25 ta’ Ġunju: Beata Jutta ta’ Turinġia

Verżjoni Vidjo: Beata Jutta ta’ Turinġia

“Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.” – Ġesù f’Mattew 25:40.

Jutta

BEATA JUTTA TA’ TURINĠIA
Nobbli
1184 – ċ.1264

Tagħrif: Jutta twieldet fl-1184 ġewwa l-Ġermanja. Kienet l-ewwel bint ta’ Hermann I ta’ Turinġia u l-ewwel mara tiegħu Sofia.

Fl-1196, hija żżewġet lil Dietrich I ta’ Meissen u kellhom ħamest itfal. Il-virtù u d-devozzjoni kienu fuq quddiem nett fil-ħajja tal-koppja. Fl-1221, kienu qed jivjaġġaw f’pellegrinaġġ għall-Art Imqaddsa, meta Dietrich miet.

Wara li rat li wliedha ma jkun jonqoshom xejn, ingħatat ħajjitha għal Alla. Qassmet l-ilbies lussuż tagħha, il-ġojjelli kollha tagħha, l-għamara u l-fajjenza, il-grad tagħha, u daħlet sekular Franġiskan.

Bdiet tiddedika ħajjitha għall-proxxmu, tieħu ħsieb il-morda l-iżjed il-lebbrużi, il-foqra, il-persuni b’diżabbiltà, l-għomja u kienet tilqagħhom f’darha. Kienet tara wiċċ Alla f’kull wieħed u waħda minnhom, għad li ħafna nies kienu jiddieħku biha.

Fis-sena 1260, ftit biss qabel mietet, Jutta marret f’eremitaġġ ġewwa parti pagana fil-Ġermanja. Ma kinitx tieqaf titlob għall-konverżjoni tagħhom. Aktarx mietet fis-sena 1264. Hija l-Patruna tal-Prussja.

Ħsieb: Il-Beata Jutta ta’ Turinġia semgħet is-sejħa tal-Mulej u ddedikat ħajjitha f’atti ta’ karità lejn il-proxxmu. Imma din hija s-sejħa li Alla jagħmel lil kulħadd, b’mod speċjali lin-nisrani li qed jimxi fuq il-passi ta’ Kristu li kien moħħu kif se jkun hemm u jservi lin-nies. Il-karità  lejn il-proxxmu hi s-sinjal tan-nisrani. Minn dan is-sinjal, in-nies tagħraf li aħna veri segwaċi ta’ Kristu. Imma x’tip ta’ karità hi mistennija minna? Il-Knisja tgħallem li jeħtieġ li nipprattikaw dawk li ssejħilhom: L-Opri tal-Ħniena.

Dan hu dak li spjega l-Papa Franġisku fl-Udjenza tal-Erbgħa 12 ta’ Ottubru, 2016:

“Ġesù qalilna: ‘Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom” (Luqa 6:36). Dan hu impenn li jisfida l-kuxjenza u l-għemil ta’ kull Nisrani. Fil-fatt, mhux biżżejjed tagħmel esperjenza tal-ħniena ta’ Alla fil-ħajja tiegħek; hemm bżonn li kull min jirċeviha jsir ukoll sinjal u strument tagħha għall-oħrajn. Barra minn hekk, il-ħniena mhix riservata biss għal xi mumenti partikulari, imma tħaddan il-ħajja kollha tagħna ta’ kuljum.

Għalhekk, kif nistgħu nkunu xhieda tal-ħniena? Ejja ma naħsbux li dan ifisser li nagħmlu xi sforzi kbar jew ġesti ikbar milli nifilħu ta’ bnedmin li aħna. Le, mhuwiex hekk. Il-Mulej jurina triq wisq iżjed sempliċi, magħmula minn ġesti żgħar li, imma, f’għajnejh għandhom valur għoli, tant li hu qalilna li fuq dawn għad isir ħaqq minna. Fil-fatt, fost l-isbaħ paġni tal-Vanġelu ta’ Mattew insibu t-tagħlim li b’xi mod nistgħu nsejħulu t-‘testment ta’ Ġesù’ min-naħa tal-evanġelista, li daq direttament fil-ħajja tiegħu l-għemil tal-Ħniena. Ġesù jgħidilna li kull darba li nagħtu x’jiekol lil min hu bil-ġuħ u x’jixrob lil min hu bil-għatx, li nlibbsu persuna għarwiena u nilqgħu lil barrani, li nżuru lill-marid jew lill-ħabsi, dan inkunu nagħmluh lilu stess (ara Mattew 25:31-46). Il-Knisja dawn sejħitilhom ‘opri tal-ħniena korporali’, għax huma għajnuna lill-persuni fil-ħtiġijiet materjali tagħhom.

Imma hemm ukoll seba’ opri tal-ħniena msejħa ‘spiritwali,’ li jolqtu ħtiġijiet daqstant ieħor importanti, fuq kollox illum, għax imissu l-intimu tal-persuni u spiss joħolqu tbatija ikbar. Żgur li lkoll kemm aħna niftakru waħda li daħlet ħafna fil-lingwaġġ komuni: ‘Nieħdu bis-sabar lill-persuni li jdejquna.’ U minn dawn hawn; persuni li jdejquna nsibu ħafna! Taf tidher ħaġa ftit li xejn importanti, li ġġibilna tbissima, imma fiha sentiment ta’ mħabba kbira; u dan jgħodd ukoll għas-sitta l-oħra, li tajjeb infakkruhom: agħti parir tajjeb lill-ħosbien, għallem lil min ma jafx, widdeb lill-midinbin, farraġ lill-imnikktin, aħfer il-ħtijiet, itlob ’l Alla għall-ħajjin u għall-mejtin. Dawn ħwejjeġ tal-ħajja ta’ kuljum! ‘Kieku taf kemm inħossni mdejjaq…’ – “Dak Alla jgħinek, imma jien m’għandix ħin….’ Le! Nieqaf, nisimgħu, nagħtih il-ħin u nfarrġu, dak hu ġest ta’ ħniena u dan inkun nagħmlu mhux biss miegħu, imma nkun nagħmlu ma’ Ġesù!

