19 ta’ Novembru: Santa Anjeże ta’ Assisi

Verżjoni Vidjo: Santa Anjeże ta’ Assisi

“Hekk kif nittama fik O Mulej, ispirani b’dik il-fiduċja li twassalni sal-muntanja qaddisa tiegħek.” – Santa Anjeże ta’ Assisi

Agnes_Assisi-186x300SANTA ANJEŻE TA’ ASSISI
Verġni
c.1197 – 1253

Tagħrif: 

Il-Familja ta’ Anjeże u tfulitha
Santa Anjeże twieldet f’Assisi fl-1197 minn ġenituri nobbli. Il-familja tagħha kienet toqgħod f’palazz ħdejn il-kattidral ta’ San Rufino. Missierha kien kavallier għani jismu Favarone di Offreduccio u ommha Ortolana kienet ukoll minn familja nobbli u għanja. Hija kienet il-fustanija fost tliet aħwa bniet. Il-kbira, Klara, kienet tliet snin ikbar minnha. Oħtha ż-żgħira kien jisimha Beatrice. Fil-magħmudija lil Anjeże semmewha Katarina.

Katarina kienet tifla sempliċi u sensibbli li fi ċkunitha ġarrbet mal-familja tagħha t-tbatija kkaġunata mill-irvell li fl-1198, iċ-ċittadini tal-klassi tan-nofs ta’ Assisi (il-‘minores’) għamlu kontra l-aristokrazija ta’ Assisi (l-‘maiores’). Il-familja ta’ Anjeże kellha ssib kenn fil-kastell ta’ Cocorano u meta fl-1202 faqqgħet il-gwerra bejn Assisi u Perugia, kellha taħrab għal Perugia fejn għexu refuġjati għand ħbieb ta’ fiduċja sas-sena 1205.

Fil-gwerra bejn Assisi u Perugia, Franġisku Bernardone kien waqa’ priġunier għal sena u aktar tard, wara marda, ikkonverta u minn ġuvni xalatur b’ambizzjoni li jsir kavallier, huwa beda jgħix ħajja ta’ sempliċità u faqar fuq il-passi ta’ Kristu fqir, umli u msallab. Dlonk ingħaqdu miegħu f’dan l-istil ta’ ħajja evanġelika uħud minn sħabu stess, fosthom Rufino, kuġin ta’ Klara u Katarina. Fl-1209, din l-Għamla ta’ Ħajja ta’ Franġisku u l-ewwel kumpanni tiegħu ġiet approvata oralment mill-Papa Innoċenz III.

Żgħożitha
Katarina kienet marbuta ma’ oħtha Klara bi mħabba kbira. It-tnejn kienu jaqblu ħafna u jaħsbuha l-istess. Hija kellha 15-il sena meta fit-18 ta’ Marzu 1212, Klara ħarbet mid-dar biex tħaddan il-ħajja evanġelika fuq l-eżempju ta’ Franġisku ta’ Assisi. Fil-‘Leġġenda ta’ Santa Klara’ (nru 24) naqraw li Klara kienet tixtieq ħafna li oħtha tifhem il-frugħa tad-dinja u bħalha tingħata lil Alla u kienet titlob bil-ħerqa li bħalma hi u oħtha kienu qalb waħda u qrib ħafna fl-ispirtu meta kienu fid-dinja, ikunu wkoll rieda waħda bejniethom fis-servizz ta’ Alla’.

Katarina tingħaqad ma’ oħtha Klara
Xi 16-il jum wara, fl-4 ta’ April 1212, Katarina marret tara lil oħtha f’monasteru tal-Benedittini jismu Sant’Angelo di Panzo, qrib Assisi, fin-naħa tal Lvant ta’ Monte Subasio, fejn kienet sabet kenn temporanju. Klara qaltilha: ‘Ftakar, għażiża oħti li jum wieħed fit-tempju tal-Mulej, aħjar minn elf jum f’post ieħor (ara Salm 83,10). Iż-żgħożija u s-sbuħija jgħebu. Il-ħajja tintemm u hawn xejn ma jibqa’. Għażiża oħti, kieku kellek idduq il-ħlewwa tal-imħabba tal-Mulej! Hija mħabba dejjem ġdida, li ħadd ma jista’ jeħodilna!’

