14 ta’ Ġunju: San Metodju

Verżjoni Vidjo: San Metodju

“Urini l-ikoni li inti tqim, biex jien nista’ nifhem il-fidi tiegħek.” – San Ġwann Damaxxenu

40705166_1236496776_p_023.jpgSAN METODJU
Raħeb
† 847

Tagħrif: Dan il-qaddis kien l-ewwel wieħed biex jiċċelebra l-festa tal-Ortodossija, solennità miżmuma fil-liturġija biżantina fl-ewwel Ħadd tar-Randan, biex iġib ’il quddiem il-qima lejn ix-xbihat imqaddsa (ikoni) ta’ Kristu u tal-qaddisin.

It-tieni konċilju ta’ Niċea (787) kien iddistingwa b’mod ċar bejn il-qima lejn ix-xbihat u l-vera adorazzjoni riservata biss lil Alla. Il-konċilju ddefenda l-prattika li jinxtegħlu xemgħa u li jinħaraq l-inċens quddiem l-ikoni tal-qaddisin, u għamilha ċara li l-unur mogħti lix-xbiha hi fil-fatt realment mogħtija lill-persunaġġ li hija tirrappreżenta.

San Metodju twieled fi Sqallija, imma meta kien żagħżugħ mar Kostantinopli jfittex impjieg fil-qorti imperjali. Iżda raħeb ipperswadieh biex jagħżel il-ħajja monastika, u daħal fil-monasteru ta’ Chenolakhos.

Kien iżomm mal-isqof San Niċeforu matul it-tieni persekuzzjoni mqajma minn dawk li kienu kontra l-qima tax-xbihat (imsejħin ikonoklasti). Huwa għalhekk kellu jgħaddi 7 snin bi ftit ikel f’ħabs maħmuġ. Lill-imperatur Teofilu li kien iżomm mal-Ikonoklasti, qallu: “Ġa ladarba xbiha hija hekk bla valur quddiem għajnejk, kif inhi li, waqt li inti tikkundanna x-xbiha ta’ Kristu, inti wkoll ma tikkundannax il-qima li tingħata lix-xbihat tiegħek? Minflok, inti kontinwament tħabrek li jsiru aktar minnhom.”

Metodju sar patrijarka ta’ Kostantinopli sal-mewt tal-aħħar ikonoklasta, imma ma tantx dam f’dil-kariga għax miet erba’ snin wara bil-marda tal-idropsija, fl-14 ta’ Jannar, 847. Kiteb ħafna, u speċjalment dwar ħajjiet ta’ diversi qaddisin tal-ewwel żmien tal-knisja.

Ħsieb: Waħda mill-qaddisin li fuqha kiteb San Metodju hi Sant’Agata, Verġni, Martri u Patruna ta’ Malta. “Hija tassew Verġni għax twieldet mill-Kelma ta’ Alla.” Hekk jiddefinixxi lil Sant’Agata, San Metodju ta’ Sqallija, fis-seklu IX. Huwa jorbot il-Verġinità mat-twelid mill-Kelma ta’ Alla. B’dan il-kliem San Metodju jurina li kellu f’moħħu dak li jikteb San Ġwann fil-Ftuħ tar-Raba’ Evanġelju: li dak li ġie fid-dinja, “lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla, dawk li twieldu mhux mid-demm, lanqas mir-rieda tal-ġisem, imma minn Alla.”

Inkwantu l-persekuzzjoni fi żmien San Metodju, mqajma minn dawk li kienu kontra l-qima tax-xbihat (imsejħin ikonoklasti), tajjeb nikkwota hawn Artiklu 68 dwar id-devozzjoni Marjana u l-kult tax-xbihat tal-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II (29 ta’ Ottubru, 1997) biex jippromwovi l-użu rett tax-xbihat sagri:

“Ix-xbihat, l-ikoni u l-istatwi tal-Madonna (u hawn nistgħu ninkludu wkoll dawk tal-qaddisin) preżenti fid-djar, fil-postijiet pubbliċi, u fi knejjes u kappelli bla numru, jgħinu lill-fidili biex isejħu l-preżenza kostanti tagħha u l-ħarsien ħanin tagħha fid-diversi ċirkostanzi tal-ħajja. Waqt li jirrendu pożittiva u kważi viżibbli l-ħlewwa materna tal-Verġni, huma jistiednu biex iduru lejha, biex jitolbuha b’fiduċja u biex jimitawha fl-ilqugħ b’mod ġeneruż tar-rieda divina.

