8 ta’ Novembru: Santa Eliżabetta tat-Trinità

Verżjoni Vidjo: Santa Eliżabetta tat-Trinità

“Meta Ġesù għamel fija l-għamara tiegħu, meta Alla ħa pussess tant tajjeb tal-qalb tiegħi, minn dak il-waqt, minn dak il-kunċert misterjuż, minn dik il-laqgħa divina u delikata, ma kelli l-ebda ispirazzjoni oħra ħlief li nagħti ħajti sabiex nirritorna xi ftit għal din l-imħabba kbira tiegħu. Lill-Maħbub Ewkaristiku li straħ fil-qalb dgħajfa tiegħi, filwaqt li mlieha bil-grazzji kollha tiegħu.” – Minn poeżija ta’ Santa Eliżabetta tat-Trinità

arton5501SANTA ELIŻABETTA TAT-TRINITÀ
Soru Karmelitana
1880  – 1906

Tagħrif: Hija twieldet filgħodu fit-18 ta’ Jannar 1880, f’kamp/sptar tal-militar, ladarba missierha kien Kaptan fl-Armata Franċiża. Missierha kien il-Kaptan Francois Joseph Catez u ommha, Marija Rolland. Tgħammdet nhar it-22 ta’ Lulju, fil-festa ta’ Santa Marija Maddalena u ġiet imsejħa Maria Ġużeppa Eliżabetta. Meta miet missierha, kellha 7 snin u dan ġegħelha taħseb fil-fond u fit-tul fuq l-eternità.

Il-karattru tagħha ma kienx wieħed faċli. L-istorja tagħha tgħidilna li kienet sensittiva, ta’ rasha u jitlagħlha malajr. Madankollu t-tifla kellha qalbha miftuħa beraħ. Tant hu hekk li meta seħħilha tagħmel l-ewwel qrara tagħha kienet determinata li tibda gwerra dejjiema kontra l-karattru diffiċli tagħha. Fil-kitbiet tagħha Eliżabetta ssejjaħ dan il-jum partikulari fil-mixja spiritwali tagħha bħala “il-ġurnata tal-konverżjoni tiegħi.” Hija baqgħet tissielet mal-karattru tagħha sal-età ta’ 19-il sena. Wara li rċeviet lil Ġesù għall-ewwel darba fit-Tqarbin Imqaddes Eliżabetta kellha l-grazzja żżur ma’ ommha l-Karmelu ta’ Dijon. Jumejn wara din iż-żjara l-Madre kitbitilha hekk liċ-ċkejkna: “Binti hemm misteru kbir moħbi wara ismek… inti jismek ‘Dar ta’ Alla.’ Hemm qegħdin jgħammru t-Tlieta li inti tħobb.” Minn hemm ‘il quddiem Sabeth, l-isem li bih kienet magħrufa Eliżabetta, bdiet mixja profonda ta’ għarfien ta’ din ir-realtà daqshekk kbira u ta’ sbuħija mill-aqwa.

Meta kellha 14-il sena bdiet tħoss l-istedina ta’ Ġesù li jgħarrasha miegħu. Kien hawn fejn Sabeth sabet ostakolu kbir: ommha. Dan il-fatt iżda ma gerrixx lil Sabeth milli tgħix ħajjitha b’serenità. Tant hu hekk li ssuktat timxi ‘l quddiem fil-mogħdija mużikali tagħha bħala pjanista. Ħilitha tant kemm kienet kbira li fuq fomm kulħadd kien hemm l-istess għajta: x’futur sabiħ kien hemm lest għal Sabeth! Sabeth kienet ukoll tagħti daqqa t’id fil-parroċċa fejn kienet tgħix permezz tat-tagħlim tal-Katekiżmu, id-daqq tal-orgni u l-organizzazzjoni taż-żgħażagħ.

L-affarijiet ħadu xejra differenti f’ħajjitha meta għalqet 21 sena. Kien f’din l-età li ommha ċediet u tatha l-barka tagħha biex tkun tista’ tidħol fil-Karmelu ta’ Dijon. Hija daħlet nhar il-Festa tal-Porzjunkola, jiġifieri nhar it-2 t’Awwissu, 1901. Sabeth libset il-libsa kkonsagrata Karmelitana nhar it-8 ta’ Diċembru tal-istess sena u s-superjuri tagħha tawha l-isem ta’ Swor Eliżabetta tat-Trinità. In-novizzjat għaliha kien mument ta’ prova kbira. Batiet fuq li batiet f’ruħha. Madankollu wara xitwa qalila tan-novizzjat hekk kif għamlet il-professjoni reliġjuża tagħha dehret b’mod tal-għaġeb għaliha rebbiegħa ta’ grazzji kbar. Aktar ma bdiet tikber fil-grazzja tal-Mulej aktar Eliżabetta bdiet tagħraf li s-sejħa tagħha fil-Knisja kienet ‘avvent ieħor’ li kellu bħala għan l-Inkarnazzjoni tal-Verb fl-erwieħ tal-bnedmin.