Il-kliem u l-eżempju ta’ Klara ħajjru lil Katarina biex hi wkoll tikkonsagra ruħha lil Alla. Infatti, Katarina qalet lil Klara li hi ġiet biex toqgħod magħha għax hi wkoll xtaqet taqdi lil Alla biss. Għal dan il-kliem Klara għannqitha bil-ferħ waqt li qaltilha : ‘Inrodd ħajr lil Alla, oħti l-aktar għażiża, għax il-Mulej għoġbu jisma’ talbi.’ U hekk Klara akkwistat l-ewwel kumpana tagħha.

Katarina tirreżisti lill-familja tagħha
Fil-‘Leġġenda ta’ Santa Klara’ (nmr 25 u 26) insibu rakkont dwar kif malli l-familja ndunat bil-ħarba ta’ Katarina, tnax -il raġel armati taħt it-tmexxija ta’ zijuha Monaldo, marru għaliha. Sabuha barra mill-klawsura u għalhekk setgħu jerfgħu jdejhom fuqha. Kaxkruha mal-art, qattgħulha ħwejjiġha u sawtuha. Klara ma setgħet tagħmel xejn ħlief titlob imbikkija biex oħtha tingħata rieda sħiħa, u biex il-qawwa ta’ Alla tegħleb is-saħħa ta’ dawk l-irġiel. U hawn ġara miraklu doppju. F’daqqa waħda, il-ġisem tat-tfajla sar hekk tqil li dawk l-irġiel kollha ma felħux ikaxkruha aktar. Għalhekk l-irġiel ħallewha filwaqt li bdew jisħtu u jgħidu li kielet iċ-ċomb! Iz-ziju Monaldo tilef il-kontroll u kif kien ser ixejrilha daqqa, ħass uġigħ kbir fi driegħu li baqa’ pparalizzat u merfugħ fl-arja. Klara fl-aħħar ipperswadiet lill-qraba tagħha jħallu lil oħtha magħha.

Fil-bażilika ta’ Santa Klara f’Assisi hemm meqjum il-fdal tal-kranju (għadam tal-iskutella tar-ras) ta’ Katarina, u f’dan il-fdal għadha tidher traċċa ta’ daqqa li kienet qalgħet mis-suldati kiefra meta marru għaliha f’Sant’Angelo di Panzo.

Wara din il-ġrajja, Franġisku nnifsu qata’ xagħar Katarina, ikkonsagraha lil Alla u bidel l-isem tat-tfajla minn Katarina għal Anjeże. Dan għaliex Franġisku xebbaħha mal-Ħaruf bla tebgħa peress li hi wkoll xerrdet demmha biex tmur warajh fit-taqbida li kellha ma’ qrabatha. Tixbah wkoll lill-verġni u martri Rumana Anjeże li fl-ewwel żminijiet tal-Knisja tat ħajjitha għal Kristu.

Fil-kunventin ta’ San Damjan
Tul l-erba’ xhur li Klara u Anjeże damu f’Sant’Angelo di Panzo, Franġisku ħejja kollox biex jeħodhom f’kunventin tipikament Franġiskan, f’San Damjan, barra l-ħitan tal-belt ta’ Assisi. F’dak il-post, fl-1206 kien kellmu Ġesù Msallab u mimli b’faraġ tas-sema, ħass li kellu jitlaq id-dinja għal kollox. Ftit taż-żmien wara, waqt li kien qed isewwi l-knisja beda jsejjaħ b’leħen għoli bl-ilsien franċiż lill-bdiewa li kienu jinsabu f’dawk l-inħawi: ‘Ejjew u għinuni nibni l-monasteru ta’ San Damjan, għaliex għad jiġu joqgħodu fih nisa li bil-fama u bil-ħajja qaddisa tagħhom għad jagħtu glorja lill-Missier tas-sema fil-Knisja mqaddsa kollha tiegħu.’ Din il-profezija seħħet meta Klara u Anjeże daħlu f’dak il-post fqir. Tfajliet ħbieb u qraba, u xebbiet oħra li bosta minnhom kienu nobbli ngħaqdu magħhom f’San Damjan u l-komunità kompliet tikber b’mod tal-għaġeb. Fl-1229, Beatrice, oħthom iż-żgħira ħaddnet il-ħajja evanġelika. Saħansitra, ommhom Ortolona, meta romlot, daħlet soru f’San Damjan. Fi żmien qasir saru komunità ta’ ħamsin. Twaqqfu wkoll monasteri oħra f’diversi postijiet fl-Italja u anke fi Franza, Spanja, fil-belt ta’ Praga, il-Ġermanja, il-Polonja… Anjeże baqgħet f’San Damjan sas-sena 1220 meta Franġisku bagħatha twaqqaf monasteru f’Monticelli, ħdejn Firenze (ara ‘Il-Fjuretti ta’ San Franġisk,’ Kap XV). Waqqfet monasteri oħra tax-Xbejbiet Foqra f’Mantova, fil-Feltrino u postijiet oħra fit-Toskana u forsi aktar ‘l bogħod… u reġgħet lura f’San Damjan matul l-aħħar ġimgħat tal-ħajja ta’ oħtha Klara, f’Lulju/Awwissu,1253.

