16 ta’ April: Santa Bernardina Soubirous

Verżjoni Vidjo: Santa Bernardina Soubirous

“Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax int dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok.” – Ġesu’ f’Luqa 10:21

Bernadette-Soubirous-FBSANTA BERNARDINA SOUBIROUS
Verġni
1844 – 1879

Tagħrif: Din il-qaddisa tibqa’ l-aktar magħrufa minħabba d-dehriet li kellha tal-Madonna f’Lourdes.

Maria Bernarda twieldet f’Lourdes u kienet il-kbira minn sitt aħwa, ulied Francois Soubirous u martu Louise Castérot. Bernadette, kif kienu jsejħulha d-dar, kienet tifla marradija u tbati bl-ażma, u meta kellha 10 snin anki ħadet il-marda tal-kolera. Missierha li kellu magna tad-dqiq ma kienx jinqala’ għan-negozju u l-familja sabet ruħha f’faqar kbir u kellha tmur toqgħod f’dar se taqa’ u ma taqax.

It-tifla rċeviet ftit skola, u kienet miżmuma bħala moħħha ma jagħtihiex. Fl-1858, fis-sena li fiha għamlet l-Ewwel Tqarbina, seħħew ġrajjiet straordinarji li biddlu għal kollox ħajjitha u li għamluha tant magħrufa.

Id-dehriet tal-Madonna b’kollox kienu 18-il waħda. F’dik tal-25 ta’ Marzu, meta Bernadette reġgħet staqsiet lis-sinjura tad-dehriet x’kien jisimha, il-Madonna weġbitha: “Jiena l-Kunċizzjoni Immakulata.” Il-Papa B. Piju IX kien ipproklama d-domma tat-tnissil bla tebgħa ta’ Marija fit-8 ta’ Diċembru ta’ tliet snin qabel.

L-ilma li ħareġ mill-post fejn Bernadette ħaffret fuq it-talba tal-Madonna sar għajn ta’ fejqan għal bosta, imma dak l-istess ilma lilha ma fejjaqhiex mill-mard tagħha. Kienet qaltilha l-Madonna: “Inwiegħdek li nagħmlek hienja, mhux f’din id-dinja iżda fl-oħra.”

Bernadette kellha tgħaddi minn żminijiet diffiċli: sabet oppożizzjoni u ma kinitx emmnuta kemm mill-awtoritajiet tal-Knisja kif ukoll dawk ċivili. Ma tawx kasha għax qalu li kienet tifla sempliċi, bla skola u tbati mill-alluċinazzjonijiet. Imma s-sinċerità ovvja tagħha u s-sens komun tagħha wasslu biex ħafna bdew jemmnu fid-dehriet. Hi kienet tobgħod il-pubbliċità li għaliha kienet esposta minħabba d-dehriet u kienet tirrifjuta li taċċetta flus jew rigali oħra mill-ħafna nies li kienu jmorru biex jarawha.

Fl-1864, talbet biex tidħol fil-kunvent tas-sorijiet ta’ Notre Dame f’Nevers, imma minħabba saħħitha ma ġietx milqugħa qabel l-1866, meta kienet aċċettata bħala novizza u ħadet l-isem ta’ Maria-Bernarda.

Hi għexet il-bqija ta’ ħajjitha bħala soru ordinarja u ma ħarġitx mill-kunvent, lanqas fl-1876 fiċ-ċelebrazzjonijiet li saru biex ifakkru l-ftuħ ta’ bażilika ġdida f’Lourdes. Jidher li din kienet għażla tagħha; xtaqet kieku tkun preżenti imma riedet tevita l-attenzjoni fuqha. “O, kieku kont nista’ mmur bla ma ħadd jarani,” qalet.

Kellha xewqa kbira li titqaddes: “Jeħtieġli nkun qaddisa,” kitbet, “Ġesù dan li jrid minni u jiena obbligata li nkun hekk mill-vokazzjoni tiegħi.” Kellha sens kbir ta’ umiltà. Dwar dak li ġara minnha qabel ma daħlet reliġjuża, Bernadette xebbhet lilha nfisha ma’ xkupa: “Il-Madonna nqdiet bija. Imbagħad qegħduni lura fir-rokna tiegħi. Jiena hienja li nieqaf hemm.”

