13 ta’ Novembru: San Staniżlaw Kostka

Verżjoni Vidjo: San Staniżlaw Kostka

“Għandi nirrifletti fuqi nnifsi u nistaqsi: “X’għamilt għal Kristu? X’qed nagħmel għal Kristu? X’għandi nagħmel għal Kristu?” San Staniżlaw Kostka

Sw_Stanislaw_Kostka_mpor12SAN STANISLAW KOSTKA
Konfessur u novizz Ġiżwita
1550 – 1568

Tagħrif: Kien it-tieni wild ta’ Ġovanni Kostka, senatur tal-Polonja. Twieled fil-kastell ta’ Rostkovo, u flimkien ma’ ħuh, Pawlu, sentejn akbar minnu, studja d-dar, u mbagħad, ta’ 14, mar miegħu l-kulleġġ tal-Ġiżwiti, Vjenna. Kien mogħti minn ċkunitu għat-talb u għall-istudju, u ma kienx jisma’ kliem mhux xieraq bla ma jħossu ħażin. Sħabu fil-kulleġġ, kienu jistgħaġbu bid-devozzjoni u bil-ġabra tiegħu.

Ħuh kien ta’ sikwit jiddieħek bih u jsawtu. Iżda Stanislaw ma qatax qalbu: anzi darba wieġbu: “Ġurnata għad naħrab u mbagħad ikollok tfisser lill-papà u lill-mamà għax ħrabt.” Kien jitqarben il-Ħdud u l-btajjel, isum il-jum ta’ qabel, u dejjem f’kamartu jitlob jew jistudja.

Wara kważi sentejn marad u xtaq jitqarben. Sid id-dar, Luteran, ma riedx; iżda f’dehra ġew iqarbnuh żewġ anġli. F’dehra oħra, il-Madonna qaltlu li mewtu kienet għadha ma waslitx u li kellu jidħol Ġiżwita. Malli fieq, talab lill-Provinċjal, Patri Maggi; iżda dan beża’ jaċċettah Vjenna, billi missieru ma kienx irid. Allura l-qaddis qatagħha li jitlaq bil-mixi għal Ruma, 350 mil.

Wara li waqaf Dillingen, fejn il-Provinċjal Kanisju żammu tliet ġimgħat, telaq għal Ruma ma’ tnejn oħra, fejn il-Ġeneral Borġia aċċettah. Libes ta’ novizz fit-28 ta’ Novembru 1567, ta’ sbatax. Ħa bħala dmiru li jaqdi dmirijietu kollha bil-perfezzjoni. Ħajtu saret orazzjoni kontinwa. L-imħabba ta’ Ġesù Sagramentat kienet tidher fix-xegħla ta’ wiċċu meta jidħol il-kappella.

Iżda dan il-mudell tan-novizzi ma kellux ħlief disa’ xhur ħajja. Ftit jiem qabel mewtu ħabbar li għandu jmut fil-festa tal-Assunta. Miet fit-tlieta ta’ filgħodu tal-15 ta’ Awwissu. Ħuh Pawlu kien wieħed mix-xhieda prinċipali fil-proċess għall-kanonizzazzjoni: ta’ sittin sena talab li jidħol Ġiżwita. Il-Papa Benedittu XIV ikkanonizzah fl-1726.

ĦsiebDin li ġejja hija kitba tal-Qaddej Venerabbli ta’ Alla Dun Ġwann A. Hardon S.J. mill-kitbiet tiegħu fuq San Staniżlaw:

“L-ewwel lezzjoni li nitgħallmu (minn dan iż-żagħżugħ qaddis San Staniżlaw Kostka) hija li jista’ jkun hemm qdusija kbira anki fiż-żgħażagħ. Fi kliem ieħor, Alla mhux biss ma jħares lejn wiċċ ħadd, Huwa ma ħarisx lejn wiċċ l-anġli. L-essenza tal-qdusija hija fil-grazzja li Hu jagħtina. Alla jagħti l-grazzji tiegħu lil min jixtieq Hu, f’liema kwantità jixtieq u aħna minn naħa tagħna, għandna nirrikonoxxu dawn ir-rigali tiegħu, napprezzawhom  u nikkultivawhom. Iva, jista’ jkun hemm qdusija kbira fiż-żgħażagħ.”

