Venerabbli Adelaide Cini

Verżjoni Vidjo: Venerabbli Adelaide Cini

adelaide-cini-280 x 391ADELAIDE CINI
Fundatriċi
1838 – 1885

Tagħrif: Imwielda l-Belt Valletta fil-25 ta’ Ottubru 1838, Adelaide kienet l-iżgħar fost 13 -il wild. Meta kien għad lanqas kellha 18-il sena, marret tħabbat il-bieb tal-Monasteru ta’ Santa Katerina fil-Belt Valletta. Il-Prijura Swor Giuseppa Baldacchino, li laqgħetha minn wara l-gradi tal-ħadid, impressjonat ruħha meta ratha hekk dgħajfa u rqiqa minkejja li kienet bint tas-sid għani tal-fabbrika tal-għaġin fil-Ħamrun. Adelaide talbet li tiġi aċċettata bħala postulanta.

Swor Giuseppa, għalkemm konvinta mill-isfond reliġjuż ta’ Adelaide, setgħet biss tikkunsidra t-talba tagħha b’simpatija. Hija għamlet dan għaliex it-tfajla kienet taħt tensjoni psikoloġika wara li kellha proposta għaż-żwieġ li għaliha l-ġenituri tagħha oġġezzjonaw. Peress li l-Prijura kienet konvinta li l-vokazzjoni tagħha kienet fid-dinja, ’l barra mill-kunvent tatha l-parir li tirritorna lejn id-dar tagħha u tistenna lil Alla juriha n-natura vera tal-vokazzjoni tagħha.

Probabbilment, it-tfalja Adelaide, ma fehmitx il-messaġġ tas-soru, iżda bla dubju hi ftakret fih ftit taż-żmien wara meta b’kumbinazzjoni ltaqgħet ma’ prostituta żagħżugħa minn Sqallija li kienet saret magħrufa għall-attivitajiet tagħha fost is-setturi l-aktar sinjuri tas-soċjetà. L-isforzi tagħha biex titħabbeb magħha kellhom suċċess u Adelaide kkonvinċietha biex tmur tgħix magħha fid-dar tal-ġenituri tagħha.

Il-ħbiberija stramba ta’ Adelaide kienet providenzjali. It-tfajla minn Sqallija bidlet ħajjitha, ingħaqdet mas-Sorijiet tar-Ragħaj it-Tajjeb u, aktar tard, saret superjura tal-kunvent f’Alexandria. Kienet din il-bidla mirakuluża li ħeġġet lil Adelaide u wrietha t-triq tal-vokazzjoni tagħha. B’hekk hija bdiet moviment missjunarju ġdid fost il-ħafna bniet abbandunati mill-klassijiet il-fqar tas-soċjetà Maltija. Bl-għajnuna finanzjarja ta’ John Asphar u martu Angelica, hija fetħet l-ewwel dar għall-ommijiet mhux miżżewġa.

Wara l-mewt ta’ missierha, hija bidlet il-fabbrika tal-għaġin tagħhom f’konservatorju għall-bniet l-aktar fil-bżonn. Dan kien il-bidu tal-Istitut Cini f’Santa Venera li sa mill-1876 tmexxa mis-Sorijiet tal-Karità.

Adelaide mietet fit-28 ta’ Marzu, 1885, fl-età ta’ 46 sena, u ndifnet fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Maria Addolorata f’Raħal Ġdid. Fl-1907, fid-Djoċesi ta’ Malta ngħata bidu għall-proċess informattiv dwar il-ħajja u l-ħidma ta’ din il-mara, li ħalliet marka li tibqa’ tidher fl-istorja soċjali u reliġjuża ta’ Malta.

Il-Papa Piju X ddikjaraha Venerabbli fit-23 ta’ Frar, 1910. Disa’ snin wara, fil-15 ta’ Ottubru 1919, il-fdalijiet tagħha ġew eżumati u midfuna mill-ġdid fil-kappella tal-Istitut mibnija fi stil Romanesk bil-ġenerożità ta’ Maria Zammit u kkonsagrata minn Mons. Mawru Caruana OSB, Arċisqof ta’ Malta.

49_ST_MICHAELs_HOSPICE_MAPVIEW_01_s.152389067365

Links about Adelaide Cini: 

  1. https://www.findagrave.com/memorial/94939970/adelaide-cini
  2. https://laikosblog.org/2019/09/29/cerimonja-tal-ghoti-tal-istitut-adelaide-cini-lil-hospice-malta/

Il-Ħadd, 29 ta’ Settembru 2019: Ċerimonja fejn fiha l-Arċisqof Charles J. Scicluna għadda formalment l-Istitut Adelaide Cini f’Sta Venera lil Hospice Malta, għat-twaqqif ta’ kumpless ta’ kura paljattiva bl-isem ta’ St Michael Hospice.

Wara, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fil-festa ta’ San Mikiel Arkanġlu, fl-Istitut Adelaide Cini, Sta Venera.

It‑Tlieta, 15 ta’ Ottubru 2019: Quddiesa mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fl-okkażjoni tal-mitt sena mill-eżumazzjoni u t-trasport tal-fdalijiet tal-Venerabbli Adelaide Cini miċ‑ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata għall‑istitut “Ta’ Ċini” li kienet waqqfet u fejn tinsab midfuna. Din il‑Quddiesa, li għaliha kien mistieden kulħadd, b’mod speċjali min ried jitlob xi grazzja speċjali ta’ fejqan bl‑interċessjoni tal‑Venerabbli, saret fil‑kappella li tinsab fl‑Istitut Adelaide Cini, Sta Venera.

Waqt din il-quddiesa l‑Arċisqof Charles J. Scicluna talab li jerġa’ jinfetaħ il‑każ tal‑Venerabbli Adelaide Cini biex eventwalment, jekk tissodisfa l‑kriterji tal‑liġi tal‑Knisja, din il‑mara lajka tiġi bbeatifikata. Adelaide Cini kienet ġiet iddikjarata Venerabbli mill‑Papa Piju X fit‑23 ta’ Frar 1910. L‑Arċisqof irid li l‑eżempju ta’ ħajjitha u l‑ħidma li wettqet Adelaide Cini man‑nisa vittmi tal‑prostituzzjoni u wliedhom, isiru aktar magħrufa u apprezzati mill‑Insara.

Nota: It-Tagħrif dwar il-Venerabbli Adelaide Cini huwa meħud mis-sit tal-Knisja f’Malta.

Design a site like this with WordPress.com
Get started