Il-mard qatt ma ħallieha għal kollox. L-aħħar erba’ snin ta’ ħajjitha, il-mard daħal aktar ’il ġewwa. Kienet issofri minn tuberkolożi fl-għadam bi tbatijiet kbar. Mietet ta’ 35 sena, nhar is-16 ta’ April tas-sena 1879. Bernadette Soubirous kienet iddikjarata qaddisa fis-Sena Mqaddsa tal-Fidwa fl-1933, mill-Papa Piju XI. Il-Festa tal-Verġni Mqaddsa Marija ta’ Lourdes tiġi ċċelebrata fil-11 ta’ Frar. (ara Il-Verġni Mqaddsa Marija ta’ Lourdes).

Ħsieb: Miljuni ta’ nies marru ħdejn l-għajn li ħaffret Bernadette ifittxu l-fejqan tal-ġisem u tal-ispirtu, iżda hi ma ġietx eżentata mill-mard minn din l-għajn. Bernadette għaddiet il-ħajja tagħha, iggwidata biss minn fidi għamja f’affarijiet li ma kinitx tifhem – kif aħna wkoll ngħaddu, minn żmien għal żmien. Alla għażel lil Bernadette minn fost ħafna biex permezz tad-dehriet tal-Madonna, jinħoloq post ta’ faraġ u fejqan fil-ġisem u r-ruħ, għall-bnedmin kollha. Imma għaliex intgħażlet propju Bernadette? Nafu li kienet tifla bla ebda importanza, sempliċi u b’nuqqas ta’ intelliġenza. Imma dan m’għandux jiskantana ladarba l-Kelma t’Alla stess tgħidilna:

“Imma Alla għażel in-nies boloh għad-dinja biex iħawwad l-għorrief; għażel id-dgħajfa tad-dinja biex iħawwad il-qawwija; għażel il-mistmerra mid-dinja, u n-nies li ma huma xejn, biex iġib fix-xejn ‘il dawk li huma xi ħaġa. Hekk ebda bniedem ma jkun jista’ jiftaħar quddiem Alla” (1 Korintin 1:27-29).

U Ġesù nnifsu jgħid li: “Tassew ngħidilkom, li min is-Saltna ta’ Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha” (Mark 10:15).

Il-Ġimgħa 23 ta’ Ġunju 2017, fl-omelija tiegħu f’Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku  qal hekk:

“Jeħtieġ li niċċekknu biex inkunu nistgħu nisimgħu leħen il-Mulej. Il-Mulej għażilna u sar wieħed minna biex jimxi magħna fil-ħajja, u ta lil Ibnu, il-ħajja ta’ Ibnu, għall-imħabba tagħna. Mosè, fil-Ktieb tad-Dewteronomju jgħid li Alla għażilna biex inkunu l-poplu tiegħu fost il-popli kollha tad-dinja. F’dan it-test, insibu żewġ kelmiet partikolari: ‘għażla’ u ‘ċokon’. Ma konniex aħna li għażilna lilU imma kien Alla li sar ilsir tagħna. Intrabat ma’ ħajjitna biex ma jinfired qatt iżjed. U Hu jibqa’ fidil f’dan l-atteġġjament tiegħu. Aħna ġejna magħżulin għall-imħabba u din hi l-identità tagħna.

Tgħid, jien għażilt din ir-reliġjon? Le, int m’għażilt xejn. Huwa Hu li għażel lilek, sejjaħlek u ntrabat miegħek. U din hi l-fidi tagħna. Jekk dan ma nemmnuhx ma nkunux fhimna x’inhu l-messaġġ ta’ Kristu, ma nkunux fhimna l-Vanġelu.