Is-sinsla tal-ħajja spiritwali tal-Beata Eliżabetta kienu l-kliem ta’ Ġesù fil-Vanġelu skont San Ġwann: “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu” (Ġwanni 14:23). Bil-qawwa tal-grazzja ta’ Alla li fiha saret xmara ta’ ilma frisk u ħaj Eliżabetta bdiet tgħix ħajja mill-aktar maqgħuda mat-Trinità li kienet tħoss tgħix ġewwa fiha. Ta’ għalliema għarfa u umli li kienet Eliżabetta għaddiet it-teżor tal-esperjenza tagħha lil ħaddieħor. Eliżabetta kitbet mat-13-il meditazzjoni lil oħtha Margaret u semmiethom “Kif issib il-Ġenna fl-art.” Misjuqa mill-prijura tagħha Eliżabetta kitbet il-meditazzjonijiet li għamlet fl-aħħar irtir tagħha hawn fl-art.

F’Ġunju tal-1903 Eliżabetta tat bidu għall-kalvarju tagħha fl-art. Kien f’din is-sena li mardet bl-Addison Disease. Minkejja li kienet fl-eħrex tbatija fuq is-salib tal-mard tagħha Eliżabetta aktar issuktat titwaħħad ma’ Kristu Msallab. L-imħabba tagħha għalih wasslitha biex toffri tbatijietha għas-salvazzjoni tal-erwieħ u biex il-Knisja tissokta tissaħħaħ. Aktar ma Eliżabetta ngħatat lilha innifsha għall-Mulej permezz tal-offerta ta’ tbatijietha aktar bdiet tara l-grazzja tiegħu tfur minn ġo fiha għall-oħrajn. Il-grazzja tal-Mulej fiha tant kemm kienet qawwija li Eliżabetta bdiet issejjaħ lilha nfisha “Tifħir tal-Glorja.” Dan kien l-għan aħħari u ewlieni ta’ ħajjitha. U xtaqet li tkun hekk mhux biss fis-sema imma, u fuq kollox, minn din id-dinja stess!

F’Novembru, tal-1904 Eliżabetta, imnebbħa minn Alla Trinità, l-għaxqa ta’ dak kollu li hi, kitbet b’tant imħabba t-talba tagħha lit-Trinità. F’din it-talba ta’ Eliżabetta wieħed ma jistax ma japprezzax il-profondità tal-għaqda tagħha mal-qalba tal-misteru tal-fidi tagħna Nisranija. L-aħħar kliem li lissnet fuq din l-art huma xhieda ta’ kemm l-għaqda tagħha mat-Trinità kienet tassew profonda: “Sejra lejn id-Dawl, lejn l-Imħabba, lejn il-Ħajja.”

Eliżabetta marret fid-Dar ta’ Missierna tas-Sema nhar id-9 ta’ Novembru, 1906. Kien nhar il-25 ta’ Novembru, tal-1984 meta Eliżabetta tat-Trinità ġiet ibbeatifikata fil-Bażilika Vatikana flimkien ma’ José Manyanet y Vives u Daniel Brottier. Min jista’ jinsa l-kliem tassew sabiħ li ħarġu minn fomm San Ġwanni Pawlu II fl-omelija tal-beatifikazzjoni tagħha:

“Illum nippreżentaw lid-dinja lil din ir-reliġjuża klawstrali li għexet ħajja ‘moħbija flimkien ma’ Kristu f’Alla’ (Kolossin 3:3) l-għaliex hija xhieda imdawla tal-ferħ li wieħed ikun miżrugħ u msejjes fl-imħabba (Efesin 3:17). Hija tiċċelebra l-isplendur ta’ Alla l-għaliex għexet fil-qalba tal-preżenza tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u li fihom għarfet ir-realtà ħajja tal-imħabba bla tmiem” (nru.5).

Hija ġiet iddikjarata qaddisa fis-16 ta’ Ottubru 2016 minn Papa Franġisku.

Ħsieb: Talba sabiħa ta’ Santa Eliżabetta tat-Trinità:

“O Alla tiegħi, Trinità li nqim, għinni ninsa għal kollox lili nnifsi biex ngħammar fik, fis-sod u fis-sliem qisha ruħi ġa qiegħda fl-eternità; jalla xejn ma jkun jista’ jtellifli s-sliem jew iġegħelni nitbiegħed minnek, o Alla tiegħi li fik ma hemmx tibdil, iżda kull minuta teħodni aktar ‘il bogħod fil-fond tal-Misteru tiegħek! Agħti s-sliem lil ruħi. Agħmilha l-ġenna tiegħek, l-għamara għażiża tiegħek u l-post tal-mistrieħ tiegħek. Jalla ma nħallik qatt waħdek, imma nkun hemm jien, kollni kemm jien, dejjem nishar fil-fidi tiegħi, dejjem inqimek, dejjem mogħtija għall-ħidma ħallieqa tiegħek.”

