9 ta’ Frar: Santa Skolastika

Verżjoni Vidjo: Santa Skolastika

“Il-verġni qaddisa talbet lil Alla biex ħuha ma jitlaqhiex; seħħilha taqla’ iżjed mingħand is-Sid ta’ qalbha, għax ħabbitu iżjed. Kemm hi ħaġa sabiħa u ħelwa, li l-aħwa jgħammru flimkien!” – Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ Santa Skolastika / Salm 132 (133):1

st-scholasticaSANTA SKOLASTIKA
Verġni
480 – 547

Tagħrif: Santa skolastika twieldet fis-sena 480. Kienet tiġi oħt San Benedittu u x’aktarx tewmija miegħu. Hi kienet ikkonsagrata verġni meta kienet għadha żagħżugħa.

Meta San Benedittu mar Monte Cassino fejn bena l-monasteru famuż tiegħu, Santa Skolastika marret toqgħod xi ħames mili ‘l bogħod minnu, f’Plombariola, qrib Monte Cassino u hemm waqqfet monasteru għas-sorijiet li josservaw ir-Regola ta’ San Benedittu. Saret ukoll badessa (superjura) – aktarx taħt id-direzzjoni ta’ ħuha.

Kienet tmur tiltaqa’ ma’ ħuha darba fis-sena ftit qabel ir-Randan, biex jiddiskutu ħwejjeġ spiritwali u jitolbu flimkien. Billi ma kinetx tista’ tidħol fil-monasteru tiegħu, hu flimkien ma xi patrijiet kien imur jiltaqa’ magħha f’dar fil-qrib.

Papa San Girgor jirrakkonta l-aħħar laqgħa ta’ dawn iż-żewġt aħwa qaddisin li ġrat tlett ijiem qabel il-mewt ta’ Santa Skolastika u ftit ġimgħat qabel dik ta’ San Benedittu. Dan il-qaddis niżel l-għolja Cassino ma’ diversi patrijiet u qagħad ġurnata ma’ oħtu. Filgħaxija huma kielu flimkien u komplew jitkellmu sat-tard. Skolastika talbet lil ħuha biex ma jitlaqhiex, iżda jibqgħu jitkellmu sa filgħodu fuq il-hena tal-ġenna. Imma l-Abbati ħass li kellu jerġa’ lura fil-monasteru biex jgħaddi l-lejl hemm.

Skolastika bdiet titlob u tibki. Santa Skolastika kienet ħasset li ma kinetx ser iddum ħajja, għalhekk talbitu biex jgħaddu l-lejl jitolbu flimkien. Imma hu ma riedx jikser ir-regola tal-monasteru li kien għamel hu stess, u jqatta’ l-lejl barra mill-monasteru. Ġara li qamet tempesta qalila u San Benedittu ma setax joħroġ mid-dar, u hekk kellu jibqa’ d-dar ma’ oħtu. Santa Skolastika qaltlu: “Tlabtek favur u int ċħadthuli; tlabtu lil Alla u Hu tahuli.” San Girgor il-Kbir jikkummenta: “Il-Liġi tal-Imħabba rebħet fuq il-Liġi tal-ġustizzja u d-dixxiplina.”

Tlett ijiem wara, Santa Skolastika mietet fis-sena 547 fl-età ta’ 67 sena, u San Benedittu ra ‘l ruħha bħal ħamiema tittajjar lejn is-sema.

San Benedittu difinha fil-qabar li kien ħejja għalih innifsu, u meta miet hu, ġie midfun ħdejha. San Girgor jikkonkludi: “L-iġsma ta’ dawn it-tnejn qegħdin fil-post tal-mistrieħ flimkien kif fil-ħajja l-erwieħ tagħhom kienu dejjem ħaġa waħda f’Alla.” Hekk it-tewmin reġgħu ngħaqdu wara li waqqfu ż-żewġ friegħi ta’ dak l-Ordni kbir li baqa’ jiffjorixxi għal erbatax-il seklu, u n-numru ta’ Qaddisin li ta lill-Knisja jlaħħaq iktar minn 5,000.

F’Malta għandna żewġ monasteri tas-Sorijiet Benedittini: wieħed fl-Imdina (ara informazzjoni dwar il-Monasteru ta’ San Pietru fl-Imdina) u l-ieħor il-Birgu (ara s-sit dwar il-Monasteru ta’ Santa Skolastika fil-Birgu).

Fil-Kalendarju Universali t-tifkira ta’ Santa Skolastika ssir fl-10 ta’ Frar, iżda f’Malta billi dakinhar niċċelebraw il-festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl, u San Pawl hu l-Patrun tagħna l-Maltin, issir fil-jum ta’ qabel.

Ħsieb: Qari mill-ktieb tad-Djalogi tal-Papa San Girgor il-Kbir, bit-titlu ‘Kellha setgħa aqwa, għax ħabbet iżjed’:

“Skolastika, oħt San Benedittu, sa minn ċkunitha kkonsagrat ruħha lil Alla li jista’ kollox. Kellha d-drawwa li darba fis-sena tagħmel żjara lil ħuha, u dan il-bniedem ta’ Alla kien jinżel jilqagħha f’kamra li l-irħieb kellhom barra mill-monasteru mhux ‘il bogħod mill-bieb.

Darba ġiet bħas-soltu, u ħuha ħa miegħu xi dixxipli u niżel jilqagħha. Għaddew il-jum kollu jfaħħru ‘l Alla u jitħaddtu bejniethom fuq ħwejjeġ qaddisa. Meta kien dieħel il-lejl, ħadu xi ħaġa tal-ikel flimkien.

