Qaddej ta’ Alla Fra Baskal Farrugia

Verżjoni Vidjo: Qaddej ta’ Alla Fra Baskal Farrugia

Fra BaskalFRA BASKAL FARRUGIA
Kapuċċin
1869 – 1937

Tagħrif: 

Ħamsin Sena ilu saret ir-Rikonjizzjoni
Kien eżattament fis-6 ta’ April 1953 meta fil-preżenza ta’ Mons. Ġużeppi Pace, Isqof ta’ Għawdex u tar-Rev. Patri Pietru Mamo, Provinċjal tal-kapuċċini saret ir-rikonjizzjoni ta’ Fra Baskal Farrugia fil-Kripta tal-Knisja tal-Madonna tal-Grazzja fir-Rabat, Għawdex.

Fra Baskal twieled u ġie mgħammed iż-Żebbuġ ta’ Għawdex, nhar l-Erbgħa 10 ta’ Frar, 1869. Il-ġenituri tiegħu kienu Ġużeppi Farrugia miż-Żebbuġ, Għawdex u Roża Spiteri imwielda x-Xagħra minn Ġużeppi u Marija neè Cini. Fil-magħmudija tawh l-isem ta’ Salvu, Mikiel u Ġużeppi, iċ-ċelebrant kien Dun Bartilmew Busuttil. Salvu kien ir-raba’ wieħed minn familja ta’ tlettax-il wild.

Vokazzjoni Reliġjuża
Salvu meta kien għadu ċkejken kien diġà beda jħoss li jixtieq isir reliġjuż. Meta kien jara xi Fratell Kapuċċin jiġbor iċ-ċirka (karità) fit-toroq taż-Żebbuġ kien jissaħħar warajh.

Meta kellu madwar wieħed u għoxrin sena eżattament fl-24 ta’ Diċembru 1890, Salvu ġie mlibbes iċ-ċoqqa kapuċċina minn idejn Patri Ġużeppi Marija mill-Birgu, fil-knisja tal-Madonna tal-Grazzja fil-Belt Victoria Għawdex. F’din iċ-ċerimonja isem Salvu ġie mibdul f’dak ta’ Fra Baskal minn Għawdex.

Reliġjuż eżemplari u ta’ penitenza
Fil-ħajja reliġjuża tiegħu, Fra Baskal wettaq diversi responsabbiltajiet, l-iktar dik ta’ sagristan u ċirkatur. Il-biċċa l-kbira ta’ ħajtu għaddieha fil-kunvent ta’ Għawdex. Kien reliġjuż eżemplari u ta’ penitenza, devot kbira ta’ Ġesù Ewkaristija u tal-Madonna tal-Grazzja. Il-gost tiegħu kien li jgħin lil dawk il-foqra li kuljum kienu jmorru jħabbtu l-bieb tal-kunvent għall-karità u l-ikel.

Fra Baskal miet b’fama ta’ qdusija nhar it-Tlieta 18 ta’ Mejju 1937, fl-isptar ġenerali ta’ Għawdex. Folla kbira ta’ nies imlew it-toroq li minnhom għadda l-funeral. Meta l-katavru wasal fil-knisja tal-Madonna tal-Grazzja saret quddiesa, imbagħad ġie midfun fil-kripta tal-istess knisja fil-qabar numru wieħed.

Jinġabar il-fdal tiegħu f’urna
Wara l-mewt ta’ Fra Baskal ħafna nies kienu jmorru kuljum fuq il-qabar tiegħu biex jitolbuh jidħol għalihom fil-bżonnijiet tagħhom tal-ġisem u tar-ruħ. Xi wħud kienu jistqarru li qalgħu grazzji bl-interċessjoni tiegħu. B’hekk il-fama ta’ qdusija li kien igawdi f’ħajtu kompliet tikber wara mewtu.

Kienu għaddew kważi sittax-il sena mill-mewt ta’ Fra Baskal meta fis-6 ta’ April 1953 saret ir-rikonjizzjoni legali tal-katavru tiegħu kif jitolbu l-liġijiet tal-knisja. Flimkien mal-isqof ta’ Għawdex u mal-Provinċjal tal-Kapuċċini kien hemm preżenti n-nutar Francesco Refalo, u bħala xhieda Dr Antonio Tabone, tabib prinċipali tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-Onor. Edgar Montanaro, kummissarju għal Għawdex.

Il-fdal ta’ Fra Baskal tqiegħed f’tebut taż-żingu. Wara li ġie ssiġillat mill-isqof u mill-provinċjal, tqiegħed f’urna tal-injam li tinsab fil-kripta tal-knisja tal-Kapuċċini ta’ Għawdex.

Nhar il-Ħadd 6 ta’ April 2003, ġiet iċċelebrata Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fis-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja fir-Rabat, Għawdex fejn hemm il-kripta ta’ Fra Baskal.

Kuntratt tar-Rikonizzjoni tal-Kadavru ta’ Fra Baskal (illum, is-6 ta’ April, 1953)
Quddiemi Nutar Francesco Refalo u quddiem ix-xhieda legalment kapaċi deher hawn personalment, il-Wisq Rev. Patri Provinċjal tar-Reverendu Patrijiet tal-Kapuċċini Pietro Mamo, bin il-mejtin Francesco u Emmanuela neè Galea imwieled u residenti l-Furjana, Malta.

Minni Nutar magħruf; bis-saħħa ta’ dan il-Kuntratt jiena Nutar sottoscritt Francesco Refalo ġejt imsejjaħ mill-Wisq Reverendu Patri Provinċjal Pietru mill-Furjana tal-Ordni tal-Patrijiet Minuri Kapuċċini tal-Provinċja ta’ Malta. Fis-sotterran tal-Knisja taħt it-titlu tal-Madonna tal-Grazzja tal-Kunvent tal-Patrijiet Kapuċċini ta’ Għawdex sabiex nagħti legalment ix-xhieda tiegħi u nestendi dan l-att pubbliku u legali skont ma’ huwa preskritt mil-liġijiet tal-Knisja.

Iġifieri li quddiemi u quddiem ix-xhieda kompetenti ġie miftuħ il-qabar numru wieħed C (1.c.) fejn ġie u sa issa kien jinsab midfun l-Ajk Profess Kapuċċin Fra Baskal miż-Żebbuġ ta’ Għawdex li miet fit-tmintax (18) ta’ Mejju tas-sena elf disa’ mija u sebgħa u tletin (1937) miżmum minn kulħadd b’fama ta’ qdusija.

Li flimkien mal-imsemmi Fra Baskal minn Għawdex instab midfun ukoll il-ġisem ta’ reliġjuż ieħor Fra Paċifku minn Bormla Malta. Imma Fra Franġisk minn Għawdex Ajk Kapuċċin li jinsab hawn preżenti għal dan l-att solenni u legali jistqarr taħt ġurament illi l-ewwel katavru li nstab fil-miftuħ qabar numru wieħed C (1.c.) huwa tal-mejjet Fra Baskal miż-Żebbuġ ta’ Għawdex għaliex meta miet dan l-Ajk Fra Baskal hu ġie midfun fil-wiċċ tal-qabar numru wieħed C.(1.c.) kien preżenti u jista’ jiddikjara li minn dak inhar dak il-qabar ma nfetaħx aktar u b’hekk jista’ jiġi dikjarat b’ċertezza billi dan l-imsemmi Fra Franġisk minn Għawdex kien u baqa’ fil-familja reliġjuża Kapuċċina ta’ fuq imsemmi Kunvent tal-Kapuċċini.

Għalhekk billi l-imsemmi Fra Baskal minn Għawdex miet b’fama ta’ qdusija u skont ma jingħad qegħdin jinqalgħu bosta grazzji mingħand Alla bl-interċessjoni tiegħu, l-Eċċellenza tiegħu Reverendissima Monsinjur Giuseppe Pace Isqof ta’ Għawdex ried u ndenja ruħu li jkun preżenti għal din ir-Rikonjizzjoni solenni u legali tal-ġisem tal-imsemmi Fra Baskal u quddiemi stess u quddiem xhieda oħra bħalma huma preżenti Dr Antonio Tabone Tabib prinċipali ta’ l-Isptar governattiv tal-Belt Victoria Għawdex; l-Onor. Edgar Montanaro, Kummissarju ta’ Għawdex; il-Wisq Rev. Patri Provinċjal tal-Kapuċċini tal-Provinċja ta’ Malta Pietru mill-Furjana; ir-Rev. Patri Anġeliku minn Għawdex Gwardjan tal-Kunvent tal-Kapuċċini ta’ Għawdex dan il-ġisem ta’ Fra Baskal mill-qabar numru wieħed C (1.c.) tas-sotterran tal-Knisja tal-Madonna tal-Grazzja tal-Patrijiet Minuri Kapuċċini ta’ Għawdex ġie midfun u mqiegħed u ssaldat ġo kaxxa taż-żingu u dina ġo oħra tal-injam u ġie ssiġillat b’żewġ siġilli minn wieħed tal-Eċċellenza Tiegħu Mons. Giuseppe Pace Isqof ta’ Għawdex u l-ieħor tal-Provinċja tal-Patrijiet Kapuċċini. Fuq sider il-kadavru ta’ Fra Baskal ġie mqiegħed ukoll stoċċ tal-ħġieġ bil-ħajja tiegħu fil-qosor u miktuba fuq il-pergamena.

Magħmul u ppubblikat dan il-kuntratt magħmula l-previa u debita ċerziorazioni lil probi kontraenti fis-sotterran tal-Knisja tal-Kapuċċini li tinsab Triq Kapuċċini, Victoria, Għawdex mingħajr numru quddiem ix-xhieda legalment kapaċi Edgar Montanaro Kummissarju ta’ Għawdex bin il-mejjet Guglielmo mwieled il-Furjana, Malta u residenti Victoria, Għawdex u s-sinjur Cavalier Dottor in Medicina Antonio Tabone bin il-mejjet Nicolo mwieled u joqgħod Victoria, Għawdex. Xhieda hawn taħt iffirmati li għandhom il-kwalitajiet kollha rikjesti mil-Liġi Attwali kif huma stess jistqarru u jiddikjaraw.

P. Pietru mill-Furjana O.F.M. Kap. Min. Provinċjal.
Edgar G. Montanaro Kummissarju ta’ Għawdex – xhud.
Antonio Tabone M.D., – xhud
Francesco Refalo Nutar – Pubbliku Malti.
Ikkolazzjonat mal-oriġinal
Francesco Refalo Nutar Pubbliku Malti.
A true copy from my deeds. Quod attestor. Given on this the 14th April, 1953:
FRANCESCO REFALO (Notary Public of Malta).

Links about Fra Baskal Farrugia:  

  1. https://www.findagrave.com/memorial/29578527/baskal-farrugia
  2. http://www.laikos.org/FraBaskalFarrugia.htm
  3. https://books.google.com.mt/books/about/is_Serv_ta%CA%BE_Alla.html?id=x82augEACAAJ&redir_esc=y
  4. https://www.facebook.com/Fra-Baskal-Farrugia-Kapu%C4%8B%C4%8Bin-108950997320641
  5. http://www.laikos.org/FraBaskalFarrugia.htm#Sigra
  6. https://laikosblog.org/2016/09/13/il-fra-li-jnissillek-tbissima/

Nota: It-Tagħrif dwar il-Qaddej ta’ Alla Fra Baskal Farrugia meħud minn artiklu li deher fil-Leħen is-Sewwa, Is-Sibt 5 ta’ April, 2003, p.10. Il-Kuntratt tar-Rikonjizzoni huwa meħud mill-ktejjeb ta’ Patri Anġlu (Mizzi) mill-Belt, Tagħlim meqjus u Qasir fuq il-Ħajja u l-Mewt ta’ Fra Baskal minn Għawdex, Kappuċċin, Malta 1953.

Frenċ tal-Għarb

Verżjoni Vidjo: Frenċ tal-Għarb

c74247b01d99e832fae222405c1b17a89735e3e0-1452194447-568eba8f-360x251FRENĊ TAL-GĦARB
1892 – 1967

Tagħrif: Għal ħafna snin, ir-raħal ċkejken tal-Għarb, Għawdex, kien ikaxkar ħafna nies lejh u dan minħabba biex jitkellmu ma’ bniedem tassew sempliċi, ma’ bidwi li l-għejxien u l-ħobża tiegħu kienu biss mill-għelieqi. Dan il-bniedem hu Frenċ tal-Għarb li ismu hu marbut ukoll mal-istess raħal. Frenċ kien ġej minn familja fqira u ma kellux ix-xorti li jitgħallem l-iskola, iżda minkejja dan hu kellu ħafna għerf u kliemu kien ta’ ġid kbir għal ħafna nies.

Twieled l-Għarb fit-3 ta’ Diċembru fl-1892 minn Salvu u Beneditta Mercieca. Hu kien it-tmien wieħed minn familja ta’ ħdax. Frenċ kien devot kbir tal-Madonna u kien jitkellem dejjem fuq imħabbitha lejna l-bnedmin, u jonqox isimha fil-qalb ta’ dawk li jfittxuh. Hu kien iqim lill-Madonna taħt it-titlu tal-Madonna Ta’ Pinu (ara Madonna Ta’ Pinu), għar-rabta speċjali li hu kellu lejn is-Santwarju tagħha.

Kemm-il darba kien jitlob sagrifiċċji mingħand il-bnedmin għall-ġieħ ta’ Marija, sabiex, meta huma jaqilgħu dak li jitolbu, ma jinsewx li l-grazzja ingħatat lilhom bl-interċessjoni tagħha. Frenċ kien ċert li l-Madonna kienet qed tnebbħu x’kellu jagħmel. Ma kienx it-tip ta’ bniedem li joqgħod ixandar affarijiet straordinarji, anzi kien pjuttost jaħbi li jkun ġara. Kien tassew bniedem ferrieħi u mħabbtu lejn Alla, il-Madonna u l-qaddisin ma kellha l-ebda fanatiżmu. Hu kien ikun iddispjaċut ħafna meta kien jisma’ bl-offiżi li jsiru kontra l-qaddisin.

Frenċ kien jitkellem ħafna dwar xi pariri li jkun ta, imma hu qatt ma kixef l-isem ta’ ħadd. Kien jgħin ukoll finanzjarjament lin-nies u lill-Knisja. Frenċ kellu kull qima lejn il-qassis għaliex fih jara l-ministru ta’ Alla. Fl-imħabba li kellu lejn kull qassis, meta xi wieħed kien imur biex ikellmu, Frenċ kien iħoss li għandu jagħmel preferenza miegħu, u ma joqgħodx iħallih jistenna wara l-oħrajn. Hu ġieli ħadha ma’ dawk li gergru għad-drawwa tiegħu. Imma, biex insemmi każ wieħed, meta sema’ t-tgergir, Frenċ kien pront wieġeb: “Morru, jekk ma tridux tistennew. Jien lis-saċerdot nistmah qabel u fuq kulħadd.

Frenċ kien sar magħruf ħafna mal-Isqof ta’ Għawdex. L-isqof Mikiel Gonzi kien jistaqsi fuq Frenċ biex isir jafu aħjar, u fl-Omelija li għamel wara l-mewt tiegħu fis-Santwarju ta’ Pinu, faħħru għall-kwalitajiet sbieħ tiegħu u għall-ġid kbir li kien għamel. L-isqof Ġużeppi Pace kien jafu ħafna aħjar, hu kien imur għand Frenċ ta’ sikwit, saħansitra għal xi messaġġi għax kien jemmen ħafna fi Frenċ. Darba l-isqof talab mingħand Frenċ xi kura għal bint in-neputija tiegħu.

