8 ta’ Frar: San Ġirolmu Emiliani

Verżjoni Vidjo: San Ġirolmu Emiliani

“Jekk inti tibqa’ kostanti fil-fidi, quddiem il-prova, il-Mulej jagħtik il-paċi u l-mistrieħ għal xi żmien f’din id-dinja u għal dejjem f’li jmiss.” – San Ġirolmu Emiliani

Saint_Jerome_EmilianSAN ĠIROLMU EMILIANI
Saċerdot
1481 – 1537

Tagħrif: San Ġirolmu twieled f’Venezja, l-Italja, fl-1481. Meta kien għadu tifel, tilef lil missieru. Ommu rabbietu fil-biża’ t’Alla; iżda l-passjonijiet ħżiena fgaw iż-żerriegħa tajba. Ta’ ħmistax il-sena telaq mid-dar, u ma damx ma daħal suldat, fejn ittraskura u sar indifferenti għar-reliġjon.

Ħa sehem fid-difiża ta’ Castelnuovo kontra l-lega ta’ Cambraj u waqa’ priġunier (1508). Fil-ħabs kienet tistennieh il-grazzja t’Alla; daħal fih innifsu u beda jaħseb fuq l-istat infeliċi ta’ ruħu. Malli ħeles mill-ħabs mar għamel pellegrinaġġ lill-Madonna ta’ Treviso, bi twettiq ta’ wegħda li kien għamel. Xi għaxar snin wara, meta kellu 25 sena, waqa’ priġunier.

Fil-fatt ħarab mill-ħabs, u tassew biddel ħajtu, u xtaq isir qassis. Waqt li kien jistudja kien ukoll isib ħin iżur il-morda, u jgħallem ir-reliġjon lit-tfal iltiema.

Fl-1518, meta kellu 37 sena sar qassis, u ntefa’ b’ruħu u b’ġismu biex jieħu ħsieb it-tfal u jedukahom speċjalment lil dawk li kienu orfni jew ittraskurati mill-ġenituri tagħhom. Meta fl-1528 faqqgħet l-epidemija tal-pesta f’Venezja, ħa f’idejh l-isptar li kien twaqqaf minn San Gejtanu, u kont issibu kullimkien jgħin u jfarraġ.

Iżda l-iltiema kienu saru l-mimmi t’għajnejh. Kera dar għalihom u bl-għajnuna ta’ xi sekulari kien jieħu ħsiebhom għal kollox u jrabbihom hu. Fl-1531, mar Verona u hemmhekk bena sptar ieħor. Mar Brescia u bena orfanatrofju. Minn hemm mar Bergamo fejn bena żewġt orfanatrofji, wieħed għas-subien u l-ieħor għall-bniet, u hawn fetaħ ukoll dar għan-nisa u x-xebbiet li jkunu għaddejjin minn perjodu ħażin f’ħajjithom.

Żewġ qassisin oħra ngħaqdu miegħu għal dan ix-xogħol, Alessandro Besuzio u Agostino Bariso. Fl-1532, waqqaf Kongregazzjoni li l-għan ewlieni tagħha kien li tieħu ħsieb l-iltiema, il-morda u l-foqra. Il-membri tagħha kienu saċerdoti, li ġew imsejħin Somaski għax id-dar ċentrali tal-Kongregazzjoni kienet f’raħal żgħir, qrib Milan, jismu Somaska. Skont ir-regola tal-kongregazzjoni x-xogħol ewlieni tal-membri għandu jkun it-trobbija tal-iltiema u l-ħsieb tal-fqar u l-morda.

San Ġirolmu kien l-ewwel wieħed li beda jgħallem ir-reliġjon lit-tfal bil-Katekiżmu, f’forma ta’ mistoqsija u tweġiba.

Il-qaddis miet ta’ 56 sena fit-8 ta’ Frar tal-1537, martri taż-żelu tiegħu: ittieħed Bergamo waqt li kien idur bil-morda u miet Somaska. San Ġirolmu ġie kanonizzat fl-1767 u għamluh Patrun tal-orfni u tat-tfal abbandunati fl-1928.

Ħsieb: Ladarba beda jivvjaġġa ‘l bogħod minn dik il-fortizza tal-ħabs, qatt ma waqaf jiġri! Huwa studja, ġie ordnat saċerdot, u vvjaġġa matul it-Tramuntana tal-Italja. Stabbilixxa orfanatrofji, sptarijiet, u djar għall-orfni, għat-tfal abbandunati, għal nisa f’diffikultà, u għal nies imwarrba ta’ kull tip. Waqt li eżerċita l-ministeru saċerdotali tiegħu f’Ewropa li nofsha għadha Protestanta, huwa kiteb l-ewwel katekiżmu f’forma ta’ mistoqsija u risposta. Bħal ħafna qaddisin, ħadem fuq li ħadem u deher qisu kien qiegħed kullimkien fl-istess ħin, ileħħaq ma’ kull opra tajba, u kien jieħu ħsieb lil kulħadd minbarra lilu nnifsu. Filwaqt li kien qed idur bil-morda, ġie infettat u miet martri għall-ġenerożità. Huwa kien, b’mod naturali, it-tip ta’ bniedem li attira bosta segwaċi li eventwalment iffurmaw fi Kongregazzjoni reliġjuża u rċevew approvazzjoni ekkleżjastika fl-1540.

