22 ta’ Lulju: Santa Marija Maddalena

Verżjoni Vidjo: Santa Marija Maddalena

“Marija ta’ Magdala telqet minn ħdejn il-qabar tal-Mulej u marret għand id-dixxipli tagħtihom l-aħbar: ‘Rajt il-Mulej.’ Hienja din il-mara li stħaqqilha tkun l-ewwel waħda li wasslet l-aħbar tal-qawmien ġdid għall-ħajja. Damet tibki u tfittex lill-maħbub tagħha, sakemm ratu u marret tagħti l-aħbar.” – Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ Santa Marija Maddalena.

image-20160325-17824-igq7z7

SANTA MARIJA MADDALENA
L-Ewwel Seklu

Tagħrif: L-Evanġelisti jsibu lil Santa Maddalena bħala “Marija ta’ Magdala”, jiġifieri kienet tgħammar fir-raħal ta’ Magdala, bil-Lhudi Migdal, fil-Galilija.

Kull ma nafu dwarha nafuh mill-Vanġelu li jpinġilna l-karattru tagħha b’mod li jolqotna ħafna – mara li tant ħabbet lil Ġesù.

San Mark (16:9) u San Luqa (8:2) jgħidulna li Ġesù keċċa seba’ xjaten minnha. Il-kotra tal-istudjużi jżommu li mhix l-istess mara li kienet midinba fil-belt u nxteħtet f’riġlejn Ġesù biex tidlikhomlu bil-balzmu u tixxuttahomlu b’xagħarha; u lanqas ma kienet dik Marija oħt Lazzru.

Meta Ġesù kien qed imut fuq is-salib, fil-Ġimgħa l-Kbira, hi kienet hemm taħt is-salib, flimkien mal-Madonna u ma’ xi dixxipli, u għenet fid-difna tal-ġisem mejjet ta’ Ġesù.

F’Ħadd il-Għid filgħodu kmieni reġgħet marret ħdejn il-qabar u nħasdet bil-kbir meta sabitu miftuħ u ma ratx il-ġisem ta’ Ġesù ġo fih. Hi bdiet tibki. X’ħin ħarset fil-qabar, rat żewġ anġli libsin l-abjad bilqiegħda, wieħed in-naħa tar-ras u l-ieħor in-naħa tar-riġlejn fejn kien imqiegħed il-ġisem ta’ Ġesù. Qalulha: “Mara, x’int tibki?” Qaltilhom: “Għax ħadu lil Sidi, u ma nafx fejn qegħduh.” Kif qalet hekk, daret lura u rat lil Ġesù wieqaf, iżda m’għarfitux. Ġesù qalilha: “Mara, għaliex qiegħda tibki? Lil min qiegħda tfittex?” Hi ħasbitu l-ġardinar u qaltlu: “Ja Sidi, jekk ħadtu int minn hawn, għidli fejn qegħedtu, biex nieħdu.” Ġesù sejħilha: “Marjam!” Hekk kif Ġesù lissen isimha, għarfitu mill-ewwel, daret u qaltlu bil-Lhudi b’ħafna mħabba: “Rabbuni!” jiġifieri ‘Mgħallem.’ Ġesù qalilha: “La tmissnix, għax għadni ma tlajtx għand il-Missier, imma mur għid lil ħuti li jien sa nitla’ għand Missieri u Missierkom, Alla tiegħi u Alla tagħkom.” (ara Ġwanni 20:11-18)

B’dan il-kliem Ġesù ried bħal speċi jgħidilha: “Minn issa ’l quddiem mintix ser tarani bl-għajnejn tal-ġisem, mintix ser tmissni bl-idejn tal-ġisem, u lanqas minti ser tismagħni bil-widnejn tal-ġisem, imma ser tarani, ser tmissni u ser tismagħni bil-Fidi. Ma ser inkun qatt ’il bogħod minnek. Ser inkun kontinwament u għal dejjem f’qalbek.”

Il-Qaddisa marret tiġri tgħid lid-dixxipli u lil kulħadd: “Rajt il-Mulej!”

Probabilment mietet f’Efesu. Id-devozzjoni lejn Marija Maddalena xterdet għall-ħabta tas-seklu XII. F’Malta għandna knejjes tagħha fil-Belt Valletta, fil-Madliena u f’Ħad-Dingli.