Ebda waħda mix-xbihat magħrufa ma tirriproduċi l-wiċċ awtentiku ta’ Marija, bħal ma diġà kien jaf Santu Wistin; b’danakollu dawn jgħinu biex tkun stabbilita relazzjoni iktar ħajja magħha. Ikun inkuraġġit, konsegwentement, l-użu biex ikunu esposti x-xbihat ta’ Marija fil-postijiet tal-kult u fil-bini l-ieħor, biex tkun tistà tinħass l-għajnuna fid-diffikultajiet u s-sejħa mill-ġdid għall-ħajja dejjem iktar qaddisa u fidila lejn Alla.

Biex jippromwovi l-użu rett tax-xbihat sagri, il-Konċilju Niċen ifakkar li ‘«l-qima mogħtija lix-xbihat, fir-realtà tappartjeni lil dak li jkun irrapreżentat; u min iqim x-xbiha, iqim fir-realtà lil min fiha jkun riprodott».’

  • U inti, tħalli l-ikoni, is-santi jew l-istatwi, ifakkruk li ruħ waħda għandek u li l-bżonnijiet ta’ ruħek għandhom jiġu l-ewwel u qabel kollox fil-ħajja?
  • Timmedita ta’ spiss bl-użu ta’ ikoni, santi jew statwi, kemm ħabbna l-Mulej tant li sab bniedem bħalna u lejn l-aħħar ta’ ħajtu, bata biex ipatti għad-dnubiet tagħna l-bnedmin?
  • Tipprova tgħix fuq l-eżempju tal-Mulej, tal-Madonna u tal-Qaddisin li tagħhom tqim ix-xbihat?

Talba: O Mulej, bit-tagħlim u l-eżempju ta’ ħajtu, San Metodju wriena li l-iktar xogħol importanti f’ħajjitna hu li nieħdu ħsieb ruħna billi ninsġu ħajjitna f’għaqda kontinwa miegħek; agħtina, nitolbuk, għat-talb tiegħu għalina, li nużaw xbihat qaddisa bil-mod kif tixtieqna int, biex hekk naslu għal dik il-qdusija li trid tara fina. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.ewtn.com/catholicism/saints/methodius-i-of-constantinople-703

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-methodius-of-constantinople-506

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Methodios_I_of_Constantinople

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

11 ta’ Marzu: San Sofronju

Verżjoni Vidjo: San Sofronju

“Aħna nistqarru li Kristu, il-Verb ta’ Alla magħmul bniedem, hu dejjem veru Iben Alla u hu dejjem veru Bin il-bniedem”. ~ Minn Ittra tal-Papa San Ljun il-Kbir

ib372SAN SOFRONJU
Patrijarka ta’ Ġerusalemm
?560 – 638

Tagħrif: Twieled fil-belt ta’ Damasku (is-Sirja) madwar is-sena 560. Wara li studja u għallem għal xi żmien ir-rettorika mar jgħammar fl-ermitaġġ ta’ San Teodosju ħdejn Ġerusalemm. Għal bosta snin, taħt it-tmexxija ta’ San Ġwann Mosku u miegħu, żar is-santwarji u l-monasteri tal-Palestina, tas-Sinaj u tal-Eġittu, fejn sar ħabib taż-żewġ patrijarki ta’ Lixandra, Ewloġju u San Ġwann l-Elemożinier. San Sofronju kiteb il-ħajja ta’ San Ġwann l-Elemożnier ma’ Mosku.