Il-ħajja tiegħu kienet tiddependi fuq ħaġa waħda u hija lezzjoni għalina lkoll. Is-sofferenza emottiva, fiżika jew psikoloġika, meta tiġi maħkuma jew ikkontrollata, tista’ tkun preludju għall-gratitudni intensa u għall-ġenerożità kbira.

  • Ħadd ma jimxi fit-triq aktar ħieles minn dak li qabel kien ostaġġ.
  • Ħadd ma jgawdi sodda sabiħa u komda bħal xi ħadd li darba kien jorqod fit-toroq.
  • Ħadd ma jiġbed nifs ta’ arja friska ta’ filgħodu bħal xi ħadd li għadu kemm sema’ lit-tabib jgħidlu li l-kanċer m’għadux hemm.

Ġirolmu Emiliani qatt ma tilef il-gratitudni li mliet lil qalbu fil-mument tal-ħelsien tiegħu mill-ħabs. Kollox kien ġdid. Kulħadd kien żagħżugħ. Id-dinja kienet tiegħu. U hu seta’ jinvesti l-enerġija kollha tiegħu f’servizz lil Alla u lill-proxxmu għax issa kiseb il-libertà.

Ħafna drabi l-ħajja tagħna tidher tieħu xi forma ta “priġunerija” bl-għan li teħlisna minn irbit fir-ruħ tagħna jew tkabbarna fil-ħajja tar-ruħ bħalma ppermetta l-Mulej fil-ħajja ta’ dan il-qaddis tal-lum. Meta aħna “maqbuda” f’xi sitwazzjoni ma rridux nkunu fiha, fl-aħħar nitgħallmu kif nistgħu nilliberaw lill-oħrajn minn dak li jkun qed jassarhom.

Biex wieħed jimxi fuq il-passi ta’ San Ġirolmu Emiliani, jista’, jekk ikun possibli għalih/għaliha jiddeċiedi li jsir ġenitur ta’ trabi jew tfal orfni u abbandunati jew f’xi tip ta’ bżonn. Miljuni ta’ tfal jeħtieġu l-imħabba u l-kura ta’ familja li trabbihom, familja li forsi m’għandhomx! Ikkuntattja l-aġenziji tiegħek li joffru Servizzi ta’ dan it-tip lill-Familji jew lis-Sorijiet tal-Ursulini (The Ursuline Sisters of Saint Angela Merici) li jagħmlu din il-ħidma ma’ tfal fil-bżonn u dawn ikunu jistgħu jgħidulek modi differenti li jeżistu kif wieħed jista’ jikkontribwixxi.

San Ġirolmu Emiliani, int għelibt il-ħabs biex tgħix ħajja produttiva ddedikata lil Alla u lill-bnedmin. Għin b’talbek lil dawk kollha li jinsabu f’xi forma ta’ ħabs għax huma limitati b’xi mod – fiżikament, finanzjarjament, emozzjonalment, spiritwalment, jew psikoloġikament – biex jegħlbu dak li jorbothom u jgħixu ħajja mingħajr imrar iddedikata għall-persuni fil-bżonn ta’ kwalunkwe tip, speċjalment dawk li ma jafux lil Alla.

Ejjew nitolbu wkoll lil San Ġirolmu Emiliani, għat-tfal kollha abbandunati, neqsin mill-imħabba u/jew abbużati biex b’talbu jagħtihom persuni u ċirkustanzi li jimlewhom bil-kuraġġ, u fejn ikunu jistgħu jesperjenzaw l-imħabba ta’ Alla permezz ta’ dawk li jieħduhom fil-kura tagħhom. Nitolbuh jinterċedi għalina wkoll, li forsi ninsabu marbuta b’xi forma ta’ ktajjen li qed iżommuna milli ngħixu l-ħajja li Alla ħaseb għalina.

Tifhem in-neċessità li tgħin bil-mezzi li għandek lill-istituti tal-Karità? Qiegħed tgħin?

Talba: O Alla, Missier ta’ kull ħniena, int ħadt ħsieb it-tfal iltiema u bgħattilhom lil San Ġirolmu Emiliani biex jieqaf magħhom u jkunilhom missier; bit-talb tiegħu, agħtina li nħarsu b’fedeltà sħiħa l-Ispirtu ta’ adozzjoni, li bih nissejħu wliedek, u aħna tassew. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/02/st-jerome-emiliani.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-jerome-emiliani/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Gerolamo_Emiliani

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started