaqda bejn l-Insara kollha fil-Knisja.

Fit-tħabrik tiegħu għall-għaqda tal-Insara kollha bejniethom, qisu mqanqal minn ħsieb mis-sema, fehem tajjeb li jkun ta’ siwi tassew kbir għall-għaqda tal-Insara, jekk jibqa’ bla mittiefes ir-rit Slavoniku orjentali u l-ħajja monastika skont ir-regola ta’ San Bażilju.

Kollu ħerqa biex jara l-poplu tiegħu magħqud mal-kattedra ta’ San Pietru, kien iħabrek biex f’kullimkien ifittex mezzi ħa jġib ‘il quddiem din l-għaqda u jsaħħaħha b’argumenti mill-aqwa: dan kien jagħmlu l-aktar billi kien iqalleb il-kotba tal-liturġija li, skont l-ordnijiet ta’ Missirijiet qaddisa, minn dejjem intużaw fil-knejjes orjentali, ukoll minn dawk li huma mifrudin mill-Knisja Kattolika. Imħejji b’dan il-mod għal ħidma bħal din, beda jħabrek ħa sseħħ l-għaqda tal-Insara kollha fil-Knisja, u wera tant ħeġġa u tant ħlewwa f’din il-ħidma tiegħu li l-istess avversarji tiegħu kienu jsejħulu: “Dak li jaħtaf l-erwieħ.”

Kull min jidħol għal xi kariga ma jaċċettax biss l-awtorità, l-unur u l-benefiċċji, imma wkoll il-qadi sewwa u bla biża’ ta’ dmirijietu akkost li b’hekk iġib fuqu xi inkonvenjenzi kbar.

  • U int, qed taqdi d-dmirijiet tal-istat tiegħek billi tingħata kompletament għall-ħidma li hemm bżonn li ssir, b’mod speċjali biex dawk fdati f’idejk isalvaw ruħhom?
  • Kemm int determinat/a li tkompli tkun xhud ta’ Kristu billi ġġib l-għaqda fejn hu possibli filwaqt li tibqa’ sod/a fit-twemmin Kattoliku tiegħek?
  • Jekk illum, il-Mulej isejjaħlek għal għandu, tħossok preparat/a biex tiltaqa’ mal-Ħallieq li lest jagħtik il-premju tal-isforzi kollha tiegħek biex titqabad it-taqbida t-tajba favur is-saltna tiegħu?

Hawn ma nistax ma nsemmix lil Beata Marija Columba Gabriella Sagheddu, Reliġjuża li għexet bejn l-1914 u l-1939, li minkejja li ma ħaditx il-martirju bħal San Ġosafat, hija wkoll offriet ruħha vittma għall-istess għan – jiġifieri għall-għaqda fost l-Insara. Wieħed jista’ jaqra l-istorja tagħha minn hawn: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com/2018/09/12/24-ta-settembru-beata-marija-columba-gabriella-sagheddu/

Talba: Qanqal, Mulej, fil-Knisja tiegħek dak l-ispirtu li bih imlejt lil San Ġosafat biex ta ħajtu għall-merħla tiegħek, u, bit-talb tiegħu, qawwina bl-istess spirtu ħalli ma nsibuhiex bi tqila li aħna wkoll nagħtu ħajjitna għal ħutna. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://thebasilica.org/josaphat

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-josaphat-653 or http://saintscatholic.blogspot.com/2012/11/st-josaphat.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Josaphat_Kuntsevych

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

24 ta’ Settembru: Beata Marija Columba Gabriella Sagheddu

Verżjoni Vidjo: Beata Marija Columba Gabriella Sagheddu

Ir-rieda ta’ Alla, hi x’inhi: din hija l-ferħ tiegħi, il-kuntentizza tiegħi u l-paċi tiegħi.” – Beata Marija Columba Gabriella Sagheddu

300px-Maria_Gabriella_Sagheddu_01

BEATA MARIJA GABRIELLA SAGHEDDU
Reliġjuża
1914 – 1939

Tagħrif: Marija Sagheddu – l-isem Gabriella żdied wara li daħlet reliġjuża – twieldet f’Sardinja, fis-17 ta’ Marzu 1914, il-ħames minn tmien ulied li sfaw orfni minn missierhom f’età żgħira. Kellha tfulija sempliċi ħafna. Meta ommha ħajritha tidħol fl-Azzjoni Kattolika, Marija għall-ewwel ma riditx għax dehrilha li kienet għadha mhix ippreparata tagħmel id-dmirijiet tagħha sewwa, iżda mbagħad daħlet b’ruħha u ġisimha.