Mar ukoll Ruma ma’ Mosku, u meta dan miet hemm fis-sena 619, ħa ġismu lura lejn il-Palestina u difnu fil-monasteru ta’ San Teodosju.

Kellu sehem kbir fil-lotta kontra l-ereżija tal-Monoteliti, li kienu jgħidu li Kristu kellu rieda waħda biss, ir-rieda tan-natura divina u mhux ukoll dik ta’ bniedem. Fuq din il-kwistjoni kellu kontroversja sew mal-patrijarka Ċiru ta’ Lixandra, u anki ma’ Serġju ta’ Kostantinopoli. Kiteb ukoll trattat kbir kontra din l-ereżija, issa mitluf, fejn ġabar 600 test tas-Santi Padri dwar iż-żewġ ridiet ta’ Kristu.

Għandna tiegħu għaxar omeliji fuq bosta festi tas-sena, magħrufa għall-kontenut dommatiku u għall-istil rettoriku tagħhom. Kiteb ukoll il-ħajja ta’ San Ċiru u ta’ San Ġwann, żewġ martri Lixandrini talli kienu ħelsuh mill-mard tal-għajnejn, u l-ħajja ta’ Santa Marija mill-Eġittu.

Ġie magħżul patrijarka ta’ Ġerusalemm fis-sena 634. Minnufih laqqa’ konċilju biex jikkundanna l-ereżija tal-Monoteliti, u bagħat l-ittra sinodali mwettqa mis-sitt konċilju ġenerali, lill-Papa Onorju, biex ifakkru li s-skiet fuq din il-kwistjoni kien x’aktarx ta’ dannu aktar milli ta’ ġid.

Waqt il-patrijarkat tiegħu kellu jsofri l-waqgħa ta’ Ġerusalemm taħt l-Għarab. Waqt l-assedju tal-belt qaddisa ħa sehem bil-qlubija tiegħu fid-difiża, u mbagħad irranġa l-waqgħa tal-belt mal-kaliffu Omar (636), fejn kiseb il-libertajiet ċivili u reliġjużi lill-Insara bi ħlas ta’ taxxa.

Miet x’aktarx fil-11 ta’ Marzu, 638.

Ħsieb: Qari mid-Diskorsi tal-isqof San Sofronju bit-titlu ‘Nilqgħu d-dawl dejjem jiddi’:

“Ġie Dak li hu id-dawl tassew, li jdawwal kull bniedem li jiġi fid-dinja. Mela niddawwlu lkoll, ħuti; ħa niddu lkoll.

Ħadd minna ma għandu jibqa’ mingħajr din id-dija, ħadd ma għandu joqgħod mistur fid-dalma tal-lejl; imma noħorġu kollna niddu, immorru mdawla lkoll flimkien u b’ruħna ferħana nkantaw innijiet ta’ radd il-ħajr lil Missier id-dawl, li bagħtilna d-dawl veru biex ikeċċi d-dlam minna u jdawwalna lkoll.

Permezz tiegħu aħna wkoll rajna s-salvazzjoni ta’ Alla, li l-Missier ħejja għall-popli kollha u wrihielna għall-glorja tagħna, Iżrael il-ġdid.

Aħna wkoll, bil-fidi tagħna, ħaddanna lil Kristu li ġie għandna minn Betlehem. Hu, is-Salvatur mibgħut lilna minn Alla l-Missier, sejħilna minn fost il-ġnus u għamilna l-poplu ta’ Alla; u aħna rajna b’għajnejna lil Alla magħmul bniedem, rajna lil Alla magħna u lqajnieh fid-dirgħajn ta’ ruħna. U għalhekk aħna, niċċelebraw din il-preżenza ta’ Alla fostna u ma ninsewha qatt”.