Fil-Proċess tal-Kanonizzazzjoni ta’ Santa Klara, Anjeże tissemma’ f’żewġ episodji li ġraw qabel it-tluq tagħha għal Monticelli. Fir-rakkont tal-miraklu taż-żejt fil-ġarra mwettaq minn Klara li ġara fl-1213 (ara Proc. I, 15), l-ewwel xhud Pacifica di Guelfuccio meta mitluba tgħid liema mis-Sorijiet l-oħra kienu preżenti, fost l-oħrajn isemmi lil Swor Anjeże, oħt Santa Klara. Sr Ċeċilia, is-sitt xhud, meta kienet qed tixhed dwar l-ispirtu tal-profezija li kellha Klara, tgħid ‘li oħtha Swor Anjeże – li ftit taż-żmien ilu għaddiet minn din il-ħajja – kienet hemm, tisma’.’ (ara Proc,VI, 15).

Xhieda oħra tas-snin li fihom Anjeże għexet ma’ Klara f’San Damjan insibuha fil-‘Fjuretti ta’ San Franġisk’ (nmr 33) li jirrakkontaw il-ġrajja meta l-Papa Girgor IX mar iżur lil Klara u din bierket il-ħobż u minnufih fuq il-ħbejżiet kollha deher is-sinjal tas-salib. ‘F’dak iż-żmien f’dak il-monasteru kienu jgħixu Sor Ortolana, omm Santa Klara, u Sor Anjeże, oħtha, it-tnejn li huma, flimkien ma’ Santa Klara, mimlijin bil-virtujiet u bl-Ispirtu s-Santu, u kien hemm ukoll ħafna Sorijiet oħra qaddisa.’

‘Altera Clara’ – Klara oħra
Għall-ħabta tal-1220, il-Kardinal Ugolino, li wara sar il-Papa Girgor IX, kiteb ittra lil Klara li hija xhieda tal-istima profonda li kellu għal Klara u għal Anjeże u għall-‘qaddejja l-oħra ta’ Kristu u tal-fiduċja kbira li kellu fit-talb tagħhom. Ugolino xtaq jerġa’ jara lil Klara u lil ħutha s-Sorijiet; u jiftakar b’mod speċjali f’Anjeże, li magħha juri rabta qawwija meta jsejħilha ‘oħtu.’ ‘Insellem lil verġni Anjeże, oħti, u lil ħutek kollha fi Kristu. Lil Anjeże insejħilha wkoll ‘qaddejja umli u l-iżjed ċkejkna ta’ Kristu.’

Aktar minn tletin sena wara, fl-1253, fir-raba’ ittra tagħha lil Santa Anjeże ta’ Praga, Klara stess tqis lil Anjeże oħtha daqsha u tikteb hekk: ‘Dawn l-istess uliedi mbagħad, imma b’mod partikulari l-verġni l-aktar għaqlija, Anjeże, oħtna, jirrikmandaw ruħhom bil-qawwa kollha fil-Mulej lilek u lil uliedek.’

Il-fatt li Franġisku għażel lil Anjeże bħala ‘l-mibgħuta speċjali’ biex twaqqaf monasteru f’Monticelli, Firenze, juri li Franġisku wkoll kellu stima kbira għall-personalità u l-kwalitajiet li kienu jżejnu lil Anjeże. Bħal oħtha kienet animata minn ideali evanġeliċi li għexithom b’xeħta u qawwa ġdida.