Ġrajjiet u Fejqan
Għand Frenċ kien imur kulħadd, żgħażagħ, anzjani, politiċi, professuri, barranin bħal ma huma l-Ingliżi u t-Taljani. Kienu jmorru nies minn kull livell soċjali. Kienu jmorru mijiet għandu. Żjara għandu kienet tnissel ferħ kbir. Persuna tgħid hekk: “Kull meta kellimtu ħassejt konsolazzjoni kbira, li qatt ma ħassejt bħalha f’ħajti.” “Ġieli marru għandu xi barranin ukoll; dawn aktarx li kienu jkunu mqanqlin mill-kurżità hu kien jitkellem magħhom permezz ta’ interpretu.”

Mara mill-Isla kitbet hekk: “Għandi t-tifel ta’ binti li ħa skoss f’riġlejh. Ħadtu għar-ritratt u fir-ritratt ma rriżulta li għandu xejn; iżda xorta waħda għadu muġugħ ħafna. Jiena qiegħda nibża’ li għandu xi ħaġa. Jiena b’fiduċja kbira fil-Madonna, nitolbok imqar werqa minn tal-fjuri li inti jkollok quddiem il-Madonna biex nagħmilhom ma’ riġlejh.”

Wieħed raġel ittama fil-qawwa tat-talb tiegħu għax ommu kienet marida, mal-mara ma setax jasal għal ftehim, u kellu l-bwiet xotti. Oħrajn rieduh li jitlob għalihom biex il-qorti taqta’ sentenza skont il-ġustizzja. Xi żgħażagħ xtaqu t-talb tiegħu biex jgħaddu mill-eżami.

Frenċ kien japprezza ħafna l-ittri ta’ dawk li kitbulu biex jitlob għalihom ħalli Alla jagħtihom il-fejqan spiritwali ta’ xi persuna li huma kienu jħobbu.

Kliem Misterjuż
Ħafna nies kienu jibqgħu skantati meta hu wriehom li kien jaf x’riedu mingħandu qabel ma qalulu. Frenċ kien ikun jaf il-ħajja moħbija tagħhom. Rakkonti minn dawn jeżistu ħafna. Mara minn Tas-Sliema tgħid hekk: “L-ewwel darba li mort għandu biex inkellmu, hekk kif rani, qalli f’mument wieħed ħwejjeġ li jiena u l-konfessur tiegħi biss konna nafuhom. Mill-ewwel bdejt inżommu b’qaddis.”

Bidwi imma tabib tal-ġisem u tar-ruħ
Frenċ jgħid hekk: “Jiena qatt ma ħdimt fi sptar lanqas ma’ spiżjar.” Nafu wkoll li Frenċ qatt ma studja l-mediċina, bħal ma jagħmlu t-tobba. Ħafna tobba kienu jitħassruhom lil dawk li jmorru għandu, għaliex x’kura jista’ jagħti wieħed li ma jifhimx fis-sengħa tal-fejqan. Imma xi tobba ħassewhom jinkeddu għax kien hemm nies li marru għandhom u ma tfejqux; imbagħad marru għand Frenċ, u b’li tahom u qalilhom, ħassewhom jgħaddu għall-aħjar. Fi Frenċ, il-Maltin u l-Għawdxin kellhom fiduċja sħiħa. Għalhekk hu kellu fih xi ħaġa li tgħin lil dak li jkun ifieq.

Kliem Frenċ, kien juri li l-qawwiet tiegħu ma kinux fil-mediċini. Imma t-tobba bdew iħarsu bl-ikrah lejh. X’uħud bdew ukoll igemgmu għaliex, lilhom dehrilhom li bniedem marid, jekk ried ifiq tassew, ma kellux għalfejn imur għand Frenċ. Ma naqsux lanqas dawk it-tobba li ma kinux jidħlu fid-djar li fihom ikun mar Frenċ.

Imma aktar mal-morda bdew ifaħħruh, aktar bdew ikabbrulu d-diffikultajiet tiegħu. Xi tobba Għawdxin riedu jieħdu passi kontra tiegħu bil-ġustizzja. Kien żmien meta x’uħud bdew imorru għand Frenċ fid-dlam tal-lejl, biex ħadd ma jarahom!

Żewġ żgħażagħ dilku bl-ingwent li tahom Frenċ bis-sabar lil missierhom muġugħ; it-tabib ried jara dak l-ingwent misterjuż, imma ma setax jifhem x’kien. Frenċ kien jgħidilhom ukoll biex jgħidu Sliema u Qaddisa lill-Madonna. Ħafna kien il-fejqan mirakuluż.

Frenċ jispiċċa l-qorti
Minħabba dawn it-tip ta’ każijiet kien hemm min spiċċa biex lil Frenċ tellgħuh l-qorti. Nisimgħu għal darb’oħra l-kelmiet ta’ Frenċ: “Fi żmien it-tabib Frank Vella, Malti li kien joqgħod l-Għarb, u s-surġent kien Michael Xerri mir-Rabat, jiena ġejt imħarrek, u mwaqqaf minn din il-ħidma ta’ fejqan.”

Kienet saritlu ċitazzjoni, u kellu jitla’ l-qorti ta’ Għawdex fil-11 ta’ Ġunju, 1938. Il-Maġistrat Karmnu Parnis xlieh li għamilha ta’ tabib mingħajr il-liċenzja tal-Kap tal-Gvern. L-avukat ta’ Frenċ kien Franġisk Masini. X’ħin il-maġistrat staqsieh jekk kienx minnu li għamilha ta’ tabib, u qeda lin-nies, Frenċ baxxa rasu u ma wieġeb xejn. Bis-skiet tiegħu, hu deher li ammetta l-ħtija. Imma kien hemm tabib li pprova jiddefendih, billi qal li Frenċ ma kien qed jagħmel ħsara lil ħadd billi jgħalli ħaxixa. Kien hemm xi għoxrin li telgħu biex jiddefenduh, imma dawn ma ssejħux. Frenċ ġie meqjus ħati. Il-Qorti kkonsidrat il-kondotta tajba tiegħu, u għalhekk ma weħel xejn. Imma hu ġie mwissi li jekk jerġa’ jinqabad mill-ġdid, il-qorti kellha kull setgħa li tikkundannah. Għal dan wkoll li ġie mixli bih din id-darba, u ħelisha b’sempliċi twissija. Dan kien jissejjaħ l-artiklu 23.

Mgħasses mill-pulizija
Frenċ kien jibża’ ħafna li jeħel xi multa. Fl-istess żmien tal-kawża, il-pulizija kienet tgħasses fuqu l-ħin kollu. Iżda triq tan-nofs kellu jinstab u dan sabiex il-ġid ma jonqosx. Lil Frenċ qalulu li, jekk tabib jagħti ċertifikat lil xi ħadd biex dan imur għand Frenċ, dik il-biċċa karta tkun qisha permess. Ħafna tobba ma riedux jagħmlu dan; imma oħrajn aċċettaw.

Nisimgħu mill-ġdid il-kliem ta’ Frenċ: “Wara dan, lil dawk li kienu jiġu għandi, kont nitlobhom ċertifikat mit-tabib tad-distrett tagħhom jew tabib ieħor, basta biċ-ċertifikat.” Frenċ jissokta jgħid “Pazjenti minn Malta ġew bil-mijiet u bqajt insewihom b’din is-sistema.”

Il-Post fejn Frenċ kien jara lin-nies.

Ġieli kienu jgħadduh biż-żmien
Fost dawk li ma emmnux fih, Frenċ sab ukoll lil min jipprova jgħaddih biż-żmien. Ma’ dawn, Frenċ ġieli kien iebes fi kliemu. Tliet tfajliet marru għandu biex jgħadduh biż-żmien. Imma Frenċ qalilhom b’serjetà: “Idħku! Idħku! Imma ħa naraw kemm ser iddumu. Intom it-tlieta morda u sa ħmistax oħra, waħda minnkom tkun diġà mietet.”

Meta semgħu hekk, huma tbikkmu, u telqu ‘l barra. Wara tliet gimgħat, reġgħu lura tnejn minnhom, u qalulu li seħbithom kienet mietet tassew. Fl-istess ħin, huma talbuh maħfra talli waqqgħuh għaċ-ċajt. Dan kien fatt li ħalla impressjoni kbira, u ħafna baqgħu sal-lum isemmuh.

Ġieli ma qabilx mat-tobba
Kultant, Frenċ kien jeħodha kontra d-deċiżjoni tat-tabib. Lil wieħed mix-Xagħra li sempliċiment xtaq li Frenċ jitlob għalih għax kien sejjer jagħmel operazzjoni, qallu: “Ara ma jfettillekx tagħmel xi operazzjoni, kul ikla minestra, u minflok ponn ful, itfa’ tnejn, u għada erġa’ ejja għax ikun għaddielek kollox!”

Frenċ ġieli bidel mediċina mogħtija mit-tabib. Hu ġieli kien jiġġudika lit-tobba li kienu jiżbaljaw, meta jiddikjaraw, li xi ħadd kien marid b’ħaġa waqt li kien b’oħra. Lil dan, Frenċ qallu ċar u tond li t-tobba riedu jieklu minn fuq dahru. Huma żammewh għall-kura, skont kliem Frenċ, sakemm dan kellu x’jibagħtilhom! F’dan il-każ ta’ akkuża gravi, jissemma l-isem tat-tabib, u dak tal-isptar ukoll.

Tifel ma setax jimxi, u t-tabib ordnalu l-ħadid għal saqajh biex jieħdu s-saħħa. Imma baqa’ kif kien. Missieru ħadu għand Frenċ, li qallu: “Neħħilu l-ħadid u itilqu jiġri fir-raba’.” It-tifel innifsu jgħid: “Hu kien qalli biex nidlek iż-żejt tal-ikel magħmul mill-fejġel u, bil-għajnuna tal-Madonna u ta’ Frenċ tal-Għarb, ninsab tajjeb bħal ħaddieħor.”

Każ ieħor ….
Waqt li t-tabib iddikjara li tarbija kellha l-ażma, Frenċ qal li hi kienet belgħet xi ħaġa. “Frenċ ippreskrivielna ftit ingwent minn tiegħu, li kellu jindilek fuq sidirha u mbagħad, inqegħdulha biċċa drapp sħuna. Wara dan kollu, l-istess ħaġa qatt ma ġratilha iżjed. It-tabib innifsu ma riedx jemmen b’dak il-fejqan immedjat li kien ġara quddiemu stess.”

Il-ġrajjiet tal-fejqan huwa tremend, dan hu każ ieħor: Lil tifel, minħabba l-mard, it-tobba kienu qalgħulu għajn, u kienu se jaqilgħulu l-oħra. Imma l-ġenituri tiegħu riedu l-parir ta’ Frenċ. Kif sema’ bil-każ, Frenċ ħatafhom, u qalilhom: “X’tagħmlu? Taqilgħulu għajnu l-oħra? Mela tridu li jkollkom tifel għami? Issa, jien nagħmlilkom ftit ingwent. Agħmlulu l-ingwent fuq ċarruta, u għidu Ave Marija lill-Madonna. Agħmlulu fuq moħħu u tibżgħux, ma jkollu xejn.” It-tifel baqa’ jgawdi l-għajn li kien fadallu, u għalhekk ma għamiex.

Ħafna każi ta’ fejqan ieħor, wieħed jista’ jsibhom fil-ktieb “Frenċ tal-Għarb” (1892-1967) ta’ Patri Alexander Bonnici (Franġiskan Konventwali). Dan il-ktieb wieħed jista’ jixtrih mill-Bażilika tal-Madonna ta’ Pinu.

Min jgħallem lili ma jmut qatt
Kontra dak li ħasbu x’uħud, Frenċ ma qisx ruħu xi professur. Hu emmen li Alla kien qed jgħinu, u, kif għen lilu, jista’ jgħin lil xi ħaddieħor. Inniżżlu silta minn intervista li saritlu minn Ġorġ Pisani u Charles Arrigo.

Pisani: Dawn il-pariri li kont tagħti fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq is-saħħa tar-ruħ: issa dawn dnub li jintilfu għal kollox. Issa, dawn ma jkunx tajjeb li tagħtihom lil xi ħadd li jiktibhom biex almenu jibqgħu warajk?

Frenċ: Jiena naħseb li min għallem lili għadu ħaj; ma jmut qatt.

Arrigo: U min għallem lilek ?

Frenċ: Eh! Kulħadd jaf. Min għallem lili ma jmut qatt. Ma tafux min hu? Min ma jmut qatt?

Dawn il-kelmiet ta’ Frenċ huma ta’ valur kbir. Intqalu ukoll minn bniedem li beża’ li jitkabbar saħansitra jistqarr li Alla kien qiegħed jgħinu. Hu ma riedx jgħid li Alla kien qiegħed jaħdem fih. Imma ried li din il-konklużjoni toħroġ weħidha, bla ma titlissen minn fommu. Għalhekk lil dawk li staqsewh, bi tbissima ħelwa u kważi mistħija daqsxejn mistgħaġeb, staqsiehom: “Kif? ma tafux min hu?” Hu ried jgħidilhom: “Ma tafux li dak li ma jmut qatt hu Alla biss?” Imma dawk it-tnejn kienu fehmu kollox x’ried jgħid.

Ifiequ jekk jersqu lejn Alla
Saċerdot Agostinjan qal hekk dwar Frenċ: “Nistgħu nsejħulu wkoll bniedem ta’ Alla għax ikkonverta bosta rġiel u ġuvintur u anki xebbiet mill-ħajja ħażina tagħhom, u ressaqhom lejn Alla.” Frenċ kemm-il darba ma riedx iwiegħed fejqan jekk dak li jkun ma jagħmilx ħiltu biex jersaq lejn Alla. Lil wieħed li talbu xi mediċina, Frenċ wieġbu: “Int ħsiebek biss fin-negozju, u rużarju qatt ma tgħid. In-negozju jispiċċa, imma ruħna ma tispiċċax.” Lill- ieħor li kien jimxi bil-krozzi, Frenċ qallu: “Jekk għandek rieda tajba, tfieq. Imma, qabel, mur Ta’ Pinu, sib saċerdot, itlob maħfra ‘l Alla, u l-Madonna tfejqek.” Għalkemm b’nofs ħajra, hu mar iqerr f’Ta’ Pinu, u talab lill-Madonna biex tidħol għalih. Meta qam minn bilqiegħda biex joħroġ hu sab li seta’ jimxi mingħajr il-krozzi. B’ringrazzjament, hu ħalla l-krozzi f’dak is-Santwarju, u għadhom hemm sal-lum.

Lil wieħed pulizija li qallu kemm kienu għalxejn il-mediċini li ħa, Frenċ wieġbu: “Biex jgħaddilek l-uġigħ kbir li għandek fl-istonku tiegħek, imorrulek id-dwejjaq kbar li għandek, u ma tiblax aktar pilloli għalxejn, trid l-ewwelnett tirrispetta l-mara li għandek u ma toffendix aktar ‘l Alla bid-dagħa.”

L-akbar hena ta’ Frenċ kien meta, qabel kollox, lill-bniedem kien iressqu lejn Alla. Ġieli tkellem b’ton iebes ma’ min ma kellux il-ħsieb li jbiddel ħajtu. Darba waħda, mar biex ikellmu raġel li miegħu kellu mara li ma kenitx martu. Hu ħa taxi mix-xatt biex twassalhom għandu. Iżda, fit-triq, dak tat-taxi ra lil Frenċ ħiereġ mill-Għarb lejn ir-Rabat riekeb f’taxi oħra. Ir-raġel qal lis-sewwieq: “Dawwar lura, u ġerri ftit ħalli nilħquh.” Hekk għamel, u beda wkoll idoqq il-ħorn waħda f’waħda. Is-sewwieq tat-taxi ta’ Frenċ induna li riedu jwaqqfuh; iżda Frenċ ma riedx, u qallu “Suq u tiqafx.” X’ħin waslu r-Rabat, Frenċ niżel mit-taxi, sadanittant ir-raġel laħqu fil-ħin, mar fuqu, u qallu: “Kont ġej biex inkellmek ftit; iżda ma lħaqniekx id-dar.” Frenċ qallu: “Lili m’għandekx xi tridni; mur.” L-ieħor issikah, u talbu bil-ħniena biex ikellmu. Iżda Frenċ baqa’ iebes u wieġbu: “Meta trid tkellimni, ġib lil martek miegħek.”