Dwar it-tieni kelma: iċ-ċokon, niftakru li Mosè għamilha ċara li Alla kien għażel il-poplu ta’ Iżrael, għax kien l-iċken fost il-popli. Alla, innamra maċ-ċokon tagħna u għalhekk għażilna. Hu jagħżel liż-żgħar, mhux lill-imkabbrin, lill-kbar. Hu juri ruħu liċ-ċkejknin: Ħeba dawn il-ħwejjeġ lil min hu għaref u wriehom liċ-ċkejknin. Jekk int trid tifhem xi ħaġa mill-misteru ta’ Ġesù, iċċekken. Agħraf ix-xejn tiegħek għax Alla mhux biss jagħżel u juri ruħu liċ-ċkejknin imma jsejħilhom: ‘Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħassbin u mtaqqlin u jiena nfarraġkom.’ Intom li intom ċkejknin – minħabba t-tbatija, minħabba l-għeja….

Allura lill-kbar ma jsejħilhomx? Qalbu miftuħa, imma l-imkabbrin ma jirnexxilhomx jisimgħu leħen il-Mulej għax huma mimlijin bihom infushom. Il-Qalb ta’ Alla hija Qalb li tħobb, li tagħżel, li hi fidila u li tintrabat magħna, li turi ruħha liċ-ċkejknin, issejħilhom u tiċċekken hi stess. Il-problema tal-fidi hi l-qofol tal-ħajja tagħna: nistgħu nkunu twajba ħafna imma ma jkollniex fidi jew tkun nieqsa.”

  • U int, tgħodd ruħek maċ-ċkejknin, bħal Santa Bernardina Soubirous, biex bis-sinċerità , bil-fidi u b’qalb miftuħa tilqa’ l-Kelma ta’ Alla u tgħix kif iridna Hu?

Ejjew ma ninsewx, li f’din id-dinja min jitkabbar, jiċċekken u min jiċċekken, jitkabbar għall-eternità!

Bħala għajnuna biex wieħed jitlob ir-Rużarju, hekk kif talbitna l-Madonna permezz ta’ Santa Bernardina ġewwa Lourdes, tistgħu tidħlu fil-Youtube Channel bl-isem ta’ Rużarji u Devozzjonijiet bil-Malti. Fih issibu ġabra ta’ vidjos kollha fuq ir-Rużarju. Ara din il-link: https://devozzjonilejnmarija.wordpress.com/youtube/

Talba: O Santa Bernardina Soubirous, li kont ċkejkna f’din id-dinja, imma ġejt magħżula għal tmintax-il aparizzjoni tal-Immakulata Verġni Marija u bil-privileġġ li titkellem magħha b’mod dirett, issa li qed tgawdi b’mod etern is-sbuħija tal-Immakulata Omm Alla, interċedi għalina, ħalli nimxu fit-toroq sempliċi tal-fidi. Għinna nobdu bħalma għamilt int, lir-Reġina tas-sema, billi ngħidu r-Rużarju ta’ kuljum u billi nagħmlu penitenza għall-midinbin. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/04/st-bernadette-soubirous.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-bernadette-soubirous/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Bernadette_Soubirous

Film 1:

Film 2:

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

11 ta’ Frar: Il-Verġni Mqaddsa Marija ta’ Lourdes

Verżjoni Vidjo: Il-Verġni Mqaddsa Marija ta’ Lourdes

“Sliem għalik, o Vergni Mqaddsa,
l’Inti dehert lil Bernardina
ġewwa l-grotta minn ta’ Lourdes,
biex imħabbtek int turina.” 

~ Innu mill-Kurunella tal-Immakulata Kunċizzjoni ta’ Lourdes

our-lady-of-lourdes1.jpgIL-VERĠNI MQADDSA MARIJA TA’ LOURDES
1858

Tagħrif: Lourdes, belt żgħira ħdejn il-Pirinej, il-muntanji li jifirdu lil Franza minn Spanja, kienet ftit magħrufa sal-1858. Dak li kellu jagħmilha ċentru ta’ attrazzjoni għad-dinja kollha kienet grotta moħbija u minsija minn kulħadd – grotta fil-blat ta’ Massabielle, li kienet isservi bħala post ta’ kenn lir-rgħajja tal-post u lill-merħliet tagħhom. Minnha bdiet dik l-opra grandjuża tal-ħniena ta’ Marija.