Dan hu kliem Eliżabetta, f’waħda mill-ittri li kitbet lil oħtha:

“Oħt għażiża, jeħtieġ li tħassar il-kelma ‘skuraġġament’ mill-vokabularju tiegħek tal-imħabba; aktar ma tagħraf id-dgħufija tiegħek, id-diffikultà biex tinġabar, aktar mal-Imgħallem jidher moħbi, aktar għandek tifraħ għax aktar tkun qiegħda tagħtih, u mhux aħjar tagħti milli tirċievi meta wieħed ikun iħobb? Alla qal lil San Pawl: ‘biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi, il-qawwa tiegħi tidher fejn hemm id-dgħajjef’ (2 Korintin 12:9), u l-qaddis kbir dan fehmu tant tajjeb li għajjat: ‘niftaħar minn qalbi l-aktar bid-debbulizzi tiegħi biex il-qawwa ta’ Kristu tgħammar fija.’ X’jimporta għalhekk dak li nħossu? Hu l-immutabbli, Dak li ma jinbidel qatt: iħobbok illum, bħalma kien iħobbok il-bieraħ u bħalma se jħobbok għada.”

Dan kliem li qalet il-qaddisa lill-Madre tagħha ftit qabel mewtha:

“Madre għażiża, qabel ma nitlaq se nħallilek bħala wirt din il-vokazzjoni li kelli fi ħdan il-Knisja u li minn issa se naqdiha bla ebda waqfien fil-Knisja tas-sema: inkun tifħir ta’ sebħ lit-Trinità Qaddisa.”

L-għerf li kellha Eliżabetta tat-Trinità kien matur u sod. Il-ħajja spiritwali tagħha kienet żviluppata ħafna qabel ma daħlet fil-Karmelu. Hija ħallitilna ħafna fuq xiex naħsbu qabel ma mietet fl-età żgħira ta’ sitta u għoxrin sena. Hi tat imħabbitha għall-ħajja spiritwali u għax-xewqa tagħha li kulħadd għandu jikber f’din il-ħajja, l-Insara kollha. Hija esprimiet dak li riedet tagħmel fis-sema bil-kliem li ġej:

“Naħseb li fis-sema l-missjoni tiegħi se tkun li niġbed l-erwieħ billi ngħinhom joħorġu minnhom infushom sabiex jigranfaw ma’ Alla b’moviment sempliċi u ta’ mħabba totali, u biex iżommu lilhom infushom f’dan is-silenzju kbir ġewwa fihom, li jħalli lil Alla jikkomunika lilu nnifsu lilhom u jittrasformahom Fih innifsu.”

B’dawn il-ħsibijiet profondi, il-qaddisa tal-lum tisfida lin-Nisrani ta’ żminijietna u lilek li qed taqra bħalissa, biex tieqaf, tagħti ħarsa u titwila tajba lejk innifsek u tistaqsi:

  • Fejn jiena sejjer/sejra?
  • X’tip ta’ prijorità għandu Alla fil-ħajja tiegħi?
  • Kif qed nitrasforma lili nnifsi f’Alla?
  • Nixtieq li ħajti tkun xhieda mdawla tat-Trinità Qaddisa?
  • Nixtieq li ħajti tkun ċelebrazzjoni waħda tal-isplendur ta’ Alla Trinità, li ħalaqni fuq xbiehetu u fdieni b’mod tal-għaġeb?
  • Nixtieq li ħajti tkun “Tifħir tal-Glorja” bħalma kienet dik tal-Beata Eliżabetta tat-Trinità?

Talba: Verb Etern, Kelma ta’ Alla tiegħi, irrid ngħaddi ħajti nisimgħek: irrid noqgħod dejjem attenta biex nitgħallem kollox mingħandek. Ammen. (Talba ta’ Santa Eliżabetta tat-Trinità)

O Alla tiegħi, Trinità li nadura, għinni biex ninsa għal kollox lili nnifsi ħalli nistabbilixxi ruħi fik, ħiemda bla ma nitħarrek bħallikieku ruħi ġa qiegħda fl-eternità! Jalla xejn ma jtellifni l-paċi tiegħek jew joħroġni minnek. Ammen. (Talba ta’ Santa Eliżabetta tat-Trinità)

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/news/33532/who-was-elizabeth-of-the-trinity-the-story-behind-a-new-saint

Alternative Reading: http://www.helpfellowship.org/Blessed_Elizabeth_of_the_Trinity.htm

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Elizabeth_of_the_Trinity

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei u minn kitba ta’ Patri Mario Attard OFM Cap.

Design a site like this with WordPress.com
Get started