1 ta’ Awwissu: San Alfons Marija De Liguori

Verżjoni Vidjo: San Alfons Marija De Liguori

“Il-Mulej jaqtagħalhom xewqithom lil dawk li jibżgħu minnu, jisma’ l-għajta tagħhom, u jsalvahom. Iħares il-Mulej lil ħbiebu kollha. Kull min hu mwieled minn Alla ma jagħmilx dnub, għax iż-żerriegħa ta’ Alla tibqa’ fih.” – Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Alfons Marija De Liguori (Salm 144(145):19-20; 1 Ġwanni 3:9).

santo-afonso-1.jpg

SAN ALFONS MARIJA DE LIGUORI
Isqof u Duttur tal-Knisja
1696 – 1787

Tagħrif: San Alfons twieled f’Marianella, qrib Napli, l-Italja, fil-21 ta’ Settembru, 1696. Kien student intelliġenti ħafna, tant li fl-1713, fl-età ta’ 16-il sena kien ġa kiseb id-dottorat fil-liġi ċivili u fil-liġi kanonika, b’dispensa ta’ erba’ snin qabel iż-żmien, mill-Università ta’ Napli.

Sentejn wara beda jipprattika ta’ avukat, iżda wara tmien snin meta kien ġa akkwista fama kbira, u kellu quddiemu futur brillanti, tilef kawża importanti ħafna. Din kienet daqqa ta’ ħarta kbira għalih, u għallmitu x’kienet taf tagħti d-dinja. Hu stess qal: “Ja dinja, issa għaraftek. U intom ja qrati, qatt mhu ser tarawni aktar hawn ġew.”

Wara xi xahar iddeċieda li jħalli l-professjoni tiegħu u jidħol patri. Fil-fatt ma damx ma beda jistudja t-teoloġija mal-patrijiet Lazzaristi. Dan ġara fl-1723. Fl-1726 ordna saċerdot, u ntefa’ b’ruħu u b’ġismu jipprietka u jqarar.

Fl-1731, hu mar Scala, u bil-għajnuna tal-Isqof tal-post u ta’ saċerdot ieħor waqqaf l-Ordni tas-Sorijiet Redentoristi. Sena wara, fi Scala wkoll, waqqaf il-Patrijiet Redentoristi, bil-għan prinċipali li jiddedikaw ruħhom għall-prietki, jagħtu l-irtiri, jagħmlu l-missjonijiet u attivitajiet spiritwali oħra. Fl-1743, San Alfons kien elett Superjur Ġenerali, u fl-1749 il-Papa Benedittu XIV għaraf uffiċjalment l-Ordni.

Fl-1762, meta San Alfons kellu 65 sena, il-Papa Klement XIII ħatru Isqof ta’ Santa Agata dei Goti. Tlettax-il sena wara rriżenja minħabba saħħtu, ħalla d-djoċesi u mar jgħix f’Noċera f’wieħed mill-kunventi ta’ l-Ordni tiegħu.

Sfortunatament, ir-Redentoristi kellhom ħafna nkwiet intern. Fl-1780, qarrqu bih, u ffirma dokument li qasam l-Ordni tiegħu f’żewġ gruppi. Meta sama’ x’kien għamel iddispjaċih ħafna. Iżda erba’ snin biss wara mewtu, iż-żewġ gruppi reġgħu ngħaqdu.

San Alfons miet f’Noċera, fl-1 ta’ Awwissu 1787, ta’ 91 sena. L-iktar kotba magħrufin tiegħu huma “It-Teoloġija Morali,” “Il-Glorji ta’ Marija,” u “Il-Visti lil Ġesù Sagramentat.” Fl-1839, il-Papa Girgor XVI ikkanonizzah, u l-Papa Piju IX iddikjarah Duttur tal-Knisja fl-1871.

Aktar dettali
San Alfons kien iben ta’ kaptan tax-xwieni rjali. Meta kien qed jagħti rtir f’kunvent tas-sorijiet fi Scala, iltaqa’ ma’ Swor Marija Celeste u għarrfitu b’viżjoni li kellha dwar twaqqif ta’ ordni reliġjuża ġdida – u li kienet taqbel ma’ viżjoni oħra li l-Isqof Falcoia kellu aktar qabel f’Ruma. Il-qaddis għaraf li l-viżjoni kienet ġenwina. Alfons għalhekk, sena wara (fl-1731), organizza l-kunvent tas-sorijiet skont ir-regola li Swor Celeste kellha fil-viżjoni, u twaqqfet il-kongregazzjoni tas-sorijiet tas-Santissimu Redentur.

Hu mar joqgħod fi Scala fejn hemm ta bidu għat-twaqqif tal-fergħa tal-irġiel tal-Kongregazzjoni tas-Santissimu Redentur, imsejħin Redentoristi. Dawn huma ddedikati biex jipprietkaw missjonijiet speċjalment fi nħawi traskurati. L-ordni tar-Redentoristi kibret u fl-1743, il-Kunsill Ġenerali għażel lil Alfons bħala superjur.

Matul il-biċċa l-kbira tal-91 sena ta’ ħajtu, San Alfons kellu vot li ma jaħlix mument żmien. Barra li pprietka kemm felaħ missjonijiet fil-kampanja u fl-irħula, iddedika ruħu għall-kitba. Irrifjuta li jsir Isqof ta’ Palermo, imma fl-1762 kien imġiegħel jaċċetta li jsir Isqof ta’ Sant’Agata dei Goti ħdejn Napli.