Fil-11 ta’ Frar 1858, il-Madonna dehret għall-ewwel darba, fl-aħħar ġurnata tal-Karnival, lil tfajla fqajra ta’ erbatax-il sena li ħarġet għall-ħabta tal-ħdax minn darha ma’ oħtha iżgħar minnha u ma’ ħabiba oħra, u marret biex issib xi ftit zkuk għan-nar. Kienet Bernardetta Soubirous, xebba sempliċi u marradija, iżda innoċenti u twajba, li l-Madonna għażlitha bħala strument għall-pjan tagħha – għodda umana ċkejkna ta’ ħidma kbira u divina.

Waqt li t-tfajla kienet tfittex post mnejn tista’ taqsam ix-xmara Gave, ħasset bħal buffura riħ qawwija żżommha u f’nofs ta’ dawl qawwi rat bilwieqfa fid-daħla tal-grotta sinjura ta’ sbuħija singulari u ta’ mġiba maestuża. Kienet tidher ta’ xi għoxrin sena, la twila u lanqas qasira. Kellha libsa twila bajda aktar mis-silġ, marbuta ma’ qaddha b’faxxa lewn is-sema b’għoqda quddiem u nieżla rduppjata sa rkopptejha.

Rasha kienet mgħottija b’velu abjad, jinżel sal-art, u fuq kull riġel kienet tiddi warda tad-deheb. F’idha kellha kuruna sabiħa tar-rużarju, biż-żibeġ bojod minsuġin bid-deheb u b’salib tad-deheb. Idejha kienu mgħaqqdin quddiem sidirha u għajnejha fissi lejn is-sema, bħal waħda qiegħda titlob. F’din l-ewwel dehra s-Sinjura tas-sema għallmitha trodd is-salib bid-devozzjoni; u waqt li kienet tgħodd iż-żibeġ tal-kuruna bdiet tħeġġiġha bl-eżempju ħalli tgħid hi wkoll ir-Rużarju.

Fit-tieni jum tad-dehra, it-tfajla, imwissija minn ommha, xeħtet ftit ilma mbierek fuq is-Sinjura, u hi bi tbissima ta’ ħlewwa wriet kemm dan kien jogħġobha.

Fit-tielet dehra stiednet lil Bernardetta biex tiġi fil-grotta għal ħmistax-il jum fuq xulxin, u wegħditha hena kbir, mhux f’din id-dinja, iżda fl-oħra.

F’dawn id-dehriet is-Sinjura ħeġġitha biex titlob għall-midinbin, biex tbus l-art u tagħmel penitenza; talbitha wkoll biex tgħid lis-saċerdoti ħalli jibnulha knisja hemm, fejn il-popli jistgħu jmorru jitolbu. Urietha post fil-grotta, u qaltilha biex tixrob u tinħasel bl-ilma li beda ħiereġ minn hemm minnufih. B’kollox dehritilha tmintax-il darba, ġo għar, mill-11 ta’ Frar sas-16 ta’ Marzu, 1858.

Waqt id-dehriet il-Madonna kienet tgħaddi ż-żibeġ tal-kuruna bejn subgħajha filwaqt li Bernadette titlob ir-Rużarju. Għat-talba tal-kappillan, f’kull dehra lis-Sinjura li kienet qed tidhrilha kienet issaqsiha x’jisimha.

Kien fil-25 ta’ Marzu, festa tal-Annunzjazzjoni, għall-mistoqsija li Bernadetta reġgħet għamlitilha dwar x’kien jisimha, is-Sinjura għaqqdet il-palmi ta’ idejha flimkien u b’leħen ċar wieġbet bid-djalett ta’ Lourdes: “Jiena l-Immakulata Kunċizzjoni.” Id-domma tat-Tnissil Bla Tebgħa ta’ Marija kienet ġiet definita mill-Papa Piju IX inqas minn erba’ snin qabel. It-tmintax u l-aħħar dehra saret nhar il-festa tal-Madonna tal-Karmnu, fis-16 ta’ Lulju 1858.

Id-dehriet ħallew impressjoni qawwija fuq Bernadetta. Meta darba neputija tagħha staqsietha: “Zi, hija xejn sabiħa l-Madonna?” Bernadetta weġbitha: “Hija tant sabiħa li, min jaraha darba, jkollu seba’ mitt sena sa jmut biex ma jitlifha qatt iktar!”