Pellegrina għall-imħabba ta’ Kristu
Għall-imħabba ta’ Kristu, Anjeże aċċettat li tmur Monticelli biex bħala Badessa tkun eżempju ħaj għal grupp ta’ xebbiet żgħażagħ li xtaqu jgħixu l-istess stil ta’ ħajja ta’ Klara u ħutha f’San Damjan. Imma l-firda minn oħtha Klara, mis-sorijiet u mill-‘benniena ‘ tagħha f’San Damjan swietilha sagrifiċċju mill-akbar lil Anjeże. Dan jidher mill-ittra li kitbet lil Klara li fiha stqarritilha: ‘Irridek tkun taf, għażiża ommi, li għalija l-firda minnek u mis-sorijiet l-oħra li jien kont nemmen li se ngħix u mmut magħhom, hi piena kbira għall-aħħar; inħoss niket kbir f’ruħi u f’ġismi…. u b’danakollu hawn qed inġarrab faraġ kbir u ħaqqkom tifirħuli tassew. Firdiet bejnietna m’hawnx, u hawn sibt għaqda tal-għaġeb, aktar milli ħsibt li hu possibbli. Kollha laqgħuni b’ferħ kbir u huma kuntenti ħafna bija; kollha kemm huma wegħduni l-ubbidjenza bl-akbar qima.’

Spirtu missjunarju
Minkejja d-distanzi, Anjeże u ħutha f’Monticelli kienu jħossuhom ġisem wieħed u spirtu wieħed fi Kristu ma’ Klara u s-sorijiet f’San Damjan, Assisi. Kull fejn marret twaqqaf monasteru, Anjeże xerrdet Vanġelu ħaj bil-ħajja siekta, sempliċi u serena tagħha. Dan l-ispirtu missjunarju li ta frott kotran kien imsoqqi minn ġewwa b’ħajja interjuri li ħjiel tagħha nsibuha fil-‘Vita Agnetis’ li hemm imdaħħla fil-‘Kronaka tal-24 Ġeneral.’

Il-mewt ta’ Anjeże
F’Lulju jew Awwissu 1253, Anjeże marret lura f’San Damjan u kienet imbikkija qrib oħtha Klara meta din kienet qed tmut. Imma Klara qaltilha: ‘Ja oħt l-aktar għażiża, Alla jogħġbu li jiena nitlaq, iżda int tibqax tibki, għax dalwaqt tiġi tgħaġġel warajja għand il-Mulej.’ (ara ‘Leġġenda ta’ Santa Klara, nmr 43). Skont l-istess ‘Leġġenda’ fin-numru 48 insibu : ‘Ftit jiem wara (l-mewt ta’ Klara fil-11 ta’ Awwissu, 1253) Anjeże wkoll ġiet imsejħa għat-Tieġ tal-Ħaruf, u marret wara oħtha Klara fil-ferħ ta’ dejjem: hemm it-tnejn li huma bniet ta’ Sijon, aħwa bid-demm, bil-grazzja u bis-saltna, ifaħħru lil Alla bla heda.’ X’aktarx li Anjeże mietet fis-27 ta’ Awwissu,1253 imma skont it-tradizzjoni mietet tliet xhur wara fis-16 ta’ Novembru,1253.

Anjeże ndifnet fis-sepolcretto ta’ San Damjan u fis-sena 1260 il-fdalijiet tagħha ġew meħuda fil-Bażilika ta’ Santa Klara f’Assisi, u mqiegħda f’kappella ddedikata lilha. Il-Papa Benedittu XIV iddikjara lil Anjeże qaddisa fl-1752, imma l-kult tagħha f’Assisi hu ħafna eqdem, u jixhdu għalih il-mirakli li saru bl-interċessjoni tagħha u li huma mniżżlin fil-‘Vita Agnetis.’ Fil-Bażilka ta’ Santa Klara wieħed jista’ jara x-xena tal-mewt tal-qaddisa f’affresk ta’ Puccio Capanna (skola ta’ Giotto), li fiha Anjeże tidher għarkupptejha fuq il-ġisem mejjet ta’ oħtha Klara.

Ħsieb: Dan li ġej hu kliem Santa Anjeże ta’ Assisi:

“Niġi, O Mulej, fis-santwarju tiegħek biex nara l-ħajja u l-ikel ta’ ruħi. Hekk kif nittama fik  O Mulej, ispirani b’dik il-fiduċja li twassalni sal-muntanja qaddisa tiegħek. Ippermettili, Ġesù Divin, biex nersaq aktar qribek, hekk li ruħi kollha tkun tista’ tagħti qima lill-kobor tal-Majestà Tiegħek; li l-qalb tiegħi, bl-affermazzjonijiet l-aktar ħelwin tagħha, tista’ tirrikonoxxi l-imħabba infinita Tiegħek; li l-memorja tiegħi tista’ tinżamm fuq il-misteri ammirabbli li hawnhekk jiġu mġedda kuljum, u li s-sagrifiċċju ta’ kull ma’ jien jakkumpanja Lilek.”