Kien hemm soru li kien ilha ħafna tibgħat tgħidlu biex imur jaraha, u Frenċ baqa’ ma jagħtix kasha. Fl-aħħar, hi sabet ‘il min wassalha għand Frenċ, u kif daħlet, ħaditha miegħu talli lanqas biss ma kien iweġibha. Frenċ, bil-kalma kollha, weġibha: “Qiegħda tara kemm jiddispjaċih il-marid meta hu jsejjaħlek, u int ma tagħtix kas tiegħu.”

Ħabbar il-mewt
Frenċ ġieli għaraf tajjeb li, għal xi persuni, il-mewt kienet fil-qrib. Imma mhux dejjem ried jitkellem b’mod ċar dwar dan. Waħda mara marret titolbu xi ħaġa għall-fejqan ta’ żewġha. Meta ħarġet, hu qal hekk: “Tkellmet tant għal żewġha, u ma qalitx kelma waħda għaliha nnifisha.” Wara ftit ġranet, dik il-mara daħlet l-isptar, u mietet fi żmien qasir.

Żagħżugħ mar jitlob xi ħaġa għal missieru. Frenċ wrieh li missieru kellu kanċer, u kien se jmut. Lilu hu tah biss xi ħaġa biex jonqoslu l-uġigħ. Frenċ innifsu qal: “Il-mediċina li tajtu kienet ftit żejt ta’ quddiem il-Madonna ta’ Pinu.”

Ir-rakkonti hawn ukoll huma ħafna. Inġibu wieħed ieħor biss. Ġużeppi Cassar, minn Ħal Tarxien, kiteb hekk: “Meta l-mara tiegħi kienet marida l-isptar, billi jien kont naf li hi ma riditx toqgħod hemm, mort għand Frenċ biex nistaqsih x’għandi nagħmel: noħroġhiex jew inħallihiex hemm. Jiena wasalt għandu fil-ħdax neqsin għaxra ta’ figħodu. Kif wasalt għandu, Frenċ għamel miegħi ħaġa li qatt ma kien ghamilha. Hu qabad jgħannaqni u jbusni, u ħassejt ukoll id-dmugħ tiegħu. Qalli wkoll: ‘In-nies ħarġitha li jien mitt.’ Jiena weġibtu: ‘Jivvintaw tant affarijiet. Int erħilhom; tagħtix kashom.’ Imbagħad, staqsejtu dwar il-mara tiegħi: jekk għandix noħroġha jew le mill-isptar. Frenċ weġibni: ‘Ma jgħidlekx il-professur jekk għandekx toħroġha? Int agħmel dak li jgħidlek hu.’ Jiena tlaqt lura lejn Malta, u sibt li l-mara tiegħi kienet mietet. Il-ħin tal-mewt tagħha kien eżattament fil-ħdax neqsin għaxra: x’ħin Frenċ kien qiegħed jgħannaqni u x’ħin semmieli li kienu ħarġuha li miet. X’ħin qgħadt naħseb fuq dawk il-kelmiet ta’ Frenċ u fuq dak li għamel miegħi, jiena ħassejt li hu kien sar jaf bil-mewt ta’ marti; imma lili ma riedx jgħidli b’kelmiet ċari.”

Fl-aħħar xhur tal-ħajja ta’ Frenċ
Fis-sena 1962, Frenċ għalaq is-70 sena. Imma f’dan iż-żmien hu marad. Il-ħajja tiegħu kienet tbatija. Wara x-xogħol hu kien isib in-nies jistennewh u dan kompla żidlu fit-toqol tal-ħajja. Wara x-xogħol hu kien jaqdi lil kulħadd. Ma tantx kien jagħti kas biex jistrieħ xi ftit. Ġieli ma kienx jiekol jew jorqod. Huwa kien jippreferi li jgħin lill-proxxmu u lanqas biss kien jagħti kas kemm ġieli jkun sar ħin. Minkejja dan kollu n-nies kienet xorta tibqa’ tmur, għalkemm kien ikun jidher li hu għajjien.

Fid-9 ta’ Awwissu, 1966 meta ma kienx jonqsu ħlief disa’ xhur ħajja, Frenċ qal hekk għalih innifsu: “Kemm kemm nitħarrku ftit. Ili ħafna ma niflaħx. Ili sena jew iżjed ma noħroġ mid-dar. Bħalissa, iż-żjajjar lil Ta’ Pinu nqabbad lil min jagħmilhom minfloki. Nitqarben hawn id-dar. Jiġi n-neputi jqarbini.”

Frenċ kien waħħal avviż mal-bieb biex bih jgħarraf li ma kienx għadu jservi nies. Imma ħafna baqgħu jiktbulu. Hu kien isib ħafna aktar ħin biex iwieġeb l-ittri fejn kien jgħidilhom bil-mard li kellu, ħalli ma joqogħdux imorru għalxejn. Kemm-il darba, minħabba d-dgħufija tiegħu, hu kien jiddetta l-ittri lil ħaddiehor. L-ittri ta’ dan iż-żmien jixxiebħu ħafna. Inniżżlu biss silta minn waħda minnhom: “Int għarraftni li qiegħda ssofri xi uġigħ f’riġlejk, u tixtieq li jiena nagħtik xi ħaġa; imma jiddispjaċini m’għandix, għax bħalissa ma niflaħx.” Il-wegħdiet tat-talb ma tonqos qatt fit-tweġibiet tiegħu.

Fl-aħħar erba’ snin ta’ ħajtu, Frenċ, billi qatt ma kien tajjeb għal kollox, ma raqadx iżjed fir-remissa. Hu kien jorqod fis-sodda ta’ kamartu. Kienu snin li Frenċ għaddiehom iqum u joqgħod fis-sodda: daqqa tajjeb u daqqa ħażin. Meta beda jifhem li għalih l-aħħar jum kien qed joqrob, Frenċ beda jlissen l-isem ħelu ta’ Marija aktar ta’ sikwit. Il-Via Sagra minn Ta’ Pinu għal fuq Ta’ Għammar kellha tkun waħda mill-opri li jibqgħu jfakkruh wara mewtu. Fl-aħħar żmien hu kien isemmi dik l-opra ta’ sikwit. Hu kien iħajjar, u jżid imbagħad minn tiegħu. Hu xtaq li jinqalgħu benefatturi li jgħinu f’din l-opra.

Mill-bidu tas-sena 1966, Frenċ ma ħariġx iżjed minn daru. Hu kien ħassu ħażin meta fl-ewwel tas-sena kien ħareġ għall-quddiesa tal-ewwel. Hu kien ikun kiesaħ ħafna, u lil ftit li kienu jmorru jitkellmu miegħu, kien jgħidilhom li ma jdumx ma jsiefer!

U hekk ġara għax fid-19 ta’ Mejju tal-1967 Frenċ ħa l-aħħar nifs, u ruħu daħlet fl-eternità. Dakinhar kien jaħbat il-ġurnata tal-Ġimgħa. Il-mezzi kollha tar-radju u l-gazzetti xandru l-aħbar tal-mewt tiegħu. Mara mir-Rabat ta’ Għawdex irrakkontat, il-ħasda li ħadet meta, dakinhar tal-mewt tiegħu, hi ħadet lil binha għandu biex titolbu jfejjaqulha. Hi ma kenitx taf li miet. Lilha ħallewha tidħol u ħadet ħasda kbira. Xebba li kienet hemm ħaditilha t-tarbija minn idejha, u missitha ma’ Frenċ. Kif marret lura lejn darha, dik il-mara stagħġbet iżjed għax it-tarbija li ma kenitx timxi bdiet tieqaf fuq riġlejha.

Is-Sibt, 20 ta’ Mejju, 1967 saret il-quddiesa tal-funeral tiegħu fil-Kolleġġjata tal-Għarb. Ħafna marru għall-funeral ta’ Frenċ, u bdew jgħidu kontinwament: “Miet qaddis,” u “bħal Frenċ ma jkollniex ieħor.” Frenċ ġie midfun fiċ-ċimiterju msejjaħ Taż-Żejt. Dan hu ċ-ċimiterju tal-Parroċċa tal-Għarb. Il-Qabar tiegħu jġib in-numru 70 A.

Frenċ għadu jinħass li għadu fostna
Għaddew ħafna snin minn meta miet Frenċ iżda hu ma ntesiex bħalma kien hawn min bassar dakinhar tal-mewt tiegħu. Kulħadd hu ċert li Frenċ malajr beda jgawdi ‘l Alla fil-hena ta’ dejjem. Kif kienu jitolbuh biex jgħinhom meta hu kien għadu ħaj, hekk ukoll issa għadhom jittamaw li jaqilgħu xi grazzja bl-interċessjoni tiegħu. Fil-fatt ħafna huma il-każijiet ta’ grazzji kbar, wara ukoll il-mewt tiegħu. Illum, Frenċ hu magħruf ħafna iżjed milli kien fl-imgħoddi. Il-‘Ħajja’ dokumentata ta’ Frenċ li kienet ġiet stampata hi eżawrita. Hi ‘ħajja’ li nqrat minn kulħadd: minn nies fuq kull livell fis-soċjetà. Il-qdusija ta’ Frenċ hi xhieda li Alla jsejjaħ tassew lil kulħadd għal ħajja perfetta. Frenċ ma kienx qassis jew patri. Hu kien bniedem li għex fid-dinja, bil-problemi kollha tal-ħajja ta’ kuljum.

Links about Frenċ tal-Għarb: 

  1. https://en.wikipedia.org/wiki/Fren%C4%8B_tal-G%C4%A7arb
  2. https://www.facebook.com/Frenc-tal-Gharb-180562548623350/
  3. http://www.imperialbandclub.com/magazine/2017/49%20-%20French%20tal-Gharb%20-%20Ralph%20Micallef.pdf
  4. http://thechurchinmalta.org/en/posts/69276/frenc-tal-gharb-house-opens-its-doors-to-public
  5. http://alfredgrech.blogspot.com/2017/05/lil-frenc-tal-garb-fgeluq-il-amsin-sena.html

Intervista ma’ Frenċ tal-Għarb:

Id-dar ta’ Frenċ tal-Għarb:

Nota: It-Tagħrif dwar Frenċ tal-Għarb huwa meħud mis-sit tal-MUSEUM ta’ San Ġiljan.

Qaddejja ta’ Alla Henry u Ineż Casolani

Verżjoni Vidjo: Qaddejja ta’ Alla Henry u Ineż Casolani

henry-casolani-2

IL-KOPPJA HENRY (1917 – 1999)

U INEŻ CASOLANI (1915 – 1992)

Tagħrif: Henry Casolani twieled il-Belt Valletta fl-1917 iben George u Maria Concetta née Borg. Huwa miet fid-29 ta’ Diċembru, 1999. Ineż Casolani née Vassallo twieldet Bormla fl-1915 bint Giovanni Felice u Giuseppina née Portelli. Ineż mietet fit-13 ta’ Lulju, 1992. Henry u Ineż iżżewġu fid-19 ta’ April, 1944 fil-knisja ta’ Santu Wistin, il-Belt Valletta. Is-sena ta’ wara twelditilhom tifla, Cecilia Mary, li baqgħet unika. Meta kibret din wieġbet għas-sejħa ta’ ħajja kkonsagrata u daħlet mas-sorijiet ta’ St Joseph fl-1964. (ara Santa Emilja de Vialar – Fundatriċi tas-Sorijiet ta’ St Joseph)

Henry u Ineż kienu żewġ persuni b’karattri kompletament differenti minn xulxin. Iżda kienu ta’ fehma waħda f’dik li hija fundamentali jiġifieri fl-unità, fl-imħabba t’Alla u li jgħixu l-ħajja Nisranija flimkien fuq it-tagħlim ta’ Kristu u l-eżempju tal-Qaddisin. Alla kien dejjem iċ-ċentru ta’ ħajjithom.

Ħafna stqarrew li l-koppja Casolani kienu inseparabbli: fil-biċċa l-kbira joħorġu flimkien; jieklu flimkien; jitolbu flimkien; il-knisja flimkien. Il-Familja tagħhom kienet ikkonsagrata lill-Qalb ta’ Ġesù u l-Qalb ta’ Marija. Kienu kuntenti u koppja li jgħixu fl-armonija. Kienu jitkellmu bi mħabba u entużjażmu fuq xulxin. Qabel u wara x-xogħol, Henry dejjem sab lil Ineż lesta biex tħejjilu l-ikel u tisimgħu. Ineż kellha ideat ċari tal-imġiba tal-mara mar-raġel. Lil Cecilia Ineż dejjem għallmitha tirrispetta lil missierha b’kull mod u manjiera.

Ineż kienet taħdem għall-għaqda fil-familji mhux biss bil-kliem iżda wkoll permezz tal-kitba tagħha. Fil-ħafna artikli li kitbet, u li ġew ippublikati, hija tat pariri lill-ommijiet biex lir-raġel tagħhom ma jwarrbuhx u juruh attenzjoni wara li jiġi mix-xogħol, minkejja li hemm it-tfal. Wissiet kontra ħbiberiji żejda u skorretti bejn miżżewġin u oħrajn. Kitbet “l-ewwel ħbiberija għandha teżisti bejn il-membri tal-familja – bejn l-omm u l-missier, bejn l-aħwa, bejn l-ulied u l-ġenituri. Hekk il-familja tkun unità u tgħix fil-hena u l-paċi.” Ħeġġet lill-miżżewġin biex jibqgħu jirrispettaw lill-ġenituri f’ħajjithom, anke wara mewthom. Tat pariri biex il-kunjati jħobbu lil żwieġ uliedhom bħallikieku uliedhom stess. Hija stess baqgħet dejjem iżżur spiss lill-familja ta’ Henry. Kitbet biex il-ġenituri jifhmu u jgħinu liż-żgħażagħ. Kitbet fuq ekonomija tad-dar biex il-familja titgħaxxaq bil-kumdità mingħajr ħela. Kitbet kemm felħet biex iġġib paċi u għaqda.

Il-koppja Henry u Ineż Casolani kienet miftuħa għall-oħrajn. Dejjem jippruvaw jgħinu lill-batut. Kienu jżuru lill-morda fl-isptarijiet. Ineż baqgħet tagħmel dan anki meta hija stess mardet gravament b’qalbha. Żaret anki lil dawk il-persuni li wrew qalb iebsa magħha. Kienu dejjem lesti li jissagrifikaw ruħhom għal ħaddieħor. Għalihom is-sagrifiċċju kien okkażjoni biex jagħtu akbar glorja lil Alla.

Bil-karattru ferrieħi tagħha u l-qalb kbira li kellha, in-nies kienu jfittxu lil Ineż għal parir u biex jiftħu qalbhom magħha. Henry, bil-kariżma tiegħu ta’ bniedem umli, ubbidjenti u skrupluż fil-qadi ta’ dmirijietu, rnexxielu jiġbed lil sħabu tax-xogħol dejjem iżjed lejn is-Sagramenti u d-dmirijiet spiritwali tagħhom. Qatt f’għomru ma lissen kelma kontra ħadd! Iżda kemm Henry kemm ukoll Ineż dejjem stqarrew pubblikament l-oppożizzjoni tagħhom għal dak li kien ħażin.

Il-mibki Isqof Emeritus Nikol Cauchi qal hekk dwar Henry u Ineż Casolani: “Kienu koppja ta’ Nsara ferventi, ta’ sentimenti reliġjużi mill-aħjar, ta’ nies ta’ qalb tajba, lesti dejjem li jgħinu l-proxxmu tagħhom kull meta tiġihom okkażjoni li jagħmlu opra tajba.”