San Staniżlaw kien miġbur, umli, kellu d-dixxiplina li jevita konversazzjonijiet bla sens, fidil fir-rwoli u fir-relazzjonijiet tiegħu, studjuż, jilbes b’mod sempliċi, u jitlob ħafna; forsi l-eżempju konkret tar-raġel li dwaru nsibu fit-tieni ittra ta’ San Pietru: raġel li jgħożż il-fidi tiegħu bi“l-virtù, mal-virtù l-għerf; mal-għerf ir-rażna; mar-rażna s-sabar; mas-sabar it-tjieba; mat-tjieba l-ħbiberija tal-aħwa; mal-ħbiberija tal-aħwa l-imħabba.” (2Pietru 1:5-7) Qabel ma sar wieħed minnhom, kienu diġà jinkuh billi laqqmuh “Il-Ġiżwita!”

Il-fidi tiegħu talbet lit-tama biex takkumpanjah, biex tfarrġu fit-taqbid psikoloġiku u anke fiżiku kontra familtu. Il-Fidi għenitu jirrealizza li Alla kien miegħu. Kien għalhekk, li aktar ma kien ikollu tbatijiet, speċjalment mingħand ħuh, aktar kien jirċievi provi li Alla tassew, tassew iħobbu dejjem iżjed. Sakemm, ġurnata waħda, il-fidi tiegħu tat in-nar – għall-imħabba.

X’setgħet kienet ir-raġuni jekk mhux l-imħabba li tħeġġet f’qalb it-tifel biex hu:

  • ħalla l-ġid materjali u l-ġejjieni politiku tiegħu,
  • ma beżax jaffaċċja t-theddid tal-ħallelin fit-triq,
  • bata minħabba l-klima,
  • u għadda mill-inkonvenjenzi kollha tat-toroq post-medjevali, infestati mill-ġlied bejn il-Kattoliċi u l-Protestanti minħabba r-Riforma, waqt li vvjaġġa mill-Awstrija lejn Ruma, it-tul ta’ nofs il-Filippini?

X’kienet, jekk mhux l-imħabba dik li kkonvinċiet lil Staniżlaw, fl-aħħar, biex jaħfer lil ħuh u lil missieru għall-abbużi kollha li għaddewh minnhom?

Illum, aħna nunuraw b’għira qaddisa lil dan iż-żagħżugħ li ġġieled għal u fuq in-naħa ta’ Alla għax tassew, minkejja d-dgħjufija anki tal-età tenera tiegħu, huwa qatt ma ħalla lil Alla. Naħseb li hekk tfisser li tħobb – li tibqa’ ggranfat/a ma’ min tħobb u ma titilqux, jiġri x’jiġri. Għalhekk meta ngħidu, Alla jħobbni, tfisser, Alla ma jħallini qatt.

Nicholas Sparks fin-Novella tiegħu ‘Il-Messaġġ fil-Flixkun’ jgħid, “Jekk inti tħobbha, jekk hi tagħmlek ferħan, u jekk tħossok bħal diġà tafha – allura tħallihiex titlaq.”

Ittraduċi din għar-relazzjoni tagħna ma’ Alla, u ssir: “Jekk inti tħobb lil Alla, jekk Alla jagħmlek ferħan/a, u jekk tħossok bħal tafu, allura titilqu qatt.”

Imma l-Mulej huwa akbar minn dawn il-ħsibijiet li qed insemmu, u huwa aktar profond fi mħabbtu minn Nicholas Sparks għax għal Alla: Anke jekk aħna ma nħobbuHx, anki jekk aħna ma nagħmluHx kuntent bina, u anke jekk inħossuh bħal barrani – minkejja dawn – Hu qatt mhu se jitlaqna.