F’Marija kienu jidhru l-karatteristiċi ta’ fedeltà, sens kbir ta’ dover, qawwa ta’ karattru u safa intransiġenti – kif ukoll dawk ftit u xejn negattivi: ras iebsa u xi ftit vjolenti. Ma kinetx tfajla li minn ċkunitha wriet sinjali ta’ qdusija. Wara l-mewt t’oħtha ż-żgħira, Marija ta’ 18-il sena, iltaqgħet mal-Mulej f’ċirkustanzi li ma tantx nafu fuqhom – nafu biss li ta’ din l-età ħajjitha nbidlet għal kollox, u tat lilha nfisha għal ħajja ta’ talb u għall-prattika sħiħa tar-reliġjon, kif ukoll iddedikat ruħha għall-ħidma ta’ karità. Bdiet tgħallem il-katekiżmu lit-tfal u tassisti lill-anzjani tal-villaġġ tagħha.

Ta’ 21 sena, bl-għajnuna tal-kappillan, iddeċidiet li tikkonsagra lilha nfisha kollha kemm hi ’l Alla u tingħaqad mas-sorijiet Trappisti fil-monasteru ta’ Grottaferrata, qrib Ruma. Fi tmiem Settembru, 1935 sellmet għall-aħħar darba lil pajjiżha u lil niesha. Fit-13 ta’ April, 1936 ħadet il-libsa reliġjuża u fil-31 t’Ottubru tal-istess sena pprofessat bl-isem ta’ Marija Gabriella.

Żewġ elementi li nsibu jaħkmu l-ħajja ġdida ta’ Gabriella fil-ħajja monastika: l-ewwel kien li tħossha li għandha trodd ħajr lil Alla għall-ħniena li wera magħha li sejħilha biex tkun kollha kemm hi tiegħu. Kienet tħobb ixxebbah lilha nnfisha mal-Iben il-Ħali li reġa’ lura f’dar missieru. It-tieni element kien ix-xewqa li twieġeb għal din il-grazzja li taha Alla bil-ħeġġa kollha tagħha biex, dak li beda Alla magħha, jiġi mitmum sal-aħħar.

F’jum il-professjoni, li ħabat nhar il-festa ta’ Kristu Re, għamlet “l-offerta żgħira” tagħha: “Mulej, agħmel minni dak li trid.” U kien propju l-Mulej li aktar ’il quddiem wassalha biex toffri ħajjitha għall-Għaqda bejn il-Knejjes. Ta’ 24 sena ħassitha mqanqla mill-kliem tal-ittra ta’ Father Paul Couturier, l-Appostlu tal-Ekumeniżmu, fl-ittra li kiteb lil Madre Badessa u talbet biex toffri ħajjitha biex isseħħ l-Għaqda bejn il-Knejjes Insara. Il-Badessa la wieġbet iva lanqas le, iżda talbitha biex taħsibha sew u wara titkellem mal-kappillan. Dan qabel mat-talba. Saret l-offerta u ġiet aċċettata.

Ftit jiem wara, f’Marija Gabriella bdew jidhru l-ewwel sintomi tal-marda avvanzata tat-tuberkolożi li kellha twassalha sal-qabar wara 15-il xahar ta’ tbatijiet. L-agunija tagħha ntemmet fit-23 ta’ April, 1939. Kien it-Tieni Ħadd fuq l-Għid, il-Ħadd tar-Ragħaj Divin. Nhar it-Tlieta 25 ta’ Jannar, 1983, fl-okkażjoni ta’ għeluq l-Ottava ta’ Talb għall-Għaqda tal-Knejjes, il-Papa San Ġwanni Pawlu II, fil-Bażilika ta’ San Pawl Barra s-Swar, iddikjaraha Beata. Il-Papa sejjaħ lil din il-Beata ġdida: “Gabriella tal-Unità.”