Il-ferħ tagħhom kien xhieda tal-preżenza tal-Mulej fosthom, magħqudin fit-talb. Monsinjur Lawrence Gatt ikkummenta: “Timpressjonak koppja hekk. Lili mpressjonani ħafna bniedem tal-età u l-esperjenza li kellu Henry Casolani meta tarah xhieda ta’ fedeltà li ma tmutx lejn it-twemmin tiegħu, lejn martu u bintu, lejn dak li għex dejjem għalih u mhux lest iħallih qatt. Daqqa ta’ ħarta solenni lil ċerti elementi tal-kultura ta’ żmienna.”

It-tnejn stinkaw biex il-Madonna tkun iżjed maħbuba minn kulħadd! Ineż kienet tħobbha wisq. Ir-Rużarju tal-familja ma fallewh qatt. L-aħħar kelmiet li lissen Henry kienu ‘Madonna ħenn għalija!’

Fuq kollox dak li kien jispikka f’ħajjithom kienet l-imħabba kbira lejn l-Ewkaristija Mqaddsa: il-vista ta’ kuljum, il-Quddiesa, l-adorazzjoni personali quddiem is-Sagrament! Kif stqarru l-ħafna xhieda, kienu magħqudin mhux biss fis-Sagrament taż-żwieġ imma fil-prattika kostanti tal-Kelma t’Alla.

Henry u Ineż Casolani mxew dejjem fuq it-tagħlim ta’ Kristu. Ma kinux jiġġudikaw lil ħaddieħor. Kienu jaħfru u jinsew d-deni li kienu jirċievu. Henry kien jgħid, ‘Aħfer! Tpattix! Offriha għall-glorja t’Alla.’ u pereżempju ‘Int qed issostni li dan ir-raġel ma jixtiqliex il-ġid? Dan huwa l-ħabib tiegħi!’ Ma qatgħu qalbhom qatt mill-ħniena t’Alla! Meta marad, kulma kien jgħid Henry kien: ‘Min jaf Kristu x’sofra!’ Ineż sejħet is-sofferenzi tagħha ‘bukkett ward!’

Ineż u Henry Casolani kienu l-ewwel edukaturi spiritwali ta’ binthom Cecilia. Meta din, l-uniku wild tagħhom, ta’ dsatax -il sena daħlet soru, is-sofferenza li l-firda ġiebet magħha qasmitilhom qalbhom. Imma għall-imħabba t’Alla u biex ma jmorru qatt kontra l-Volontà Tiegħu, lit-tifla bierkuha u baqgħu dejjem isostnuha bit-talb fil-ħidma u l-missjoni tagħha.

“Naraw f’Henry u Ineż Casolani eżempju li l-qdusija ma teżistix fl-affarijiet straordinarji, imma tikkonsisti f’li jkollok lil Alla f’qalbek, f’ħajtek u timxi fuq dak li jgħidlek Alla u dak li jixtieq Alla.” Prof Fr Maurice Eminjan, s.j.

Din il-familja Casolani, familja domestika skont il-Konċilju Vatikan II, xandret bl-eżempju, bil-ferħ u mingħajr daqq ta’ trombi li l-familja hija teżor tal-knisja, ġawhra tas-soċjetà, u tama tal-umanità. L-eżistenza u l-eżempju tal-familja Casolani hija prova li, skont il-pjan ta’ Alla, il-familja hija l-qafas li fih il-persuna umana, magħmula xbieha t’Alla, titwieled, titrabba u timmatura fl-aqwa ambjent ta’ mħabba.

Meta Henry u Ineż Casolani qorbu lejn it-tmiem ta’ ħajjithom, aktar raw t-tama dejjiema li kellhom fil-Mulej tilħaq il-milja tagħha. Dwar dan, Patri Pawl Cremona o.p., li kien l-Arċisqof ta’ Malta (2007-2014) kiteb hekk: “Il-ħeġġa li Henry Casolani kellu fil-qari ta’ l-Iskrittura Mqaddsa kienet tirrifletti l-ħeġġa li kellu fil-ħajja biex igħix tajjeb, u jagħmel it-tajjeb. Din l-istess sempliċità Kristjana baqgħet tidher meta hu stess kien marid ħafna u kien qiegħed l-isptar, ftit qabel ma mar jiltaqa’ mal-Mulej fil-fiduċja li kellu fil-Mulej.”

Ftit mumenti qabel ma’ ttajret lejn is-sema Ineż kellha il-kuraġġ tikteb: ‘I take record of God… in Thee I have had my earthly joy’!

Imħabba qawwija għal Alla! Qalb kbira għall-proxxmu! Distakk mill-ispirtu tad-dinja! Dan ħaddnu f’ħajjtihom kollha Henry u Ineż Casolani.

 Il-Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Qaddisin dwar il-Koppja Casolani

 

Jikteb l-Isqof Mario Grech

“F’waqt minnhom xħin konna għaddejjin bl-interventi fl-awla tas-Sinodu, issummajt u waqqaft widnejja biex nisma’ sew, għaliex kien qed jitkellem il-Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Qaddisin u f’ħin bla waqt semma lil Malta tagħna. Fl-intervent tiegħu dan kien qed jgħid kemm hemm koppji li għandhom il-kawża għall-kanonizzazzjoni. Kien hawnhekk li semmiena b’isimna – kienet riferenza għall-koppja Henry u Ineż Casolani li għexu l-ħajja miżżewġa ta’ kuljum b’mod straordinarjament tajjeb. Fid-dettall ta’ ħajjithom ipprovaw jagħmlu kollox sew bi mħabba kbira lejn Alla u l-proxxmu. Ineż mietet fl-1992 u Henry fl-1999. F’dan il-każ għad m’hemmx proċess, imma saret talba lill-Kongregazzjoni biex meta jkun il-waqt, jibda l-istħarriġ.”  (10 ta’ Ottubru 2014)

Bidu tal-proċess djoċesan u publikazzjoni ta’ editti 

Il-Ħadd, 30 ta’ Awwissu, 2015. Knisja ta’ San Duminku, Rabat, Malta.

Ilbieraħ l-Arċisqof Charles J. Scicluna mexxa Quddiesa li matulha twaqqaf it-Tribunal li ser jisma’ l-kawżi għall-beatifikazzjoni u għall-kanonizzazzjoni tal-Qaddej ta’ Alla, Henry Casolani u ta’ martu, il-Qaddejja ta’ Alla, Ineż Casolani.

Il-Postulatur taż-żewġ kawżi huwa l-Kanonku Etienne Sciberras, li fil-bidu tal-Quddiesa għamel talba uffiċjali lill-Monsinjur Arċisqof biex iwaqqaf it-Tribunal.

Il-ftuħ taż-żewġ kawżi huwa meqjus bħala l-ewwel seduta tat-Tribunal li ser jagħti bidu għall-proċess djoċesan. Iċ-ċerimonja tal-bieraħ kienet waħda importanti fil-ħajja u fl-istorja tal-Knisja f’Malta għaliex dan hu l-ewwel każ f’Malta ta’ koppja miżżewġa li ser jiġi studjat. Fattur ieħor importanti hu li x-xhieda li tat tul ħajjitha l-koppja Casolani ser jibda jiġi studjat ftit qabel is-Sinodu tal-Isqfijiet dwar il-Familja, li sejjaħ il-Papa Franġisku u li jibda f’Ottubru li ġej.

L-Aġenzija Rome Reports b’rapport u video dwar dawn il-lajċi Maltin

Rome Reports, 1 Nov 2015: L-Aġenzja tal-aħbarijiet Rome Reports fl-edizzjoni tagħha tal-bieraħ ippublikat rapport dwar il-ħajja tal-koppja Maltija Henry u Ineż Casolani u l-bidu tal-proċess djoċesan tagħhom biex tibda l-kawża tal-beatifikazzjoni u eventwalment tal-kanonizzazzjoni. Ir-rapport jgħid li madwar 200 persuna ser jagħtu x-xhieda tagħhom f’dan il-proċess li jekk iwassal għall-kanonizzazzjoni, allura huma jingħaqdu mal-ġenituri ta’ Santa Tereża ta’ Lisieux li kienu dikjarati qaddisin mill-Papa Franġisku ftit jiem ilu.

Kitbiet relatati …

Il-proċess tal-koppja Henry u Inez Casolani
Il-Koppja Qaddejja ta’ Alla, Henry u Inez Casolani, (Segretarjat għal-Lajċi, 18/09/2011)
Qaddejja ta’ Alla fiż-żwieġ u fil-familja, (Sit tal-Arċidjocesi ta’ Malta 17/09/2014)
Daughter reacts as Maltese couple is touted for canonisation. (Times of Malta 19/10/2014)
Henry and Inez Casolani – Icons of the true meaning of Christmas. (13/12/2014)

Min jaqla’ xi grazzja bl-interċessjoni tal-Qaddejja ta’ Alla, Henry u Ineż Casolani hu mitlub jikteb lill- Vici-Postulatur, Kawża Beatifikazzjoni Casolani, 104, V. Vassallo Street, Attard. Email: henryandinezcasolani@gmail.com Tel. 79713129 jew 21413243.

Links about Henry and Ineż Casolani:

  1. https://laikosblog.org/2021/02/22/titnieda-l-assocjazzjoni-ghall-beatifikazzjoni-u-l-kanonizzazzjoni-ta-henry-u-inez-casolani/
  2. http://www.laikos.org/aod-casolani.htm
  3. https://henryandinezcasolani.files.wordpress.com/2017/08/henry-u-inez-casolani-koppja-magc4a7c4a1una-fi-kristu.pdf
  4. https://www.newsbook.com.mt/archived-article/?article=l-ewwel-koppja-maltija-fit-triq-ghall-qdusija
  5. https://www.tvm.com.mt/mt/news/se-jinbeda-process-biex-l-ewwel-koppja-maltija-jsiru-beati-u-qaddisin/
  6. https://www.timesofmalta.com/articles/view/20160918/religion/servants-of-god-henry-and-inez-casolani.625430
  7. http://ms.maltadiocese.org/WEBSITE/2016/CIRKOLARI/06%20FTU%C4%A6%20TAL-KAW%C5%BBI%20G%C4%A6ALL-BEATIFIKAZZJONI%20U%20G%C4%A6ALL-KANONIZZAZZJONI%20-%2021.08.15.pdf
  8. https://zenit.org/articles/cause-for-beatification-opens-for-maltese-married-couple/
  9. https://laikosblog.org/2021/09/16/pass-iehor-fil-process-tal-kawza-ghall-beatifikazzjoni-tal-koppja-casolani/
  10. https://laikosblog.org/2023/06/10/il-fdalijiet-ta-henry-u-inez-casolani-se-jkunu-trasferiti-fil-knisja-ta-santu-wistin/

Playlist twila ta’ vidjos b’kitbiet u informazzjoni dwar il-koppja Henry u Ineż Casolani:

Nota: It-Tagħrif dwar il-Qaddejja ta’ Alla, il-koppja Henry u Ineż Casolani hija kitba ta’ Anton Quintano. Il-kumplament tal-informazzjoni huwa meħud mis-sit tal-Laikos.

Venerabbli Margerita De Brincat

Verżjoni Vidjo: Venerabbli Margerita De Brincat

mmargeritaMARGERITA MARIJA DE BRINCAT
Konfundatriċi
1862 – 1952

Tagħrif: Madre Margerita De Brincat twieldet fit-28 ta’ Novembru, 1862 fir-raħal Għawdxi ta’ Kerċem. Fl-1877 daħlet f’assoċjazzjoni li kienet tissejjaħ it-Tnax-il Stilla tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù u fl-1880 din l-assoċjazzjoni nbidlet f’kongregazzjoni.

Hija laħqet is-Segretarja Ġenerali tal-kongregazzjoni li ntant kienet ngħatat l-approvazzjoni tad-Djoċesi Maltija biex tibdel isimha għal dik ta’ Sorijiet Franġiskani tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù.

Hija damet madwar 50 sena taħdem mas-Sorjiet Franġiskani li fihom fetħet skejjel u djar għaż-żgħażagħ. Kien bis-saħħa tagħha li ħidma simili saret f’Corfu, Sqallija, Ruma u l-Etijopja.

Mietet fit-22 ta’ Jannar 1952 fid-dar tas-Sorijiet Franġiskani fir-Rabat, Għawdex. Illum il-kongregazzjoni li waqqfet taħdem f’diversi pajjiżi fosthom fl-Afrika, il-Brażil u l-Pakistan.

Kuruna ta’ tnax-il kewkba
II-Kongregazzjoni kellha l-bidu tagħha fir-Rabat Għawdex fl-4 ta’ Jannar 1874 meta lis-Sinjorina Karmela Xerri, mir-Rabat, ġieha f’idejha ktieb ta’ Don Olmi li hi stess tat lil sħabha biex jaqrawh, Dan il-ktieb jismu: “Kuruna ta’ tnax-il kewkba” ad unur tat-tnax-il kewkba li jdawwru l-Qalb Santissma ta’ Ġesù. Dan il-ktieb jistieden lill-verġni biex jagħtu ruħhom b’riparazzjcni għall-offiżi li jsiru lil din il-Qalb.

Il-qari ta’ dan il-ktieb kellu effett kbir fuq xi xebbiet li bdew jinġabru fid-dar tal-imsemmija Sinjorina Xerri, biex jagħtu bidu għal dan x-xogħol ta’ riparazzjoni. Billi ma setgħux ikomplu dawn il laqgħat weħidhom talbu lil Arċipriet ta’ San Ġorġ, Dun Feliċ Refalo, biex jaħseb jinforma Assoċjazzjoni. Bil-permess tal-Isqof Pietru Pace ġie mogħti lilhom bħala Direttur tat-“Tnax-il kewkba,” il-Viċi Parroku Dun Ġużepp Diacono, magħruf għat-tjubija u għaż-żelu mhux komuni tiegħu. Dan it-twajjeb Saċerdot twieled ix-Xagħra, Għawdex, fit-15 ta’ Awwissu, 1866 u miet fit-22 ta’ Ġunju, 1924. Il-laqgħat ta’ kull xahar baqgħu jsiru fid-dar tas-Sinjorina Xerri, sakemm inkriet dar fi Strada “Għajn Qatet” u ġie mogħti l-isem “Dar tal-Karità.”

Il-Għan Qaddis
Il-fini tal-Assoċjazzjoni f’din id-dar kien li jagħmlu ġid liż-żgħażagħ speċjalment lit-tfal l-iżjed fqar. Għaldaqstant l-Assoċjati taw bidu għall-programm tal-ħajja tagħhom. Wara li kienu jispiċċaw il-prattiki tagħhom ta’ pietà, kienu jiġbru t-tfal, bi preferenza l-iktar fqar, u kienu jagħtuhom lezzjonijiet ta’ Katekiżmu, ta’ skola u ta’ xogħol tad-dar. Filgħaxija, kienu jieħdu t-tfal fil-knisja ta’ San Franġisk biex jagħmlu vista lil Ġesù Sagramentat u wara kienu jwassluhom sad-dar tagħhom.

Fit-18 ta’ Ottubru 1880, dawn il-Kongregati ħadu l-abitu tat-Terz Ordni ta’ San Franġisk minn idejn il-Fundatur tagħhom Dun Ġużepp Diacono.

L-Isqof Pietru Pace, fit-13 ta’ Ottubru 1883 aċċetta l-Kongregazzjoni l-ġdida bħala Istitut Djoċesan u ta lill-Ewwel Sorijiet ir-Regola tat-Terz Ordni ta’ San Franġisk biex josservawha.