  • U int, ilqajt lil Kristu li Hu l-veru Dawl li jdawwal id-dlamijiet ta’ din id-dinja u tal-ħajja tiegħek?
  • Tmur għandu, li Hu tassew Alla setgħani u tassew bniedem li jagħder, b’kunfidenza u b’qima?
  • Tagħmel ħiltek kollha, biex bħal San Sofronju tiddefendi l-fidi nisranija tiegħek kontra l-ereżiji ta’ żminijietna?

Talba: O Alla, permezz ta’ San Sofronju, Int dawwalt lill-poplu tiegħeK bit-tagħlim veru fost il-ħafna opinjonijiet u stqarrijiet foloz, agħtina li bit-talb tiegħu, aħna wkoll niddefendu t-Tagħlim u l-Valuri nsara li qed jiġu mhedda bil-kbir fi żminijietna. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-sophronius-718

Alternative Reading: http://saintsresource.com/sophronius-of-jerusalem

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Sophronius_of_Jerusalem

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

8 ta’ Jannar: San Lawrenz Ġustinjani

Verżjoni Vidjo: San Lawrenz Ġustinjani

“Permezz tal-prattika tat-talb nistgħu nibnu Ċittadella li ma tistax tiġi meqruda, fejn għandna nkunu protetti b’mod sigur kontra l-għedewwa kollha tagħna.” – San Lawrenz Ġustinjani

98457SAN LAWRENZ ĠUSTINJANI
Isqof, Konfessur u Patrijarka ta’ Grado
1381 – 1455

Tagħrif: Twieled Venezja minn familja nobbli. Ommu baqgħet armla kmieni, b’ħafna wlied u għażlet li titqaddes billi tagħti ruħha għall-edukazzjoni tagħhom bla ebda ħsieb li terġa’ tiżżewweġ. Fiċ-ċkejken Lawrenz kixfet minn kmieni ruħ nobbli u ġeneruża u għalhekk bdiet minn kmieni tiżra’ ż-żerriegħa ta’ ħajja devota u ta’ perfezzjoni. Iċ-ċkejken kien iwieġeb ‘l ommu li bil-grazzja t’Alla kien irid isir qassis.

Ta’ 19-il sena sema’ s-sejħa t’Alla u bil-parir ta’ zijuh Don Querini, wara li rrifjuta ż-żwieġ, daħal mal-kongregazzjoni tal-Kanonċi Sekulari ta’ San Ġorġ fil-kunvent ta’ Alga, gżira żgħira ħdejn Venezja. Kien ġa hekk imrawwem fil-mortifikazzjoni, li s-superjuri kellhom inaqqsuhomlu minflok ma jġagħluh iżidhom. Kien għal kulħadd xempju ta’ faqar, ta’ mortifikazzjoni, ta’ ġabra u ta’ umiltà. Kien iħobb imur jitlob il-karità bil-ħorġa fuq spalltu, bla ma jistħi minn ħadd.

Wara li ordna saċerdot (1406) ġie magħżul bħala pirjol tal-komunità u ftit wara bħala ġeneral tal-kongregazzjoni. Għamel riforma tad-dixxiplina u daħħal kostituzzjoni ġdida li biha l-kanonċi minn sekulari saru regulari. Il-fama tiegħu ta’ qaddis u ż-żelu tiegħu għas-salvazzjoni tal-erwieħ ġibdu fuqu l-attenzjoni ta’ Ewġenju IV, li fit-22 ta’ Mejju, 1433 għamlu isqof ta’ Castello.

Kellu jaċċetta fuq qalbu; iżda ħa l-pussess hekk bil-kwiet li ħbiebu ma sarux jafu bih qabel maċ-ċerimonja kienet ġa spiċċat. Bħala isqof, kif ukoll bħala reliġjuż, baqa’ eżemplari fil-ħeġġa tal-imħabba lejn Alla u tal-karità mal-fqar. Ġedded knejjes imġarrfin, waqqaf parroċċi ġodda, għen il-fondazzjoni ta’ kunventi ġodda u rriforma l-ħajja u d-dixxiplina tal-kanonċi taħtu.