Sadattant il-poplu, miġbud mill-għeġubijiet li bdew isiru u l-grazzji li bdew jinkisbu, beda kulma jmur jiżdied, minn dehra għall-oħra. Mhux ta’ min jistagħġeb li l-kobor tal-folla beda jħasseb ’l-awtoritajiet ekkleżjastiċi minn banda u l-oppożizzjoni ta’ awtorità ċivili anti-reliġjuża u atea mill-oħra. Iżda l-lealtà u s-sinċerità tat-tfajla, flimkien mal-fejqan sopranaturali li kien ġa beda jsir fil-beraħ, rebħu fuq kull xkiel u kull biża’, u ftit xhur kienu biżżejjed biex iwasslu l-isem ta’ Lourdes barra mill-fruntieri ta’ Franza. L-aħħar dehriet saru quddiem bosta eluf ta’ fidili.

Fid-19 ta’ Mejju 1866, fil-preżenza ta’ Bernardetta, kienet saret l-ewwel quddiesa fil-kappella (Kripta), li 25 raġel, fosthom missierha, kienu ħadmu għal tliet xhur, lejl u nhar, jaqtgħu il-blat biex lestewha. F’din il-knisja Ġesù Ewkaristija jkun espost minn filgħodu sa filgħaxija, għax il-fini tal-Madonna hu li permezz tagħha, il-bnedmin jersqu iktar qrib lejn Ġesù. (Fuq il-lemin ta’ din il-knisja, taqsam it-triq, hemm il-Kappella kbira tar-Rikonċiljazzjoni fejn ikun hemm qrar b’ilsna differenti.

Terġa’ fuq il-lemin ta’ din il-kappella hemm għolja li ma’ tulha hemm l-istazzjonijiet tal-Via Sagra bi statwi kbar tal-bronż). Imbagħad inbniet il-Bażilika ta’ Fuq, li l-artal tagħha jiġi sewwa sew fuq l-għar fejn dehret il-Madonna. Fl-1901 ġiet ikkonsagrata l-Bażilika tar-Rużarju. Tissejjaħ hekk għax barra l-artal maġġur fiha ħmistax-il kappellun li jirrappreżentaw il-ħmistax-il misteru tar-Rużarju. Fil-25 ta’ Marzu 1958 infetħet il-Kappella ta’ taħt l-art iddedikata lil San Piju X, li tesa’ 30,000 ruħ, biex meta jkun il-maltemp il-funzjonijiet isiru fiha.

Bernardetta għexet għal sentejn oħra f’darha, u mbagħad talbet biex tidħol mas-Sorijiet tal-Karità ta’ Nevers, u saret soru magħhom fl-1865. Għexet 14-il sena oħra, qalb ħafna mard u sofferenzi, u mietet fis-16 ta’ April tas-sena 1879, b’sinjali mhux ordinarji ta’ qdusija. Baqgħet sa mewtha ssostni li kulMa qalet kien kollu minnu. Il-Papa Piju XI iddikjaraha beata fl-1925 u qaddisa fit-8 ta’ Diċembru, 1933.

Permezz ta’ dawn id-dehriet, il-Madonna tistieden il-midinbin għall-indiema u tqanqal fil-Knisja l-ħeġġa għat-talb u mħabba ikbar speċjalment fl-għajnuna lill-morda u lill-foqra. Wieħed mill-messaġġi tal-Madonna kien li ngħidu r-Rużarju.

Illum Lourdes huwa wieħed mill-aktar santwarji Marjani li jżuruh nies, fejn l-għadd ta’ mirakli kbar li saru, ġeneralment waqt il-Purċissjoni bis-Sagrament, huma monument ħaj tal-interess kbir li Marija għandha fina l-bnedmin mifdijin bid-Demm ta’ Binha. Mill-1992, il-Papa Ġwann Pawlu II iddikjara l-11 ta’ Frar Jum Internazzjonali tal-Morda.