Dawn l-ewwel Terzjarji Franġiskani kienu jgħixu fl-ikbar faqar. Biex ikollhom in-neċessarju għall-ħajja kienu jaħdmu minn filgħodu sa filgħaxija, jgħallmu l-bizzilla, u jżommu skola ta’ tfal żgħar subien u bniet. Hekk kienu utli għall-proxxmu, mhux biss bl-eżempju ta’ ħajja qaddisa u fervoruża li kienu jgħaddu, iżda anki bl-opri, għall-vantaġġ tax-xbejbiet speċjalment fqar. Meta xi waħda minn dawn kienet tmut jew toħroġ, il-post tagħha kien jiġi okkupat biex in-numru ta’ din l-Assoċjazzjoni jibqa’ dejjem tnax.

Madre Margerita: Konfundatriċi
Hawn l-istorja hija mżejna bid-dehra tax-xbejba Virginja Debrincat li twieldet f’Kerċem fit-28 ta’ Novembru, 1862. Din ix-xebba kienet mogħtija għat-tjieba u għall-ħajja moħbija u kienet għamlet vot tal-verġinità ta’ 14-il sena. Ġiet aċċettata bħala postulanta fil-5 ta’ Frar 1881. Fil-20 ta’ Frar, 1881 libset il-libsa ta’ San Franġisk minn idejn il-Fundatur, Dun Ġużepp Diacono u ħadet l-isem ta’ Maestra Virġinja: ‘il quddiem Swor Marija Margerita tal-Qalb ta’ Ġesù.

Sentejn wara l-fundazzjoni, il-Fundatur Diacono ħalla t-tmexxija tal-Kongregazzjoni li kienet għadha fil-bidu tagħha minħabba xogħol gravi ieħor li afdalu l-Isqof, u Madre Margerita b’ispirazzjoni divina, ħadet f’idejha t-tmexxija tal-Kongregazzjoni. L-Isqof Pietru Pace għenha ħafna u ta lill-Istitut l-ewwel Kostituzzjoni skont ir-Regola tas-Sorijiet Terzjarji Regolari ta’ San Franġisk.

Din il-Madre, membru tal-Komunità li qegħdin insemmu, bħala soru professa, bħala Superjura Lokali, bħala Madre Ġenerali, u bħala Konfundatriċi mexxiet għal snin twal il-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Franġiskani ta’ Malta. Illum dan l-isem tas-Sorijiet Franġiskani ta’ Malta, b’lndult tas-Sagra Kongregazzjoni tar-Reliġjużi, ġie mibdul f’dak tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù.

L-iskop tal-Kongregazzjoni hu l-qdusija tal-membri permezz tal-osservanza fidila tal-voti tal-Ubbidjenza, Kastità u Povertà skont ir-Regola tat-Terz Ordni ta’ San Franġisk u tal-Kostituzzjonijiet Propri.

L-iskop speċjali ta’ din il-Kongregazzjoni hu l-qdusija tal-proxxmu permezz tat-tagħlim u tal-edukazzjoni Nisranija u ċivili tat-tfal bniet u subien u tax-xebbiet speċjalment fqar, kif ukoll l-eżerċizzju tal-karità lejn il-morda. Għalhekk, is-Sorijiet jeżerċitaw l-attività tagħhom fi skejjel primarji, sekondarji, u f’oħrajn għat-tfal żgħar, f’orfanatrofji, ospizji, sptarijiet, ambulatorji u f’opri oħra bħal dawn. Kull fejn ikunu, jagħtu importanza kbira lill-Katekiżmu.

Il-Konfundatriċi waqqfet l-ispirtu tal-Istitut fuq il-faqar, fuq l-umiltà, u fuq is-sempliċità Franġiskana. L-abitu ta’ kulur qastni, il-kurdun tas-suf abjad, u l-velu li jilbsu s-Sorijiet ifissru s-sempliċità Franġiskana. Il-ferħ Franġiskan hu d-distintiv tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù.

Jinfirxu mad-dinja
Ta’ min isemmi l-ewwel fondazzjoni li Madre Margerita tal-Qalb ta’ Ġesù, għat-talb tal-Isqof Pietru Pace, li waqqfet f’Korfù fl-1907. L-iskop kien li jassistu kolonja Maltija ta’ emigranti li kienu marru hemm minn żmien qabel. Il-missjoni tas-Sorijiet kienet li jieħdu kura tat-tagħlim tal-Katekiżmu, jiġbru l-Maltin għall-Quddiesa tal-Ħadd, għall-Qrar u għat-Tqarbin billi javżawhom ġurnata qabel. Barra dan, l-unika skola kattolika f’Korfù hija f’idejn l-istess Sorijiet. Għandhom ukoll ospizju għax-xjuħ nisa, li hu wkoll l-uniku ospizju kattoliku.

Hi ta’ importanza kbira d-dar li nfetfiet f’Ruma fl-10 ta’ Mejju, 1927. F’din id-dar, imkabbra u miżjuda, hemm skola materna, skola elementari, orfanatrofju tal-bniet u subien, ospizju għax-xjuħ nisa, tagħlim tal-Katekiżmu tal-Parroċċa kollha.

L-attività tas-Sorijiet Franġiskani titnissel u tissaħħaħ mill-imħabba dedikata. Mis-sigħat ta’ talb fil-Kappella, is-soru ġġorr lil Kristu magħha fix-xogħol u fl-appostolat tagħha.

Fl-aħħar 40 sena, il-Kongregazzjoni ħadet żvilupp kbir u barra djar f’Għawdex u f’Malta għandha wkoll djar fl-Italja, fil-Greċja, fl-Ingilterra, fl-Etjopja, fil-Pakistan, fil-Brażil, fl-Awstralja, fl-Amerka u f’Ġerusalemm.

Iż-żerriegħa ċkejkna mixħuta mill-Fundatur Dun Ġużepp Diacono u kkultivata mill-Konfundatriċi qaddisa Madre Margerita tal-Qalb ta’ Ġesù, kibret u tat frott viżibbli u ta’ ġid kbir lill-Knisja. Kollox ikun għall-ikbar glorja t’Alla.

Venerabbli
Nhar it-Tlieta 21 ta’ Jannar, 2014, kummissjoni ta’ Kardinali u Isqfijiet fi ħdan il-Kongregazzjoni tal-Kawżi tal-Qaddisin iltaqgħet f’sessjoni ordinarja biex tat ġudizzju dwar jekk il-Papa għandux jiddikjara lill-Qaddejja ta’ Alla Madre Margerita De Brincat, bint id-Djoċesi ta’ Għawdex, bħala Venerabbli. Din is-sessjoni tmexxiet mill-Kardinal James M. Harvey u għaliha kien preżenti l-Postulatur tal-Kawża, Patri Gianni Califano OFM.

Il-vot tal-lum dwar il-virtujiet erojċi ta’ Madre Margerita sar fuq il-proposti mogħtija minn kummissjoni ta’ disa’ konsulturi teologi f’April li għadda. L-eżitu tal-vot kien wieħed pożittiv, u għalhekk il-pass li jmiss issa hu li l-Kongregazzjoni tressaq ir-riżultat tal-vot tagħha quddiem il-Papa Franġisku biex, fuq parir tal-istess Kongregazzjoni, jiffirma d-Digriet uffiċjali li bih jiddikjara lil Madre Margerita De Brincat bħala Venerabbli. F’dak l-istadju, ikun jonqos biss l-approvazzjoni ta’ miraklu bl-interċessjoni tal-Venerabbli De Brincat biex hi tiġi ddikjarata Beata.

F’Velja ta’ Talb li nżammet fil-21 ta’ Jannar, 2014 fil-Knisja tas-Sorijiet fi Triq Palma, il-Belt Victoria, fejn hemm il-Casa Madre li fiha għexet għal tant snin u mietet Madre Margerita, u fejn tinsab midfuna, l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech sejħilha “vulkan li jarmi enerġija umana u evanġelika.”  Hu żied jgħid li dan hu “jum storiku għall-Knisja f’Għawdex” għaliex għall-ewwel darba fl-istorja, bint id-Djoċesi ta’ Għawdex tinsab daqshekk qrib il-glorja tal-altari.

Links about Margerita De Brincat:

  1. https://fcjmalta.com/mother-margherita-debrincat/
  2. https://www.findagrave.com/memorial/29612709/margherita-de_brincat
  3. http://gozodiocese.org/2013/08/28/madre-margherita-de-brincat-taghrif-mill-kongregazzjoni-tal-kawzi-tal-qaddisin/
  4. https://mt.wikipedia.org/wiki/Madre_Maria_Debrincat
  5. http://www.stfrancis.edu.mt/foundress.php
  6. https://www.mmargherita.org/school-information/history-present/biographical-profile/
  7. http://stfrancisschoolbkara.com/history.html
  8. https://www.timesofmalta.com/articles/view/20120129/life-features/Mother-Margherita-Debrincat-in-love-with-love-as-a-way-of-life.404592
  9. https://timesofmalta.com/articles/view/mother-margherita-de-brincat.298119
  10. http://gozonews.com/43437/madre-margerita-de-brincat-to-be-proclaimed-venerable/
  11. https://gozo.news/43552/pope-francis-decrees-madre-margerita-de-brincat-as-venerable/
  12. https://medjugorjemalta.blogspot.com/2014/01/papa-frangisku-jagraf-il-virtujiet.html
  13. http://www.franccj.com/franccj/en/2016/07/16/la-nostra-storia/
  14. http://www.franccj.com/franccj/blog/2016/05/14/malta-4-luglio-2014-madre-margherita-de-brincat-e-venerabile/
  15. https://www.velar.it/libro/madre-margherita-de-brincat/

Nota: It-Tagħrif dwar il-Venerabbli Margerita De Brincat huwa meħud mis-sit tal-MUSEUM ta’ San Ġiljan u mis-sit tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.

Qaddej ta’ Alla l-Isqof Emanuel Galea

Verżjoni Vidjo: Qaddej ta’ Alla l-Isqof Emanuel Galea

Emanuel_GaleaEMANUEL GALEA
Isqof
1891 – 1974

Tagħrif: Editt ta’ Mons. Arċisqof Ġużeppi Mercieca jħabbar il-bidu tal-proċess għall-Beatifikazzjoni u Kanonizazzjoni tal-Qaddej ta’ Alla Mons. Isqof Emmanuel Galea.

L-Editt ta’ Mons. Arċisqof jgħid hekk:

“Il-Knisja f’Malta trodd ħajr lil Alla għaliex, speċjalment fl-aħħar seklu li għadu kemm intemm, kellha Isqfijiet li għexu l-vokazzjoni tagħhom ta’ rgħajja tal-merħla ta’ Kristu afdata f’idejhom f’dan l-ispirtu tal-Konċilju u kienu ta’ ġid kbir spiritwali u materjali għas-soċjetà Maltija. Fost dawn l-Isqfijiet, l-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Isqof Emmanuel Galea, li għal aktar minn tletin sena kien Awżiljarju ta’ din l-Arċidjoċesi, kien xempju ta’ kif l-Isqof għandu jwettaq il-mandat li Alla afdalu. Fis-skiet, bl-għerf u bil-ħajja qaddisa tiegħu, Monsinjur Galea kien mhux biss ta’ għajnuna kbira għall-Arċisqof Mikiel Gonzi matul is-snin diffiċli tal-episkopat tiegħu, iżda kien ta sens ta’ direzzjoni lill-parrokat, lis-saċerdoti u lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor kellhom kuntatt miegħu. Kienet ukoll tispikka l-imħabba tiegħu lejn il-fqar u dawk li kienu fil-bżonn.

L-Isqof Galea twieled l-Isla fl-10 ta’ Marzu 1891, l-iżgħar fost ħames ulied ta’ Ġużeppi Galea u Carmela mwielda Camilleri. Kellu trobbija reliġjuża tajba ħafna. Iż-żewġ ħutu l-oħra subien ukoll saru saċerdoti. Ħa l-edukazzjoni sekondarja tiegħu fil-Liċeo. Fl-1909 beda kors fl-Università ta’ Malta fejn iggradwa bil-Baċċellerat fil-Letteratura fl-1913 u Duttur tat-Teoloġija fl-1916. Wara li temm l-istudji tiegħu ġie ordnat saċerdot fit-18 ta’ Diċembru 1915, flimkien ma’ ħuħ, Dun Franġisk.

Fl-1917 kien maħtur Kanonku Teologu tal-Kolleġjata tal-Isla, fejn baqa’ jservi sas-sena 1932 meta nħatar Kanonku tal-Kattidral ta’ Malta. Fl-1921 l-Arċisqof Mauru Caruana, OSB, bagħtu Ruma biex jistudja l-Liġi Kanonika minn fejn ħa d-Dottorat mill-Università Gregorjana.

Meta rritorna Malta mill-istudji, l-Isqof Galea kien maħtur Prefett tal-Istudji u Professur tal-Letteratura Latina fis-Seminarju Arċiveskovili. Fl-1930 kien maħtur Professur tal-Liġi Kanonika fl-Università ta’ Malta, u fl-istess sena l-Arċisqof Caruana għażlu bħala Segretarju Ġenerali tiegħu u Difensur taż-żwieġ fit-Tribunal Ekkleżjastiku. Fl-1940 kien maħtur Vigarju Ġenerali. Ta’ min isemmi wkoll li kien Assistent Ekkleżjastiku taż-żgħażagħ u tas-sezzjoni tal-Gradwati tal-Azzjoni Kattolika. Meta miet il-Qaddej ta’ Alla Monsinjur Ġużeppi Depiro, Monsinjur Galea ġie maħtur Direttur tal-Istitut ta’ Ġesù Nazzarenu fiż-Żejtun, kariga li baqa’ jżomm sa mewtu.

Fl-aktar żmien kritiku għal Malta waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, fid-9 ta’ Ġunju, 1942, Monsinjur Galea kien nominat Isqof Titulari ta’ Tralles u Awżiljarju tal-Isqof ta’ Malta. Kien ikkonsagrat Isqof fil-Katidral tal-Imdina fil-5 ta’ Lulju, 1942.

Bħala Isqof, Monsinjur Galea ta l-kontribut validu tiegħu mhux biss għall-Knisja f’Malta iżda wkoll għall-Knisja Universali, speċjalment waqt il-Konċilju Vatikan II. Kien preżenti għal diversi mis-sessjonjiet tal-Konċilju u għamel l-interventi tiegħu fuq id-duttrina tal-kolleġjalità tal-Isqfijiet, l-attività missjunarja tal-Knisja, l-importanza tad-devozzjoni Marjana fil-formazzjoni saċerdotali, il-libertà reliġjuża u l-Knisja fid-Dinja tal-Lum.

F’Malta, l-Isqof Galea kien magħruf minn kulħadd għall-qdusija tiegħu. Kienet tispikka l-umiltà tiegħu. Kien bniedem ta’ talb, appostlu tal-konfessinarju u predikatur assidwu. Kulħadd jiftakar l-artikli qosra, iżda mimlijin għerf, li kien jikteb regolarment fil-Leħen is-Sewwa. Ma tistax tintesa l-għajnuna li, matul l-episkopat tiegħu, ta kemm lill-Arċisqof Caruana, u ferm aktar, kif ħafna minna jiftakru, lill-Arċisqof Mikiel Gonzi matul is-snin diffiċli tal-episkopat tiegħu. Il-qdusija, l-għerf, il-prudenza u l-umiltà tiegħu servew ta’ ġid mhux biss għall-Arċisqof Gonzi, iżda għall-Arċidjocesi tagħna kollha.

