21 ta’ Ġunju: San Alwiġi Gonzaga

Verżjoni Vidjo: San Alwiġi Gonzaga

“Mulej, lili inti żżommni, għax jien bla ħtija, u tqegħedni għal dejjem quddiemek. Aħjar noqgħod fuq l-għatba ta’ dar Alla tiegħi milli ngħammar fit-tined tal-ħżiena.” – Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Alwiġi Gonzaga (Salm 40(41):13; 83(84):11bċ).

23450FSAN ALWIĠI GONZAGA
Reliġjuż
1568 – 1591

Tagħrif: San Alwiġi twieled fil-kastell ta’ Castiglione qrib Mantova fil-Lombardija, l-Italja, fid-9 ta’ Marzu, 1568.

Missieru kien il-Markiż ta’ Castiglione qrib Mantova fil-Lombardija, l-Italja.

Darba waħda San Alwiġi, meta kien għadu daqsxejn ta’ tifel sema’ xi kliem ħażin, u innoċentament irrepetih id-dar. Meta ġie mċanfar mill-għalliem tiegħu, mill-ewwel iddispjaċih, u baqa’ jiddispjaċih għomru kollu. Minn dakinhar baqa’ jħoss abborriment kbir għall-kliem ħażin.

Fl-1577, Alwiġi u ħuh Ridolfo marru Firenze biex jitgħallmu l-Latin u t-Taljan. Wara sentejn marru Mantova għand id-Duka Gonzaga. Għal xi żmien Alwiġi kien marad bil-kliewi li baqgħu jinkwetawh sal-mewt. Ta’ tnax-il sena mar Brescia fejn kien iqerr għand San Karlu Borromeo, u għamel l-Ewwel Tqarbina.

Fl-1581, missieru kellu jmur jikkumpanja lill-Imperatriċi Marija tal-Awstrija fi Spanja, u ħa miegħu l-familja. Alwiġi u ħuh saru paġġi fil-Qorti tal-Prinċep Don Diego u sadanittant komplew l-istudji tagħhom. F’dan iż-żmien Alwiġi kien qara ktieb fuq il-Missjunarji Ġiżwiti fl-Indja, u tnisslet fih ix-xewqa li jsir Ġiżwita.

Fl-1584, il-familja Gona marret lura l-Italja, u fit-2 ta’ Novembru 1585, wara li ċaħad għall-jedd ereditarju tiegħu ta’ prinċep u ħallieh lil ħuh, daħal mal-Ġiżwiti f’Ruma. Dawn bagħtuh jistudja f’Milan fejn fil-25 ta’ Novembru beda n-Novizzjat. Sentejn wara ntrabat bil-voti u dlonk wara beda l-kors tat-Teoloġija.

Meta fl-1591, faqqgħet l-epidemija tal-pesta, il-Ġiżwiti fetħu sptar għall-morda, u mill-Ġeneral l-isfel, fosthom San Alwiġi, bdew iduru bil-morda. Bosta minnhom waqgħu vittmi tal-marda u mietu. Anke San Alwiġi ttieħed u kellu jintefa’ fis-sodda. Għaddew tliet xhur, meta fil-21 ta’ Ġunju, 1591, wara li San Roberto Bellarmino li kien il-konfessur tiegħu qarbnu u amministralu l-Aħħar Sagramenti, miet fl-età ta’ 23 sena.

Il-Papa Benedittu XIII ikkanonizzah fl-1726. Ir-relikwi tiegħu jinsabu fil-knisja ta’ San Injazju, f’Ruma.

Ħsieb: Ta’ età żgħira, San Alwiġi Gonzaga għamel vot ta’ kastità perpetwa quddiem ix-xbieha tal-Lunzjata. Kien determinat li jirbaħ il-karattru furjuż tiegħu u d-drawwa li jikkritika lill-oħrajn. Qabel ma’ daħal mal-Ġiżwiti, Alwiġi kien diġà żviluppa l-ħajja tiegħu ta’ talb u ta’ għaqda kontinwa ma’ Alla u kien qala’ l-grazzja li jagħmel siegħa meditazzjoni kuljum bla distrazzjoni ta’ xejn. Il-virtù li għaliha issa kien sar magħruf kienet l-ubbidjenza lejn is-superjuri tiegħu u dil-konformità mar-rieda ta’ Alla ġiebet f’ruħu paċi kbira li kienet dejjem tidher minn barra. Ta’ 22 sena kien mgħarraf li t-tmiem ta’ ħajtu ma kienx wisq il-bogħod. Dan imlieh bil-ferħ. Wara tliet xhur ta’ sofferenzi kbar li huwa ġarrab b’sabar kbir, huwa miet meta kellu ftit aktar minn 23 sena u huwa l-qaddis protettur taż-żgħażagħ insara.

