11 ta’ Frar: Il-Verġni Mqaddsa Marija ta’ Lourdes

Verżjoni Vidjo: Il-Verġni Mqaddsa Marija ta’ Lourdes

“Sliem għalik, o Vergni Mqaddsa,
l’Inti dehert lil Bernardina
ġewwa l-grotta minn ta’ Lourdes,
biex imħabbtek int turina.” 

~ Innu mill-Kurunella tal-Immakulata Kunċizzjoni ta’ Lourdes

our-lady-of-lourdes1.jpgIL-VERĠNI MQADDSA MARIJA TA’ LOURDES
1858

Tagħrif: Lourdes, belt żgħira ħdejn il-Pirinej, il-muntanji li jifirdu lil Franza minn Spanja, kienet ftit magħrufa sal-1858. Dak li kellu jagħmilha ċentru ta’ attrazzjoni għad-dinja kollha kienet grotta moħbija u minsija minn kulħadd – grotta fil-blat ta’ Massabielle, li kienet isservi bħala post ta’ kenn lir-rgħajja tal-post u lill-merħliet tagħhom. Minnha bdiet dik l-opra grandjuża tal-ħniena ta’ Marija.

Fil-11 ta’ Frar 1858, il-Madonna dehret għall-ewwel darba, fl-aħħar ġurnata tal-Karnival, lil tfajla fqajra ta’ erbatax-il sena li ħarġet għall-ħabta tal-ħdax minn darha ma’ oħtha iżgħar minnha u ma’ ħabiba oħra, u marret biex issib xi ftit zkuk għan-nar. Kienet Bernardetta Soubirous, xebba sempliċi u marradija, iżda innoċenti u twajba, li l-Madonna għażlitha bħala strument għall-pjan tagħha – għodda umana ċkejkna ta’ ħidma kbira u divina.

Waqt li t-tfajla kienet tfittex post mnejn tista’ taqsam ix-xmara Gave, ħasset bħal buffura riħ qawwija żżommha u f’nofs ta’ dawl qawwi rat bilwieqfa fid-daħla tal-grotta sinjura ta’ sbuħija singulari u ta’ mġiba maestuża. Kienet tidher ta’ xi għoxrin sena, la twila u lanqas qasira. Kellha libsa twila bajda aktar mis-silġ, marbuta ma’ qaddha b’faxxa lewn is-sema b’għoqda quddiem u nieżla rduppjata sa rkopptejha.

Rasha kienet mgħottija b’velu abjad, jinżel sal-art, u fuq kull riġel kienet tiddi warda tad-deheb. F’idha kellha kuruna sabiħa tar-rużarju, biż-żibeġ bojod minsuġin bid-deheb u b’salib tad-deheb. Idejha kienu mgħaqqdin quddiem sidirha u għajnejha fissi lejn is-sema, bħal waħda qiegħda titlob. F’din l-ewwel dehra s-Sinjura tas-sema għallmitha trodd is-salib bid-devozzjoni; u waqt li kienet tgħodd iż-żibeġ tal-kuruna bdiet tħeġġiġha bl-eżempju ħalli tgħid hi wkoll ir-Rużarju.

Fit-tieni jum tad-dehra, it-tfajla, imwissija minn ommha, xeħtet ftit ilma mbierek fuq is-Sinjura, u hi bi tbissima ta’ ħlewwa wriet kemm dan kien jogħġobha.

Fit-tielet dehra stiednet lil Bernardetta biex tiġi fil-grotta għal ħmistax-il jum fuq xulxin, u wegħditha hena kbir, mhux f’din id-dinja, iżda fl-oħra.

F’dawn id-dehriet is-Sinjura ħeġġitha biex titlob għall-midinbin, biex tbus l-art u tagħmel penitenza; talbitha wkoll biex tgħid lis-saċerdoti ħalli jibnulha knisja hemm, fejn il-popli jistgħu jmorru jitolbu. Urietha post fil-grotta, u qaltilha biex tixrob u tinħasel bl-ilma li beda ħiereġ minn hemm minnufih. B’kollox dehritilha tmintax-il darba, ġo għar, mill-11 ta’ Frar sas-16 ta’ Marzu, 1858.

Waqt id-dehriet il-Madonna kienet tgħaddi ż-żibeġ tal-kuruna bejn subgħajha filwaqt li Bernadette titlob ir-Rużarju. Għat-talba tal-kappillan, f’kull dehra lis-Sinjura li kienet qed tidhrilha kienet issaqsiha x’jisimha.