Ħsieb: “Fis-sempliċità tal-qalb jiena noffrilek kollox bil-ferħ o Mulej. Il-Mulej li poġġieni f’din it-triq, jiftakar iqawwini fil-battalja. Għall-ħniena tiegħu jiena nafdalu l-fraġilità tiegħi. Rajt quddiemi salib kbir … intbaħt li s-sagrifiċċju tiegħi ma kien xejn meta mqabbel ma’ Tiegħu. Jien offrejt lili nnifsi kollni kemm jien u m’iniex ser nerġa’ lura mill-kelma li tajt. Ir-rieda t’Alla, tkun xi tkun, din hija l-ferħ tiegħi, il-kuntentizza tiegħi, il-paċi tiegħi. Qatt mhu se nkun nista’ nirringrazzjah biżżejjed. Ma nistax ngħid ħlief dan il-kliem: ‘Alla Tiegħi, il-Glorja Tiegħek!’ ~ Beata Marija Gabriella

Il-Ġimgħa ta’ Talb għall‑Għaqda fost l‑Insara hija osservata minn Jannar 18 sa 25 ta’ Jannar. Matul din il‑ġimgħa, il‑Knejjes Insara differenti jingħaqdu għal talb ekumeniku, anki hawn Malta.

Għalkemm Marija Gabriella ma kinitx magħrufa tul ħajjitha, Alla għażel li jonora lil din ir-ruħ umli wara mewtha. Wara li bosta sorijiet, li għexu magħha fil-kunvent, irrappurtaw messaġġi li rċevew fil-ħolm minn Suor Marija Gabriella u raw sinjali oħra minn naħa tas-Sema, il-badessa ħadet l-inizjattiva li tippubblika l-bijografija tagħha. Fi ftit snin, viżitaturi ta’ denominazzjonijiet varji kienu diġà qed jagħmlu pellegrinaġġi għall-qabar tagħha. Meta l-qabar ta’ Marija nfetaħ fl-1957, il-ġisem u l-ilbies tagħha nstabu inkorrotti – stat naturali mhux spjegabbli għal xi ħadd li miet bit-tuberkolożi.

Hija pjuttost sorprendenti li xi ħadd li ma għamel xejn ħlief talab sar Patrun tal-Knisja għall-Ekumeniżmu. Imma dak li hu l-aktar sorprendenti huwa li f’Sardinja fejn trabbiet, hija qatt ma ltaqat ma’ Nisrani mhux Kattoliku. Hi taf biss li xi Kristjani kienu separati mill-Knisja Kattolika, u li dan inikket il-Qalb ta’ Ġesù.

Aħna jinteressana minn dak li jnikket il-Qalb ta’ Ġesù? In-niket tiegħu nistgħu ngħidu li hu n-niket tagħna wkoll? Qed nagħmlu jew nixtiequ nagħmlu xi ħaġa dwaru? Nistgħu infarrġu lil Ġesù b’xi mod? Qed jiġuk f’moħħok xi modi ta’ kif tista’ tfarrġu? Iva, nistgħu infarrġuh u nistgħu ukoll, bil-ħajja tagħna, hi ta’ liema stat hi, nagħmlu xi ħaġa. Immorru jew le għas-servizz ta’ talb organizzat matul il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara, il-ħajja ta’ Marija Gabriella tfakkarna li għandna nitolbu kontinwament għall-għaqda mill-ġdid fost l-Insara kollha. U minbarra t-talb, forsi l-Mulej qed isejħilna biex bħal Marija noffru wkoll is-sofferenzi personali tagħna, huma ta’ liema għamla huma, kemm jekk huma fiżiċi, mentali, emozzjonali, spiritwali, eċċ… – kollox jgħodd – jekk noffruh bi mħabba bħala talba lil Alla li hu mnikket.

Talba: Beata Marija Gabriella, inti mmaturajt u kbirt fil-fidi Kattolika; itlob għaż-żgħażagħ Insara kollha, ħalli jżommu l-fidi li jkunu rċevew fit-tfulija tagħhom u jservu lill-Mulej meta adulti.

Għalkemm int sofrejt ħafna mit-tuberkolożi li ħaditlek ħajtek fl-età ta’ 25 sena, bqajt paċenzjuża mqawwija mill-grazzja ta’ Alla; itlob għall-morda u l-moribondi kollha, ħalli jagħrfu li jistgħu joffru t-tbatija tagħhom lil Alla għas-salvazzjoni tal-erwieħ.

Li n-nies kollha jistgħu jkunu ħaġa waħda fi Kristu kienet għal qalbek ħafna, tant li tajt ħajtek għaliha; itlob li nkunu nistgħu naraw l-għaqda tal-knejjes kollha taħt Ragħaj wieħed. Ammen.

English Version: https://catholicsaints.info/blessed-maria-gabriella-sagheddu/

Alternative reading: http://communio.stblogs.org/index.php/2016/04/blessed-maria-gabriella-sagheddu/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Maria_Gabriella_Sagheddu

Nota: It-Tagħrif dwar il-beata tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started