8 ta’ Settembru: It-Twelid tal-Verġni Mqaddsa Marija

Verżjoni Vidjo: It-Twelid tal-Verġni Mqaddsa Marija

“Niċċelebraw it-Twelid tal-Verġni Marija: naduraw lil Kristu Sidna, Binha.” Antifona tad-dħul fil-Liturġija tas-Sigħat

annjoachimmaryIT-TWELID TAL-VERĠNI MQADDSA MARIJA

Tagħrif: Ma nafux sewwa fejn u meta twieldet il-Madonna. Skont tradizzjoni antika twieldet f’Nazaret.

Flimkien mat-twelid ta’ Ġesù u mat-twelid ta’ San Ġwann il-Battista, it-twelid tal-Verġni Mqaddsa Marija, ilu jiġi ċċelebrat fil-Knisja sa mill-ewwel żminijiet tagħha. Żgur li din il-festa kienet ġa bdiet tiġi ċċelebrata fis-sitt seklu. Imbagħad, kif nafu fiż-żgur, il-Papa San Serġju I (687-701) kien ordna li jinżammu erba’ festi tal-Madonna: It-Tħabbira, it-Tlugħ fis-sema, it-Twelid, u l-Purifikazzjoni.

Id-data tat-8 ta’ Settembru, intgħażlet għaliex dakinhar kienet ġiet iddedikata knisja lill-Verġni Marija f’Ġerusalemm qrib il-menqgħa ta’ Beteżda.

F’Malta, fis-sena 1275, ġa kien hemm knisja dedikata lit-Twelid tal-Verġni Marija (magħrufa bħala l-Bambina), iżda kien l-Assedju l-Kbir li għamel il-festa tat-Twelid tal-Verġni Marija waħda mill-ikbar festi tal-Madonna f’dawn il-Gżejjer, u nistgħu ngħidu li għadha hekk sal-lum.

ĦsiebIl-festa tal-Bambina tfakkarna fit-Twelid ta’ Marija, Omm Ġesù.  Kien ma’ dan it-twelid tal-Bambina li beda l-proċess biex Alla jerġa’ jinżel fil-ġnien tal-umanità biex jimxi pass pass mal-bniedem. Alla għażel li jerġa’ jkun ħabib tal-bniedem kif inhu u mhux kif suppost ikun.

Għax hija Omm Kristu, Marija Bambina hija Omm il-bnedmin kollha. Huwa għalhekk li qatt ma nstema’ li xi ħadd resaq għandha u t-talb tiegħu ma kienx mismugħ. Għalhekk, aħna nafu li jekk nafdaw il-qalb tagħna f’idejn il-Madonna, hi tagħmilha sabiħa u tagħmilha tixbah lil dik ta’ Ġesù. U l-Qalb ta’ Ġesù kif inhi? X’qal?

“Ejjew għandi intom l-imħabbtin u l-imtaqqlin u jiena nserraħkom. Tgħallmu minni għax jien ta’ qalb ħelwa u umli.” (Mt 11, 28-29).

Mela min irid jimxi wara Ġesù, irid jafda qalbu f’idejn il-Madonna li l-ħlewwa u t-tjubija tagħha jisirqulna qalbna. Għalhekk ejjew nitolbuha ‘int li sraqtli qalbi, agħmilhieli bħal ta’ Ġesù, agħmel li qalbi tkun qalb ħelwa’ – mhux biz-zokkor – ‘qalb ħelwa’ għax taf tħenn u taf taħfer. Kuljum ikollna okkażjoni naħfru, kuljum.

Jekk mifxul minħabba l-għira, minħabba l-mibegħda, minħabba l-kalunnja, ħares lejn il-Madonna u għidilha: ‘inti sraqtli qalbi, agħmilhieli bħal ta’ Ġesù, qalb ħelwa, qalb li tħenn, qalb li taħfer’. Qalb umli, mhux supperva, mhux li tirrabja u tieħu għaliha għal kull ħaġa ta’ xejn.