Kien fil-25 ta’ Marzu, festa tal-Annunzjazzjoni, għall-mistoqsija li Bernadetta reġgħet għamlitilha dwar x’kien jisimha, is-Sinjura għaqqdet il-palmi ta’ idejha flimkien u b’leħen ċar wieġbet bid-djalett ta’ Lourdes: “Jiena l-Immakulata Kunċizzjoni.” Id-domma tat-Tnissil Bla Tebgħa ta’ Marija kienet ġiet definita mill-Papa Piju IX inqas minn erba’ snin qabel. It-tmintax u l-aħħar dehra saret nhar il-festa tal-Madonna tal-Karmnu, fis-16 ta’ Lulju 1858.

Id-dehriet ħallew impressjoni qawwija fuq Bernadetta. Meta darba neputija tagħha staqsietha: “Zi, hija xejn sabiħa l-Madonna?” Bernadetta weġbitha: “Hija tant sabiħa li, min jaraha darba, jkollu seba’ mitt sena sa jmut biex ma jitlifha qatt iktar!”

Sadattant il-poplu, miġbud mill-għeġubijiet li bdew isiru u l-grazzji li bdew jinkisbu, beda kulma jmur jiżdied, minn dehra għall-oħra. Mhux ta’ min jistagħġeb li l-kobor tal-folla beda jħasseb ’l-awtoritajiet ekkleżjastiċi minn banda u l-oppożizzjoni ta’ awtorità ċivili anti-reliġjuża u atea mill-oħra. Iżda l-lealtà u s-sinċerità tat-tfajla, flimkien mal-fejqan sopranaturali li kien ġa beda jsir fil-beraħ, rebħu fuq kull xkiel u kull biża’, u ftit xhur kienu biżżejjed biex iwasslu l-isem ta’ Lourdes barra mill-fruntieri ta’ Franza. L-aħħar dehriet saru quddiem bosta eluf ta’ fidili.

Fid-19 ta’ Mejju 1866, fil-preżenza ta’ Bernardetta, kienet saret l-ewwel quddiesa fil-kappella (Kripta), li 25 raġel, fosthom missierha, kienu ħadmu għal tliet xhur, lejl u nhar, jaqtgħu il-blat biex lestewha. F’din il-knisja Ġesù Ewkaristija jkun espost minn filgħodu sa filgħaxija, għax il-fini tal-Madonna hu li permezz tagħha, il-bnedmin jersqu iktar qrib lejn Ġesù. (Fuq il-lemin ta’ din il-knisja, taqsam it-triq, hemm il-Kappella kbira tar-Rikonċiljazzjoni fejn ikun hemm qrar b’ilsna differenti.

Terġa’ fuq il-lemin ta’ din il-kappella hemm għolja li ma’ tulha hemm l-istazzjonijiet tal-Via Sagra bi statwi kbar tal-bronż). Imbagħad inbniet il-Bażilika ta’ Fuq, li l-artal tagħha jiġi sewwa sew fuq l-għar fejn dehret il-Madonna. Fl-1901 ġiet ikkonsagrata l-Bażilika tar-Rużarju. Tissejjaħ hekk għax barra l-artal maġġur fiha ħmistax-il kappellun li jirrappreżentaw il-ħmistax-il misteru tar-Rużarju. Fil-25 ta’ Marzu 1958 infetħet il-Kappella ta’ taħt l-art iddedikata lil San Piju X, li tesa’ 30,000 ruħ, biex meta jkun il-maltemp il-funzjonijiet isiru fiha.

Bernardetta għexet għal sentejn oħra f’darha, u mbagħad talbet biex tidħol mas-Sorijiet tal-Karità ta’ Nevers, u saret soru magħhom fl-1865. Għexet 14-il sena oħra, qalb ħafna mard u sofferenzi, u mietet fis-16 ta’ April tas-sena 1879, b’sinjali mhux ordinarji ta’ qdusija. Baqgħet sa mewtha ssostni li kulMa qalet kien kollu minnu. Il-Papa Piju XI iddikjaraha beata fl-1925 u qaddisa fit-8 ta’ Diċembru, 1933.

Permezz ta’ dawn id-dehriet, il-Madonna tistieden il-midinbin għall-indiema u tqanqal fil-Knisja l-ħeġġa għat-talb u mħabba ikbar speċjalment fl-għajnuna lill-morda u lill-foqra. Wieħed mill-messaġġi tal-Madonna kien li ngħidu r-Rużarju.