Mitlubin mill-Postulatur tal-Kawża tal-Beatifikazzjoni u Kanonizzazzjoni tal-istess Isqof Monsinjur Emmanuel Galea biex jingħata bidu għal din il-kawża, skont in-Normi tal-Kongregazzjoni tal-Qaddisin, wara li kkonsultajna rwieħna mal-Eċċellenza Tiegħu l-Isqof ta’ Għawdex, qed nippubblikaw dan l-Editt biex nitolbu lil kull min għandu xi kitba tal-Isqof Galea jgħaddiha fil-Kanċellerija tat-Tribunal Metropolitan fil-Kurja Arċiveskovili, Valletta. B’kitba nifhmu mhux biss dik stampata iżda wkoll manuskritti, id-djarji, ittri u kull kitba oħra privata ta’ dan il-Qaddej ta’ Alla. Dawk li jixtiequ li jżommu l-oriġinal jistgħu jippreżentaw kopja li, wara li tkun verifikata mal-oriġinal, tiġi awtentikata mill-Kanċellier tal-istess Tribunal.”

Links about Bishop Emanuel Galea:   

  1. https://mt.wikipedia.org/wiki/Emmanuel_Galea
  2. http://thechurchinmalta.org/en/posts/21249/tifkira-tal-mewt-tal-isqof-emanuel-galeamass-for-bishop-emanuel-galea
  3. http://thechurchinmalta.org/en/posts/15205/95-years-since-gods-servant-bishop-emanuel-galea-was-ordained-to-the-priesthood95-sena-mill-ordinazzjoni-sacerdotali-tal
  4. http://thechurchinmalta.org/en/posts/20483/anniversary-of-the-episcopal-ordination-of-bishop-emanuel-galeal-anniversarju-tal-ordinazzjoni-episkopali-tal-isqof-eman
  5. https://www.timesofmalta.com/articles/view/20140824/life-features/Bishop-Emmanuel-Galea-a-saintly-prelate-remembered.533272

Nota: It-Tagħrif dwar il-Qaddej ta’ Alla l-Isqof Emanuel Galea huwa meħud mis-sit tal-MUSEUM ta’ San Ġiljan.

Qaddejja ta’ Alla Madre Marija Tereża Nuzzo

Verżjoni Vidjo: Qaddejja ta’ Alla Madre Marija Tereża Nuzzo

NImage_870_312x312_00312210338381MARIJA TEREŻA NUZZO
Fundatriċi
1851 – 1923

Tagħrif: Imwielda l-Belt fit-12 ta’ Mejju, 1851, Marija Tereża Nuzzo trabbiet f’ambjent reliġjuż ħafna tant li missierha kien jingħalaq ta’ kuljum fil-kamra tiegħu, min-nofs in-nhar sat-3.00 p.m., biex jitlob quddiem il-kurċifiss.

Kienet ix-xewqa tagħha li twaqqaf kongregazzjoni reliġjuża ġdida bil-għan li tgħin fl-edukazzjoni akkademika u spiritwali tat-tfal u x-xewqa tagħha nqatgħet fl-1903 meta ngħatat dar fil-Ħamrun. Fl-istess sena waqqfet il-Kongregazzjoni tal-Ulied tal-Qalb ta’ Ġesù u kienet maħtura l-ewwel Superjura Ġenerali. Erba’ snin wara fetħet dar fiż-Żejtun u fl-1913 oħra fil-Marsa.

Fl-1918 Madre Nuzzo kienet akkużata inġustament li kienet tħalli lis-sorijiet tagħha neqsin mill-ikel u wara investigazzjoni ordnata mill-Arċisqof Mauro Caruana, kienet imneħħija mill-uffiċċju ta’ Madre Ġenerali u l-Kongregazzjoni kellha titmexxa mis-sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù.

Waqt li kienet ipprojbita milli tiltaqa’ u titkellem saħansitra man-novizzi tal-Kongregazzjoni, Nuzzo kienet tgħaddi l-jiem titlob u ssewwi l-ħwejjeġ tas-sorijiet. Baqgħet issofri fis-skiet sakemm mietet fis-17 ta’ April, 1923. Illum minbarra disat idjar f’Malta, il-Kongregazzjoni tagħha għandha djar fl-Italja, l-Irlanda, il-Kenja, il-Libja, it-Tuneżija u l-Indja.

Links about Marija Tereża Nuzzo:  

  1. https://en.wikipedia.org/wiki/Madre_Teresa_Nuzzo
  2. http://sacredheartnuzzo.org/our-foundress
  3. http://www.en.teresanuzzo.tripod.com/id2.html
  4. http://www.independent.com.mt/articles/2011-05-01/letters/maria-teresa-nuzzo-a-humble-servant-of-god-291570/
  5. http://theresanuzzoschool.com/our-history/
  6. http://fionavella.com/features/tag/maria-teresa-nuzzo/
  7. https://www.facebook.com/pages/category/Public-Figure/Teresa-Nuzzo-185016469394/
  8. https://www.timesofmalta.com/articles/view/20030504/education/god-will-make-a-way-at-theresa-nuzzo-school.150960
  9. https://books.google.com.mt/books/about/Mother_Maria_Teresa_Nuzzo_1851_1923.html?id=pSEmtwAACAAJ&redir_esc=y
  10. https://wirtizzejtunartikli.files.wordpress.com/2012/06/ulied-il-qalb-ta-gesu_kns_2008.pdf
  11. https://newsbook.com.mt/pass-importanti-fil-kawza-ta-kanonizzazzjoni-ta-madre-teresa-nuzzo/
  12. https://laikosblog.org/2023/04/17/twieldet-mill-gdid-bil-qawwa-tal-ispirtu-ta-alla/

Nota: It-Tagħrif dwar il-Qaddejja ta’ Alla Madre Marija Tereża Nuzzo meħud mis-sit tal-MUSEUM ta’ San Ġiljan.

13 ta’ Awwissu: San Ponzjanu u San Ippolitu

Verżjoni Vidjo: San Ponzjanu u San Ippolitu

“Jekk ngħidu li m’għandniex dnub, nkunu qegħdin inqarrqu bina nfusna u l-verità ma tkunx fina. Jekk nistqarru dnubietna, hu fidil u ġust, hekk li jaħfrilna dnubietna u jnaddafna minn kull ħażen. Jekk ngħidu li ma dnibniex, nkunu qegħdin ingiddbuh, u kelmtu ma tkunx fina.” – 1Ġwanni 1:8-10.

7d76a50f42c993f6b70d5efb1160b5f3SAN PONZJANU (Papa u Martri)

Tagħrif: San Ponzjanu sar Papa fis-sena 230. Sentejn wara, sejjaħ sinodu f’Ruma li kkonferma l-kundanna tat-teologu kbir Oriġene ta’ Lixandra (185 – 253).

Fis-sena 235, fil-persekuzzjoni tal-Imperatur Ruman, Massiminu, Ponzjanu kien eżiljat f’Sardinja biex jaħdem fil-minjieri. Hemm iltaqa’ ma’ San Ippolitu li hu wkoll kien eżiljat mill-istess Imperatur. It-tnejn mietu minħabba t-tbatija li sofrew. San Ponzjanu kien ilu Papa ħames snin, u San Ippolitu kien ilu Antipapa tmintax-il sena. It-tnejn mietu fil-paċi ma’ xulxin. Ippolitu kien irreżenja minn Antipapa, u Ponzjanu rriżenja minn Papa biex jilħaq ieħor floku.

SAN IPPOLITU (Saċerdot u Martri) ? – 235

Tagħrif: San Ippolitu twieled għall-ħabta tas-sena 170. Kien ġa qassis magħruf meta fis-sena 202 Oriġene semgħu jipprietka, f’Ruma. X’aktarx li kien dixxiplu ta’ San Irinew u ta’ San Klement minn Lixandra. Kien wieħed mill-aqwa teoloġi tal-Knisja fit-tielet seklu, u ħadem bis-sħiħ kontra l-ereżija ta’ żmienu. Kien tant imħeġġeġ li saħansitra akkuża lill-Papa San Żeferinu li ma kienx pront biżżejjed biex jintebaħ bl-ereżija u jikkundannaha. Hekk ukoll reġa’ għamel mal-Papa San Kallistu li kien tela’ wara San Żeferinu, anzi din id-darba ħalla lilu nnifsu jiġi elett l-ewwel Antipapa mill-grupp li kellu madwaru. Baqa’ Antipapa wkoll fi żmien San Urbanu u San Ponzjanu suċċessuri ta’ San Kallistu.

Uħud mill-opri tal-kitba tiegħu huma “It-Tradizzjoni Appostolika,” “Rifjutazzjoni tal-Ereżijiet kollha,” u “Philosophoumena.”

Ippolitu rrekonċilja mal-Knisja permezz tal-Papa Ponzjanu, forsi ftit qabel ma t-tnejn kienu eżiljati f’Sardinja. L-iġsma tagħhom ġabuhom Ruma u difnuhom bl-unuri kollha ta’ martri. Lil Ponzjanu difnuh fiċ-ċimiterju ta’ Kallistu, u lil Ippolitu fiċ-ċimiterju ta’ Ċirijaka fit-triq Tiburtina, fejn l-ammiraturi tiegħu għamlulu statwa li llum tinsab fil-Librerija Vatikana.

Ħsieb: San Ippolitu kien difensur qawwi tal-Ortodossija, u ammetta l-eċċessi tiegħu permezz tar-rikonċiljazzjoni umli tiegħu. Huwa ma kienx eretiku formali, iżda dixxiplinarju żejjed. Dak li ma setax jitgħallem fil-qalba tiegħu bħala riformatur pur, huwa tgħallem fl-uġigħ u d-deżolazzjoni tal-priġunerija. Kien avveniment simboliku adattat li l-Papa San Ponzjanu qasam miegħu fil-martirju.

Jista’ jiġrilna li minħabba entużjażmu żejjed (jew injoranza!) nagħmlu lilna nfusna nsara iktar mill-istess Papa, jew qaddisin iktar mill-Knisja stess. Naħsbu li kulħadd hu żbaljat u aħna biss għandna raġun (meta fir-realtà jkun il-kuntrarju). Hekk ġralu San Ippolitu. Jekk diżgrazzjatament jiġrilna xi ħaġa simili, jalla jkollna wkoll il-grazzja li kellu l-Qaddis, li nammettu l-iżball tagħna u nirrikonċiljaw bl-umiltà kollha.

Kemm hi meħtieġa din l-imbierka UMILTA’! Mingħajrha m’hemmx salvazzjoni għax biex wieħed jammetti li żbaljat jew midneb, dejjem jeħtieġlu jitgħannaq mal-umiltà! Imma din l-umiltà għadha moda fi żminijietna llum fejn id-dinja tipproponilna l-importanza ta’ x’naħseb u x’irrid ‘jien,’ anki jekk f’dan kollu tidher l-arroganza aktar milli l-umilta’ li n-nisrani tant jeħtieġ? Il-bniedem kemm għadu jfittex il-Verità b’umiltà?

Il-Papa Franġisku qal dan li ġej dwar l-umiltà nhar it-It-Tnejn, 8 ta’ April 2013:

“L-umiltà hija r-regola tad-deheb: għan-nisrani li tagħmel progress ifisser li titbaxxa. U huwa propju fuq it-triq tal-umiltà, magħżula minn Alla stess, li jgħaddu l-imħabba u l-karità. L-istorja kollha tal-fidi, hija magħmula minn umiltà u tkellem lilna lkoll dwar l-umiltà. Huwa hekk ukoll minħabba l-fatt storiku tat-twelid ta’ Ġesù. Jidher li Alla ried li kull ġrajja ssir bil-moħbi, li ma ssirx pubblika, li tkun bħallikieku miksija bid-dell tal-Ispirtu Santu. Hekk hu għaliex – żied – kollox isir fit-triq tal-umiltà. Alla, umli, jitbaxxa: jiġi għandna u jitbaxxa. U jkompli jitbaxxa sas-salib.

Fil-waqt tal-annunzjazzjoni wkoll Marija titbaxxa: ma tifhimx sewwa, imma hija libera: tifhem biss l-essenzjali. U tgħid ‘iva.’ Hija umli: ‘Issir ir-rieda ta’ Alla.’ Titlaq ruħha għar-rieda ta’ Alla. U Ġużeppi, l-għarus tagħha – ukoll hu jitbaxxa u jġorr fuqu nnifsu din ir-responsabiltà hekk kbira. Ġużeppi, jgħid ukoll ‘iva’ lill-anġlu meta, waqt li kien rieqed, qallu dik il-verità.

Propju l-istil ta’ Marija u ta’ Ġużeppi juri li l-imħabba kollha ta’ Alla, biex jasal għalina, jaqbad it-triq tal-umiltà. Alla umli li ried jimxi mal-poplu tiegħu. Nirreferi għall-ktieb tad-Dewteronomju meta Alla qal: ‘Jien ħriġtkom fid-deżert bħal ma missier joħroġ lil ibnu.’ Alla, umli u tant tajjeb. L’Alla paċenzjuż. Dan huwa differenti mill-atteġġjament tal-idoli; l-idoli huma qawwija, jinstemgħu: ‘hawn nikkmanda jien!’

Alla tagħna – għaliex huwa veru, għaliex mhux Alla taparsi, mhux Alla tal-injam, magħmul mill-bnedmin, huwa veru – jippreferixxi imur hekk, għal għonq it-triq tal-umiltà. Din l-imħabba kollha fuq din it-triq tal-umiltà. Li tkun umli ma jfissirx li tmur hekk fit-triq, b’għajnejk baxxi: le, le. L-umiltà hija dik ta’ Alla li jgħallimna, dik ta’ Marija, dik ta’ Ġużeppi. U l-umiltà hija dik ta’ Ġesù, li jispiċċa fuq is-salib. U din hija r-regola tad-deheb għan-nisrani: timxi ‘l quddiem, tavvanza u titbaxxa. Ma tistax tmur fi triq oħra. Jekk jien ma nitbaxxiex, jekk int ma titbaxxiex, m’intix nisrani. ‘Imma għaliex għandi nitbaxxa?’ Biex tħalli li l-karità kollha ta’ Alla tiġi f’din it-triq, hija l-unika li huwa għażel – ma għażilx triq oħra – li tispiċċa fuq is-salib. U mbagħad fit-trijonf tar-Resurrezzjoni. 

It-trijonf tan-nisrani jieħu din it-triq tat-tbaxxija. Inħarsu lejn Ġesù li jibda jitbaxxa f’dan il-misteru hekk sabiħ. Inħarsu lejn Marija, inħarsu lejn Ġużeppi. U nitolbu l-grazzja tal-umiltà. Imma din l-umiltà li hija t-triq li minnha bla ebda dubju tgħaddi l-karità. Meta Pawlu jgħidilna: ‘aħsbu li l-oħrajn huma aħjar minnkom, kultant huwa diffiċli li taħsbu.’ Imma Pawlu jaħseb dwar dan il-misteru, dwar din it-triq, għaliex hu fl-iktar qiegħ ta’ qalbu jaf li l-imħabba biss tgħaddi minn din it-triq tal-umiltà. Infatti jekk m’hemmx umiltà, l-imħabba tibqa’ imblukkata. Ma tkunx tista’ tkompli timxi. Nitolbu, mela, il-grazzja tal-umiltà lill-Madonna, lil San Ġużepp u lil Ġesù.”

  • U int tammetti żball bħal ma għamel San Ippolitu?
  • Tuża s-Sagrament tal-Qrar biex dan inaddfek u jsaħħek ħalli tipprova ma terġax taqa’ f’xi żball?
  • Kemm tiskuża ruħek u titlob maħfra fejn ikun hemm bżonn?