Wieħed jista’ jimmaġina kemm kien diffiċli għal Santa Anjeże tisfida x-xewqat tal-ġenituri u l-qraba tagħha u ssegwi lil oħtha, Santa Klara. Madankollu, hija kellha tgħaddi minn dawn it-tbatijet kollha biex tasal tgħix il-vokazzjoni tagħha. Tajjeb li nitolbu l-interċessjoni ta’ din il-qaddisa biex nirċievu barka fuq il-vokazzjoni tagħna (hi x’inhi), speċjalment jekk qed naffaċċjaw oppożizzjoni u nsibu min jagħmlilna l-bsaten fir-roti tul it-triq. Ejjew nagħmlu kuraġġ fuq l-eżempju tagħha u nipperseveraw fit-triq tas-sewwa bħalha.

Tul ħajjitha kollha Anjeże rawmet bi mħabba sinċiera tliet devozzjonijiet partikulari:

  • L-ewwel nett kellha devozzjoni lejn il-Missier, li kienet tikkontemplaH fil-ħniena bla tarf tiegħu, fid-delikatezza lejn uliedu li huma tant ingrati lejH u tant bierda u indifferenti għall-imħabba paterna tiegħu.
  • It-tieni devozzjoni tagħha kienet lejn Ġesù fil-Passjoni u Anjeże kuljum kienet tikkontempla t-tbatijiet mill-aktar ħorox ta’ Kristu u l-ingratitudni tal-bnedmin lejn din l-imħabba bla qies tal-Feddej.
  • It-tielet devozzjoni kienet il-mogħdrija tagħha għall-Erwieħ tal-Purgatorju. Anjeże kienet taf li l-offerta tat-talb tagħha kienet tgħinhom jissaffew minn ħtijiethom biex jaslu aktar malajr, kollha dija, fil-preżenza tal-Aktar Għoli.

Imma l-karatteristika essenzjali tal-ispiritwalità ta’ Anjeże kienet il-kontemplazzjoni tagħha ta’ Ġesù Bambin. Dan għaliex Anjeże għexet fil-moħbi u fis-skiet il-ġrajjiet kollha ta’ ħajjitha, anke dawk esterni li għamlu ħoss, f’adorazzjoni bla heda tar-rieda ta’ Alla. Fil-ferħ u fil-għeja ta’ kuljum, fil-paċi u fit-taqbid, fid-dawl u fid-dlam interjuri, għexet marbuta mar-rieda ta’ Alla f’isem il-fiduċja bla limiti f’Alla ta’ dawk li huma żgħar u foqra, kbar u għonja, għas-Saltna tas-Sema.

  • U int, kemm int lest/a biex tagħti post ta’ prijorità lil Alla u minħabba Fih twarrab dawk l-affarijiet jew dawk il-persuni li forsi qed iżommuk ‘l bogħod milli tista’ tgħix kif jixtieqek tgħix Hu?
  • Liema hu/hi l-qaddis/a li lilek jispirak/tispirak b’dak li qal/et jew għex/et? Aħseb kif tista’ b’xi mod timxi fuq il-passi tiegħu/ha?

U hawn ma nistgħux ma nagħmlux aċċenn għall-preżenza tal-Klarissi fil-gżejjer tagħna, f’San Ġiljan: https://www.facebook.com/sorijietklarissi/

Din playlist ta’ vidjos dwar il-Klarissi fi gżiritna: https://www.youtube.com/watch?v=nbJKqIBiA3A&list=PLPAbF-_bN4rgrthXAFi36sA4BqjreMNCh&index=2&t=0s

Talba: O Alla li minnek ġej il-vera ferħ, agħtina l-grazzja li bħal Santa Anjeże ta’ Assisi, nagħrfu li fik jinsab dak li kull bniedem jixxennaq għalih, anki jekk mhux dejjem jaf dan. Fakkarna li jekk nimxi fit-toroq tiegħek, dawn se jwassluna żgur għall-hena ta’ dejjem fis-sema fejn Int għad tkun il-premju ta’ dawk li ħallew il-ġid u l-pjaċiri tad-dinja biex jgħixu ħajja aktar mill-qrib tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-agnes-of-assisi/

Alternative Reading: http://saintsresource.com/agnes-of-assisi

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Agnes_of_Assisi

Design a site like this with WordPress.com
Get started