X’ngħidulha l-Madonna fis-‘Salve Regina’? “Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu f’dan il-wied tad-dmugħ. Ejja mela, avukata tagħna; dawwar lejna dawk l-għajnejn tiegħek tal-ħniena. Urina, wara dan it-turufnament, lil Ġesù,” Il-ħarsa ta’ Marija hija ħarsa ta’ ħniena.

Ġesù qalilna: “Min jemmen fija, minnu joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj.” (Ġwanni 7:38) Il-Madonna emmnet f’Ġesù? U żgur li emmnet. X’qaltilha Eliżabetta meta laqgħatha f’darha f’Ein Karem? “Imbierka dik li emmnet.” (Luqa 1:45). Mela anke mill-Madonna li emmnet, joħorġu minnha xmajjar ta’ ilma ħaj, għax dik hija l-kelma ta’ Binha Ġesù. Wara kollox, meta semgħet dawk il-kliem ta’ Eliżabetta, Ġesù kien fi ħdanha, fil-ġuf imqaddes tagħha.

Il-Madonna, l-għarusa tal-Ispirtu s-Santu għaliex fil-ġuf tagħha l-Ispirtu s-Santu opra t-tnissil ta’ Ġesù, hija mimlija b’dan l-Ispirtu. Hi tagħtihulna bħal “xmajjar ta’ ilma ħaj” u għalhekk meta aħna nħossuna taħt il-madmad tan-nixfa tad-dnub, tad-deżert, tal-mibegħda li jaf idawwarna, aħna ma naqtgħux qalbna, induru lejn il-Madonna, dik li emmnet u li minnha joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj u aħna ngħidulha: ‘aħna wkoll irċevejna l-Ispirtu qaddis tal-Mulej fil-Griżma tal-Isqof, agħtina li minna wkoll joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj u li jwasslu l-paċi, il-ħlewwa, l-umiltà, l-għaqda, ir-rikonċiljazzjoni, il-kelma ta’ għerf, il-kelma ta’ kuraġġ.

San Pawl Missierna jgħidilna: “intom il-fwieħa ta’ Kristu,” mhux l-intiena tax-xitan, intom il-fwieħa ta’ Kristu. Mela jekk in-nisrani huwa l-fwieħa ta’ Kristu bl-umiltà tiegħu, bis-sabar tiegħu, bil-fedeltà tagħha, kemm iżjed u iżjed il-Madonna timla’ l-qlub tagħna u l-Knisja, il-poplu t’Alla, bil-fwieħa sabiħa ta’ Ġesù rxoxt. Nitolbuha lil Ommna Sidtna Marija, il-Bambina, biex hi li tisraqilna qalbna bil-ġmiel u l-fwieħa tagħha, tgħinna biex qalbna tkun tassew bħal ta’ Ġesù biex aħna nkunu l-fwieħa ta’ Ġesù.

Ejjew ma ninsewx ukoll li l-aktar talba li tagħti unur lill-Madonna u dik li hi tkun qed tistenniena nitolbu bil-ħerqa, tibqa’ dejjem it-talba għażiża tar-Rużarju. Tassew li kulħadd jafu dan, imma kulħadd jitolbu? Bħala għajnuna biex wieħed jitlob ir-Rużarju, tistgħu tidħlu fil-Youtube Channel bl-isem ta’ Rużarji u Devozzjonijiet bil-Malti. Fih issibu ġabra ta’ vidjos kollha fuq ir-Rużarju. Ara din il-link: https://devozzjonilejnmarija.wordpress.com/youtube/

Talba: Verġni Omm Alla, it-Twelid tiegħek ħabbar il-ferħ lid-dinja kollha: għax minnek tnisslet ix-Xemx tal-ġustizzja, Kristu Alla tagħna, li neħħa s-saħta minn fuqna u xerred il-barka, qered il-mewt u tana l-ħajja ta’ dejjem. Ammen. (Antifona tal-Kantiku ta’ Zakkarija)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.thoughtco.com/nativity-of-the-blessed-virgin-mary-542466

Alternative reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/nativity-of-the-blessed-virgin-mary/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Nativity_of_Mary

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar il-festa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u l-ħsieb huwa addattat minn omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna bi preparazzjoni għall-festa ta’ Marija Bambina 2016, in-Naxxar.

Design a site like this with WordPress.com
Get started