Iżda fuq kollox kienet tiddi l-karità nisranija u l-ġenerożità tiegħu. Kulma kien jaqla’ kien jagħtih lill-fqar, waqt li hu nnifsu kien jgħix ħajja sempliċi u ta’ faqar. Meta wħud osservawlu li kien imissu joqgħod aktar attent għal ġieħu, tal-Knisja u tar-repubblika, kien iwieġeb li l-virtù kienet l-unika żina tal-karattru ta’ isqof u li l-fqar kollha tad-djoċesi kienu membri tal-familja tal-isqof. Ma kienx iżomm miegħu ħlief ħamsa min-nies.

La kellu arġenteriji u lanqas ilbies fin – sodda tat-tiben mgħottija bi gverta ħarxa. Hekk seta’ jikseb ir-rispett u l-imħabba ta’ kulħadd u r-riformi l-aktar iebsa fost il-kleru u l-poplu. Kien ifittex il-progress tal-ħajja Nisranija sew bil-predikazzjoni kemm bil-kitba. Kienu jqimuh id-dinjitarji sew tal-Knisja, kemm tal-istat u sew ta’ ġo pajjiżu u kemm ta’ barra pajjiżu.

Meta fl-1451 miet il-patrijarka ta’ Grado, il-Papa Nikola V ħatru bħala s-suċċessur, billi neħħa s-sedi ta’ Castello li kienet taħt il-patrijarka ta’ Grado u ttrasferixxa Venezja s-sedi ta’ Grado. Għalhekk il-qaddis hu wkoll magħruf bħala l-ewwel patrijarka ta’ Venezja, għad li dan it-titlu ma bediex qabel l-1751.

L-aħħar erba’ snin ta’ ħajtu għaddihom b’dan il-piż fuq spallejh, li hu aċċetta bl-ordni tal-Papa u mitlub mid-doġe ta’ Venezja. In-neputi tiegħu, Bernardu Ġustinjani, li kiteb ħajtu bil-Latin, jirrakkonta bosta mirakli u profeziji tal-qaddis. Kien għadu kemm temm jikteb l-opra tiegħu. “Gradi tal-Perfezzjoni” meta qabdu deni qawwi. Riedu jpoġġuh fuq sodda tajba, iżda ma riedx jibdilha mat-tiben.

Talbuh jagħmel testment iżda ma kellu xejn xi jħalli. Biss wissa lil kulħadd biex ikunu tajbin u ordna li jidfnuh bla pompi, bħala reliġjuż, fil-kunvent ta’ San Ġorġ, iżda s-senat oppona ruħu għal dan wara mewtu. Marċellu, dixxiplu tiegħu u ta’ familja nobbli, beda jolfoq u jibki bħal tifel. Il-qaddis farrġu u qallu li fil-Għid ta’ wara jkunu flimkien. Miet fit-8 ta’ Jannar tal-1455. Ġismu, bl-ordni tas-senat, jinsab fil-bażilika ta’ San Mark, Venezja.

Ħsieb: Meta San Lawrenz Ġustinjani kien għadu tifel, kien diġà beda jaspira li jrid jgħix ħajja iżjed perfetta fuq il-passi ta’ Kristu; u ta’ dsatax-il sena, kellu viżjoni tal-Għerf Etern. L-affarijiet kollha tad-dinja li qabel deheru ta’ sbuħija tlellex f’għajnejh, ikkomparati ma’ din id-dehra, issa dehru hekk mitfija li vojt kbir tħalla f’qalbu u xejn ħlief Alla ma seta’ jimlieh. Kien propju “b’din” il-viżjoni tat-tgawdija tal-Ġenna f’moħħu li l-qaddis issokta l-ħajja tiegħu. Il-ġid vera li hemm jistenniena fis-sema jekk fuq din l-art infittxu s-Saltna t’Alla l-ewwel u qabel kollox, kien dak li anima kull ħsieb, kelma u azzjoni tal-qaddis. B’din id-dehra quddiem għajnejh, huwa:

  • irrifjuta l-offerta ta’ żwieġ brillanti,
  • ħarab segretament mid-dar tiegħu f’Venezja, u ngħaqad mal-Kanonċi Sekulari ta’ San Ġorġ, u
  • wieħed wieħed huwa rnexxielu jfarrak u jieħu kontroll fuq kull stint naturali li seta’ jnaqqaslu l-unjoni tiegħu ma’ Alla li tant kien iħobb.