Fil-lejla ta’ qabel it-tluq tiegħu minn din id-dinja, Staniżlaw kiteb ittra lill-Verġni Mqaddsa Marija u talabha biex isejjaħlu għas-sema biex hemm ikun jista’ jiċċelebra magħha l-anniversarju glorjuż tal-Assunzjoni tagħha. Il-fiduċja tiegħu fil-Madonna, li diġà kienet ġabitlu ħafna sinjali favorevoli, kienet għal darb’oħra ppremjata; fil-15 ta’ Awwissu, għall-ħabta tat-tlieta ta’ filgħodu, waqt li kien miġbur b’devozzjoni jitlob lil Alla, lill-qaddisin, u lill-Verġni Marija, miet.

San Staniżlaw kien ħa għalih bħala l-patrun tax-xahar tiegħu ta’ Awwissu, lill-martri glorjuż San Lawrenz, u ad unur tiegħu huwa kien iwettaq xi penitenza jew devozzjoni kuljum. Lejlet il-festa tiegħu, huwa kiseb permess biex jagħmel d-dixxiplina; filgħodu mar għat-Tqarbin, u mbagħad poġġa quddiem l-immaġni tal-qaddis, l-ittra indirizzata lil Marija, li fiha talab li jkun jista’ jmut fil-Festa tal-Assunzjoni, u talab lil San Lawrenz biex hu jippreżentalha l-petizzjoni tiegħu . F’dak il-lejl qabdu deni ħafif, li, madankollu, żdied b’mod mgħaġġel; u lejliet l-Assunta, huwa rċieva l-aħħar Sagramenti. Imbagħad, waqt li kien qiegħed imut, hu ġab miegħu ktieb żgħir li kien fih litanija li kiteb hu tal-qaddisin li lilhom iddedika kull xahar, u beda jinvokahom kontinwament. Fit-tlieta ta’ filgħodu, fil-Festa tal-Assunta, wiċċu ddawwal f’daqqa bil-ferħ, ħa l-aħħar nifsijiet u telaq ruħu f’idejn l-Omm ta’ Alla, li kienet ġiet biex teskortah lejn is-sema.

San Staniżlaw jgħallimna f’kull prova tal-ħajja, u fuq kollox fil-mument tal-mewt, li għandna nirrikorru għand il-Madonna u l-qaddis/a patrun/a tagħna, u nafdaw mingħajr biża’ fl-għajnuna tagħhom.

  • U int, kemm tagħtihom importanza lil Marija u lill-qaddisin hekk li tgħix fuq l-eżempju tagħhom?
  • Taħfer lil min abbuża u qed jabbuża minnek bi mħabba għal Kristu li miet għalik?
  • Lest/a għall-imħabba ta’ Alla taffaċċja kull sfida u kuntrarju biex fl-aħħar mill-aħħar twettaq ir-rieda ta’ Alla f’ħajtek?
  • It-talb ħerqan lejn Alla, l-Madonna u l-Qaddisin qed jiswa biex int titħeġġeġ għal ħajja aktar perfetta li tħejjik għall-jum il-mewt tiegħek?

Talba: Missier Qaddis, nitolbok il-grazzja li jien nasal għall-qdusija li Int tixtieq tara fija. Agħtini l-għerf hekk li nimxi wara Ibnek, il-qawwa li nippersevera fit-tiġrib kollu li ngħaddi minnu, imma l-aktar Missier Qaddis, agħtini l-grazzja li nikseb il-ħajja eterna. Żagħżugħ prezzjuż, San Staniżlaw, itlob għalina. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.ignatianspirituality.com/ignatian-voices/16th-and-17th-century-ignatian-voices/st-stanislaus-kostka-sj

Alternative Reading: https://sanctoral.com/en/saints/saint_stanislaus_kostka.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Stanislaus_Kostka

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started