Illum Lourdes huwa wieħed mill-aktar santwarji Marjani li jżuruh nies, fejn l-għadd ta’ mirakli kbar li saru, ġeneralment waqt il-Purċissjoni bis-Sagrament, huma monument ħaj tal-interess kbir li Marija għandha fina l-bnedmin mifdijin bid-Demm ta’ Binha. Mill-1992, il-Papa Ġwann Pawlu II iddikjara l-11 ta’ Frar Jum Internazzjonali tal-Morda.

Ħsieb: Dan diskors li qal il-Qaddis Papa Ġwann Pawlu II – Vatikan 13 ta’ Mejju, 1992:

“Flimkien ma’ Marija Omm Kristu, li kienet ħdejn is-Salib, ejjew aħna nieqfu quddiem is-slaleb tal-bnedmin illum. Hekk Lourdes huwa wieħed mill-akbar santwarji Marjani maħbuba mill-Insara, huwa l-post u fl-istess ħin is-simbolu tat-tama u grazzja, bħala sinjal ta’ aċċettazzjoni tat-tbatija offruta għas-salvazzjoni.

Bħalissa Alla qed jippermetti li jien ukoll ikolli nsofri t-tbatija u d-dgħjufija tiegħi nnifsi. Dan jagħmilni aktar qrib tagħkom, jgħinni nifhem aħjar dak li għaddejjin minnu intom. Jiena nistedinkom biex flimkien miegħi toffru t-tbatijiet tagħkom lill-Mulej, li bis-salib tiegħu wettaq ħwejjeġ kbar; noffru dan biex bl-Ewkaristija, il-Knisja kollha tgħaddi minn tiġdid tal-fidi u l-karità; biex id-dinja kollha tagħraf il-benefiċċju tal-maħfra, il-paċi u l-imħabba.”

  • Imma x’tip ta’ qima tistenna mingħandna din l-Omm tagħna tas-Sema?
  • Mhux li nersqu lejn Binha, nindmu minn dnubietna u nirċievu s-Sagramenti tal-Qrar u t-Tqarbin b’mod frekwenti?
  • Mhux li nimitaw il-virtujiet tagħha, b’mod speċjali dik tal-umiltà u d-dispożizzjoni tagħha li tisma’ l-Kelma t’Alla u twettaqha?
  • Mhux li ngħixu ħajja ta’ talb bħalha u ningħaqdu magħha fit-talba tant għal qalbha tar-Rużarju?

Jekk tixtieq tkun taf kif tista’ tħejji ruħek biex tgħix hekk tassew, nistiednek iżżur is-sit Malti, li fih it-Trattat ta’ San Alwiġi De Montfort fuq id-Devozzjoni vera lejn Marija u kif wieħed jista’ jagħmel l-att ta’ konsagrazzjoni u l-benefiċċji tagħha, Talb, l-Uffiċċju tal-Madonna, Vidjos u ħafna aktar … Tista’ tmur għalih billi tagħfas fuq din il-link: https://devozzjonilejnmarija.wordpress.com/

Tista’ tara wkoll:
Tagħrif dwar it-Tnissil Bla Tebgħa tal-Verġni Mqaddsa
Kurunella tal-Madonna tal-Lourdes
Rużarju bl-għajnuna ta’ vidjos
Grupp fuq Facebook bl-isem: ‘Devozzjoni vera lejn il-Verġni Marija’.

Talba: O Verġni, Immakulata, Omm tal-ħniena, saħħa tal-morda, refuġju tal-midinbin, konsolatriċi tal-imnikktin, inti tagħraf il-bżonnijiet tiegħi, it-tbatijiet tiegħi, ixħet fuqi l-ħarsa ħanina tiegħek. Bid-dehra tiegħek fil-grotta ta’ Lourdes, inti ridt li hija ssir lok magħżul mnejn ixxerred il-grazzji tiegħek, u diġà bosta msejknin sabu r-rimedju tal-mard tagħhom fir-ruħ u l-ġisem. Niġi jiena wkoll mimli bit-tama sabiex nitolbok il-grazzji tiegħek ta’ omm: isma’, omm ħanina, it-talb umli tiegħi, sabiex mimli bil-benefiċċji tiegħek, nagħmel kemm nista’ biex nimità l-virtù tiegħek, biex ġurnata jkolli sehem fil-glorja tiegħek tas-sema. Hekk ikun. Omm tagħna ta’ Lourdes, itlob għalina. Santa Bernardetta itlob għalina.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/our-lady-of-lourdes/

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/our-lady-of-lourdes-144

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Our_Lady_of_Lourdes

On old film entitles ‘The Song of Bernadette’:

Nota: It-Tagħrif dwar din il-Festa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started