Talba: Is-sabar għażiż tal-qaddisin tiegħek, Mulej jagħtina l-għajnuna biex nikbru fi mħabbtek u biex nitwettqu dejjem iżjed fil-fidi mqaddsa. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-pontian-and-st-hippolytus-559

Alternative Reading: https://mycatholic.life/saints/saints-of-the-liturgical-year/august-13-saints-pontian-pope-and-hippolytus-priest-martyrs/

Wikipedia about Pope Saint Pontian: https://en.wikipedia.org/wiki/Pope_Pontian

Wikipedia about Saint Hippolytus: https://en.wikipedia.org/wiki/Hippolytus_of_Rome

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

6 ta’ Awwissu: It-Trasfigurazzjoni tal-Mulej

Verżjoni Vidjo: It-Trasfigurazzjoni tal-Mulej

“Wiċċ Ġesù sar jiddi bħax-xemx u d-dixxipli stagħġbu kif raw il-glorja tiegħu, u mtlew bil-biża’. U dehrulhom Mosè u Elija jitħaddtu miegħu.” – Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej (Mattew 17:2.3; Luqa 9:32. 34).

jesus_transfigurationIT-TRASFIGURAZZJONI TAL-MULEJ

Tagħrif: Meta Ġesù kien fil-Galilija, xi sena qabel il-Passjoni, huwa ħa lil San Pietru, San Ġakbu u San Ġwann, fuq il-għolja Tabor u mmanifesta l-glorja tiegħu lilhom billi tbiddel quddiemhom, u wiċċu beda jiddi bħax-Xemx, u lbiesu saru bojod bħad-dawl. Fl-istess waqt Mosé u Elija dehru wieħed fuq kull naħa tiegħu jitkellmu miegħu fuq il-mewt li Hu kellu jsofri f’Ġerusalemm.

Pietru maħruġ barra minnu nnifsu qal lil Ġesù: “Tajjeb li aħna hawn; jekk trid, nagħmel tliet għarajjex, wieħed għalik, wieħed għal Mosé u wieħed għal Elija. Kif kien għadu jitkellem, sħaba kollha dawl għattiethom, u ġie leħen mis-sħaba: “Dan hu ibni l-maħbub li bih nitgħaxxaq; lilu isimgħu.”

Malli d-dixxipli semgħu dan waqgħu b’wiċċhom mal-art u beżgħu ħafna. Imbagħad resaq Ġesù, messhom u qal: ”Qumu u la tibżgħux.” X’ħin refgħu għajnejhom, ma raw ’il ħadd ħlief ’il Ġesù waħdu. U huma u neżlin mill-muntanja, Ġesù ordnalhom: “La tgħidu lil ħadd fuq id-dehra sa ma jqum Bin il-bniedem mill-imwiet.” (Mattew 17:1-13; Mark 9:2-9; Luqa 9:28-36)

L-appostli tant issaħħru bl-isplendur li raw li ma xtaqux jitilqu minn hemm. Però Ġesù ma żammhomx hemm. Niżżilhom minn fuq l-għolja u reġa’ daħħalhom fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum, fejn ftit żmien wara sofra l-passjoni u l-mewt. Ġesù ried juri lill-appostli (u lilna) li kien jeħtieġ li jgħaddu mit-taħbit, mill-hemm, mit-tbatija tal-ħajja qabel ma jidħlu miegħu fil-glorja.

Ninnutaw ukoll li San Pietru tant kien barra minnu nnifsu li meta wera x-xewqa li jibni l-għarajjex nesa jsemmi l-għarix għalih u għal sħabu. U dan għax Ġesù dewwaqhom ftit glorja – ftit li xejn – li hemm lesta għal dawk li jħobbuh!

Il-festa tat-trasfigurazzjoni ilha tiġi ċċelebrata b’solennità kbira fil-Lvant sa mis-seklu sitta. Kienet iċċelebrata wkoll f’xi nħawi fil-Punent fil-Medjuevu, sakemm ġiet estiża għall-knisja kollha fl-1457 minn Kallistu III biex tfakkar ir-rebħa tal-insara fuq it-Torok f’Belgrad is-sena ta’ qabel. F’Malta, il-parroċċa ta’ Ħal Lija hi ddedikata lit-trasfigurazzjoni li fostna nsejħulha l-Festa tas-Salvatur.

Ħsieb: Qari minn Diskorsi ta’ l-isqof Anastasju tas-Sinaj f’jum it-Trasfigurazzjoni tal-Mulej bit-titlu ‘Hu sew li aħna hawn’:

“Ġesù għarraf lid-dixxipli tiegħu b’dan il-misteru fuq it-Tabor: huwa u miexi magħhom, kellimhom fuq is-Saltna tas-Smewwiet u fuq it-tieni miġja tiegħu fil-glorja. Huma setgħu ma fehmux biżżejjed dak li qalilhom fuq is-Saltna tas-Smewwiet, għalhekk, biex ikunu żguri għal kollox f’qalbhom fuq dak li qalilhom, fuq it-Tabor deher quddiemhom f’dehra tal-għaġeb, biex jagħtihom ħjiel tad-dehra tal-glorja fis-Saltna tas-Smewwiet, u hekk minn dak li raw setgħu jaslu biex jemmnu f’dak li kellu jseħħ għal li ġej. Qisu ried jgħidilhom: ‘Biex iż-żmien li għad irid jgħaddi ma jġibx fikom nuqqas ta’ fidi, minn issa stess tassew ngħidilkom, li hawn xi wħud minn dawk li qegħdin hawn, li ma jġarrbux il-mewt qabel ma jaraw Bin il-bniedem ġej fil-glorja ta’ Missieru.’

L-Evanġelista, biex juri li Kristu kellu s-setgħa li jagħmel dan, żied jgħid: ‘Sitt ijiem wara, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u ‘l Ġakbu u ‘l ħuh Ġwanni weħidhom, tellagħhom fuq muntanja għolja, u tbiddel quddiemhom. Wiċċu sar jiddi bħax-xemx, u lbiesu sar abjad bħas-silġ. U dehrulhom Mosè u Elija jitħaddtu miegħu.’

Dan hu l-miraklu li tfakkar il-festa ta’ llum, dan hu l-misteru tas-salvazzjoni li seħħ issa fuq il-muntanja, u aħna nġbarna hawn flimkien biex niċċelebraw kemm il-mewt ta’ Kristu u kemm il-glorifikazzjoni tiegħu. Ejjew mela nkunu mħejjija biex nisimgħu l-leħen qaddis ta’ Alla ġej mis-sema, li qed isejħilna mill-għoli tal-muntanja, biex, flimkien ma’ dawk li l-Mulej għażel minn fost id-dixxipli li għażillu Alla, naslu biex nifhmu l-għoli ta’ dan il-misteru tal-għaġeb.

Lejn din il-muntanja għandna nħaffu – u dan ngħidu bil-kuraġġ kollu – bħal Ġesù, li fis-sema, fejn mar qabilna, hu l-mexxej tagħna; hemm fuq miegħu, bl-għajnejn ta’ ruħna jiddu, imġeddin b’xi mod fis-sura ta’ ruħna, aħna nsiru nixbhuh, u bħalu ninbidlu bla heda, għax, imħejjija dejjem għal glorja aqwa, aħna mseħbin fin-natura tiegħu ta’ Alla.

Lejn din il-muntanja niġru qalbna qawwija u ferħanin nidħlu ‘l ġewwa fis-sħaba, qisna Mosè u Elija, jew Ġakbu u Ġwanni. Ħa nkunu bħal San Pietru, kollu medhi fid-dehra tal-glorja ta’ Alla, trasfigurat minn dik it-Trasfigurazzjoni tal-għaġeb, maqtugħ mid-dinja, u merfugħ mill-art. Bħalu nħallu l-ġisem, nitbiegħdu mid-dinja, induru lejn min ħalaqna, lejn dak li San Pietru, mitluf minn sensih f’hena bla qies, mar jgħidlu: ‘Kemm hu sew li aħna hawn.’

U tassew, Pietru, kemm hu sew li aħna hawn ma’ Ġesù, kemm hu sew li nibqgħu hawn għal dejjem. X’hemm aqwa, x’hemm aktar ta’ hena, x’hemm aħjar milli tkun dejjem ma’ Alla, tkun tixbhu, timxi fid-dija tad-dawl tiegħu? Iva, kull wieħed minna, kull min għandu lil Alla fih, kull min sar xebh ma’ Alla, bil-ferħ kollu jista’ jgħid: ‘Kemm hu sew li aħna hawn fejn kollox jiddi, fejn ma hawnx ħlief ferħ u hena u gost u pjaċir, fejn il-qalb hi f’sikkitha fis-sliem u l-paċi, fejn naraw lil (Kristu) Alla. Hawn aħna ngħammru,’ u meta nidħlu ngħidu: ‘F’din id-dar illum daħlet is-salvazzjoni; hawn ma’ Kristu jinsabu teżori bla qjies ta’ l-għana ta’ dejjem, hawn jinsab il-bidu u d-dehra qisu f’mera taż-żminijiet li għad iridu jiġu.'”

  • U int, kif tħares lejn Ġesù?
  • Tarah bħala s-Salvatur tiegħek; bħala Alla tiegħek; u tħobbu għax Hu hekk tabilħaqq?
  • Qed tħallih jitrasformak bid-Dawl tal-Kelma tiegħu?

Talba: O Alla, fit-Trasfigurazzjoni glorjuża ta’ Ibnek il-waħdieni int saħħaħt il-misteri tal-fidi bix-xhieda ta’ missirijietna, u b’mod tal-għaġeb urejt minn qabel kif aħna konna se nsiru tassew ulied adottivi tiegħek: agħmel li aħna, qaddejja tiegħek, nisimgħu leħen Ibnek il-għażiż biex jistħoqqilna nsiru werrieta miegħu, Ibnek Ġesù Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2018/08/feast-of-transfiguration-of-our-lord.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/the-transfiguration-555

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Transfiguration_of_Jesus

Nota: It-Tagħrif dwar din il-Festa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

2 ta’ Awwissu: San Ewsebju ta’ Vercelli

Verżjoni Vidjo: San Ewsebju ta’ Vercelli

“Għal kollox niflaħ bis-saħħa ta’ Dak li jqawwini.” – Filippin 4:13.

Saint_Eusebius_049

SAN EWSEBJU TA’ VERCELLI
Isqof
? – 371

Tagħrif: San Ewsebju twieled fil-gżira ta’ Sardinja għall-bidu tas-seklu erbgħa, minn ġenituri nsara. Meta kien għadu tifel żgħir tilef lil missieru.

Ommu ġabitu Ruma. Hemm ħa l-edukazzjoni tiegħu, u sar membru tal-Kleru ta’ Ruma.

Fis-sena 345 sar l-ewwel Isqof ta’ Vercelli, f’Piedmonti. Introduċa għall-ewwel darba fil-Punent il-ħajja monastika billi hu bħala Isqof beda jgħix f’komunità mas-saċerdoti tiegħu.

Ħadem ħafna kontra l-ereżija tal-Arjani li tiċħad id-Divinità ta’ Ġesù.

Fis-Sinodu ta’ Milan fis-sena 355 huwa ma riedx jiffirma l-kundanna kontra San Atanasju, u minħabba f’hekk l-Imperatur Arjan Kustanz eżiljah fil-Palestina. Hemm kien taħt is-sorveljenza tal-Isqof Arjan, u bosta drabi kien jiġi umiljat u mmaltrattat mill-Arjani, sakemm fl-aħħar mar l-Eġittu.

Meta fis-sena 361 miet l-Imperatur Kustanz, Ġuljanu l-Apostata li laħaq floku, ta l-permess lill-Isqfijiet eżiljati li jkunu jistgħu jirritornaw fid-djoċesi tagħhom, iżda San Ewsebju baqa’ fl-Orjent bħala l-Legat tal-Papa.

Flimkien ma’ San Atanasju ppresieda s-Sinodu ta’ Lixandra fis-sena 362, u sena wara rritorna fi Piedmonti. Flimkien ma’ San Ilarju ta’ Poitiers ħadem ħafna kontra l-Ereżija Arjana.

Fil-Katidral ta’ Vercelli hemm ippreservati l-iktar manuskritti antiki tal-Vanġelu bil-Latin antik u jaħsbu li kienu miktubin minn San Ewsebju.

Miet fil-paċi fid-djoċesi tiegħu fl-1 ta’ Awwissu tas-sena 371.

Aktar dettalji
Ewsebju kien iben martri. Trabba f’Ruma fejn ommu ħaditu meta kien għadu żgħir ħafna. Jista’ jitqies bħala l-fundatur tal-kanoniċi regolari. Fil-konċilju ta’ Milan fis-sena 355, Ewsebju kien wieħed mit-tliet Isqfijiet li, għalkemm kienu mhedda bil-mewt, irrifjutaw li jiffirmaw il-kundanna ta’ San Atanasju, kif riedu l-Isqfijiet Arjani. Minflok, dan il-qaddis poġġa kopja tal-Kredu ta’ Niċea fuq il-mejda u insista li kull wieħed jiffirmah qabel ma jaqbdu l-każ kontra Atanasju. Qam storbju kbir.

Xi wħud jagħtu lil Ewsebju t-titlu ta’ martri; dan forsi minħabba li sofra ħafna tul l-eżilju, imma safejn nafu hu miet mewta naturali meta kien diġà mgħobbi sewwa bis-snin. San Ewsebju hu wieħed mill-awturi tal-Kredu msejjaħ ta’ San Atanasju. Kopja manuskritta tal-Vanġelu bil-latin li jingħad li għamel hu, il-Codex Vicellensis, hi l-eqdem manuskritt tax-xorta tiegħu li jeżisti. Il-festa tiegħu tinżamm fit-2 ta’ Awwissu.

ĦsiebBla dubju li l-Ispirtu s-Santu ta lil San Ewsebju d-don tal-qawwa biex huwa seta’ jissaporti kull tip ta’ tbatija, umiljazzjoni, eżilju u abbużi oħra kontra tiegħu u jibqa’ xorta waħda ma jiċċaqlaqx mill-pożizzjoni tiegħu għax kien jaf li hu kien fis-sewwa u xhud tal-Verità. Imma x’inhu dan id-don tal-qawwa? Kif nistgħu nkabbruh fina ladarba rċevejnieh bl-inżul tal-Ispirtu s-Santu fis-Sagramenti?

Il-Papa Franġisku, fl-Udjenza tiegħu tal-Erbgħa, 14 ta’ Mejju, 2014 dwar id-Doni tal-Ispirtu s-Santu – Il-Qawwa, jgħid hekk:

“Il-Mulej dejjem lest biex iweżinna fid-dgħufija tagħna u dan jagħmlu b’don speċjali: id-don tal-qawwa. Hemm parabbola, li jirrakkonta Ġesù, li tgħinna nifhmu l-importanza ta’ dan id-don. ‘Bidwi ħareġ jiżra’; imma mhux iż-żerriegħa kollha li xeħet għamlet il-frott. Dik li spiċċat fuq il-mogħdija naqqruha l-għasafar; dik li waqgħet fuq il-blat jew qalb ix-xewk, qabdet, imma malajr nixfet bix-xemx jew sfat maħnuqa mix-xewk. Dik biss li waqgħet fuq art tajba setgħet tikber u tagħmel il-frott.’ (ara Mark 4:3-9 // Mattew 13:3-9 // Luqa 8:4-8).

Kif Ġesù stess ifisser lid-dixxipli tiegħu, dak il-bidwi jirrappreżenta lill-Missier, li jxerred bil-kotra ż-żerriegħa tal-Kelma tiegħu. Imma ż-żerriegħa spiss tħabbat wiċċha man-nixfa ta’ qalbna u, anki meta tiġi milqugħa, tirriskja li tibqa’ ma tagħmilx frott. Bid-don tal-qawwa, imma, l-Ispirtu s-Santu jeħles l-art ta’ qalbna, jeħlisha mill-ħedla, mid-dubji u mill-biżgħat kollha li jistgħu jżommuh lura, hekk li l-Kelma tal-Mulej tkun tista’ titqiegħed fil-prattika, b’mod awtentiku u hieni. Hu tassew ta’ għajnuna dan id-don tal-qawwa, iqawwina, jeħlisna anki minn tant ħwejjeġ li jżommuna lura.

