4 ta’ Jannar: Santa Eliżabetta Anna Seton

Verżjoni Vidjo: Santa Eliżabetta Anna Seton

“Nafu fiċ-ċert li Alla tagħna jsejjħilna għal ħajja qaddisa. Aħna nafu li hu jagħtina kull grazzja, kull grazzja abbundanti; u għalkemm aħna erwieħ tant dgħajfa, din il-grazzja għandha l-qawwa li tgħenna negħelbu kull ostaklu u diffikultà.” – Santa Eliżabetta Anna Seton

setonSANTA ELIŻABETTA ANNA SETON
Omm, Edukatura u Fundatriċi
1774 – 1821

Tagħrif: Din il-qaddisa twieldet fi New York City u kienet bint Richard Bayley, li kien professur tal-anatomija f’dik li llum tissejjaħ Columbia University. Ħuha minn omm oħra kien l-arċisqof James Roosevelt Bayley ta’ Baltimore. Kienet edukata u mtellgħa fir-reliġjon protestanta minn missierha li kien Episcopalian.

Ta’ 20 sena (1794) żżewġet lin-negozjant William Magee Seton u involviet ruħha f’ħidma soċjali billi għenet, fl-1797, fit-twaqqif tas-Soċjetà għall-għajnuna tan-nisa romol fqar bi tfal żgħar.

Ta’ 29 sena (1803) sabet ruħha armla b’ħamest itfal meta żewġha miet f’Pisa, l-Italja, fejn kien mar biex jieħu saħħtu. L-għajnuna u l-eżempji sbieħ tal-familja Kattolika Filicchi li laqgħetha għandha meta kienet fl-Italja impressjonawha ħafna u nisslu fiha interess fir-reliġjon Kattolika.

Wara sitt xhur fl-Italja, Eliżabetta Seton marret lura fl-Istati Uniti u, fl-1805, il-fidi tagħha fl-Ewkaristija mexxietha flimkien mal-ħames uliedha biex saret Kattolika. Minħabba f’hekk niesha u ħbiebha ħaduha kontriha u abbandunawha.

Dr Dubourg, superjur tas-Sulpizjani f’Baltimore, stedinha tibda skola għall-bniet f’din il-belt. Għemejjel ta’ ħniena kienu dejjem parti minn ħajjitha u għalhekk malajr fetħet skola għat-tfal foqra f’Baltimore bl-għajnuna ta’ erbat iħbieb tagħha. L-iskola mxiet ‘il quddiem u aktar tard is-superjur tas-Sulpizjani, bl-approvazzjoni tal-Arċisqof Carroll, ta lil Eliżabetta u ‘l sħabha regola ta’ ħajja. Kellhom ukoll il-permess li jagħmlu l-professjoni reliġjuża u jilbsu l-abitu reliġjuż.

Fl-1809, Eliżabetta ħadet il-komunità żagħżugħa tagħha f’Emmitsburg, fil-Maryland, fejn hi addottat ir-regola tal-Ulied tal-Karità ta’ San Vinċenz de Paul. Din il-komunità reliġjuża ġdida bdiet tissejjaħ s-Sorijiet (tal-Karità) ta’ San Ġużepp.

Fid-19 ta’ Lulju tal-1813 Madre Seton u sbatax minn sħabha għamlu l-voti u taw bidu għas-sistema ta’ skejjel parrokkjali fl-Istati Uniti, bla ma ttraskuraw il-qadi tal-foqra u speċjalment tan-nies ta’ kulur. Hi kienet tħarreġ lill-għalliema u hi stess ħejjiet text-books għall-użu fl-iskejjel.

Waqqfet ukoll orfanatrofji f’Filadelfja u fi New York. Is-sorijiet tagħha malajr xterdu mal-Istati Uniti u meta hi mietet, fl-4 ta’ Jannar 1821, ta’ 47 sena, kellhom diġà 20 dar. Is-sorijiet tagħha llum huma l-aktar numerużi fl-Istati Uniti u l-kontribut tagħhom fl-edukazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ huwa tassew kbir. Santa Eliżabetta Anna Seton kienet iddikjarata qaddisa mill-Papa Pawlu VI fl-1975.