Ħsieb: Qari mill-Omiliji tal-Papa San Girgor il-kbir fuq l-Evanġelji bit-titlu ‘Tħeġġet bl-imħabba’:

“Marija Maddalena marret ħdejn il-qabar, iżda l-ġisem tal-Mulej ma sabitux hemm. Ħasbet li ġie xi ħadd u ħadu, u marret tgħid lid-dixxipli. Dawn marru wkoll, ħarsu, u ħasbu li ġara kif qaltilhom il-mara. Imbagħad, kif tgħidilna l-Iskrittura, id-dixxipli reġgħu marru d-dar, filwaqt li Marija baqgħet ‘il barra mill-qabar, tibki.

Araw x’ħeġġa qawwija ta’ mħabba kellha f’qalbha din il-mara! Saħansitra d-dixxipli telqu minn ħdejn il-qabar, imma hi le! Lill-Mulej ma sabitux, imma baqgħet tfittxu, fittxitu bid-dmugħ f’għajnejha, u, fil-ħeġġa ta’ mħabba kbira, tkebbset bix-xewqa ta’ dak li ħasbitu ttieħed minn hemm. Għalhekk ġara mbagħad li hi weħidha ratu, għax hi biss baqgħet tfittxu. Għax il-bniedem juri kemm hu qawwi fl-għemil it-tajjeb jekk jibqa’ sħiħ sa l-aħħar; u dak li hu l-Verità qalilna: ‘Min jibqa’ sħiħ sal-aħħar, dan isalva.’

Jiġifieri, bdiet biex fittxitu, imma ma sabitux; baqgħet tfittxu, sa fl-aħħar sabitu. Aktar ma damet tixtieq, aktar tħeġġet fix-xewqa tagħha, u baqgħet titħeġġeġ dejjem iżjed sakemm fl-aħħar sabet dak li xtaqet. Għax ix-xewqat qaddisa jibqgħu jikbru sa ma jseħħu. U jekk wieħed jaqta’ qalbu mid-dewmien u ma jibqax jixtieq, dan ifisser li wieħed mhux tassew ikun xtaq. Din hi l-imħabba li tkebbset fil-qalb ta’ kull min seħħlu jikseb il-verità. Għalhekk qal David: ‘Ruħi għatxana għal Alla, għal Alla l-ħaj: meta niġi u nara wiċċ Alla?’ Għalhekk ukoll il-Knisja fl-Għanja ta’ l-Għanjiet tgħid: ‘Qalbi mifnija bl-imħabba.’

‘Mara, għalfejn qiegħda tibki? Lil min qiegħda tfittex?’ Staqsieha għaliex kienet imnikkta, biex iħeġġilha x-xewqa; riedha ssemmi li min kienet qiegħda tfittex, biex l-istess isem iqawwilha l-ħeġġa tal-imħabba.

Ġesù weġibha: ‘Marija!’ L-ewwel sejħilha bl-isem komuni ta’ mara, u ma għarfitux, u mbagħad sejħilha b’isimha proprju. Bħallikieku qalilha: ‘Agħraf lil dak li għarfek. Lilek nafek, mhux b’mod ġenerali kif naf lill-oħrajn, iżda b’mod partikolari.’ Marija, mela, għax sejħilha b’isimha, għarfitu, u minnufih daret u qaltlu: ‘Rabbuni’: jiġifieri, Mgħallem. Għax dak li hija fittxitu barra, kien dak stess li għallimha tfittxu ġewwa fiha.”

Minkejja kull studju xjentifiku, il-Maddalena tibqa’ l-mudell l-aktar għażiż tal-penitenti. Mill-eżempju ta’ dak li għamlet biex taħrab il-ħajja tad-dnub u tfittex lill-Mulej, għandna nitgħallmu li meta r-ruħ tfittex sewwa, issib dak li tfittex u tikseb dak li tixtieq. Santu Wistin jgħidilna li “l-penitenza hi fiergħa jekk intebbgħuha bi dnubiet ġodda; xejn ma jiswa’ li titlob il-maħfra tad-dnubiet imgħoddija, jekk tissokta tidneb mill-ġdid.” 

Talba: O Alla, Ibnek il-waħdieni għażel lil Santa Marija Maddalena qabel kulħadd biex ixxandar il-ferħ tal-Għid; agħmel li bħalha nħabbru li Kristu hu ħaj, u, bit-talb tagħha, agħtina li narawh fil-glorja tas-saltna tiegħu. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-mary-magdalene-309

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-mary-magdalene/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Mary_Magdalene

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started