Hemm ukoll mumenti diffiċli u sitwazzjonijiet estremi fejn id-don tal-qawwa jidher b’mod straordinarju, eżemplari. Bħal fil-każ ta’ dawk li jsibu ruħhom f’esperjenzi partikularment iebsin u ta’ niket, li jħarbtulhom ħajjithom u dik ta’ l-għeżież tagħhom. Il-Knisja tilma bix-xhieda ta’ tant aħwa rġiel u nisa li qatt ma hedew jagħtu ħajjithom, biex jibqgħu fidili lejn il-Mulej u l-Vanġelu tiegħu. Anki l-lum ma jonqsux insara li f’tant irkejjen tad-dinja jissoktaw jiċċelebraw u jagħtu xhieda tal-fidi tagħhom, b’konvinzjoni u b’serenità qawwija, u jżommu sodi anki meta jafu li dan jista’ jwassalhom iħallsu prezz ogħla. Anki aħna, ilkoll kemm aħna, nafu persuni li għaddew minn sitwazzjonijiet diffiċli, tant tbatijiet.

Imma jiġuna f’moħħna dawk l-irġiel, dawk in-nisa, li għandhom ħajja diffiċli, iridu jissieltu biex iżommu l-familja għaddejja, biex jedukaw lil uliedhom: dan kollu jagħmluh għax hemm l-ispirtu tal-qawwa li jgħinhom. Kemm irġiel u nisa – isimhom ma nafuhx – li jagħmlu ġieħ lill-poplu tagħna, jagħmlu ġieħ lill-Knisja tagħna, għax huma qawwija: qawwija fil-mod kif imexxu ħajjithom, il-familja tagħhom, ix-xogħol tagħhom, il-fidi tagħhom. Dawn ħutna huma qaddisin, qaddisin tal-ħajja ta’ kuljum, qaddisin moħbija f’nofsna: iġorru sewwa sew id-don tal-qawwa biex iwettqu d-dmir tagħhom ta’ persuni, ta’ missirijiet, ta’ ommijiet, ta’ aħwa, ta’ ċittadini. Minnhom għandna ħafna! Irroddu ħajr lill-Mulej għal dawn l-Insara li jġorru qdusija moħbija: hu l-Ispirtu s-Santu li għandhom ġo fihom li jmexxihom! U nagħmlu sew naħsbu f’dawn in-nies: jekk huma qed jagħmlu dan kollu, jekk huma kapaċi jagħmluh, għax mhux jien ukoll? U nagħmlu sew nitolbu lill-Mulej jagħtina d-don tal-qawwa.

Ma rridux naħsbu li d-don tal-qawwa neħtieġuh biss f’xi okkażjonijiet jew sitwazzjonijiet partikulari. Dan id-don irid ikun in-nota bażika tal-jien Nisrani tagħna, fl-ordinarjetà tal-ħajja tagħna ta’ kuljum. Kif għidt, f’kull ġurnata tal-ħajja tagħna ta’ kuljum irridu nkunu qawwija, għandna bżonn ta’ din il-qawwa, biex nistgħu nibqgħu mmexxu ħajjitna, il-familja tagħna, il-fidi tagħna. L-Appostlu Pawlu qal frażi li nagħmlu sew nisimgħuha: ‘Għal kollox niflaħ bis-saħħa ta’ dak li jqawwini’ (Filippin 4:13). Meta nħabbtu wiċċna mal-ħajja ordinarja, meta jiġu d-diffikultajiet, niftakruha din: ‘Għal kollox niflaħ bis-saħħa ta’ dak li jqawwini.’ Il-Mulej jagħti l-qawwa, dejjem, qatt ma jħallina nieqsa minnha. Il-Mulej ma jippruvaniex iżjed milli nifilħu. Hu dejjem magħna. ‘Għal kollox niflaħ bis-saħħa ta’ dak li jqawwini.’

Għeżież ħbieb, xi kultant jista’ jkollna t-tentazzjoni li nħallu l-għażż jirbaħna, jew agħar, il-qtiegħ il-qalb, fuq kollox quddiem it-taħbit u l-provi tal-ħajja. F’dawn il-każi, ejjew ma naqtgħux qalbna, insejħu l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, biex bid-don tal-qawwa jerfa’ lil qalbna u jimla b’qawwa u ħeġġa ġdida lil ħajjitna u l-mixja tagħna wara Ġesù.”

  • U int, kemm titlob għad-don tal-qawwa biex bħal San Ewsebju jirnexxielek twettaq ir-rieda ta’ Alla fost ħafna kuntrarju u kurrenti opposti?

Talba: Agħtina l-grazzja, Mulej Alla tagħna, li nistqarru bis-sħiħ li Ibnek huwa Alla, kif xandar b’qawwa kbira l-Isqof San Ewsebju, u agħmel li nħarsu l-fidi kif hu għallimhielna, biex ikollna sehem fil-ħajja tal-istess Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-eusebius-of-vercelli/

Alternative Reading: https://www.catholicireland.net/saintoftheday/st-eusebius-of-vercelli-283-371-bishop-and-preacher-against-arianism/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Eusebius_of_Vercelli

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

1 ta’ Awwissu: San Alfons Marija De Liguori

Verżjoni Vidjo: San Alfons Marija De Liguori

“Il-Mulej jaqtagħalhom xewqithom lil dawk li jibżgħu minnu, jisma’ l-għajta tagħhom, u jsalvahom. Iħares il-Mulej lil ħbiebu kollha. Kull min hu mwieled minn Alla ma jagħmilx dnub, għax iż-żerriegħa ta’ Alla tibqa’ fih.” – Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Alfons Marija De Liguori (Salm 144(145):19-20; 1 Ġwanni 3:9).

santo-afonso-1.jpg

SAN ALFONS MARIJA DE LIGUORI
Isqof u Duttur tal-Knisja
1696 – 1787

Tagħrif: San Alfons twieled f’Marianella, qrib Napli, l-Italja, fil-21 ta’ Settembru, 1696. Kien student intelliġenti ħafna, tant li fl-1713, fl-età ta’ 16-il sena kien ġa kiseb id-dottorat fil-liġi ċivili u fil-liġi kanonika, b’dispensa ta’ erba’ snin qabel iż-żmien, mill-Università ta’ Napli.

Sentejn wara beda jipprattika ta’ avukat, iżda wara tmien snin meta kien ġa akkwista fama kbira, u kellu quddiemu futur brillanti, tilef kawża importanti ħafna. Din kienet daqqa ta’ ħarta kbira għalih, u għallmitu x’kienet taf tagħti d-dinja. Hu stess qal: “Ja dinja, issa għaraftek. U intom ja qrati, qatt mhu ser tarawni aktar hawn ġew.”

Wara xi xahar iddeċieda li jħalli l-professjoni tiegħu u jidħol patri. Fil-fatt ma damx ma beda jistudja t-teoloġija mal-patrijiet Lazzaristi. Dan ġara fl-1723. Fl-1726 ordna saċerdot, u ntefa’ b’ruħu u b’ġismu jipprietka u jqarar.

Fl-1731, hu mar Scala, u bil-għajnuna tal-Isqof tal-post u ta’ saċerdot ieħor waqqaf l-Ordni tas-Sorijiet Redentoristi. Sena wara, fi Scala wkoll, waqqaf il-Patrijiet Redentoristi, bil-għan prinċipali li jiddedikaw ruħhom għall-prietki, jagħtu l-irtiri, jagħmlu l-missjonijiet u attivitajiet spiritwali oħra. Fl-1743, San Alfons kien elett Superjur Ġenerali, u fl-1749 il-Papa Benedittu XIV għaraf uffiċjalment l-Ordni.

Fl-1762, meta San Alfons kellu 65 sena, il-Papa Klement XIII ħatru Isqof ta’ Santa Agata dei Goti. Tlettax-il sena wara rriżenja minħabba saħħtu, ħalla d-djoċesi u mar jgħix f’Noċera f’wieħed mill-kunventi ta’ l-Ordni tiegħu.

Sfortunatament, ir-Redentoristi kellhom ħafna nkwiet intern. Fl-1780, qarrqu bih, u ffirma dokument li qasam l-Ordni tiegħu f’żewġ gruppi. Meta sama’ x’kien għamel iddispjaċih ħafna. Iżda erba’ snin biss wara mewtu, iż-żewġ gruppi reġgħu ngħaqdu.

San Alfons miet f’Noċera, fl-1 ta’ Awwissu 1787, ta’ 91 sena. L-iktar kotba magħrufin tiegħu huma “It-Teoloġija Morali,” “Il-Glorji ta’ Marija,” u “Il-Visti lil Ġesù Sagramentat.” Fl-1839, il-Papa Girgor XVI ikkanonizzah, u l-Papa Piju IX iddikjarah Duttur tal-Knisja fl-1871.

Aktar dettali
San Alfons kien iben ta’ kaptan tax-xwieni rjali. Meta kien qed jagħti rtir f’kunvent tas-sorijiet fi Scala, iltaqa’ ma’ Swor Marija Celeste u għarrfitu b’viżjoni li kellha dwar twaqqif ta’ ordni reliġjuża ġdida – u li kienet taqbel ma’ viżjoni oħra li l-Isqof Falcoia kellu aktar qabel f’Ruma. Il-qaddis għaraf li l-viżjoni kienet ġenwina. Alfons għalhekk, sena wara (fl-1731), organizza l-kunvent tas-sorijiet skont ir-regola li Swor Celeste kellha fil-viżjoni, u twaqqfet il-kongregazzjoni tas-sorijiet tas-Santissimu Redentur.

Hu mar joqgħod fi Scala fejn hemm ta bidu għat-twaqqif tal-fergħa tal-irġiel tal-Kongregazzjoni tas-Santissimu Redentur, imsejħin Redentoristi. Dawn huma ddedikati biex jipprietkaw missjonijiet speċjalment fi nħawi traskurati. L-ordni tar-Redentoristi kibret u fl-1743, il-Kunsill Ġenerali għażel lil Alfons bħala superjur.

Matul il-biċċa l-kbira tal-91 sena ta’ ħajtu, San Alfons kellu vot li ma jaħlix mument żmien. Barra li pprietka kemm felaħ missjonijiet fil-kampanja u fl-irħula, iddedika ruħu għall-kitba. Irrifjuta li jsir Isqof ta’ Palermo, imma fl-1762 kien imġiegħel jaċċetta li jsir Isqof ta’ Sant’Agata dei Goti ħdejn Napli.

Huwa inawgura programm maħsub biex jirriforma l-kleru, il-monasteri, u d-djoċesi kollha kemm huma, u ħabrek biex itaffi l-kundizzjonijiet tal-fqar u tal-injoranza.

Marid u batut bir-rewmatiżmu, li ħallieh ipparalizzat sakemm miet, huwa rriżenja minn isqof fl-1775 (wara li kien ilu 13-il sena) u rtira f’Noċera. Fl-aħħar snin ta’ ħajtu, meta naqaslu ħafna d-dawl ta’ għajnejh, sofra ħafna minħabba l-ordni tiegħu. Fl-aħħar ftit snin ta’ ħajtu sofra wkoll minn dipressjoni kbira spiritwali u għadda minn dak li hu msejjaħ il-lejl mudlam tar-ruħ. Imma mbagħad dan l-istat inbidel fi żmien ta’ paċi u dawl mis-sema, u esperjenza viżjonjiet, estasijiet u anki pprofetizza ġrajjiet li seħħew wara.

Ħsieb: Qari mill-Opri tal-Isqof San Alfons Marija de’ Liguori bit-titlu ‘L-imħabba ta’ Kristu’:

“Il-qdusija u l-perfezzjoni spiritwali tinsab kollha fl-imħabba lejn Ġesù Kristu, Alla tagħna, li hu l-aqwa ġid u l-Feddej tagħna. L-imħabba hi dik li tgħaqqad flimkien u tħares il-virtujiet kollha li jagħmlu lill-bniedem perfett.

Forsi Alla ma jistħoqqlux l-imħabba kollha tagħna? Hu ħabbna sa minn dejjem. Huwa jgħidilna: ‘Ġib quddiem għajnejk, ja bniedem, li jien ħabbejtek l-ewwel. Kont għadek ma rajtx id-dawl, id-dinja kienet għadha ma saritx, imma jien kont ġa ħabbejtek. Ili nħobbok minn kemm ili neżisti.’

Alla jaf li l-bniedem jinġibed lejn min jagħmillu l-ġid, u għalhekk ried jagħtih id-doni tiegħu biex iħajru jintrabat miegħu bl-imħabba: “Irrid naqbad lill-bnedmin għal imħabbti bl-istess xbiek li huma stess iħallu ‘l min jaqbadhom: bix-xbiek tal-imħabba.”

Kien għalhekk li hu ta dawk id-doni kollha lill-bniedem. Tah ir-ruħ, u żejjinhielu bil-memorja u d-dehen u r-rieda biex ikun jixbah lilu; tah il-ġisem mogħni bis-sensi; u ħalaq għalih is-smewwiet u l-art bit-tiżjin kollu tagħhom. Dan kollu għamlu għall-imħabba tal-bniedem, biex il-ħlejjaq kollha jaqdu lill-bniedem, u l-bniedem iħobb lil Alla biex iroddlu ħajr għal dan il-ġid kollu.

U mhux biss ried jagħtina dawn il-ħlejjaq sbieħ, imma, biex nagħtuh imħabbitna, wasal ukoll li jagħtina lilu nnifsu kollu kemm hu. Huwa tana lil Ibnu l-waħdieni: sa hawn wasal il-Missier etern! Huwa rana lkoll mejtin minħabba dnubietna, rana nieqsa mill-grazzja tiegħu; x’għamel? L-imħabba bla tarf li għandu għalina ġagħlitu jibgħtilna lil Ibnu l-għażiż, biex iħallas għalina u jroddilna l-ħajja li tlifna bid-dnub.

Biex jeħles lilna, anqas lil Ibnu stess ma ħelisha, imma tah għalina, u flimkien miegħu tana kull ġid, jiġifieri, il-grazzja, l-imħabba u l-ġenna, ġid li żgur huwa inqas minn Ibnu: Hu, li anqas lil Ibnu stess ma ħelisha, imma tah għalina lkoll, kif ma jagħtiniex ukoll kollox miegħu?”

“Din hi l-paċi li tibqa’ għal dejjem, li fl-esperjenza tal-qaddisin, tegħleb kull għerf. Tgħaddi kull pjaċir li jegħleb kull sodisfazzjon mis-sensi, minn laqgħat soċjali, xalati u pjaċiri oħra tad-dinja; huma kemm huma fiergħa u qarrieqa, isaħħru s-sensi għal dak il-mument, imma ma jagħtux il-ferħ dejjiemi; minflok iweġġgħu lill-bniedem fil-qiegħ ta’ ruħu fejn tassew jinsab il-veru paċi.” ~ San Alfons Marija de Liguori

Meta San Alfons induna li kien ittradut, beka bil-kbir. Ipprova bil-kwiet u bl-ordni jirranġa l-iżball għalkemm ma rnexxilux, iżda qatt ma tilef il-paċi ta’ qalbu. Ġesù wkoll kien ittradut b’bewsa!

  • Jekk qatt xi ħadd jidħak bik (jingannak, jittradik, iqarraq bik, issirlek xi inġustizzja) x’ser tagħmel malli tintebaħ b’dak li jkun ġralek?
  • Ser tnissel fik mibegħda, ser tpatti u tivvendika ruħek?

Talba: O Alla, int dejjem ixxettel fil-Knisja tiegħek eżempji ġodda tal-virtù; agħtina li, fil-ħidma għall-erwieħ, ikollna l-ħerqa tal-Isqof San Alfons Marija de’ Liguori, biex miegħu nissieħbu fil-premju tas-sema. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-alphonsus-liguori/

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-alphonsus-liguori-550

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Alphonsus_Liguori

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started