Ħsieb: Tassew li fost diversi opri li wettqet, kienet Santa Eliżabetta Anna Seton li waqqfet l-ewwel skola Kattolika b’xejn għat-tfajliet fl-Amerika. Imma l-aktar li xtaqt nenfasizza r-riflessjoni tal-lum hu fuq il-fatt li kienet “omm” u kemm nissottovalutaw dan ir-rwol tant meħtieġ fil-Knisja u fis-soċjetà.

Papa Franġisku fl-Udjenza Ġenerali tas-7 ta’ Jannar 2015, jgħid hekk dwar il-valur tal-ommijiet:

“Kull bniedem jaf ħajtu lil omm, u kważi dejjem jaf lilha wkoll ħafna mill-bqija ta’ ħajtu, mill-formazzjoni umana u spiritwali tiegħu. Imma l-omm, anki jekk hi eżaltata ħafna mil-lat simboliku, – tant poeżiji, tant affarijiet sbieħ li jingħadu poetikament fuq l-omm – ftit hi mismugħa u ftit issib għajnuna fil-ħajja ta’ kuljum, ftit hi meqjusa fir-rwol ċentrali tagħha fis-soċjetà. 

L-ommijiet huma l-aqwa antidotu kontra t-tixrid tal-individwaliżmu egoistiku. ‘Individwu’ jfisser ‘li ma tistax taqsmu.’ Imma l-ommijiet ‘jinqasmu.’ Ibda minn meta jilqgħu iben fi ħdanhom biex jagħtuh lid-dinja u jrabbuh. Huma l-ommijiet l-aktar li jobogħdu l-gwerra, li toqtlilhom lil uliedhom.  

L-Arċisqof Oscar Arnulfo Romero kien jgħid li l-ommijiet iġarrbu ‘martirju matern.’ Fl-omelija għall-funeral ta’ saċerdot maqtul mill-iskwadri tal-qtil, hu tenna dak li qal il-Konċilju Vatikan II:

‘Kollha kemm aħna rridu nkunu lesti mmutu għall-fidi tagħna, anki jekk il-Mulej ma jagħtiniex dan l-unur… Li nagħtu ħajjitna ma jfissirx biss niġu maqtula; nagħtu ħajjitna, ikollna spirtu ta’ martirju, ifisser li ningħataw fid-doveri tagħna, fis-silenzju, fit-talb, fit-twettiq onest ta’ dmirijietna; f’dak is-silenzju tal-ħajja ta’ kuljum; nagħtu ħajjitna ftit ftit! Iva, kif tagħtiha omm, li bla biża’, bis-sempliċità tal-martirju matern, tnissel f’ġufha iben, tagħtih id-dawl, treddgħu, trabbih u tieħu ħsiebu bi mħabba. Dan ifisser tagħti ħajtek. Dan hu martirju.’

Soċjetà mingħajr ommijiet kienet tkun soċjetà diżumana, għax l-ommijiet jafu jagħtu xhieda dejjem, anki fl-agħar mumenti, bil-ħlewwa tagħhom, bid-dedikazzjoni tagħhom, bil-fibra morali li għandhom. L-ommijiet spiss jittrasmettu wkoll is-sens l-aktar profond tal-prattika reliġjuża: fl-ewwel talbiet, fl-ewwel ġesti ta’ devozzjoni li tfajjel jitgħallem, hemm minqux il-valur tal-fidi fil-ħajja ta’ bniedem. Hu messaġġ li l-ommijiet li jemmnu jafu jgħadduh mingħajr ħafna spjegazzjonijiet: dawn jiġu wara, imma ż-żerriegħa tal-fidi qiegħda f’dawk l-ewwel waqtiet mill-aktar prezzjużi. Mingħajr l-ommijiet, mhux biss ma kienx ikun hemm fidili ġodda, imma l-fidi kienet titlef parti sewwa mis-sħana sempliċi u qawwija tagħha.”

Talba: O Alla, Int qaddist lil Eliżabetta Anna Seton b’don u grazzji; bħala mara u omm, edukatura u fundatriċi, sabiex setgħet tgħaddi ħajjitha f’servizz lejn il-poplu tiegħek. Agħtina li permezz tal-eżempju u t-talb tagħha, aħna wkoll naslu biex nitgħallmu nesprimu l-imħabba tagħna lejk fl-imħabba u l-qadi tagħna lejn il-bnedmin kollha li fihom għandna naraw lilek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/01/st-elizabeth-ann-seton.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-elizabeth-ann-seton-105 

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Elizabeth_Ann_Seton

Film on the life of Elizabeth Ann Seton:

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started