Huma baqgħu jitħaddtu fuq il-ħwejjeġ ta’ Alla, u l-ħin għamel sewwa. Għalhekk dik il-mara qaddisa talbet lil ħuha u qaltlu: ‘Nitolbok biex ma titlaqnix waħdi dal-lejl, imma nibqgħu ngħidu xi ħaġa fuq l-hena tal-ħajja tas-sema sa ma’ jisbaħ.’ Hu weġibha: ‘X’inti tgħid, oħt? Ma jistax ikun li nibqa’ barra miċ-ċella!’

Meta rat li ħuha ċaħdilha t-talba tagħha, dik il-mara qaddisa qiegħdet idejha fuq il-mejda, b’subgħajha ġo xulxin, serrħet rasha fuq idejha, u talbet lil Alla li jista’ kollox. Malli refgħet rasha minn fuq il-mejda, beda jberraq u jriegħed waħda f’waħda u qabdet nieżla xita bil-qliel, hekk li la Benedittu u lanqas ħutu r-reliġjużi li kienu miegħu ma setgħu joħorġu barra mill-kamra fejn kienu bilqiegħda.

Imbagħad ir-raġel ta’ Alla sewwed qalbu u beda jitniehed: u qalilha: ‘Alla li jista’ kollox jaħfirlek, oħt! X’għamilt?’ Hi weġbitu: ‘Tlabt lilek, u ma ridtx tismagħni; tlabt lil Alla tiegħi, u semagħni. Mela issa oħroġ, jekk tista’, ħallini, u erġa’ lura fil-monasteru!’

Iżda hu, li ma riedx jibqa’ hemm minn rajh, kellu jibqa’ bilfors. U hekk ġara li għaddew il-lejl kollu mqajmin, iferrħu ‘l xulxin bi kliemhom fuq il-qdusija tal-ħajja spiritwali.

U xejn m’hu tal-għaġeb li dik il-mara wriet ruħha aqwa minn ħuha; għax ladarba Alla hu mħabba, kif jgħid San Ġwann, nistgħu ngħidu bir-raġun kollu li hi kellha setgħa aqwa, għax ħabbet iżjed.

Ġara mbagħad li, wara tlett ijiem, ir-raġel ta’ Alla kien bilqiegħda fiċ-ċella tiegħu, ħares ‘il barra b’għajnejh ‘il fuq, u lemaħ ir-ruħ ta’ oħtu barra minn ġisimha, tittajjar f’sura ta’ ħamiema u dieħla s-sema. Dik il-glorja kollha tagħha mlietu bil-ferħ, u nfexx irodd ħajr lil Alla li jista’ kollox, b’innijiet ta’ tifħir. Imbagħad bagħat lil ħutu r-reliġjużi biex iġibu l-katavru tagħha fil-monasteru, u difnuh fl-istess qabar li kien ħejja għalih innifsu.

B’hekk ġara li, bħalma l-erwieħ tagħhom kienu dejjem marbutin bejniethom f’Alla, l-iġsma tagħhom ukoll anqas fil-qabar ma nfirdu minn xulxin.’

Regolarment nilmentaw għaliex għandna ħafna x’nagħmlu, li ma nafux mnejn se nibdew u fejn se nispiċċaw, nixtiequ li l-ġurnata fiha aktar minn erbgħa u għoxrin siegħa. Donnu li aktar mat-teknoloġija moderna tipprovdilna għajnuniet biex iħaffulna x-xogħol, aktar insibu x’nagħmlu. U meta kultant jirnexxilna nieħdu vaganza, mhux biss naslu lura aktar għajjiena, imma aktarx insibu li x-xogħol li ħallejna warajna jkollna npattu għalih wara.

Quddiem dan il-paradoss tal-ħajja moderna, xi nisa jħallu dan il-ġenn biex jidħlu jgħixu f’Monasteru, u fuq il-passi ta’ San Benedittu u Santa Skolastika, jagħmlu ħilithom biex iħarsu r-regola monastika ta’ silenzju, ubbidjenza u umiltà, eċċ … Kemm għandha x’tgħidilna din fid-dinja li ngħixu llum!

Fil-mixja tal-ħajja, l-Ispirtu t’Alla jsejjaħ lil min jixtieq. Is-sbuħija tal-persuna tkun ir-rigal għal Alla biex permezz ta’ ħajja dedikata għat-talb, riflessjoni u xogħol komuni fil-monasteru, jagħmlu ħajjithom vokazzjoni li tagħmel sens.

Minkejja t-taħbit u l–impenji tiegħek, nistiednek biex tfittex ftit ħin kuljum ħalli tagħmel ftit ħin ta’ riflessjoni dwar il-valur veru tas-silenzju – mhux bħala ħarba mir-realtajiet tal-ħajja, imma bħal valur nisrani fejn il-bniedem l-ewwel jiskopri tassew lilu nnifsu biex f’dak il-ħin jiskopri wkoll lil Alla.

Talba: O warda sabiħa tal-imħabba Santa Skolastika, inti kont dejjem fidila mal-Għarus Divin tiegħek billi offrejt il-volontà tiegħek kollha Lilu u b’hekk ippurifikajt lil qalbek mill-ħwejjeġ tad-dinja u kebbistha bl-imħabba divina tiegħu.

Aħna u niċċelebraw it-tifkira tal-verġni Santa Skolastika, agħmel, Mulej, li nitgħallmu minnha biex naqduk bi mħabba sħiħa, u hekk ikun jistħoqqilna li tfawwarna bl-hena ta’ mħabbtek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/02/st-scholastica.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-scholastica-143

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Scholastica

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started