Ħsieb: Dan diskors li qal il-Qaddis Papa Ġwann Pawlu II – Vatikan 13 ta’ Mejju, 1992:

“Flimkien ma’ Marija Omm Kristu, li kienet ħdejn is-Salib, ejjew aħna nieqfu quddiem is-slaleb tal-bnedmin illum. Hekk Lourdes huwa wieħed mill-akbar santwarji Marjani maħbuba mill-Insara, huwa l-post u fl-istess ħin is-simbolu tat-tama u grazzja, bħala sinjal ta’ aċċettazzjoni tat-tbatija offruta għas-salvazzjoni.

Bħalissa Alla qed jippermetti li jien ukoll ikolli nsofri t-tbatija u d-dgħjufija tiegħi nnifsi. Dan jagħmilni aktar qrib tagħkom, jgħinni nifhem aħjar dak li għaddejjin minnu intom. Jiena nistedinkom biex flimkien miegħi toffru t-tbatijiet tagħkom lill-Mulej, li bis-salib tiegħu wettaq ħwejjeġ kbar; noffru dan biex bl-Ewkaristija, il-Knisja kollha tgħaddi minn tiġdid tal-fidi u l-karità; biex id-dinja kollha tagħraf il-benefiċċju tal-maħfra, il-paċi u l-imħabba.”

  • Imma x’tip ta’ qima tistenna mingħandna din l-Omm tagħna tas-Sema?
  • Mhux li nersqu lejn Binha, nindmu minn dnubietna u nirċievu s-Sagramenti tal-Qrar u t-Tqarbin b’mod frekwenti?
  • Mhux li nimitaw il-virtujiet tagħha, b’mod speċjali dik tal-umiltà u d-dispożizzjoni tagħha li tisma’ l-Kelma t’Alla u twettaqha?
  • Mhux li ngħixu ħajja ta’ talb bħalha u ningħaqdu magħha fit-talba tant għal qalbha tar-Rużarju?

Jekk tixtieq tkun taf kif tista’ tħejji ruħek biex tgħix hekk tassew, nistiednek iżżur is-sit Malti, li fih it-Trattat ta’ San Alwiġi De Montfort fuq id-Devozzjoni vera lejn Marija u kif wieħed jista’ jagħmel l-att ta’ konsagrazzjoni u l-benefiċċji tagħha, Talb, l-Uffiċċju tal-Madonna, Vidjos u ħafna aktar … Tista’ tmur għalih billi tagħfas fuq din il-link: https://devozzjonilejnmarija.wordpress.com/

Tista’ tara wkoll:
Tagħrif dwar it-Tnissil Bla Tebgħa tal-Verġni Mqaddsa
Kurunella tal-Madonna tal-Lourdes
Rużarju bl-għajnuna ta’ vidjos
Grupp fuq Facebook bl-isem: ‘Devozzjoni vera lejn il-Verġni Marija’.

Talba: O Verġni, Immakulata, Omm tal-ħniena, saħħa tal-morda, refuġju tal-midinbin, konsolatriċi tal-imnikktin, inti tagħraf il-bżonnijiet tiegħi, it-tbatijiet tiegħi, ixħet fuqi l-ħarsa ħanina tiegħek. Bid-dehra tiegħek fil-grotta ta’ Lourdes, inti ridt li hija ssir lok magħżul mnejn ixxerred il-grazzji tiegħek, u diġà bosta msejknin sabu r-rimedju tal-mard tagħhom fir-ruħ u l-ġisem. Niġi jiena wkoll mimli bit-tama sabiex nitolbok il-grazzji tiegħek ta’ omm: isma’, omm ħanina, it-talb umli tiegħi, sabiex mimli bil-benefiċċji tiegħek, nagħmel kemm nista’ biex nimità l-virtù tiegħek, biex ġurnata jkolli sehem fil-glorja tiegħek tas-sema. Hekk ikun. Omm tagħna ta’ Lourdes, itlob għalina. Santa Bernardetta itlob għalina.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/our-lady-of-lourdes/

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/our-lady-of-lourdes-144

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Our_Lady_of_Lourdes

On old film entitles ‘The Song of Bernadette’:

Nota: It-Tagħrif dwar din il-Festa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started