Huwa inawgura programm maħsub biex jirriforma l-kleru, il-monasteri, u d-djoċesi kollha kemm huma, u ħabrek biex itaffi l-kundizzjonijiet tal-fqar u tal-injoranza.

Marid u batut bir-rewmatiżmu, li ħallieh ipparalizzat sakemm miet, huwa rriżenja minn isqof fl-1775 (wara li kien ilu 13-il sena) u rtira f’Noċera. Fl-aħħar snin ta’ ħajtu, meta naqaslu ħafna d-dawl ta’ għajnejh, sofra ħafna minħabba l-ordni tiegħu. Fl-aħħar ftit snin ta’ ħajtu sofra wkoll minn dipressjoni kbira spiritwali u għadda minn dak li hu msejjaħ il-lejl mudlam tar-ruħ. Imma mbagħad dan l-istat inbidel fi żmien ta’ paċi u dawl mis-sema, u esperjenza viżjonjiet, estasijiet u anki pprofetizza ġrajjiet li seħħew wara.

Ħsieb: Qari mill-Opri tal-Isqof San Alfons Marija de’ Liguori bit-titlu ‘L-imħabba ta’ Kristu’:

“Il-qdusija u l-perfezzjoni spiritwali tinsab kollha fl-imħabba lejn Ġesù Kristu, Alla tagħna, li hu l-aqwa ġid u l-Feddej tagħna. L-imħabba hi dik li tgħaqqad flimkien u tħares il-virtujiet kollha li jagħmlu lill-bniedem perfett.

Forsi Alla ma jistħoqqlux l-imħabba kollha tagħna? Hu ħabbna sa minn dejjem. Huwa jgħidilna: ‘Ġib quddiem għajnejk, ja bniedem, li jien ħabbejtek l-ewwel. Kont għadek ma rajtx id-dawl, id-dinja kienet għadha ma saritx, imma jien kont ġa ħabbejtek. Ili nħobbok minn kemm ili neżisti.’

Alla jaf li l-bniedem jinġibed lejn min jagħmillu l-ġid, u għalhekk ried jagħtih id-doni tiegħu biex iħajru jintrabat miegħu bl-imħabba: “Irrid naqbad lill-bnedmin għal imħabbti bl-istess xbiek li huma stess iħallu ‘l min jaqbadhom: bix-xbiek tal-imħabba.”

Kien għalhekk li hu ta dawk id-doni kollha lill-bniedem. Tah ir-ruħ, u żejjinhielu bil-memorja u d-dehen u r-rieda biex ikun jixbah lilu; tah il-ġisem mogħni bis-sensi; u ħalaq għalih is-smewwiet u l-art bit-tiżjin kollu tagħhom. Dan kollu għamlu għall-imħabba tal-bniedem, biex il-ħlejjaq kollha jaqdu lill-bniedem, u l-bniedem iħobb lil Alla biex iroddlu ħajr għal dan il-ġid kollu.

U mhux biss ried jagħtina dawn il-ħlejjaq sbieħ, imma, biex nagħtuh imħabbitna, wasal ukoll li jagħtina lilu nnifsu kollu kemm hu. Huwa tana lil Ibnu l-waħdieni: sa hawn wasal il-Missier etern! Huwa rana lkoll mejtin minħabba dnubietna, rana nieqsa mill-grazzja tiegħu; x’għamel? L-imħabba bla tarf li għandu għalina ġagħlitu jibgħtilna lil Ibnu l-għażiż, biex iħallas għalina u jroddilna l-ħajja li tlifna bid-dnub.

Biex jeħles lilna, anqas lil Ibnu stess ma ħelisha, imma tah għalina, u flimkien miegħu tana kull ġid, jiġifieri, il-grazzja, l-imħabba u l-ġenna, ġid li żgur huwa inqas minn Ibnu: Hu, li anqas lil Ibnu stess ma ħelisha, imma tah għalina lkoll, kif ma jagħtiniex ukoll kollox miegħu?”

“Din hi l-paċi li tibqa’ għal dejjem, li fl-esperjenza tal-qaddisin, tegħleb kull għerf. Tgħaddi kull pjaċir li jegħleb kull sodisfazzjon mis-sensi, minn laqgħat soċjali, xalati u pjaċiri oħra tad-dinja; huma kemm huma fiergħa u qarrieqa, isaħħru s-sensi għal dak il-mument, imma ma jagħtux il-ferħ dejjiemi; minflok iweġġgħu lill-bniedem fil-qiegħ ta’ ruħu fejn tassew jinsab il-veru paċi.” ~ San Alfons Marija de Liguori

Meta San Alfons induna li kien ittradut, beka bil-kbir. Ipprova bil-kwiet u bl-ordni jirranġa l-iżball għalkemm ma rnexxilux, iżda qatt ma tilef il-paċi ta’ qalbu. Ġesù wkoll kien ittradut b’bewsa!

  • Jekk qatt xi ħadd jidħak bik (jingannak, jittradik, iqarraq bik, issirlek xi inġustizzja) x’ser tagħmel malli tintebaħ b’dak li jkun ġralek?
  • Ser tnissel fik mibegħda, ser tpatti u tivvendika ruħek?

Talba: O Alla, int dejjem ixxettel fil-Knisja tiegħek eżempji ġodda tal-virtù; agħtina li, fil-ħidma għall-erwieħ, ikollna l-ħerqa tal-Isqof San Alfons Marija de’ Liguori, biex miegħu nissieħbu fil-premju tas-sema. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-alphonsus-liguori/

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-alphonsus-liguori-550

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Alphonsus_Liguori

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started