Meta Lawrenz daħal bħala reliġjuż, kien hemm raġel għani li mar biex jipprova jfixklu milli jissagrifika kull prospett ta’ din id-dinja. Il-patri għaqli għaraf jisimgħu bil-paċenzja waqt li dan beda jaħtfu, jirrabja miegħu u jabbużah bi vjolenza. Imbagħad wieġbu bil-kalma u bil-ġentilezza. Huwa kellmu fuq kemm hi qasira l-ħajja fuq din l-art, fuq li l-pjaċiri ta’ din id-dinja huma inċerti, u fuq il-premju inkomparabbli li kien ifittex għalih innifsu imma li xtaq li kull ħabib jiksbu. Għal dan il-kliem, ir-raġel ma seta’ jgħidlu xejn iżjed; ħass li fil-verità Lawrenz kien tassew għaqli, u li hu kien jinsab fil-bluha u fil-qerq. B’konsegwenza, ir-raġel ħalla d-dinja, sar novizz ma’ San Lawrenz u l-mewt qaddisa tiegħu assigurat dak it-teżor li qatt ma jonqos fis-sema.

Bħala superjur u ġenerali, Lawrenz kabbar u saħħaħ l-Ordni tiegħu, u bħala l-isqof tad-djoċesi tiegħu, minkejja l-malafama u l-insulti li ġarrab, ġab ir-riformi meħtieġa. L-entużjażmu tiegħu wassal biex jinħatar bħala l-ewwel Patrijarka ta’ Venezja, iżda baqa’ dejjem saċerdot umli, bil-għatx għad-dehra tas-sema. Hekk kif spiċċa l-vjaġġ tiegħu f’din l-art, Lawrenz reġa’ ra li l-viżjoni eterna issa kienet qrib u filwaqt li rrifjuta milli jpoġġuh fuq sodda komda minkejja l-uġigħ, hu esklama f’estasi: “Ġesù twajjeb, arani ġej!” u miet ta’ 74 sena.

  • U int, tpoġġi il-ħarsa tiegħek fuq il-premju tal-ġenna biex dak kollu li taħseb, tgħid u tagħmel ikun jirrifletti l-preparazzjoni tiegħek tat-teżor li ma jiġix nieqes fis-sema?
  • Tipprattika distakk minn dak li huwa materjali, b’mod li bil-mod il-mod inti tintrabat bis-sħiħ ma’ dak li huwa spiritwali?
  • Tfittex l-umiltà u l-ħajja moħbija ta’ talb bħalma fittixha dan il-qaddis minkejja l-pożizzjoni għolja li ngħatatlu?
  • Tixxennaq għall-ġenna, il-vera dar tagħna b’mod li taħdem għaliha b’mod kostanti u tgħin lill-proxxmu tiegħek biex jagħmel l-istess?

Talba: Agħtina O Alla nitolbuk, li għat-talb ta’ San Lawrenz Ġustinjani, aħna ngħixu b’mod li ninqdew tajjeb bil-ġid li jgħaddi hekk li nagħrfu norbtu qalbna minn issa mal-ġid li jibqa’ għal dejjem, dak li int wegħedtna li tagħtina fis-Sema. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://catholicharboroffaithandmorals.com/St.%20Lawrence%20Justinian.html

Alternative Reading: http://catholicismhastheanswer.com/saint-lawrence-justinian/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Lawrence_Giustiniani

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started