Matul is-sekli, tant persuni sempliċi qegħduhom fil-prattika, u hekk taw xhieda ġenwina tal-fidi. Barra dan, il-Knisja, fidila lejn Sidha, għandha mħabba preferenzjali għall-iżjed dgħajfa. Spiss huma l-eqreb nies lejna li għandhom bżonn tal-għajnuna tagħna. M’hemmx bżonn noħorġu nfittxu għemejjel kbar xi nwettqu. Aħjar nibdew minn dawk l-iżjed sempliċi, li l-Mulej jurina bħala l-iżjed urġenti. F’dinja li b’xorti ħażina hi milquta mill-marda tal-indifferenza, l-opri tal-ħniena huma l-aħjar mediċina. Fil-fatt, jedukawna għall-attenzjoni lejn l-iżjed ħtiġijiet bażiċi tal-‘iċken fost ħutna’ (Mattew 25:40), li fihom hemm preżenti Ġesù. Ġesù hu dejjem preżenti hemm. Fejn hemm bżonn, persuna li hi fil-bżonn, kemm jekk materjali u kemm jekk spiritwali, hemm jinsab Ġesù.

Li nagħrfu wiċċu f’dak ta’ min hu fil-bżonn hi tassew sfida kontra l-indifferenza. Tgħinna biex nishru dejjem, u nevitaw li Kristu jgħaddi minn biswitna bla ma nagħrfuh. Tiġini f’moħħi l-frażi ta’ Santu Wistin: ‘Timeo Iesum transeuntem’ (Serm., 88, 14, 13), ‘Nibża’ mill-Mulej għaddej’ u jien nibqa’ ma nagħrfux, li l-Mulej jgħaddi minn quddiemi f’waħda minn dawn il-persuni ċkejknin, fil-bżonn u jien ma nintebaħx li dan hu Ġesù. Nibża’ li l-Mulej jgħaddi u jien nibqa’ ma nagħrfux! Staqsejt lili nnifsi għaliex Santu Wistin qal li jibża’ mill-Mulej għaddej. Sfortunatament it-tweġiba qiegħda fil-mod kif inġibu ruħna aħna: għax spiss aħna moħħna band’oħra, indifferenti, u meta l-Mulej jgħaddi qrib tagħna aħna nitilfu l-okkażjoni li niltaqgħu miegħu.

L-opri tal-ħniena jerġgħu jqajmu fina l-ħtieġa u l-ħila li l-fidi nżommuha ħajja u ħawtiela bl-imħabba. Jiena konvint li permezz ta’ dawn il-ġesti sempliċi fil-ħajja ta’ kuljum nistgħu nġibu rivoluzzjoni kulturali vera, kif seħħ fl-imgħoddi. Jekk kull wieħed u waħda minna, ta’ kuljum, jagħmel minn dawn l-opri, din tkun rivoluzzjoni fid-dinja! Imma lkoll kemm aħna, kull wieħed u waħda minna. Kemm qaddisin għadhom imfakkra sal-lum mhux għall-opri kbar li wettqu, imma għall-imħabba li għarfu jgħaddu!

Naħsbu f’Madre Tereża, ikkanonizzata ftit ilu: ma nfakkruhiex għal ħafna djar li fetħet mad-dinja kollha, imma għax kienet tmil lejn kull persuna li kienet issib f’nofs ta’ triq biex troddilha d-dinjità tagħha. Kemm tfal mitluqa għafset ma’ dirgħajha; kemm moribondi sieħbet fuq l-għatba tal-eternità hi u taqbdilhom idejhom! Dawn l-opri ta’ ħniena huma l-karatteristiċi tal-Wiċċ ta’ Ġesù Kristu li jieħu ħsieb tal-iċken fost ħutu biex lil kull wieħed u waħda jwassal il-ħlewwa u l-qlubija ta’ Alla. Ħa jgħinna l-Ispirtu s-Santu, ħa jkebbes fina l-Ispirtu s-Santu x-xewqa li ngħixu b’dan l-istil ta’ ħajja: tal-inqas nagħmlu waħda ta’ kuljum, tal-inqas! Nitgħallmu mill-ġdid bl-amment l-opri tal-ħniena korporali u spiritwali u nitolbu lill-Mulej jgħinna nqegħduhom fil-prattika ta’ kuljum u kull darba li naraw lil Ġesù f’persuna fil-bżonn.”

Talba: O Alla, int tajt lill-Beata Jutta ta’ Turinġia l-grazzja li tagħraf u tweġġaħ lil Kristu fin-nies ta’ madwarha u f’kull xorta ta’ bżonn tagħhom: bit-talb tagħha, agħmel li nħobbu bi mħabba kbira lil kulħadd, l-aktar lill-foqra, l-imġarrba u lil dawk li huma diffiċli li nħobbuhom. Bi Kristu Sidna. Ammen.  

English Version: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/blessed-jutta-of-thuringia/

Alternative Reading: https://www.beliefnet.com/faiths/catholic/saints/j/jutta-of-thuringia.aspx

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Jutta_of_Thuringia

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started