11 ta’ Marzu: San Sofronju

Verżjoni Vidjo: San Sofronju

“Aħna nistqarru li Kristu, il-Verb ta’ Alla magħmul bniedem, hu dejjem veru Iben Alla u hu dejjem veru Bin il-bniedem”. ~ Minn Ittra tal-Papa San Ljun il-Kbir

ib372SAN SOFRONJU
Patrijarka ta’ Ġerusalemm
?560 – 638

Tagħrif: Twieled fil-belt ta’ Damasku (is-Sirja) madwar is-sena 560. Wara li studja u għallem għal xi żmien ir-rettorika mar jgħammar fl-ermitaġġ ta’ San Teodosju ħdejn Ġerusalemm. Għal bosta snin, taħt it-tmexxija ta’ San Ġwann Mosku u miegħu, żar is-santwarji u l-monasteri tal-Palestina, tas-Sinaj u tal-Eġittu, fejn sar ħabib taż-żewġ patrijarki ta’ Lixandra, Ewloġju u San Ġwann l-Elemożinier. San Sofronju kiteb il-ħajja ta’ San Ġwann l-Elemożnier ma’ Mosku.

Mar ukoll Ruma ma’ Mosku, u meta dan miet hemm fis-sena 619, ħa ġismu lura lejn il-Palestina u difnu fil-monasteru ta’ San Teodosju.

Kellu sehem kbir fil-lotta kontra l-ereżija tal-Monoteliti, li kienu jgħidu li Kristu kellu rieda waħda biss, ir-rieda tan-natura divina u mhux ukoll dik ta’ bniedem. Fuq din il-kwistjoni kellu kontroversja sew mal-patrijarka Ċiru ta’ Lixandra, u anki ma’ Serġju ta’ Kostantinopoli. Kiteb ukoll trattat kbir kontra din l-ereżija, issa mitluf, fejn ġabar 600 test tas-Santi Padri dwar iż-żewġ ridiet ta’ Kristu.

Għandna tiegħu għaxar omeliji fuq bosta festi tas-sena, magħrufa għall-kontenut dommatiku u għall-istil rettoriku tagħhom. Kiteb ukoll il-ħajja ta’ San Ċiru u ta’ San Ġwann, żewġ martri Lixandrini talli kienu ħelsuh mill-mard tal-għajnejn, u l-ħajja ta’ Santa Marija mill-Eġittu.

Ġie magħżul patrijarka ta’ Ġerusalemm fis-sena 634. Minnufih laqqa’ konċilju biex jikkundanna l-ereżija tal-Monoteliti, u bagħat l-ittra sinodali mwettqa mis-sitt konċilju ġenerali, lill-Papa Onorju, biex ifakkru li s-skiet fuq din il-kwistjoni kien x’aktarx ta’ dannu aktar milli ta’ ġid.

Waqt il-patrijarkat tiegħu kellu jsofri l-waqgħa ta’ Ġerusalemm taħt l-Għarab. Waqt l-assedju tal-belt qaddisa ħa sehem bil-qlubija tiegħu fid-difiża, u mbagħad irranġa l-waqgħa tal-belt mal-kaliffu Omar (636), fejn kiseb il-libertajiet ċivili u reliġjużi lill-Insara bi ħlas ta’ taxxa.

Miet x’aktarx fil-11 ta’ Marzu, 638.

Ħsieb: Qari mid-Diskorsi tal-isqof San Sofronju bit-titlu ‘Nilqgħu d-dawl dejjem jiddi’:

“Ġie Dak li hu id-dawl tassew, li jdawwal kull bniedem li jiġi fid-dinja. Mela niddawwlu lkoll, ħuti; ħa niddu lkoll.

Ħadd minna ma għandu jibqa’ mingħajr din id-dija, ħadd ma għandu joqgħod mistur fid-dalma tal-lejl; imma noħorġu kollna niddu, immorru mdawla lkoll flimkien u b’ruħna ferħana nkantaw innijiet ta’ radd il-ħajr lil Missier id-dawl, li bagħtilna d-dawl veru biex ikeċċi d-dlam minna u jdawwalna lkoll.

Permezz tiegħu aħna wkoll rajna s-salvazzjoni ta’ Alla, li l-Missier ħejja għall-popli kollha u wrihielna għall-glorja tagħna, Iżrael il-ġdid.

Aħna wkoll, bil-fidi tagħna, ħaddanna lil Kristu li ġie għandna minn Betlehem. Hu, is-Salvatur mibgħut lilna minn Alla l-Missier, sejħilna minn fost il-ġnus u għamilna l-poplu ta’ Alla; u aħna rajna b’għajnejna lil Alla magħmul bniedem, rajna lil Alla magħna u lqajnieh fid-dirgħajn ta’ ruħna. U għalhekk aħna, niċċelebraw din il-preżenza ta’ Alla fostna u ma ninsewha qatt”.

  • U int, ilqajt lil Kristu li Hu l-veru Dawl li jdawwal id-dlamijiet ta’ din id-dinja u tal-ħajja tiegħek?
  • Tmur għandu, li Hu tassew Alla setgħani u tassew bniedem li jagħder, b’kunfidenza u b’qima?
  • Tagħmel ħiltek kollha, biex bħal San Sofronju tiddefendi l-fidi nisranija tiegħek kontra l-ereżiji ta’ żminijietna?

Talba: O Alla, permezz ta’ San Sofronju, Int dawwalt lill-poplu tiegħeK bit-tagħlim veru fost il-ħafna opinjonijiet u stqarrijiet foloz, agħtina li bit-talb tiegħu, aħna wkoll niddefendu t-Tagħlim u l-Valuri nsara li qed jiġu mhedda bil-kbir fi żminijietna. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-sophronius-718

Alternative Reading: http://saintsresource.com/sophronius-of-jerusalem

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Sophronius_of_Jerusalem

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started