Dan li ġej huwa qari minn Ittra ta’ San Alwiġi Gonzaga lil ommu ftit qabel ma miet:

“Sinjura, jiena dejjem nitlob biex qatt ma tonqsok il-grazzja u l-faraġ tal-Ispirtu s-Santu. Meta waslitli l-ittra tiegħek kont għadni f’din l-art tal-mejtin, għalkemm jaqbel li xi kultant nixtiequ li nkunu fis-sema fejn infaħħru ‘l Alla għal dejjem fl-art tal-ħajjin. Jien dan l-aħħar kont nittama li ntemm qabel dan iż-żmien il-vjaġġ tiegħi għas-sema. Jekk, kif jgħid San Pawl, l-imħabba hi li tibki ma’ min jibki u tifraħ ma’ min jifraħ, int, o ommi għażiża, għandu jkollok ferħ li ma bħalu għaliex Alla, fl-imħabba tiegħu għalik u fit-tjieba tiegħu miegħek, lili se jagħtini l-ferħ tassew u se jiżgurani li qatt ma jien se nitilfu.

Sinjura, nistqarrlek li meta naħseb fuq il-kobor tat-tjieba ta’ Alla, li qisha baħar bla qiegħ u bla xtut, moħħi jintilef f’kobor bħal dan; moħħi jintilef u ma jasalx biex jifhem kif Alla lili, għal ftit taħbit żgħir, se jagħtini l-mistrieħ ta’ dejjem, mis-sema qiegħed isejjaħli għal dik l-hena bla qjies li ma ħabriktx għaliha, qiegħed iwegħedni premju għal dmugħ li bilkemm xerridt.

Sinjura, aħsibha sewwa biex ma tistmax qisha xi ħaġa żgħira din it-tjieba bla qjies ta’ Alla; dan inti tkun tagħmlu jekk tibki bħala mejjet lil dak li jkun jgħix quddiem Alla, minn fejn bit-talb tiegħu jista’ jgħinek wisq aktar milli qatt jista’ f’din il-ħajja. Il-firda ma tkunx għal żmien twil; nerġgħu naraw ‘il xulxin fis-sema, u, ħaġa waħda flimkien għax ilkoll ksibna s-salvazzjoni, bil-qawwa kollha ta’ qalbna, infaħħru ‘l Alla, ngħannu l-ħniena tiegħu għal dejjem, u nithennew b’ferħ li ma jintemm qatt. Alla jeqred fina dak li fdalna biss biex iroddulna lura flimkien aktar żgur u ħieles minn kull tħassib, u jżejjinna bil-ġid kollu li dejjem xtaqna.

Dan kollu qiegħed ngħidulek, sinjura, għax għandi xewqa kbira li int u l-familja kollha tiegħi tqisu ‘l mewti bħala don mingħand Alla, ħalli inti tagħtini l-barka tiegħek ta’ omm jiena u sejjer naqsam għan-naħa l-oħra, fejn tinsab it-tama kollha tiegħi. Dan qiegħed nagħmlu aktar bil-qalb, għaliex ma baqagħlix mezz ieħor biex infissirlek aħjar ir-rispett u l-imħabba li għandi għalik bħala ommi.”

Ftit qabel mewtu, Alwiġi Gonzaga daħal f’estasi u għaraf li kellu jmut fl-ottava ta’ Corpus Christi. Huwa qal it-Te Deum b’radd il-ħajr. San Robertu Belarminu, il-konfessur tiegħu, jaħseb li matul it-23 sena ta’ ħajtu, Alwiġi qatt ma għamel dnub mejjet.

  • U int, bit-tip ta’ ħajja li qed tgħix, li kellu l-Mulej isejjaħlek għal għandu, tinsab ippreparat kif kien dan iż-żagħżugħ?

Talba: O Alla, li minnek ġej kull don tas-sema, int ridt li fil-ħajja ta’ San Alwiġi Gonzaga l-indiema tissieħeb ma’ safa tal-għaġeb, bil-merti u t-talb tiegħu, agħtina li jekk ma xbahniehx fis-safa, nixbhuh fl-indiema. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.ignatianspirituality.com/ignatian-voices/16th-and-17th-century-ignatian-voices/st-aloysius-gonzaga-sj

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-aloysius-gonzaga/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Aloysius_Gonzaga

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started